8.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/29


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil du Contentieux des Étrangers (il-Belġju) fit-13 ta’ Frar 2017 – X vs Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

(Kawża C-78/17)

(2017/C 144/38)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil du Contentieux des Étrangers

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X

Konvenut: Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

Domandi preliminari

A.

L-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li joħloq klawżola ġdida ta’ esklużjoni għall-istatus ta’ refuġjat previst fl-Artikolu 13 tal-istess direttiva u, konsegwentement, fl-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève?

B.

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda A, l-Artikolu 14(4) hekk interpretat huwa kompatibbli mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Artikolu 78(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt Ewropew idderivat mal-Konvenzjoni ta’ Genève, li l-klawżola ta’ esklużjoni tagħha, prevista fl-Artikolu 1F, hija fformulata b’mod eżawrjenti u hija ta’ interpretazzjoni stretta?

C.

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda A, l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi raġuni għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat li ma hijiex prevista fil-Konvenzjoni ta’ Genève, li r-rispett tagħha huwa impost mill-Artikoli 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u 78(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

D.

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda C, l-Artikolu 14(4) tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq huwa kompatibbli mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Artikolu 78(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt Ewropew idderivat mal-Konvenzjoni ta’ Genève, ġaladarba jistabbilixxi raġuni għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat li, mhux biss ma hijiex prevista mill-Konvenzjoni ta’ Genève, iżda barra minn hekk ma ssib ebda bażi fiha?

E.

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għad-domandi A u C, kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 14(4) tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq b’mod konformi mal-Artikolu 18 tal-Karta u mal-Artikolu 78(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt Ewropew idderivat mal-Konvenzjoni ta’ Genève?


(1)  Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, p. 9).