22.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja) fit-3 ta’ Marzu 2017 – UAB “AVIABALTIKA” vs AB Ūkio bankas, fi stralċ

(Kawża C-107/17)

(2017/C 161/14)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiasis Teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UAB “AVIABALTIKA”

Konvenut: AB Ūkio bankas, fi stralċ

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li tistabbilixxi li l-garanzija finanzjarja ma għandhiex tkun tifforma parti mill-assi rimanenti wara l-falliment tal-benefiċjarju tal-garanzija (tal-bank fi proċedura ta’ falliment)? Fi kliem ieħor, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw leġiżlazzjoni li tippermetti lill-benefiċjarju tal-garanzija (lill-bank) li de facto jissodisfa l-kreditu tiegħu, li jkun iggarantit b’garanzija finanzjarja (jiġifieri mill-fondi li jinsabu fil-kont bankarju u mid-dritt ta’ kreditu fuq dawn il-fondi), minkejja li l-avveniment li jwassal għall-eżekuzzjoni tal-garanzija finanzjarja jseħħ wara l-ftuħ tal-proċeduri ta’ stralċ tal-benefiċjarju tal-garanzija (il-bank)?

2)

Fid-dawl tal-istruttura tad-Direttiva 2002/47, l-Artikolu 4(1) u (5) għandu jiġi interpretat sistematikament bħala li jagħti lill-fornitur tal-garanzija d-dritt li jirrikjedi li l-benefiċjarju tal-garanzija (il-bank) jissodisfa l-kreditu tiegħu, li huwa iggarantit b’garanzija finanzjarja (mill-fondi li jinsabu fil-kont bankarju u mid-dritt ta’ kreditu fuq dawn il-fondi), fl-ewwel lok billi jdur kontra l-garanzija finanzjarja u bħala jimponi l-obbligu korrispondenti fuq il-benefiċjarju tal-garanzija li jottempora ruħu ma’ tali rikjesta, minkejja li jkunu diġà inbdew il-proċeduri ta’ stralċ kontrih?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda u jekk il-fornitur tal-garanzija jħallas il-kreditu ggarantit tal-benefiċjarju tal-garanzija permezz ta’ attiv ieħor li jappartjenu lilu, id-Direttiva 2002/47 u b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 8 tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jkun hemm deroga, għall-benefiċċju tal-fornitur tal-garanzija, mill-ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri tal-benefiċjarju tal-garanzija (tal-bank) li jkun fi proċedura ta’ stralċu li dan tal-aħħar għandu jingħata preferenza fuq il-kredituri l-oħra fil-kuntest tal-imsemmija proċedura sabiex ikun jista’ jirkupra l-garanzija finanzjarja?


(1)  Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ġunju 2002, dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 89)