SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

11 ta’ April 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Trade marks – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 9(1) – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 5(1) u (2) – Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark – Trade mark individwali magħmula tikketta ta’ test”

Fil-Kawża C-690/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

ÖKO-Test Verlag GmbH

vs

Dr. Rudolf Liebe Nachf. GmbH & Co. KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: D. Dittert, kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ÖKO-Test Verlag GmbH, minn N. Dinig, Rechtsanwältin,

għal Dr. Rudolf Liebe Nachf. GmbH & Co. KG, minn M. Wiume, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann, J. Techert u U. Bartl, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier, W. Mölls u G. Braun, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ÖKO-Test Verlag GmbH u Dr. Rudolf Liebe Nachf. GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Dr. Liebe”), dwar l-użu ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark individwali magħmula minn tikketta ta’ test.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 207/2009

3

Ir-Regolament Nru 207/2009 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21), li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016. Sussegwentement, ġie abrogat u ssostitwit, b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1). Madankollu, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi eżaminat fid-dawl tar-Regolament Nru 207/2009 fil-verżjoni inizjali tiegħu.

4

Skont il-premessa 8 tar-Regolament Nru 207/2009:

“Il-protezzjoni mogħtija minn trade mark [tal-Unjoni Ewropea], li l-funzjoni tagħha huwa partikolarment li tiggarantixxi t-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini, għandha tkun assoluta f’każ ta’ identiċità bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi. Din il-protezzjoni għandha tapplika wkoll f’każijiet ta’ xebħ bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi. […]”

5

L-Artikolu 9(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   It-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

a)

kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] hija reġistrata;

b)

kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku; il-problabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

c)

kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] hija reġistrata, meta din tal-aħħar għandha reputazzjoni [fl-Unjoni] u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

2.   Dawn li ġejjin, inter alia, huma projbiti taħt il-paragrafu 1:

a)

it-twaħħil ta’ sinjal mal-prodotti jew mal-imballaġġ tiegħu;

[…]”

Id-Direttiva 2008/95

6

Id-Direttiva 2008/95, li abrogat u ssostitwiet l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92) ġiet hi stess abrogata u ssostitwita, b’effett mill-15 ta’ Jannar 2019, bid-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi eżaminat fid-dawl tad-Direttiva 2008/95.

7

Il-premessa 11 tad-Direttiva 2008/95 kienet tipprovdi:

“Il-protezzjoni mogħtija lit-trade marks reġistrati, li l-funzjoni tagħhom hi partikolarment li jiggarantixxu t-trade mark bhala indikazzjoni ta’ oriġini, għandha tkun assoluta fil-każ ta’ identità bejn il-marka u s-sinjal u l-merkanzija jew is-servizzi. Il-protezzjoni għandha tapplika wkoll f’każ ta’ similarità bejn il-marka u l-merkanzija jew is-servizzi. […]”

8

Skont l-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva 2008/95:

“1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

a)

kwalunkwe sinjal li jkun identiku għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata;

b)

kwalunkwe sinjal fejn, minħabba l-identità, jew similarità, tiegħu għat-trade mark u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistipula li l-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ kwalunkwe sinjal li jkun identiku, jew simili, għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li ma jkunux simili għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata, fejn ta’ l-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.

3.   Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

a)

li jitwaħħal is-sinjal mal-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

9

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja użat il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95 bl-adozzjoni tat-tielet punt tal-Artikolu 14(2) tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Trade Marks u Sinjali Distintivi Oħra).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

ÖKO-Test Verlag hija impriża li tevalwa, permezz ta’ testijiet ta’ rendiment u ta’ konformità, prodotti sabiex wara tinforma lill-pubbliku bir-riżultati ta’ dawn l-evalwazzjonijiet. Hija tbigħ rivista li toħroġ fil-Ġermanja u tinkludi, minbarra informazzjoni ġenerali intiża għall-konsumaturi, l-imsemmija riżultati.

