SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
27 ta’ Frar 2019 ( *1 )
“Appell – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) – Taqsima ‘Gwida’ – Tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja – Regolament (KE) Nru 1260/1999 – Programm Operattiv – Korrezzjonijiet finanzjarji – Artikolu 39 – Bażi legali – Dispożizzjonijiet tranżitorji”
Fil-Kawża C-670/17 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-28 ta’ Novembru 2017,
Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn G. Kanellopoulos kif ukoll minn A. Vasilopoulou u I. Pachi, bħala aġenti,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u J. Aquilina, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Novembru 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T-327/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:631), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 1936 finali tal‑25 ta’ Marzu 2015 dwar l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji fl-għajnuna tal-FAEGG, Taqsima “Gwida”, mogħtija fil-programm operattiv CCI 2000GR061PO021 (Greċja – Objettiv 1 – Rikostruzzjoni rurali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999
|
2 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31), jipprovdi, fl-Artikolu 39, intitolat: “Korrezzjonijiet finanzjarji”: “1. L-Istati Membri għandhom, l-ewwel nett, jerfgħu r-responsabbiltà biex jinvestigaw l-irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq l-evidenza ta’ xi bidla kbira li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijet għall-implimentazzjoni jew is-superviżjoni ta’ l-għajnuna u biex jagħmlu l-korrezzjonijet finanzjarji meħtieġa. L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijet finali meħtieġa b’konnessjoni ma’ l-irregolarità individwali jew sistematika. Il-korrezzjonijiet magħmula mill-Istat Membru għandhom jikkonsistu fil-kanċellament tal-kontribuzzjoni Komunitarja kollha jew parti minnha. Il-fondi Komunitarji rilaxxati b’dan il-mod jistgħu jerġgħu jintużaw mill-Istat Membru għall-għajnuna konċernata, b’konformità ma l-arranġamenti li għandhom jiġu definiti skond Artikolu 53(2). 2. Jekk, wara li jintemmu l-verifiki meħtieġa, il-Kummissjoni tikkonkludi li:
il-Kummissjoni għandha tissospendi l-ħlasijiet provisorji in kwestjoni u, waqt li tispjega r-raġunijiet tagħha, titlob lill-Istat Membru jissottometti l-kummenti tiegħu u, fejn ikun approprjat, jagħmel korrezzjonijiet, fi żmien speċifikat. Jekk l-Istat Membru joġġezzjona għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jiġi mistieden għal smigħ mill-Kummissjoni, li fih iż-żewġ naħat f’kooperazzjoni ibbażata fuq is-sħubija jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jilħqu ftehim dwar l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet li jirrisultaw minnhom. 3. Fi tmiem il-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk ma jkunx intlaħaq ftehim u l-Istat Membru ma jkunx għamel il-korrezzjonijiet u waqt li tagħti kas tal-kummenti magħmula mill-Istat Membru, tiddeċiedi fi żmien tliet xhur li:
Il-Kummissjoni għandha meta tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ korrezzjoni tieħu in konsiderazzjoni, b’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, it-tip ta’ irregolarità jew bidla u d-daqs jew l-implikazzjonijet finanzjari tan-nuqqasijiet misjuba fis-sistemi ta’ l-amministrazzjoni jew ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni li taġixxi skond (a) jew (b) is-sospensjoni tal-ħlas provisorju għandha tintemm immedjatament. 4. Kull somma riċevuta bla mistħoqqha u li għandha tiġi rkuprata għandha titħallas lura lill-Kummissjoni, flimkien ma’ l-interessi dovuti minħabba l-pagament tardiv. 5. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal Artikolu 32.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005
|
3 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1) jipprevedi, fl-Artikolu 40 tiegħu, intitolat “Infiq [tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG)] taħt it-Taqsima Gwida”: “1. L-ammonti kommessi għall-finanzjament tal-miżuri għall-iżvilupp rurali mit-Taqsima Gwida tal-FAEGG skont deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2006, li fir-rigward tagħha d-dokumenti meħtieġa għall-għeluq tal-assistenza ma ntbagħtux lill-Kummissjoni sal-aħħar taż-żmien permess għat-trasmissjoni tar-rapport finali, għandhom jiġu diżimpenjati awtomatikament mill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010 u dan għandu jirriżulta fir-rimbors mill-Istati Membri tal-ammonti rċevuti skorrettament. Id-dokumenti meħtieġa għall-għeluq tal-assistenza għandhom ikunu d-dikjarazzjoni tal-infiq rigward il-ħlas tal-bilanċ, ir-rapport ta’ implimentazzjoni finali u d-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 38(1)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/99 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali. 2. L-ammonti relatati mal-operazzjonijiet jew il-programmi li huma soġġetti għal proċedimenti legali jew appell amministrattiv, li skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru għandhom effett sospensorju, għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi diżimpenjat awtomatikament, kif previst fil-paragrafu 1.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006
