15.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 151/14


Appell ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2017 minn Birkenstock Sales GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fid-9 ta’ Novembru 2016 fil-Kawża T-579/14 – Birkenstock Sales Gmb vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

(Kawża C-26/17 P)

(2017/C 151/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Birkenstock Sales GmbH (rappreżentanti: C. Menebröcker u V. Töbelmann, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Novembru 2016 (Kawża T-579/14) sa fejn din ċaħdet ir-rikors tal-appellanti;

tilqa’ t-talbiet tal-appellanti mressqa fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali li jirrigwardaw il-prodotti li għalihom ir-rikors ġie miċħud;

tikkundanna lill-Uffiċċju għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-Bord tal-Appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.

L-appellanti titlob, minn naħa, li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Novembru 2016 mogħtija fil-Kawża T-579/14 dwar it-trade mark internazzjonali Nru 1132742 tiġi annullata sa fejn din ċaħdet ir-rikors tal-appellanti u, min-naħa l-oħra, li jintlaqgħu t-talbiet magħmula fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali li jirrigwardaw l-prodotti li għalihom ir-rikors ġie miċħud.

2.

Qabelxejn, l-appellanti tinvoka ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (RTUE (1)) sa fejn il-Qorti Ġenerali għamlet applikazzjoni ineżatta għat-trade mark internazzjonali kontenzjuża tal-prinċipji relatati mat-trade marks tridimensjonali. Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tat-trade mark internazzjonali skont il-prinċipji relatati mat-trade marks tridimensjonali, il-Qorti Ġenerali ma ddeterminatx in-“normi u d-drawwiet tas-settur” għall-prodotti kontenzjużi. Finalment, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li applikat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark internazzjonali, kriterji iktar stretti minn dawk previsti fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

3.

Barra minn hekk, l-appellanti tinvoka kontradizzjoni fir-raġunijiet tas-sentenza tal-ewwel istanza sa fejn il-Qorti Ġenerali, filwaqt li kkonstatat li l-karattru distintiv ta’ sinjal għandu jiġi evalwat fuq il-bażi tas-sinjal innifsu, hija madankollu ħadet inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha, kwistjonijiet ta’ użu, u għamlet ukoll riferiment għal waħda mis-sentenzi preċedenti tagħha dwar il-kwistjoni ta’ jekk huwiex possibbli li, għal sinjal, jittieħed inkunsiderazzjoni użu f’żewġ dimensjonijiet u kif ukoll fi tliet dimensjonijiet.

4.

Minbarra dan, l-appellanti tinvoka żnaturament tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, tqis li, sa fejn huwa bbaża ruħu fuq fatti li jirriżultaw mill-esperjenza prattika ġeneralment miksuba mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni u li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd, il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju ma kienx marbut li jsostni l-opinjoni tiegħu li t-trade mark internazzjonali ma kinitx tiddevja b’mod sinjifikattiv mill-użi abitwali tas-settur.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, ĠU L 78, p. 1.