11

Sa mis-sena 2012, ÖKO-Test Verlag hija proprjetarja ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, magħmula mis-sinjal segwenti, li jirrappreżenta tikketta intiża sabiex tippreżenta r-riżultat tat-testijiet li jkunu ġew suġġetti għalihom il-prodotti (iktar ’il quddiem it-“tikketta ta’ test”):

Image

12

Hija proprjetarja wkoll ta’ trade mark nazzjonali magħmula mill-istess tikketta ta’ test.

13

Dawn it-trade marks (iktar ’il quddiem, flimkien, imsejħa, it-“trade marks ÖKO-TEST”) huma b’mod partikolari rreġistrati għal prodotti tal-istamperija u għal servizzi li jikkonsistu fit-twettiq ta’ testijiet u fil-provvista ta’ informazzjoni kif ukoll pariri lill-konsumaturi.

14

ÖKO-Test Verlag tagħżel il-prodotti li hija tixtieq tittestja u tevalwahom abbażi ta’ parametri xjentifiċi tagħha stess, mingħajr ma titlob il-kunsens tal-produtturi. Hija sussegwentement tippubblika r-riżultati ta’ dawn it-testijiet fir-rivista tagħha.

15

Skont il-każ, ÖKO-Test Verlag tistieden lill-produttur jikkonkludi kuntratt ta’ liċenzja magħha. Skont tali kuntratt, il-produttur jiġi awtorizzat, kontra l-ħlas ta’ somma flus, iwaħħal it-tikketta ta’ test bir-riżultat (li għandu jintwera fil-kaxxa li l-parametru tagħha jagħmel parti minn din it-tikketta) fuq il-prodotti tiegħu. Tali liċenzja tibqa’ valida sal-mument meta jiġi organizzat test ġdid għall-prodott ikkonċernat minn ÖKO-Test Verlag.

16

Dr. Liebe hija impriża li tipproduċi u tbiegħ dentifriċju, b’mod partikolari tal-gamma “Aminomed”. Fost id-dentifriċji ta’ din il-gamma, il-prodott “Aminomed Fluorid-Kamillen-Zahncreme”, matul is-sena 2005, ġie ttestjat minn ÖKO-Test Verlag u kiseb l-evalwazzjoni “sehr gut” (“tajjeb ħafna”). Dr. Liebe kkonkludiet, matul din l-istess sena, kuntratt ta’ liċenzja ma’ ÖKO-Test Verlag.

17

Matul is-sena 2014, ÖKO-Test Verlag saret taf bil-bejgħ minn Dr. Liebe, ta’ wieħed mill-prodotti tagħha bl-imballaġġ segwenti:

Image

18

ÖKO-Test Verlag bdiet azzjoni ta’ ksur kontra Dr. Liebe quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), fejn sostniet li Dr. Liebe ma kinitx awtorizzata tuża, matul is-sena 2014, it-trade marks ÖKO-TEST abbażi tal-kuntratt ta’ liċenzja konkluż fl-2005, peress li, b’mod partikolari, test ġdid li jinkludi parametri ġodda ta’ evalwazzjoni għad-dentifriċji kien ġie ppubblikat matul is-sena 2008 u li, barra minn hekk, il-prodott ta’ Dr. Liebe ma kienx għadu jikkorrispondi għall-prodott li kien ġie suġġett għat-test li kien sar fl-2005, peress li ismu, id-deskrizzjoni tiegħu kif ukoll l-imballaġġ tiegħu kienu nbidlu.

19

Dr. Liebe sostniet, quddiem din il-qorti, li l-kuntratt ta’ liċenzja, msemmi fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, kien baqa’ fis-seħħ. Hija kkontestat, barra minn hekk, li użat it-tikketta ta’ test inkwantu trade mark.

20

L-imsemmija qorti kkundannat lil Dr. Liebe, u ordnatilha tieqaf tuża t-tikketta ta’ test għall-prodotti fil-gamma “Aminomed”, tirtira l-prodotti kkonċernati mill-kummerċ u tiddistruġġihom. Dr. Liebe kkawżat dannu lit-trade marks ÖKO-TEST, billi użat it-tikketta ta’ test għas-servizzi “informazzjoni u pariri lill-konsumatur”, li jaqgħu taħt is-servizzi li huma rreġistrati għalihom dawn it-trade marks.