|
4 |
L-Artikolu 1, intitolat “Suġġett”, tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25), jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ġenerali li jirregolaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FES) (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-‘Fondi Strutturali’) u l-Fond ta’ Koeżjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fir-[Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999, (ĠU 2006, L 210, p. 1), ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 12) u fir-Regolament (KE) Nru 1084/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 (ĠU 2006, L 210, p. 79)].” |
|
5 |
L-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Dispożizzjonijiet Transizzjonali”, huwa fformulat kif ġej: “1. Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika, inkluż il-kanċellament sħiħ jew parzjali, ta’ l-għajnuna li tkun ġiet ko-finanzjata mill-Fondi Strutturali jew ta’ proġett li jkun ġie ko-finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni approvat mill-Kummissjoni abbażi tar-[Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 tal-24 ta’ Ġunju 1988 dwar il-missjoniiet tal-Fond b’għanijiet strutturali, l-effettività tagħhom kif ukoll il-koordinazzjoni tal-għajnuna tagħhom bejniethom u dawk tal-Bank Ewropew għall-Investiment u strumenti finanzjarji oħra eżistenti (ĠU 1988, L 185, p. 9), Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta’ Diċembru 1988 dwar dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88 f’dak li jikkonċerna l-koordinazzjoni bejn l-għajnuna tad-diversi fondi strutturali, minn naħa u bejn dawk tal-Bank Ewropew għall-Investiment u strumenti finanzjarji oħra eżistenti, min-naħa l-oħra (ĠU 1988, L 374, p. 1), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 tas-16 ta’ Mejju 1994 li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 14, Vol. 1, p. 9), u tar-Regolament Nru 1260/1999] jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tkun tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta’ Diċembru 2006, li konsegwentement għandha tapplika minn hemm ’il quddiem għal dik l-għajnuna jew proġetti konċernati sakemm jingħalqu 2. Fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar programmi operattivi, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ kwalunkwe għajnuna ko-finanzjata mill-Fondi Strutturali jew ta’ kwalunkwe proġett ko-finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni approvata mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li jkollha riperkussjonijiet finanzjarji matul il-perjodu kopert minn dawk il-programmi operattivi. 3. B’deroga mill-Artikoli 31(2), 32(4) u 37(1) tar-[Regolament Nru 1260/1999], is-somom parzjali impenjati għal għajnuna ko-finanzjata mill-FEŻR jew l-FES approvati mill-Kummissjoni bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2006 li għalihom id-dikjarazzjoni ċertifikata ta’ nfiq li fil-fatt tkun tħallset, ir-rapport finali dwar l-implementazzjoni u d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(1)(f) ta’ dak ir-Regolament ma jkunux intbagħtu lill-Kummissjoni fi żmien 15-il xhar mid-data finali ta’ l-eliġibbiltà tan-nefqa stabbilita fid-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ kontribuzzjoni mill-Fondi, għandhom jiġu diżimpenjati awtomatikament mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 6 xhur wara dik l-iskadenza, u jwasslu għar-rimbors ta’ l-ammonti mħallsa mingħajr ma kienu dovuti. L-ammonti relatati ma’ operazzjonijiet jew programmi li jkunu ġew sospiżi minħabba proċedimenti ġuridiċi jew appelli amministrattivi li għandhom effett ta’ sospensjoni m’għandhomx jitqiesu fil-kalkolu ta’ l-ammont tad-diżimpenn awtomatiku.” |
|
6 |
L-Artikolu 107 tal-istess regolament, intitolat “Tħassir”, jipprovdi: “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 105(1) ta’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 huwa b’dan imħassar mill-1 ta’ Jannar 2007. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.” |
Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013
