8.5.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 144/30 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Portugall) fl-14 ta’ Frar 2017 – Fundo de Garantia Automóvel vs Alina Antónia Destapado Pão Mole Juliana, Cristiana Micaela Caetano Juliana
(Kawża C-80/17)
(2017/C 144/39)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Qorti tar-rinviju
Supremo Tribunal de Justiça
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Fundo de Garantia Automóvel
Konvenuti: Alina Antónia Destapado Pão Mole Juliana, Cristiana Micaela Caetano Juliana
Domandi preliminari
1) |
L-Artikolu 3 [tal-Ewwel] Direttiva tal-Kunsill 72/166/KE (1), tal-24 ta’ April 1972 (fis-seħħ fid-data tal-inċident) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ teħid ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur japplika wkoll għal sitwazzjonijiet fejn il-vettura, fuq għażla tal-proprjetarju, tinsab wieqfa f’art privata, barra mit-triq pubblika? jew, Indipendentement mir-responsabbiltà li jassumi l-Fundo de Garantia Automóvel [fond ta’ garanzija għal vetturi bil-mutur] fil-konfront ta’ terzi leżi, b’mod speċifiku f’każijiet ta’ użu illegali ta’ vetturi bil-mutur, f’dawk iċ-ċirkustanzi fejn l-obbligu ta’ assigurazzjoni ma kienx jaqa’ fuq il-proprjetarju tal-vettura? |
2) |
L-Artikolu 1(4) [tat-Tieni] Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE (2), tat-30 ta’ Diċembru 1983 (fis-seħħ fid-data tal-inċident) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Fundo de Garantia Automóvel li, fl-assenza ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili, wettaq il-ħlas ta’ kumpens lit-terzi leżi minħabba inċident tat-traffiku kkawżat minn vettura bil-mutur li, mingħajr ma l-proprjetarju kien jaf jew ta l-awtorizzazzjoni tiegħu, tneħħiet mill-art privata fejn kienet wieqfa, għandu d-dritt ta’ surroga fil-konfront tal-proprjetarju tal-vettura, indipendentement mir-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar għall-inċident? jew, Is-surroga tal-Fundo de Garantia Automóvel fil-konfront tal-proprjetarju tiddependi mill-verifika tas-sussistenza ta’ responsabbiltà ċivili, b’mod speċifiku tal-fatt li, fl-okkażjoni li fih seħħ l-inċident, il-proprjetarju ikollu l-kontroll effettiv tal-vettura? |
(1) Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10).
(2) It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3).