21

Dr. Liebe appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja). ÖKO-Test Verlag, min-naħa tagħha, ippreżentat appell inċidentali, fejn talbet li tiġi estiża d-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza għall-użu, minn Dr. Liebe, ta’ ċerti sinjali verbali u figurattivi li ma ġewx irreġistrati bħala trade mark iżda li huma identiċi għat-trade marks ÖKO-TEST.

22

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-qorti tal-ewwel istanza kkunsidrat ġustament li l-kuntratt ta’ liċenzja msemmi fil-punt 16 ta’ din is-sentenza kien intemm qabel is-sena 2014. Minn dan, din il-qorti tiddeduċi li Dr. Liebe użat, fin-negozju, u mingħajr il-kunsens ta’ ÖKO-Test Verlag, sinjal identiku jew simili għat-trade marks ÖKO-TEST.

23

Min-naħa l-oħra, ma huwiex ċert jekk ÖKO-Test Verlag tistax tibbenefika mid-dritt esklużiv tagħha, msemmi fl-Artikolu 9(1)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 207/2009 u fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95, kontra Dr. Liebe. Fil-fatt, is-sinjal identiku jew simili għat-trade marks ÖKO-TEST twaħħal minn Dr. Liebe fuq prodotti li ma huma la identiċi u lanqas simili għal dawk li t-trade marks ÖKO-TEST huma rreġistrati. Barra minn hekk, jista’ jiġi kkunsidrat li dan is-sinjal ma ntużax “bħala trade mark”.

24

L-imsemmija qorti għandha, madankollu, dubji dwar l-approċċ segwit mill-qorti tal-ewwel istanza, li xebbah l-użu, minn Dr. Liebe, tas-sinjal identiku jew simili għat-trade marks ÖKO-TEST għal użu għas-servizzi li dawn it-trade marks ġew irreġistrati għalihom.

25

Hija tistaqsi, fil-fatt, dwar il-portata tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95. Ċertament, huwa stabbilit li t-tikketta ta’ test li ġiet irreġistrata bħala trade mark għandha reputazzjoni fuq it-territorju Ġermaniż kollu. Madankollu, din ir-reputazzjoni tikkonċerna din it-tikketta u mhux, bħala tali, ir-reġistrazzjoni ta’ din it-tikketta bħala trade mark. Għandu jiġi ċċarat jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proprjetarju tat-trade mark igawdix mill-protezzjoni mogħtija minn dawn id-dispożizzjonijiet.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Hemm użu illegali fis-sens tal-punt (c) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) tar-[Regolament Nru 207/2009] u tal-Artikolu 5(2) tad-[Direttiva 2008/95] meta

it-trade marka individwali hija mwaħħla fuq prodott li fir-rigward tiegħu ma hijiex protetta,

it-twaħħil tat-trade mark individwali minn terz huwa pperċepit mill-pubbliku bħala siġill ta’ test, jiġifieri fis-sens li l-prodott ġie mmanifatturat u mqiegħed fis-suq minn terz li ma huwiex taħt il-kontroll tal-proprjetarju tat-trade mark, iżda li l-proprjetarju tat-trade mark ittestja ċerti karatteristiċi ta’ dan il-prodott u fuq il-bażi ta’ dan attribwixxilu ċerta evalwazzjoni li hija msemmija fis-siġill ta’ test,

u t-trade mark individwali hija b’mod partikolari rreġistrata għal ‘informazzjoni u konsulenza għall-konsumatur fl-għażla ta’ prodotti u servizzi, speċjalment bl-użu ta’ riżultati ta’ testijiet u investigazzjonijiet kif ukoll permezz tal-kwalità’?

2)

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fin-negattiv lill-ewwel domanda preliminari:

Hemm użu illegali fis-sens tal-punt (c) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) tar-[Regolament Nru 207/2009] u tal-Artikolu 5(2) tad-[Direttiva 2008/95] meta

it-trade marka individwali tgawdi minn reputazzjoni biss bħala siġill ta’ test hekk kif deskritt fl-ewwel domanda u

it-trade marka individwali hija użata minn terz bħala siġill ta’ test?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2008/95 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jabilitaw lill-proprjetarju ta’ trade mark individwali magħmula minn tikketta ta’ test jopponi t-twaħħil, minn terza persuna, ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark fuq prodotti li ma huma la identiċi u lanqas simili għall-prodotti jew servizzi li ġiet irreġistrata għalihom din it-trade mark.