|
7 |
Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320) jipprovdi, fl-Artikolu 152 tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżizzjonali”: “1. Dan ir-Regolament m’għandu jaffettwa la l-kontinwazzjoni u lanqas il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali ta’ assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-[Regolament Nru 1083/2006], jew ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta’ Diċembru 2013. Dak ir-Regolament jew tali leġiżlazzjoni applikabbli oħra għandhom konsegwentement ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2013 għal din l-għajnuna jew l-operazzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu l-assistenza għandha tkopri programmi operattivi u proġetti kbar. 2. L-applikazzjonijiet biex wieħed jirċievi assistenza magħmulin jew approvati taħt ir-[Regolament Nru 1083/2006] għandhom jibqgħu validi. 3. Fejn Stat Membru jagħmel użu mill-opzjoni stabbilita fl-Artikolu 123(3), huwa għandu jippreżenta talba lill-Kummissjoni biex l-awtorità ta’ ġestjoni twettaq il-funzjonijiet tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni permezz ta’ deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 59(1) tar-[Regolament Nru 1083/2006] għall-programmi operattivi korrispondenti implimentati abbażi tar-[Regolament Nru 1083/2006]. It-talba għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjoni magħmula mill-awtorità tal-awditjar. Fejn il-Kummissjoni hija sodisfatta abbażi tal-informazzjoni magħmula disponibbli mill-awtorità tal-awditjar u mill-awditjar tagħha stess li s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta’ dawk il-programmi operattivi jiffunzjonaw effettivament u li l-funzjonament tagħhom mhux se jkun ippreġudikat mill-awtorità ta’ ġestjoni li twettaq il-funzjonijiet tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni, hija għandha tinforma lill-Istat Membru bil-qbil tagħha fi żmien xahrejn minn meta tasal it-talba.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni ikkontestata
|
8 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, li jinsabu fil-punti 1 sa 15 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-bżonnijiet ta’ din il-proċedura, jiġu mqassra kif ġej. |
|
9 |
Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2011, l-awtoritajiet Griegi, b’konformità mal-Artikolu 38(1)(f) tar-Regolament Nru 1260/1999, iddepożitaw għand il-Kummissjoni dikjarazzjoni ta’ għeluq tal-programm operattiv CCI 2000GR061PO021 (Greċja – Objettiv 1 – Rikostruzzjoni rurali) (iktar ’il quddiem il-“programm operattiv inkwistjoni”) għall-perijodu li jkopri s-snin 2000 sa 2006. Din id-dikjarazzjoni, intiża sabiex ir-Repubblika Ellenika tibbenefika mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea, kienet akkumpanjata, b’mod partikolari, mir-rapport finali ta’ implementazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 37 ta’ dan ir-regolament, dwar il-programm operattiv inkwistjoni. |
|
10 |
Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Griegi jipprovdulha, f’terminu ta’ għaxar xhur, informazzjoni addizzjonali dwar id-dikjarazzjoni ta’ għeluq tal-programm operattiv inkwistjoni u informathom li setgħet, wara l-evalwazzjoni tal-kontenut tal-imsemmija dikjarazzjoni, tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999. Dawn l-awtoritajiet ipprovdew l-informazzjoni mitluba permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Awwissu 2011. |
|
11 |
Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Griegi li r-rapport finali ta’ implementazzjoni dwar il-programm operattiv inkwistjoni kien ġie aċċettat. |
|
12 |
Fit-3 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Griegi jindikaw, f’terminu ta’ xahrejn, jekk kinux jaċċettaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ ammont totali ta’ EUR 94465 089.65 li tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont ta’ ħlas magħmula taħt il-FEAGG u l-ammont tal-kontribuzzjoni dovuta abbażi ta’ dan il-Fond f’dak li jikkonċerna l-programm operattiv inkwistjoni. Din l-istituzzjoni żiedet li, fl-assenza ta’ qbil, f’dan it-terminu, hija kienet ser tkompli l-eżami tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż li saru mill-awtoritajiet Griegi u tista’ timponi korrezzjonijiet finanzjarji li l-ammont tagħhom, ikkalkolat abbażi tad-data kollha kkomunikata mill-imsemmija awtoritajiet, jista’ jitla’, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-korrezzjonijiet diġà deċiżjoni mill-awtoritajiet Griegi għal EUR 211582 686.65. |
|
13 |
Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Marzu 2013, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni bin-nuqqas ta’ qbil tagħhom fir-rigward tal-ammonti msemmija fil-punt preċedenti, minħabba li huma kienu diġà adottaw miżura ta’ kontroll u miżuri korrettivi xierqa, b’mod li kull korrezzjoni finanzjarja supplimentari twassal għall-impożizzjoni ta’ korrezzjoni doppja. Huma ppreċiżaw ukoll li l-ammont totali tal-korrezzjonijiet finanzjarji li kienu applikaw għall-programm operattivi inkwistjoni kollu kien jitla’ għal EUR 143206 588.48 li kien jikkorrispondi għal finanzjament mill-Unjoni għall-ammont ta’ EUR 108308 798.38. |
|
14 |
Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2013, l-awtoritajiet Griegi reġgħu sostnew li kienu adottaw miżuri korrettivi xierqa fl-oqsma kollha fejn kienu ġew osservati irregolaritajiet. |
|
15 |
Fis-17 ta’ Lulju 2013, wara evalwazzjoni mill-ġdid tal-ammont tal-kontribuzzjoni dovuta abbażi tal-FEAGG f’dak li jikkonċerna il-programm operattiv inkwistjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Griegi jindikaw, f’terminu ta’ xahrejn, jekk kinux jaċċettaw l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja tal-ammont totali ta’ EUR 30472 624.09, li tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont ta’ ħlas magħmul abbażi tal-FEAGG u l-ammont tal-imsemmija kontribuzzjoni. Barra minn hekk, hija indikat li, fl-assenza ta’ ftehim f’dan it-terminu min-naħa tal-awtoritajiet Griegi, hija kienet ser tkompli l-eżami tagħha tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż magħmula minn dawn l-awtoritajiet u tista’ tapplika korrezzjonijiet finanzjarji li l-ammont tagħhom, ikkalkolat abbażi tad-data kollha kkomunikata mill-imsemmija awtoritajiet, jista’ jitla’, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-korrezzjonijiet diġà deċiżi minn dawn l-istess awtoritajiet, għal EUR 116487 848.75. |
|
16 |
Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Settembru 2013, l-awtoritajiet Griegi ikkontestaw dawn l-ammonti mill-ġdid. Barra minn hekk, huma pprovdew lill-Kummissjoni, fit-13 u l-14 ta’ Jannar 2014, l-informazzjoni addizzjonali li kienet talbithom fit-13 ta’ Settembru 2013. |
|
17 |
Inżammet seduta fil-bini tal-Kummissjoni fis-27 ta’ Mejju 2014 u l-awtoritajiet Griegi pprovdew informazzjoni addizzjonali fl-20 ta’ Ġunju 2014. |
|
18 |
Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Griegi l-minuti tas-seduta tas-27 ta’ Mejju 2014 u talbithom jipprovdu informazzjoni addizzjonali ġdida f’terminu ta’ xahrejn. Fil-5 ta’ Settembru 2014, hija estendiet dan it-terminu. L-awtoritajiet Griegi pprovdew l-informazzjoni mitluba fis-26 ta’ Settembru 2014. |
|
19 |
Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Griegi l-pożizzjoni finali tagħha rigward il-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinġibdu mill-eżami tad-dokumenti pprovduti minn dawn l-awtoritajiet, jiġifieri l-esklużjoni mill-finanzjament mill-Unjoni abbażi tal-FEAGG l-ammont ta’ EUR 72105 592.41. |
|
20 |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni ċerti spejjeż magħmula mir-Repubblika Ellenika abbażi tal-FEAGG, Taqsima “Gwida”, għall-perijodu li jkopri s-snin 2000 sa 2006, għall-ammont ta’ EUR 72105 592.41. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
21 |
Permezz ta’ att iddepożitat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ġunju 2015, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata, li insostenn tiegħu hija qajmet erba’ motivi bbażati, l-ewwel, fuq nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni sabiex tadotta l-imsemmija deċiżjoni u l-ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali, tad-dritt għal smigħ u tad-drittijiet tad-difiża, it-tielet, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, ir-raba’, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
22 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi u, konsegwentement, ċaħdet, fl-intier tiegħu, ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika Ellenika. |
|
23 |
Fir-rigward, speċifikament, tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 ġie abrogat qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari, fil-punti 23 sa 34 tas-sentenza appellata, dan li ġej: “23 Mill-1 ta’ Jannar 2007, ir-Regolament Nru 1083/2006, konformament mal-Artikolu 107(1) tiegħu, abroga r-Regolament Nru 1260/1999. Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 1083/2006 japplika għall-[FEAGG], għall-[FSE] u għall-Fond ta’ Koeżjoni. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ dan l-aħħar regolament, l-istrumenti ta’ għajnuna għall-iżvilupp rurali, jiġifieri l-[Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FEŻR)], li ssostitwixxa l-FEAGG, Taqsima ‘Gwida’, u għas-settur tas-sajd, jġifieri l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), għandhom jiġu integrati taħt dawk li jaqgħu taħt il-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd, u jiġu kkoordinati mal-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni. F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1290/2005 ħoloq, kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu u mill-Artikolu 1 tiegħu, żewġ fondi agrikoli Ewropej, fejn l-ewwel wieħed jiffinanzja l-miżuri tas-suq u miżuri oħra, u, it-tieni, il-FEŻR, huwa intiż għall-finanzjament tal-programmi ta’ żvilupp rurali. 24 Madankollu, l-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat ‘Dispożizzjonijiet Tranżitorji’ jipprovdi li ‘[dan] ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifikazzjoni, inkluż it-tħassir totali jew parzjali, ta’ għajnuna kofinanzjata mill-Fondi Strutturali jew ta’ proġett kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni approvati mill-Kummissjoni fuq il-bażi […] Nru 1260/1999 jew kwalunkwe leġiżlazzjoni li kienet tapplika għal din l-għajnuna fil-31 ta’ Diċembru 2006, li b’hekk għandha tapplika għal dik l-għajnuna jew il-proġetti kkonċernati sat-tmiem tagħhom’. 25 Barra minn hekk, l-Artikolu 105(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 jipprovdi li, ‘[f]it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar programmi operattivi, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ kwalunkwe għajnuna ko-finanzjata mill-Fondi Strutturali jew ta’ kwalunkwe proġett ko-finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni approvata mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li jkollha riperkussjonijiet finanzjarji matul il-perjodu kopert minn dawk il-programmi operattivi.’ 26 Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 105(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandu l-għan li jistabbilixxi sistema tranżitorja għall-fondi strutturali li ġew approvati abbażi ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2006, iżda li tkompli lil hinn minn dik id-data u li l-għeluq tagħhom kien f’data ulterjuri (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑140/15 P, EU:C:2016:708, punt 94). 27 Fi kliem ieħor, ir-Regolament Nru 1260/1999 tħassar bir-Regolament Nru 1083/2006, iżda, konformement mal-Artikolu 106(1) u l-Artikolu 107(1) ta’ dan tal-aħħar, ir-Regolament Nru 1260/1999 ikompli japplika fil-programmi operattivi preċedenti (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Spanja vs Il-Kummissjoni, T-67/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:518, punt 6). 28 Is-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 jirrigwarda regoli bażiċi applikabbli għall-programmi operattivi preċedenti, kif fil-fatt jirriżulta mill-użu tat-terminu ‘għajnuna’ u ‘proġett’ fl-imsemmi artikolu, bl-istess mod bħall-kontenut tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija sistema tranżitorja ma tikkonċernax regoli ta’ natura proċedurali, konformement mal-prinċipju li r-regoli ta’ proċedura huma immedjatament applikabbli (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑140/15 P, EU:C:2016:708, punti 92 u 95). […] 34 Minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 1083/2006 żamm fis-seħħ, abbażi tal-Artikolu 105(1) tiegħu, id-dispożizzjonijiet bażiċi tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999, jiġifieri dawk li jiddefinixxu r-rwol rispettiv u li jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-Istat Membru u tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura applikabbli f’każ ta’ irregolarità kkonstatata fil-kuntest tal-kontroll finanzjarju tal-għajnuna tal-FEAGG.” |
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
24 |
Ir-Repubblika Ellenika titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
25 |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
|
26 |
Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika tinvoka ħames aggravji ibbażati, l-ewwel, fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolamenti Nri 1083/2006 u 1303/2013, ikkombinati mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1290/2005, fuq żball ta’ liġi kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti u żbaljata tas-sentenza appellata, it-tieni, fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 kif ukoll fuq motivazzjoni kontradittorja u insuffiċjenti tas-sentenza appellata, it-tielet, fuq interpretazzjoni żbaljata u applikazzjoni vvizzjata tal-Artikoli 144 u 145 tar-Regolament Nru 1303/2013 kif ukoll motivazzjoni kontradittorja u insuffiċjenti tas-sentenza appellata, ir-raba’ fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, il-ħames, fuq motivazzjoni insuffiċjenti taċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-ilmenti relatati man-natura sproporzjonata tal-korrezzjoni finanzjarja applikata. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
