24.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/10


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-93/17)

(2017/C 129/12)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouchagiar u B. Stromsky)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet

tikkonstata li billi ma adottatx miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-485/10, EU:C:2012:395, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din is-sentenza u taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni, fuq il-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 34 974 għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2012 Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-485/10, EU:C:2012:395, li jibdew jgħoddu mid-data meta tingħata din is-sentenza sal-ġurnata meta s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012 tiġi eżegwita;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni fuq il-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, somma f’daqqa miksuba billi l-ammont ta’ kull jum ta’ EUR 3 828 jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ ġranet li jkunu għaddew bejn id-data tal-għoti tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012 u d-data meta l-ksur jintemm jew, f’nuqqas ta’ konformità, fid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fit-2 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2009/610/KE dwar l-għanuna C 16/04 (ex NN 29/04, CP 71/02 u CP 133/05) mogħtija mill-Greċja lill-impriża Hellenic Shipyards SA. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkwalifikat bħala inkompatibbli mas-suq komuni ċerta għajnuna mogħtija lil Hellenic Shipyards u ordnat l-irkupru ta’ din l-għajnuna, flimkien mal-interessi kurrenti sad-data tal-irkupru sħiħ ta’ din l-għajnuna.

Fit-8 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 108(2) TFUE (Kawża C-485/10). Fit-28 ta’ Ġunju 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li billi ma ħaditx, fit-termini stabbiliti, il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/610/KE, tat-2 ta’ Lulju 2008, dwar l-għajnuna C 16/04 (ex NN 29/04, CP 71/02 u CP 133/05) mogħtija mill-Greċja lill-impriża Hellenic Shipyards SA, u billi ma ppreżentatx lill-Kummissjoni Ewropea, fit-terminu stabbilit, l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 19 ta’ din id-deċiżjoni, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 3, 5, 6, 8, 9 u 11 sa 19 tal-imsemmija deċiżjoni.

Sa fejn ma ħaditx miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2008, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din is-sentenza u tal-Artikolu 260(1) TFUE.