28

F’dak li jikkonċerna, qabel xejn, l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2008/95, għandu jitfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu għall-ipoteżi msejħa ta’ “identità doppja”, fejn l-użu minn terza persuna ta’ sinjal identiku għat-trade mark isir għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li hija rreġistrata għalihom it-trade mark (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit, C-323/09, EU:C:2011:604, punt 33).

29

L-espressjoni “għal prodotti jew servizzi” li tinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet tirrigwarda, fil-prinċipju, il-prodotti jew is-servizzi ta’ terzi persuna li tuża sinjal identiku għat-trade mark. Skont il-każ, hija tista’ wkoll tirrigwarda l-prodotti jew is-servizzi ta’ persuna oħra li t-terza persuna taġixxi f’isimha (sentenza tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C-236/08 sa C-238/08, EU:C:2010:159, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Min-naħa l-oħra, din l-espressjoni, fil-prinċipju, ma tkoprix il-prodotti jew is-servizzi tal-proprjetarju tat-trade mark, li jaqgħu, fl-imsemmi Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u fl-imsemmi Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2008/95, taħt l-espressjoni “dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata”. Ir-rekwiżit ta’ identiċità “bejn il-prodotti jew servizzi”, li huwa msemmi fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 207/2009 u fil-premessa 11 tad-Direttiva 2008/95, u li jinsab fl-Artikolu 9(1)(a) ta’ dan ir-regolament kif ukoll fl-Artikolu 5(1)(a) ta’ din id-direttiva, huwa intiż li jillimita d-dritt ta’ projbizzjoni, mogħti minn dawn id-dispożizzjonijiet lill-proprjetarji ta’ trade marks individwali, għall-każijiet fejn ikun hemm identiċità mhux biss bejn is-sinjal użat mit-terza persuna u t-trade mark, iżda wkoll bejn il-prodotti kkummerċjalizzati jew is-servizzi pprovduti mit-terzi persuni – jew minn persuna li dawn it-terzi persuni jaġixxu f’isimha – u l-prodotti jew servizzi li għalihom il-proprjetarju rreġistra t-trade mark tiegħu.

31

Kif diġà ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ eċċezzjonalment jaqa’ taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet l-użu ta’ sinjal minn terza persuna sabiex jiġu identifikati l-prodotti tal-proprjetarju tat-trade mark meta dawn il-prodotti jikkostitwixxu s-suġġett stess ta’ servizzi pprovduti minn din it-terza persuna. Fil-fatt, f’tali każ, dan is-sinjal jintuża sabiex tiġi identifikata l-oriġini tal-prodotti li huma s-suġġett ta’ dawn is-servizzi u tkun teżisti rabta speċifika u indissoċjabbli bejn il-prodotti koperti bit-trade mark u l-imsemmija servizzi. Madankollu, barra minn din l-ipoteżi speċifika, l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2008/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark għall-prodotti kkummerċjalizzati jew servizzi pprovduti mit-terzi persuni li huma identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata t-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel, C-48/05, EU:C:2007:55, punti 27 u 28).