27 |
Ir-Repubblika Ellenika tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni kkontestata kellha, ġustament, bħala bażi legali l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999. F’dan ir-rigward, hija ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 25 sa 28 u 34 tas-sentenza appellata, billi kkunsidrat li l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 kienet tinkludi l-programmi operattivi tal-FEAGG Taqsima “Gwida”. Kuntrarjament għal dak stabbilit fis-sentenza appellata, is-sistema tranżitorja dwar il-Fond Strutturali, bħalma hija ddefinita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1083/2006, ġiet stabbilita esklużivament mill-Artikolu 105(1) u mhux mill-Artikolu 105(2) ta’ dan ir-regolament. Huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali tinvoka, fil-punti 25 u 28 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 105(2) tal-imsemmi regolament u tapplikah fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġbed minnu konklużjoni speċifika għall-programmi operattivi tal-FEAGG, Taqsima “Gwida”. Dan il-Fond, li huwa s-suġġett tar-Regolament Nru 1290/2005, ġie eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006. L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 107 ta’ dan ir-regolament hija, min-naħa tagħha, ta’ interpretazzjoni stretta u tirreferi biss għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 105(1) tal-imsemmi regolament u mhux għal dawk tal-Artikolu 105(2) tal-istess regolament. F’dan ir-rigward, il-punt 26 tas-sentenza appellata, li jsemmi l-Artikolu 105(2) tar-Regolament Nru 1083/2006, jagħmel emenda għall-punt 94 tas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-140/15 P, EU:C:2016:708), li jirreferi għall-Artikolu 105(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
28 |
Peress li, f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż tal-FEAGG, Taqsima “Gwida”, il-miżura prevista fl-Artikolu 105(3) tar-Regolament Nru 1083/2006, tinsab speċifikament fl-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 1290/2005, il-Qorti Ġenerali tasal b’mod żbaljat, fil-punt 28 tas-sentenza appellata, għal konklużjoni abbażi tal-Artikolu 105(3) tar-Regolament Nru 1083/2006. |
|
29 |
Wara li rregola l-kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-Fond taħt is-settur tal-agrikoltura fir-Regolament Nru 1290/2005, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħassar fl-intier tiegħu r-Regolament Nru 1260/1999, kif jirriżulta mit-titolu tar-Regolament Nru 1083/2006. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ġibdet konklużjoni kuntrarja fil-punti 23 u 34 tas-sentenza appellata. |
|
30 |
Skont il-Kummissjoni, l-ewwel aggravju ma huwiex fondat. |
|
31 |
Il-Qorti Ġenerali, ġustament, irrikonoxxiet li l-FEAGG kien jaqa’, għall-perijodu ta’ programm li jkopri s-snin 2000 sa 2006, taħt il-fond strutturali. Konsegwentement, it-Taqsima “Gwida” tal-FEAGG kienet tal-istess natura u taqa’ taħt l-istess familja bħal dik tal-fond strutturali. Madankollu, ir-Regolament Nru 1083/2006 japplika biss għall-FEAGG, FSE u għall-Fond ta’ Koeżjoni, filwaqt li l-FEŻR, li ssostitwixxa l-FEAGG, Taqsima “Gwida”, ġie inkorporat fil-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-politika agrikola komuni. |
|
32 |
Għalhekk il-Qorti Ġenerali mill-formulazzjoni espliċita tal-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 korrettament tiddeduċi li, anki jekk ir-regolament Nru 1260/1999 ġie abrogat bir-Regolament Nru 1083/2006, tal-ewwel għadu japplika għall-programmi operattivi preċedenti abbażi tal-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
33 |
Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika Ellenika ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali laqgħet b’mod żbaljat ir-rikors għall-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 bħala bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata. |
|
34 |
Skont l-Artikolu 107(1) tar-Regolament Nru 1083/2006, ir-Regolament Nru 1260/1999 tħassar mill-1 ta’ Jannar 2007. Fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għalhekk din setgħet tkun ibbażata fuq l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 biss kieku dispożizzjonijiet speċifiċi kienu estendew l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ssostni, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 inżamm fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2013, bis-saħħa tar-Regolament Nru 1083/2006, fir-rigward tal-programmi operattivi għall-perijodu li jkopri s-snin 2000 sa 2006, u li reġa’ nżamm fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2014 bis-saħħa tar-Regolament Nru 1303/2013, fir-rigward tal-istess programmi. |
