3.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 213/21 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Varna (il-Bulgarija) fl-10 ta’ April 2017 – Nachalnik na Mitnitsa Varna vs Saksa OOD
(Kawża C-185/17)
(2017/C 213/27)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad Varna
Partijiet fil-kawża prinċipali
Appellanti fil-kassazzjoni: Nachalnik na Mitnitsa Varna
Parti oħra fil-proċedura: Saksa OOD
Domandi preliminari
1) |
Ir-regola li tinsab fl-ispjegazzjonijiet tat-tabella 3 tal-istandard EN 590 (li issa sar l-istandard EN 590:2014), li tipprovdi li “huwa possibbli li d-definizzjoni taż-żjut tal-gass fis-sens tat-tariffa doganali tal-Unjoni Ewropea ma tiġix applikata għall-klassijiet intiżi li jintużaw fi klima artika jew f’kundizzjonijiet xitwin qliel”, tfisser li, għal dan it-tip ta’ karburant, huwa possibbli li ma jiġux applikati r-regoli ġenerali tan-nota komplementari 2 tal-Kapitolu 27(d) u (e) tat-Tariffa Doganali Komuni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija? |
2) |
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u jekk jiġi stabbilit li l-merkanzija suġġetta għal dazji doganali tikkorrispondi għad-definizzjoni tal-“karburant diżil intiż sabiex jintuża fi klima artika jew f’kundizzjonijiet xitwien qliel”, konformement mal-kriterji tal-istandard EN 590, din il-merkanzija għandha tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi tariffarju 2710 19 43 tan-Nomenklatura Magħquda, li tikkorrispondi għall-“żjut tal-gass” jew inkella għandhom jiġu applikati r-regoli ġenerali tan-nota komplementari 2 tal-Kapitolu 27(d) u (e) tat-Tariffa Doganali Komuni? |
3) |
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat meta tapplika d-definizzjoni taż-żjut tal-gass skont it-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni Ewropea u meta jkun meħtieġ li jintużaw ir-rekwiżiti u l-metodi ta’ eżami tal-istandard EN 590 għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija? |
4) |
Il-metodi u l-indikaturi ta’ analiżi li jinsabu fin-nota komplementari 2 tal-Kapitolu 27(d) u (e) tat-Tariffa Doganali Komuni huma suffiċjenti sabiex merkanzija tiġi kkaratterizzata kompletament u preċiżament bħala “żjut tal-gass” jew għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indikaturi kimiċi kollha li huma karatteristiċi tal-imsemmija merkanzija? |