32

L-ipoteżi speċifika msemmija fil-punt preċedenti tirrigwarda, b’mod partikolari, każijiet fejn il-fornitur ta’ servizz juża mingħajr kunsens sinjal identiku għat-trade mark ta’ produttur ta’ prodotti sabiex iħabbar lill-pubbliku li jispeċjalizza fi, jew huwa speċjalist, ta’ dawn il-prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Daimler, C-179/15, EU:C:2016:134, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Issa, f’dan il-każ, taħt riżerva ta’ verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li t-twaħħil minn Dr. Liebe tas-sinjal allegatament identiku għat-trade marks ÖKO-TEST la għandu l-għan u lanqas l-effett li jeżerċita, bħall-ÖKO-Test Verlag jew f’isem dawn, attività ekonomika li tikkonsisti f’servizz ta’ informazzjoni u ta’ pariri lill-konsumaturi. Lanqas ma jidher li jeżisti indizju li jippermetti li jiġi kkunsidrat li, bit-twaħħil ta’ dan is-sinjal, Dr. Liebe tfittex li tippreżenta ruħha f’għajnejn il-pubbliku bħala speċjalista fil-qasam tal-ittestjar ta’ prodotti jew li teżisti rabta speċifika u indissoċċjabbli bejn l-attività ekonomika tagħha, li tikkonsisti fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dentifriċji, u dik ta’ ÖKO-Test Verlag. Għall-kuntrarju, jidher li s-sinjal identiku jew simili għall-imsemmija trade marks huwa mwaħħal fuq l-imballaġġ tad-dentifriċji kkummerċjalizzati minn Dr. Liebe sabiex tinġibed l-attenzjoni tal-konsumaturi fuq il-kwalità ta’ dawn id-dentifriċji u b’hekk jiġi promoss il-bejgħ tal-prodotti ta’ Dr. Liebe. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti mill-ipoteżi speċifika msemmija fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza.

34

F’dak li jikkonċerna, sussegwentement, l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2008/95, li jagħtu lill-proprjetarju tat-trade mark protezzjoni speċifika kontra l-użu, minn terza persuna, ta’ sinjali identiċi jew simili għat-trade mark li jwasslu għal probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl tal-premessa 8 ta’ dan ir-regolament u tal-premessa 11 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-imsemmija protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju tat-trade mark hija rriżervata għall-każijiet fejn tkun teżisti identiċità jew xebh mhux biss bejn is-sinjal użat mit-terza persuna u t-trade mark, iżda wkoll bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti minn dan is-sinjal, minn naħa, u dawk koperti mit-trade mark, min-naħa l-oħra.

35

Bħall-espressjoni “fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi”, li tinsab fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2008/95, it-termini “prodotti jew is-servizzi koperti […] mis-sinjal” fl-imsemmija paragrafi 1(b), jirrigwardaw, fil-prinċipju, il-prodotti kkummerċjalizzati jew is-servizzi pprovduti minn terzi persuni [sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2008, O2 Holdings u O2 (UK), C‑533/06, EU:C:2008:339, punt 34]. F’każ ta’ nuqqas ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi ta’ terzi persuni u dawn li għalihom hija rreġistrata t-trade mark, il-protezzjoni mogħtija minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax tapplika (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, FrisDranken Winters, C-119/10, EU:C:2011:837, punti 31 sa 33).

36

L-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2008/95 jinkludu għalhekk, bħall-imsemmija paragrafi 1(a), rekwiżit ta’ paragunabbiltà bejn il-prodotti jew is-servizzi tat-terza persuna minn naħa u dawk tal-proprjetarju tat-trade mark min-naħa l-oħra. Dawn il-punti (a) u (b) huma differenti, fundamentalment mill-Artikolu 9(1)(c) ta’ dan ir-regolament u mill-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxu espressament li tali paragunabbiltà ma hijiex meħtieġa meta t-trade mark ikollha reputazzjoni.

37

Din id-differenza espressament prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn il-protezzjoni li hija mogħtija lill-proprjetarji ta’ kull trade mark individwali u dik, supplimentari, li l-proprjetarju jgawdi minnha meta t-trade mark tiegħu jkollha wkoll reputazzjoni, inżammet meta saru l-emendi suċċessivi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar it-trade marks. Għalhekk, it-termini “oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-[Unjoni]” u “oġġetti jew servizzi li huma identiċi, jew simili, għall-oġġetti jew is-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-[Unjoni]” jinsabu issa fl-Artikolu 9(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2017/1001 u fl-Artikolu 10(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2015/2436, u b’hekk issa ssir distinzjoni tal-protezzjoni mogħtija minn kwalunkwe trade mark individwali minn dik, prevista fl-Artikolu 9(2)(c) ta’ dan ir-regolament u fl-Artikolu 10(2)(c) ta’ din id-direttiva, li tapplika meta t-trade mark ikollha reputazzjoni u meta terza persuna tuża sinjal li “ikun identiku jew simili għat-trademark tal-[Unjoni], irrispettivament minn jekk tintużax b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, simili jew mhux simili għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-[Unjoni]”.