|
36 |
Fil-fatt, sa fejn ir-Regolament Nru 1083/2006, li l-Artikolu 105(1) tiegħu kien jipprovdi l-estensjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1260/1999, hu stess tħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, il-possibbiltà li d-deċiżjoni kkontestata tiġi bbażata fuq l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 kienet isserraħ fuq l-Artikolu 152(1) tar-Regolament Nru 1303/2013, li kien jissuġġetta l-estensjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1083/2006 għall-eżistenza ta’ “assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-[Regolament Nru 1083/2006], jew ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta’ Diċembru 2013”. |
|
37 |
Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 jipprovdi applikazzjoni estiża tar-Regolament Nru 1260/1999 biss għal “għajnuna li tkun ġiet ko-finanzjata mill-Fondi Strutturali jew […] proġett li jkun ġie ko-finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni”. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-FEAGG, Taqsima “Gwida”, ma tappartjeni la għall-Fond Strutturali, li huwa ddefinit fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1083/2006 bħala li huwa l-FEŻR u l-FSE, u lanqas il-Fond ta’ Koeżjoni. |
|
39 |
Issa, minkejja dan il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Artikolu 105(1) ta’ dan ir-regolament seta’ japplika għall-programmi operattivi kofinanzjati mill-FEAGG, Taqsima “Gwida”, għall-perijodu li jkopri s-snin 2000 sa 2006. |
|
40 |
Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 għall-programmi operattivi kofinanzjati mill-FEAGG, Taqsima “Gwida”, għall-perijodu li jkopri s-snin 2000 sa 2006 ma tirriżulta la mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, la minn dik tal-Artikolu 105(2) tal-istess regolament, u lanqas mis-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-140/15 P, EU:C:2016:708). |
|
41 |
L-ewwel nett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġunament magħmul mill-Qorti Ġenerali fil-punti 25 u 26 tas-sentenza appellata, dwar l-Artikolu 105(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 ma jistax jikkontesta d-definizzjoni tal-Fond Strutturali li tinsab fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1083/2006 li lanqas, għaldaqstant, id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 105(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
42 |
It-tieni nett, l-Artikolu 105(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 isemmi l-“Fond Strutturali” u l-“Fond ta’ Koeżjoni” mingħajr ma jibdel id-definizzjoni tagħhom meta mqabbla ma’ dik li tinsab fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1083/2006. |
|
43 |
It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-140/15 P, EU:C:2016:708), huwa paċifiku li kienet esklużivament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni, li, kuntrarjament għall-FAEGG, Taqsima “Gwida”, kien jaqa’ b’mod ċar taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006. |
|
44 |
B’hekk, billi applikat b’mod estensiv l-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 għall-programmi operattivi fdati mill-FEAGG, Taqsima “Gwida”, u billi ma kkunsidratx, għaldaqstant, li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, tibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999, għall-perijodu li jkopri s-snin 2000 sa 2006, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
45 |
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi milqugħ u li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra. |
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
|
46 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
|
47 |
Dan huwa l-każ f’din it-tilwima. Għandu, għaldaqstant, jiġi eżaminat ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ppreżentata mir-Repubblika Ellenika. |
L-argumenti tal-partijiet
|
48 |
Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Ellenika ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 ma huwiex applikabbli għal finanzjament tal-FEAGG, Taqsima “Gwida” għall-perijodu li jkopri s-snin 2000 sa 2006. Peress li d-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant ma tistax tiġi bbażata fuq l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999, hija ma għandhiex bażi legali u għandha, konsegwentement tiġi annullata. |
|
49 |
Il-Kummissjoni twieġeb, essenzjalment, li l-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 jipprovdi espressament li l-finanzjament approvat abbażi tar-Regolament Nru 1260/1999 – “inkluż il-kanċellament” – ma huwiex affettwat mir-Regolament Nru 1083/2006, “sakemm [jingħalaq]”. Din id-dispożizzjoni tirreferi għalhekk għall-finanzjamenti kollha mogħtija abbażi tar-Regolament Nru 1260/1999. |
|
50 |
Barra minn hekk, sa fejn l-imsemmija dispożizzjoni tirreferi għas-sistema applikabbli abbażi tar-Regolament Nru 1260/1999, hija għandha neċessarjament tirreferi għall-programmi kollha li ġew approvati taħt il-kopertura ta’ din is-sistema, billi żżomm l-istess bażi legali tagħhom u l-kuntest ġuridiku tagħhom sal-għeluq tagħhom. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, il-FEAGG, Taqsima “Gwida”, kellu jiġi inkluż fil-grupp li kienu jagħmlu parti minnu l-Fond Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni “kemm mill-perspettiva sistemika kif ukoll mill-perspettiva teleoloġika”, sabiex jinżamm il-kuntest ġuridiku inizjali. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
51 |
Għandu jitfakkar qabel xejn li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta definittivament taħt il-liġi antika tibqa’ fil-prinċipju suġġetta għal din il-liġi, il-leġiżlatur jista’ jiddisponi b’mod differenti, b’mod partikolari permezz ta’ regoli tranżitorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et, C-72/12, EU:C:2013:712, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
Madankollu r-regoli tranżitorji huma ta’ interpretazzjoni stretta (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Kirin Amgen, C-66/09, EU:C:2010:484, punt 33). |
|
53 |
F’dan il-każ, il-formulazzjoni tal-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 ssemmi, b’mod partikolari l-kanċellament ta’ għajnuna kofinanzjata mill-Fond Strutturali jew ta’ proġett kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni. Kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, dan il-Fond ma jinkludix il-FEAGG, Taqsima “Gwida”. |
|
54 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ riskju ta’ konsegwenzi finanzjarji (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni, C-4/17 P, EU:C:2018:678, punt 58). |
|
55 |
Issa, l-argument tal-Kummissjoni, li l-kunċett ta’ “Fond Strutturali” użat fl-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat mhux fid-dawl tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, iżda abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1260/1999, bl-effett li dan il-kunċett jinkludi wkoll il-FEAGG, Taqsima “Gwida”, iwassal sabiex jiġi impost fuq l-Istat Membru kkonċernat minn korrezzjoni finanzjarja konsegwenzi finanzjarji li l-formulazzjoni tar-Regolament Nru 1083/2006 ma tissupponix. |
|
56 |
Fil-fatt, peress li l-kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kuntest tal-leġiżlazzjoni li tużahom u fid-dawl tal-għanijiet intiżi minn din (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company, C-648/17, EU:C:2018:917, punt 31), għandu jiġi kkunsidrat li, fl-assenza ta’ riferiment espress, mill-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1083/2006, għal definizzjoni iktar wiesgħa tal-“Fond Strutturali” fil-kuntest tar-Regolament Nru 1260/1999 minn dik fil-kuntest tar-Regolament Nru 1083/2006, is-sempliċi fatt li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi “dispożizzjonijiet tranżitorji” kif jirriżulta mit-titolu tagħha, ma jwassalx, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, sabiex jitneħħew il-kunċetti li hija tuża għad-definizzjoni li jagħti għalihom ir-Regolament Nru 1083/2006 li huma jappartjenu għalih. |
|
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 ma huwiex applikabbli għal finanzjament tal-FEAGG, Taqsima “Gwida” għall-perijodu li jkopri s-snin 2000 sa 2006. Peress li d-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tkun ibbażata fuq l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999, din hija nieqsa minn bażi ġuridika u għandha, konsegwentement, tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata t-tieni parti tal-ewwel motiv invokat mir-Repubblika Ellenika quddiem il-Qorti Ġenerali. |
Fuq l-ispejjeż
|
58 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
59 |
L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi l-Artikolu 184(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ellenika rebħet fil-kuntest tal-appell u peress li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ntlaqa’, hemm lok, konformement mat-talbiet tar-Repubblika Ellenika, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika Ellenika, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.