3.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/35


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fl-24 ta’ Jannar 2017 – Eamonn Donnellan vs The Revenue Commissioners

(Kawża C-34/17)

(2017/C 104/51)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Eamonn Donnellan

Konvenut: The Revenue Commissioners

Domandi preliminari

L-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2010/24/UE (1) jipprekludi lil High Court of Ireland, meta tiġi ddeterminata n-natura eżekuttiva fl-Irlanda ta’ “strument uniformi li jippermetti l-infurzar”, maħruġ fl-14 ta’ Novembru 2012 mill-uffiċċju doganali ta’ Patras, dwar penalitajiet u sanzjonijiet pekunarji amministrattivi fl-ammont ta’ EUR 1 097 505,00 imposti fil-15 ta’ Lulju 2009 għal allegat kuntrabandu fis-26 ta’ Lulju 2002 [li żdied għal EUR 1 507 971,88 bl-interessi u l-penalitajiet], milli:

(i)

tapplika, fir-rigward tat-talba għal eżekuzzjoni, id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli għal ċittadin Irlandiż u tal-Unjoni [(ara l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB, kif ukoll l-Artikoli 34, 38 u 40.3 tal-Kostituzzjoni Irlandiża li jagħtu drittijiet paragunabbli liċ-ċittadini)], f’ċirkustanzi fejn il-proċedura kkonċernata ġiet spjegata għall-ewwel darba lir-rikorrent biss permezz ta’ “traduzzjoni mhux uffiċjali” bl-Ingliż (waħda mill-lingwi uffiċjali fl-Irlanda fejn ir-rikorrent dejjem irrisjeda) b’ittra datata 29 ta’ Diċembru 2015 mill-ministeru tal-finanzi tar-Repubblika Ellenika f’Piraeus lill-awtorità tat-taxxa Irlandiża kif ukoll lis-solicitors ta’ D fl-Irlanda.

(ii)

tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tad-Direttiva 2010/24/UE li tipprovdi assistenza reċiproka (premessa 20 tad-Direttiva 2010/24/UE) u li tosserva l-obbligu li tipprovdi assistenza usa’ li tirriżulta mill-KEDB (premessa 17 tad- Direttiva 2010/24/UE) bħad-dritt taċ-ċittadini għal rimedju effettiv, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 13 tal-KEDB;

(iii)

tikkunsidra l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni għaċ-ċittadini tagħha [u, b’mod partikolari, il-punt 63 tas-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Kyrian, C-233/08, EU:C:2010:11].?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE, tas-16 ta’ Marzu 2010, dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru tat-talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU 2010, L 84, p. 1).