38

Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark individwali magħmula minn tikketta ta’ test irreġistrata għal prodotti tal-istamperija u tas-servizzi ta’ twettiq ta’ testijiet kif ukoll ta’ provvista ta’ informazzjoni u ta’ pariri lill-konsumaturi tista’, jekk il-kundizzjonijiet kollha jkunu sodisfatti, jibbenefika mid-dritt ta’ projbizzjoni stabbilit fl-Artikolu 9(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009 u fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2008/95 kontra t-terzi persuni, bħal possibbli kompetituri tiegħu, li jużaw sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark għal prodotti tal-istamperija jew tas-servizzi ta’ twettiq ta’ testijiet kif ukoll ta’ provvista ta’ informazzjoni u ta’ pariri lill-konsumaturi, jew għal prodotti jew servizzi simili, iżda ma jistax jibbenefika minn dan id-dritt kontra l-produtturi ta’ prodotti ta’ konsum ittestjati li jwaħħlu s-sinjal identiku jew simili għall-imsemmija trade mark fuq dawn il-prodotti ta’ konsum.

39

Sa fejn ÖKO-Test Verlag u l-Gvern Ġermaniż, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, sostnew li tali interpretazzjoni, minkejja li bbażata fuq il-formulazzjoni u l-istruttura tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll tad-Direttiva 2008/95, tnaqqas indebitament il-protezzjoni ta’ proprjetarji ta’ trade marks individwali magħmula minn tikketta ta’ test, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, kif il-Kummissjoni Ewropea indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li d-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark ma huwiex assolut, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni, għall-kuntrarju, illimita b’mod preċiż il-portata ta’ dan id-dritt.

40

Barra minn hekk, xejn fl-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trade marks, bħal dak li ssir kontribuzzjoni għas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta fl-Unjoni (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Merz & Krell, C-517/99, EU:C:2001:510, punti 21 u 22, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C-48/09 P, EU:C:2010:516, punt 38), ma jippermetti li jiġi konkluż li l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni jirrikjedi li l-proprjetarju ta’ trade mark individwali magħmula minn tikketta ta’ test għandu jkun jista’ jopponi, abbażi tal-Artikolu 9(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009 jew tal-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2008/95, it-twaħħil, mill-produttur ta’ prodott, ta’ din it-tikketta flimkien mar-riżultat tat-test li dan il-prodott ikun ġie suġġett għalih.

41

Tant huwa hekk li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkompleta s-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea billi ppreveda fl-Artikoli 74a et seq. tar-Regolament Nru 207/2009, li saru l-Artikoli 83 et seq. tar-Regolament 2017/1001, il-possibbiltà li jiġu rreġistrati bħala trade mark ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni Ewropea, ċerti sinjali, li fosthom hemm dawk li huma tali li jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija ċċertifikata l-kwalità mill-proprjetarju tat-trade mark meta mqabbla mal-prodotti jew is-servizzi li ma jibbenefikawx minn tali ċertifikazzjoni. Bid-differenza minn trade mark individwali, tali trade mark ta’ ċertifikazzjoni tippermetti lill-proprjetarju jindika, fir-regoli tal-użu, liema persuni huma awtorizzati jużaw it-trade mark.

42

Sa fejn ÖKO-Test Verlag issostni li t-twaħħil tat-tikketta ta’ test minn Dr. Liebe ma kienx kopert mill-kuntratt ta’ liċenzja preċedentement konkluż, hemm lok, fl-aħħar nett, li jiżdied li l-fatt li l-proprjetarju ta’ trade mark, bħal ÖKO-Test Verlag, ma jistax, fir-rigward tal-produtturi li hija tkun ittestjat il-prodotti tagħhom, jibbaża ruħu b’mod utli fuq l-Artikolu 9(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009 u fuq l-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2008/95, ma jfissirx li huwa nieqes minn protezzjoni legali kontra dawn il-produtturi, iżda sempliċement li l-kunflitti bejn l-imsemmija produtturi għandhom jiġu eżaminati taħt l-angolu ta’ regoli tad-dritt oħra. Fost dawn ir-regoli jista’ jkun hemm dawk fil-qasam tar-responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali, kif ukoll ir-regoli, imsemmija fit-tieni domanda, li huma stabbiliti fl-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2008/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jabilitawx lill-proprjetarju ta’ trade mark individwali magħmula minn tikketta ta’ test jopponi għat-twaħħil, minn terza persuna, ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark fuq prodotti li ma huma la identiċi u lanqas simili għall-prodotti jew servizzi li ġiet irreġistrata għalihom t-trade mark.

Fuq it-tieni domanda

44

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jabilitaw lill-proprjetarju ta’ trade mark individwali b’reputazzjoni, magħmula minn tikketta ta’ test, jopponi għat-twaħħil, minn terzi persuni, ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark fuq il-prodotti li ma huma la identiċi u lanqas simili għal dawk li ġiet irreġistrata għalihom it-trade mark.

45

Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni li hija mogħtija lill-proprjetarji tat-trade marks b’reputazzjoni. Huma jabilitaw lil dawn il-proprjetarji jipprojbixxu lil terzi persuni li jużaw, fil-ħajja tal-kummerċ u mingħajr il-kunsens tal-imsemmi proprjetarju, użu mingħajr raġuni ġusta ta’ sinjal identiku jew simili – kemm jekk ikun għal prodotti jew għal servizzi simili jew għal prodotti jew servizzi mhux simili għal dawk li ġiet irreġistrata għalihom it-trade mark – li jieħdu profitt indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade marks jew jikkawżaw dannu lil dan il-karattru distintiv jew lil din ir-reputazzjoni. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jippreżupponix l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku kkonċernat (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit, C-323/09, EU:C:2011:604, punti 68, 70 u 71, kif ukoll tal-20 ta’ Lulju 2017, Ornua, C-93/16, EU:C:2017:571, punt 50).

46

Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, f’dan il-każ, li Dr. Liebe waħħlet, fuq il-prodotti tagħha, sinjal identiku jew simili għat-trade marks ÖKO-TEST mingħajr il-kunsens ta’ ÖKO-Test Verlag. Għaldaqstant hija għandha dubji dwar il-punt jekk dawn it-trade marks jagħtux, lil ÖKO-Test Verlag, il-protezzjoni msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet. Hija tiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li, fi ħdan il-pubbliku rilevanti Ġermaniż, hija t-tikketta ta’ test li għandha reputazzjoni u mhux ir-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark. Fil-fatt dan il-pubbliku jipperċepixxi t-twaħħil magħmul minn Dr. Liebe bħala t-twaħħil ta’ tikketta ta’ test u mhux bħala l-użu ta’ tali tikketta inkwantu trade mark.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “reputazzjoni”, msemmi fl-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95, jippreżupponi ċertu livell ta’ konoxxenza fi ħdan il-pubbliku rilevanti. Dan il-pubbliku għandu jiġi ddeterminat skont il-prodott jew is-servizz ikkummerċjalizzat taħt it-trade mark ikkonċernata u l-livell ta’ konoxxenza meħtieġ għandu jiġi kkunsidrat milħuq meta t-trade mark tkun magħrufa minn parti sinjifikattiva ta’ dan il-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International, C-301/07, EU:C:2009:611, punti 21 sa 24, u tat-3 ta’ Settembru 2015, Iron & Smith, C-125/14, EU:C:2015:539, punt 17).

48

Minn dawn il-prinċipji jirriżulta li r-“reputazzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tat-trade marks ÖKO-TEST tiddependi minn jekk parti sinjifikattiva tal-pubbliku li tindirizza ÖKO-Test Verlag permezz tas-servizz ta’ informazzjoni tagħha u tal-pariri lill-konsumaturi kif ukoll permezz tar-rivista tagħha, tafx bis-sinjal li jikkostitwixxi dawn it-trade marks, f’dan il-każ it-tikketta ta’ test.

49

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-rekwiżit ta’ konoxxenza ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-pubbliku għandu jkun jaf bil-fatt li t-tikketta ta’ test ġiet irreġistrata bħala trade mark. Huwa biżżejjed li parti sinjifikattiva mill-pubbliku rilevanti tkun taf b’dan is-sinjal.

50

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-imsemmi Artikolu 9(1)(c), għandu wkoll jitfakkar li huwa biżżejjed, sabiex il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni, li din it-trade mark tibbenefika minn reputazzjoni fuq parti sostanzjali mit-territorju tal-Unjoni, fejn din tal-aħħar tista’, skont il-każ, tikkorrispondi, b’mod partikolari, għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed. Peress li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata li tgawdi minn reputazzjoni fl-Unjoni kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International, C-301/07, EU:C:2009:611, punti 27, 2930, kif ukoll tal-20 ta’ Lulju 2017, Ornua, C-93/16, EU:C:2017:571, punt 51).

51

Is-sinjal li jikkostitwixxi t-trade marks ÖKO-TEST, jiġifieri t-tikketta ta’ test riprodott fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, huwa, skont il-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, magħruf minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti fuq it-territorju Ġermaniż kollu. Minn dan isegwi li t-trade marks ÖKO-TEST igawdu minn reputazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, b’mod li ÖKO-Test Verlag tgawdi mill-protezzjoni li joffru dawn id-dispożizzjonijiet.

52

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk it-twaħħil, minn Dr. Liebe, tas-sinjal identiku jew simili għat-trade marks ÖKO-TEST fuq il-prodotti tagħha ppermettiex lil Dr. Liebe tiggwadanja indebitament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ dawn it-trade marks jew ikkawżax dannu lil dan il-karattru distintiv jew lil din ir-reputazzjoni. Jekk din tikkonstata li dan huwa l-każ, hija għandha, barra minn hekk, teżamina jekk Dr. Liebe ipprovatx, f’dan il-każ, “raġuni valida”, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95, għat-twaħħil ta’ dan is-sinjal fuq dawn il-prodotti. Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, ikun hemm lok li jiġi konkluż li ÖKO-Test Verlag ma għandhiex id-dritt li tipprojbixxi dawn l-użu abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C-65/12, EU:C:2014:49, punti 43 u 44).

53

Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jabilitaw lill-proprjetarju ta’ trade mark individwali b’reputazzjoni, ikkostitwita minn tikketta ta’ test, jopponi għat-twaħħil, minn terzi persuni, ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark fuq prodotti li ma huma la identiċi u lanqas simili għal dawk li din it-trade mark hija rreġistrata għalihom, sakemm ma jintweriex li, b’dan it-twaħħil, din it-terza persuna tiggwadanja b’mod indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-istess trade mark jew tikkawża dannu lil dan il-karattru distintiv jew lil din ir-reputazzjoni u li l-imsemmija terza persuna, f’dan il-każ, ma pprovatx l-eżistenza ta’ “raġuni valida”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, insostenn ta’ tali twaħħil.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 9(1)(a) u (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u l-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jabilitawx lill-proprjetarju ta’ trade mark individwali magħmula minn tikketta ta’ test jopponi għat-twaħħil, minn terza persuna, ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark fuq prodotti li ma huma la identiċi u lanqas simili għall-prodotti jew is-servizzi li ġiet irreġistrata għalihom t-trade mark.

 

2)

L-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jabilitaw lill-proprjetarju ta’ trade mark individwali b’reputazzjoni, ikkostitwita minn tikketta ta’ test, jopponi għat-twaħħil, minn terzi persuni, ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark fuq prodotti li ma huma la identiċi u lanqas simili għal dawk li din it-trade mark hija rreġistrata għalihom, sakemm ma jintweriex li, b’dan it-twaħħil, din it-terza persuna tiggwadanja b’mod indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-istess trade mark jew tikkawża dannu lil dan il-karattru distintiv jew lil din ir-reputazzjoni u li l-imsemmija terza persuna, f’dan il-każ, ma pprovatx l-eżistenza ta’ “raġuni valida”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, insostenn ta’ tali twaħħil.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż