SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
3 ta’ Lulju 2019 ( *1 )
“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark verbali Boswelan – Użu ġenwin – Assenza – Użu tat-trade mark fi prova klinika qabel il-preżentata ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali – Raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ użu – Kunċett”
Fil-Kawża C‑668/17 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑28 ta’ Novembru 2017,
Viridis Pharmaceutical Ltd, stabbilita f’Tortola, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn C. Spintig, S. Pietzcker u M. Prasse, Rechtsanwälte,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne, bħala aġent,
konvenut fl-ewwel istanza,
Hecht-Pharma GmbH, stabbilita f’Hollnseth (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Sachs u C. Sachs, Rechtsanwälte,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Vilaras, President ta’ Awla, K. Jürimäe (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Jannar 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Viridis Pharmaceutical Ltd (iktar ’il quddiem “Viridis”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Settembru 2017, Viridis Pharmaceutical vs EUIPO – Hecht-Pharma (Boswelan) (T‑276/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:611), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tad‑29 ta’ Frar 2016 (Każ R 2837/2014‑5) dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Hecht-Pharma GmbH u Viridis (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
|
2 |
Il-ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali relatati mal-kummerċ, li jinsab fl-Anness 1C tal-Ftehim ta’ Marrakech li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”). Fl-Artikolu 19(1) tiegħu jsemmi l-obbligu li tintuża t-trade mark irreġistrata skont it-termini li ġejjin: “Jekk l-użu jeħtieġ iżomm reġistrazzjoni, ir-reġistrazzjoni tista’ titħassar biss wara perjodu bla interuzzjoni ta’ mill-inqas 3 snin bla użu, sakemm ikunu indikati raġunijiet validi ibbażati fuq l-eżistenza ta’ l-ostakoli għal dan l-użu mis-sid tat-trademark. Iċ-ċirkostanzi li joħorġu indipendentament mix-xewqa tas-sid tat-trademark li jagħtu lok għal ostaklu għal użu tat-trademark, bħal restrizzjonijiet ta’ importazzjoni jew ħtiġijiet oħra tal-gvernijiet fuq oġġetti jew servizzi protetti mit-trademark, għandhom ikunu rikonoxxuti bħala raġunijiet validu ta’ l-ebda użu.” |
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-[trade mark tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1) ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21, rettifiki fil-ĠU 2016, L 267, p. 1, fil-ĠU 2016, L 110, p. 4 u fil-ĠU 2016, L 71, p. 322), li daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 2016. Sussegwentement, dan ġie abrogat u ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-preżentata tat-talba għal revoka inkwistjoni, f’dan il-każ it‑18 ta’ Novembru 2013, li hija determinanti sabiex jiġi identifikat id-dritt sostantiv applikabbli, din it-tilwima hija rregolata bid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
4 |
Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009 hija fformulata kif ġej: “M’hemm ebda ġustifikazzjoni għall-protezzjoni ta’ [trade marks tal-Unjoni Ewropea] jew, għall-protezzjoni favur trade mark li tkun ġiet irreġistrata qabel trade mark […], ħlief fejn it-trade marks ikunu fil-fatt qed jintużaw.” |
|
5 |
L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-użu ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea]”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark [tal-Unjoni Ewropea fl-Unjoni Ewropea] f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu. Dawn li ġejjin jikkostitwixxu użu kif inhu mifhum fl-ewwel subparagrafu:
[…]” |
|
6 |
Taħt l-intestatura “Raġunijiet għal revoka”, l-Artikolu 51(1) tal-istess regolament jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-[EUIPO] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:
[…]” |
|
7 |
Il-premessa 24, l-Artikolu 18 u l-Artikolu 58 tar-Regolament 2017/1001 jikkorrispondu, rispettivament, għall-premessa 10, għall-Artikolu 15 u għall-Artikolu 51 tar-Regolament 207/2009. |
|
8 |
Il-premessa 25 tar-Regolament 2017/1001, li ma għandha l-ebda ekwivalent fir-Regolament Nru 207/2009, taqra kif ġej: “Għal raġunijiet ta’ ekwità u ċertezza legali l-użu ta’ trademark tal-UE f’għamla li tvarja f’elementi li ma jibdlux in-natura distintiva ta’ dik il-marka, fl-għamla li fiha tkun ġiet irreġistrata jenħtieġ li jkun biżżejjed biex jippreserva d-drittijiet mogħtija irrispettivament minn jekk it-trademark fl-għamla kif tintuża hijiex ukoll irreġistrata.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
9 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-elementi essenzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 11 tas-sentenza appellata jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej għall-finijiet tal-kawża preżenti. |
|
10 |
Fit‑30 ta’ Settembru 2003, Pharmasan GmbH Freiburg, li Viridis hija aventi kawża tagħha, ippreżentat, quddiem l-EUIPO, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “Boswelan” bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, għal “prodotti farmaċewtiċi u prodotti għall-kura tas-saħħa” li jaqgħu fil-Klassi 5 skont it-tifsira tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. |
|
11 |
Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 31/2004 tat‑2 ta’ Awwissu 2004 u r-reġistrazzjoni tat-trade mark (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”) seħħet fl‑24 ta’ April 2007. |
|
12 |
Fit‑18 ta’ Novembru 2013, Hecht‑Pharma ressqet talba għar-revoka ta’ din it-trade mark għall-prodotti kollha li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata, abbażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba li ma kienx sar użu ġenwin tagħha. |
|
13 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Settembru 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO rrevokat id-drittijiet ta’ Viridis għall-prodotti kollha rreġistrati. |
|
14 |
Fis‑6 ta’ Novembru 2014, Viridis appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
15 |
Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”) ċaħad dan l-appell. |
|
16 |
L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell qies li l-provi prodotti minn Viridis ma kinux tali li juru użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata fi ħdan l-Unjoni għall-prodotti koperti minnha matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin qabel it-talba għal revoka. Dawn il-provi fil-fatt jirreferu għal atti ta’ natura purament interna, li jikkonċernaw prova klinika. Dawn kienu preżenti ħafna qabel il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott u lil hinn mill-kompetizzjoni. Dan ma jirrigwardax atti ddirezzjonati lejn l-estern, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċjalizzazzjoni jew mar-reklamar tal-prodotti inkwistjoni. Dawn la jikkostitwixxu att preparatorju dirett u lanqas att li jikkontribwixxi għal tnedija imminenti fis-suq. |
|
17 |
It-tieni nett, il-Bord tal-Appell, filwaqt li rrefera b’mod partikolari għad-definizzjoni tar-raġuni ġġustifikata li tirriżulta mit-termini tal-Ftehim TRIPs, qies li, f’dan il-każ, it-twettiq ta’ prova klinika ma kienx, waħdu, raġuni indipendenti mill-volontà ta’ Viridis li tiġġustifika n-nuqqas ta’ użu tat-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, it-tul ta’ prova klinika jiddependi fuq il-mezzi finanzjarji li l-proprjetarju ta’ trade mark jiddeċiedi li juża, peress li dan ma jaqax taħt il-kategorija ta’ ostakli indipendenti mill-volontà tiegħu. Ir-responsabbiltà għat-tul tal-proċedura tista’ biss titqies li ġiet ittrasferita lil awtorità esterna fil-mument li tiġi ppreżentata applikazzjoni uffiċjali għat-tqegħid tal-prodott fis-suq. Il-protezzjoni mogħtija lit-trade marks tal-Unjoni Ewropea permezz tar-Regolament Nru 207/2009 ma tidhirx li hija meħtieġa qabel tali applikazzjoni uffiċjali u, anki jekk impriża farmaċewtika xorta waħda tiddeċiedi li tirreġistra trade mark tal-Unjoni Ewropea ħafna snin qabel tali applikazzjoni, id-dewmien tal-prova klinika jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħha. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
18 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Mejju 2016, Viridis ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża inkwantu, b’dik id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell kien ċaħad l-appell tagħha kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li ċċaħħad lid-dikjarant mid-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-prodotti mediċinali għall-kura tal-isklerożi multipla. |
|
19 |
Insostenn tar-rikors tagħha, Viridis invokat tliet motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, inkwantu l-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li l-fatti u l-provi prodotti ma kinux suffiċjenti sabiex juru użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti mediċinali intiżi għall-kura tal-isklerożi multipla. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-istess dispożizzjoni, inkwantu dan il-bord qies b’mod żbaljat li l-fatti u l-provi prodotti ma kinux suffiċjenti sabiex juru raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ użu tal-imsemmija trade mark għal dak li kien jirrigwarda l-istess prodotti mediċinali. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009 u, b’mod iktar partikolari, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
|
20 |
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu. |
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
21 |
Permezz tal-appell tagħha, Viridis titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
22 |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
23 |
Hecht-Pharma titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
|
24 |
Insostenn tal-appell tagħha, Viridis tinvoka żewġ aggravji bbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, fis-sens li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta sabet li ma kien hemm l-ebda użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata, u, it-tieni, fuq ksur tal-istess dispożizzjoni, fis-sens li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li ma kien hemm l-ebda raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ użu ta’ din it-trade mark. |
Osservazzjonijiet preliminari
|
25 |
Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li Viridis u Hecht-Pharma jirreferu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1001. Madankollu, peress li, kif jirriżulta mill-punti 3 u 7 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 207/2009 japplika għal din il-kawża u li l-Artikoli 18 u 58 tar-Regolament Nru 2017/1001 jikkorrispondu għall-Artikoli 15 u 51 tar-Regolament Nru 207/2009, hemm lok li r-referenzi magħmula mill-partijiet għall-ewwel artikoli jiġu interpretati bħala referenzi għall-aħħar artikoli. |
|
26 |
Min-naħa l-oħra, iż-żewġ aggravji tal-appell, ibbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, iqajmu, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 32 u 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, kwistjonijiet ta’ liġi relatati mal-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “użu ġenwin” u ta’ “raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ użu” fis-sens tar-Regolament Nru 207/2009. B’riżultat ta’ dan, u għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Hecht-Pharma, dawn l-aggravji, li ma humiex intiżi għall-kisba ta’ evalwazzjoni ġdida tal-fatti u taċ-ċirkustanzi tal-każ, huma ammissibbli. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
27 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Viridis tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 billi vvizzjat l-evalwazzjoni tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata b’żewġ żbalji ta’ liġi. |
|
28 |
Fl-ewwel lok, Viridis tikkritika l-punt 36 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet il-prinċipju li trade mark li tkopri prodott mediċinali ma tistax tintuża b’mod ġenwin ħlief meta tingħata awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (ATS) għal dan il-prodott mediċinali. |
|
29 |
Skont din il-parti, dan il-prinċipju huwa bbażat fuq interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “użu ġenwin”, li ma huwiex iġġustifikat peress li l-atti ta’ użu eżaminati mill-Qorti Ġenerali f’dan il-każ ma kinux illegali. |
|
30 |
Viridis issostni li din l-interpretazzjoni tmur ukoll kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, l-użu ġenwin għandu jiġi evalwat każ b’każ. Użu, anki minimu, u bejgħ lil klijent wieħed jistgħu jitqiesu bħala suffiċjenti meta dawn l-atti jkunu kummerċjalment iġġustifikati. Użu estern ma jfissirx li dan bilfors irid ikun indirizzat lejn il-konsumaturi finali. |
|
31 |
Minn dan isegwi li użu ġenwin ma jistax jiġi eskluż minħabba li l-prodott inkwistjoni la jista’ jiġi kkummerċjalizzat u lanqas ma jista’ jiġi rreklamat lill-pubbliku. |
|
32 |
Għall-kuntrarju, l-interessi tal-industrija farmaċewtika għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u għandu jitqies li atti legali ta’ użu ta’ trade mark, bħal dawk imwettqa minn Viridis matul il-prova klinika inkwistjoni, jistgħu jikkostitwixxu użu ġenwin jekk dawn jidhru li huma biżżejjed fil-kuntest tal-evalwazzjoni każ b’każ. Fil-fatt, it-terminu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa insuffiċjenti għall-karatteristiċi speċifiċi tas-settur farmaċewtiku fid-dawl tan-numru mnaqqas ta’ xerrejja u n-numru limitat ta’ parteċipanti fi provi kliniċi. |
|
33 |
Fit-tieni lok, Viridis tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fl-ewwel sentenza tal-punt 39 tas-sentenza appellata, li l-użu tat-trade mark ikkontestata fi prova klinika fir-rigward ta’ terzi la jista’ jitqabbel ma’ tqegħid fis-suq u lanqas ma’ att preparatorju dirett peress li dan jaqa’ taħt użu ta’ natura interna. |
|
34 |
Skont Viridis, peress li l-Qorti Ġenerali qieset li l-użu ta’ trade mark fi prova klinika jikkostitwixxi użu intern u peress li eskludiet li tali użu jista’ jikkostitwixxi użu ġenwin, din il-qorti naqset milli tqis il-ġurisprudenza li skontha jista’ jeżisti użu ġenwin meta l-kummerċjalizzazzjoni tkun fil-proċess ta’ preparazzjoni u imminenti. Din il-ġurisprudenza tippermetti li jitqies li użu jista’ jkun ġenwin anki jekk ma jikkonċernax numru sinjifikattiv ta’ destinatarji. |
|
35 |
Viridis iżżid tgħid li l-obbligu ta’ użu ta’ trade mark irreġistrata ma huwiex għan fih innifsu u li r-rekwiżit ta’ użu huwa intiż li ma jgħabbix lir-reġistru bi trade marks mhux użati. Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu” għandha tingħata ċerta flessibbiltà, kif jidher mill-fatt li l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll il-premessa 25 tar-Regolament Nru 2017/1001 jippermettu l-użu ta’ trade mark f’forma differenti minn dik li fiha kienet ġiet irreġistrata. |
|
36 |
L-EUIPO u, sussidjarjament, Hecht-Pharma jikkontestaw il-fondatezza tal-ewwel aggravju. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
37 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Viridis issostni li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi. Fil-fatt, skont Viridis, il-Qorti Ġenerali żbaljat, minn naħa, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, meta stabbilixxiet li użu xieraq sabiex jinżammu d-drittijiet għal prodott mediċinali jkun jista’ jeżisti biss meta ATS tkun ġiet miksuba għal dan il-prodott mediċinali u, min-naħa l-oħra, fil-punt 39 ta’ dik is-sentenza, meta eskludiet li użu ta’ trade mark fi prova klinika jista’ jikkostitwixxi użu ġenwin. |
|
38 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, trade mark hija s-suġġett ta’ użu ġenwin, fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, meta tintuża, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiżgura l-identità ta’ oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq għal dawn il-prodotti u dawn is-servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-uniku għan li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark (sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 43, kif ukoll tat‑8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2017:434, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
L-użu ġenwin tat-trade mark għalhekk jimplika użu tat-trade mark fis-suq għall-prodotti jew għas-servizzi protetti mit-trade mark u mhux sempliċi użu intern mill-impriża kkonċernata. L-użu tat-trade mark għandu jkun relatat ma’ prodotti u ma’ servizzi li diġà qegħdin fis-suq jew li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, ippreparata mill-impriża għall-akkwist ta’ klijenti, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kampanji ta’ reklamar, hija imminenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 37). |
|
40 |
Għall-kuntrarju, it-twaħħil ta’ trade mark fuq prodotti li ma huma suġġetti għal ebda distribuzzjoni intiża sabiex jippenetraw fis-suq tal-prodotti koperti mir-reġistrazzjoni tat-trade mark ma jistax jitqies bħala użu ġenwin ta’ din it-trade mark, peress li dan it-twaħħil la jikkontribwixxi sabiex tinħoloq opportunità għall-prodotti u lanqas ma joħloq distinzjoni, fl-interess tal-konsumatur, mill-prodotti ġejjin minn impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2009, Silberquelle, C‑495/07, EU:C:2009:10, punt 21). |
|
41 |
L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali tagħha fin-negozju huwiex reali, b’mod partikolari l-użu meqjus bħala ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma mis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark (sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 43, u tal‑31 ta’ Jannar 2019, Pandalis vs EUIPO, C‑194/17 P, EU:C:2019:80, punt 83). |
|
42 |
F’dan il-każ, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-provi prodotti minn Viridis quddiem l-EUIPO sabiex tistabbilixxi l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata, kif imsemmija fil-punt 35 ta’ dik is-sentenza, juru li Viridis kienet wettqet atti preparatorji, li jikkonsistu fl-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ prova klinika mwettqa bil-ħsieb li tiġi ppreżentata applikazzjoni għal ATS u li jinkludu ċerti atti b’natura ta’ reklamar fir-rigward ta’ din il-prova. |
|
43 |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fl-istess punt 36, li “l-ksib biss tal-[ATS] mill-awtoritajiet kompetenti kien ta’ natura li jippermetti użu pubbliku u ddirezzjonat lejn l-estern, ta’ [din] it-trade mark” peress li l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti mediċinali tipprojbixxi r-reklamar ta’ prodotti mediċinali li għadhom ma jibbenefikawx minn ATS u, għalhekk, kwalunkwe att ta’ komunikazzjoni maħsub sabiex jikseb jew iżomm sehem mis-suq. |
|
44 |
Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid, fil-punti 37 u 38 tas-sentenza appellata, li għalkemm jista’ jkun hemm użu ġenwin qabel kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti koperti minn trade mark, dan ikun hekk biss bil-kundizzjoni li l-kummerċjalizzazzjoni tkun imminenti. Issa, f’dan il-każ, skont il-Qorti Ġenerali, Viridis ma wrietx li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott mediċinali intiż għall-kura tal-isklerożi multipla kopert mit-trade mark ikkontestata kienet imminenti, minħabba n-nuqqas tagħha li tipproduċi provi li juru li l-prova klinika kienet qrib il-konklużjoni tagħha. |
|
45 |
Fl-aħħar nett, bħala tweġiba għal xi wħud mill-argumenti ta’ Viridis, il-Qorti Ġenerali evalwat, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, iċ-ċirkustanzi konkreti tal-użu tat-trade mark ikkontestata fil-kuntest tal-prova klinika inkwistjoni u sabet, essenzjalment, li dan l-użu kien jaqa’ taħt użu intern li ma kienx stabbilit li l-volum tiegħu kien sinjifikattiv fis-settur farmaċewtiku. |
|
46 |
Fl-ewwel lok, mill-kunsiderazzjonijiet stabbiliti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jirriżulta li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza, dik il-qorti wettqet evalwazzjoni konkreta tal-fatti u taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża sabiex tiddetermina jekk l-atti ta’ użu invokati minn Viridis kinux ta’ natura li jirriflettu użu tat-trade mark ikkontestata skont il-funzjoni tagħha li tindika l-oriġini tal-prodotti inkwistjoni u skont l-iskop kummerċjali tagħha, sabiex toħloq jew iżżomm suq għall-prodotti li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata. |
|
47 |
Fir-rigward tal-argument ta’ Viridis, li skontu l-Qorti Ġenerali, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, stabbilixxiet il-prinċipju li użu ġenwin ta’ trade mark irreġistrata għal prodott mediċinali jista’ jseħħ biss meta tkun ingħatat ATS għal dan il-prodott mediċinali, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tqis, fil-kuntest tal-evalwazzjoni konkreta tagħha, il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tagħha li, konformement mal-leġiżlazzjoni applikabbli, prodott mediċinali li għadu ma ġiex awtorizzat sabiex jitqiegħed fis-suq lanqas ma jista’ jkun is-suġġett ta’ reklamar sabiex jinkiseb jew jiġi ppreżervat xi sehem mis-suq. Huwa għalhekk impossibbli li tintuża trade mark li tkopri tali prodott mediċinali fis-suq rilevanti, kuntrarjament għal dak li teżiġi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza. |
|
48 |
Għandu jingħad ukoll li l-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li l-atti ta’ użu invokati minn Viridis kienu, kif din tal-aħħar issostni, konformi mar-rekwiżiti legali applikabbli, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura ġenwina, fis-sens tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, ta’ dan l-użu, peress li dan l-użu għandu jiġi ddeterminat b’mod konkret fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni u ma jistax jiddependi esklużivament fuq in-natura legali tal-atti ta’ użu. Issa, f’dan il-każ, ma kienx hemm użu fis-suq tal-prodotti protetti mit-trade mark ikkontestata. |
|
49 |
Peress li Viridis tibbaża l-argument tagħha fuq l-insuffiċjenza allegata, għas-settur farmaċewtiku, tat-terminu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi osservat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan it-terminu japplika indipendentement mis-settur ekonomiku li taħtu jaqgħu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark inkwistjoni kienet ġiet irreġistrata. Għaldaqstant, dan l-argument huwa ineffettiv. |
|
50 |
Fit-tieni lok, bi tweġiba għal xi wħud mill-argumenti ta’ Viridis, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 39 tas-sentenza appellata msemmi fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li l-użu tat-trade mark ikkontestata fil-kuntest ta’ prova klinika la jista’ jitqabbel ma’ tqegħid fis-suq u lanqas ma’ att preparatorju dirett, iżda kellu jitqies bħala intern fin-natura tiegħu, minħabba li dan seħħ barra mill-kompetizzjoni, fi ħdan grupp limitat ta’ intervenjenti, u mingħajr il-ħsieb li jinkisbu jew jiġu ppreżervati xi ishma mis-suq. |
|
51 |
B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma injoratx il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza u invokata minn Viridis, li tgħid li jista’ jkun hemm użu ġenwin ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea meta l-prodotti koperti jkunu għadhom ma humiex fis-suq. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li tali użu jista’ jiġi kkonstatat biss bil-kundizzjoni li l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni tkun imminenti u sabet, fil-punti 38 u 39 ta’ dik is-sentenza, li Viridis ma kinitx ġabet prova li dan kien il-każ f’dan il-każ. |
|
52 |
B’mod partikolari, fl-eżami ta’ jekk l-allegat użu tat-trade mark ikkontestata kienx twettaq fir-rigward ta’ terzi u jekk il-volum ta’ użu kienx sinjifikattiv biżżejjed fid-dawl tal-kontinġenzi speċifiċi tas-settur farmaċewtiku, il-Qorti Ġenerali eżaminat, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura ġenwina ta’ dan l-użu. |
|
53 |
Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza u kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 57, 59 u 61 sa 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok li jitqies li, peress li l-użu ġenwin ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jista’ jiġi stabbilit biss b’atti ta’ użu relatati ma’ stadju qabel il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi koperti, sakemm il-kummerċjalizzazzjoni tkun imminenti, l-atti ta’ użu li jistgħu jistabbilixxu tali użu ġenwin għandhom ikollhom natura esterna u jipproduċu effetti għall-pubbliku futur ta’ dawn il-prodotti jew servizzi, anki f’tali fażi preċedenti għall-kummerċjalizzazzjoni. |
|
54 |
Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Viridis, mill-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistax jiġi dedott li ssir interpretazzjoni iktar flessibbli tal-kunċett ta’ “użu ġenwin”. |
|
55 |
Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, l-użu tat-trade mark f’forma li hija differenti minn dik li fiha ġiet irreġistrata jitqies li huwa użu fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, sakemm ma jinbidilx il-karattru distintiv tat-trade mark fil-forma li fiha din tkun ġiet irreġistrata (sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus, C‑501/15 P, EU:C:2017:750, punt 65). |
|
56 |
Għalhekk, sa fejn ma jeħtieġx konformità stretta bejn il-forma użata fil-kummerċ u dik li fiha tkun ġiet irreġistrata t-trade mark, il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż sabiex jippermetti lill-proprjetarju ta’ din tal-aħħar jagħmel fir-rigward tas-sinjal, fil-każ tal-użu kummerċjali tiegħu, il-bidliet li, mingħajr ma jibdlu l-karattru distintiv tiegħu, jippermettu li dan jiġi adattat aħjar għall-eżiġenzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus, C‑501/15 P, EU:C:2017:750, punt 66). |
|
57 |
Għalkemm il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi għal ċertu grad ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-forma tal-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni ma għandha l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni tan-natura ġenwina ta’ dan l-użu, li għandha titwettaq skont il-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza. |
|
58 |
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
59 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Viridis tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 billi eskludiet l-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ użu tat-trade mark ikkontestata. |
|
60 |
Essenzjalment, fl-evalwazzjoni tagħha tal-ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ użu, il-Qorti Ġenerali kkritikatha talli rreġistrat it-trade mark ikkontestata b’mod prematur. Għalhekk, hija kienet eskludiet il-possibbiltà li tiġġustifika n-nuqqas ta’ użu f’sitwazzjoni fejn din it-trade mark intużat fil-kuntest ta’ prova klinika għall-finijiet tal-preparazzjoni ta’ applikazzjoni għal ATS skont il-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti farmaċewtiċi meta l-applikazzjoni li tikkonċerna l-imsemmija prova ġiet ippreżentata ħafna wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark, jew meta l-mezzi finanzjarji użati ma kinux biżżejjed sabiex tiġi konkluża l-prova klinika malajr kemm jista’ jkun. |
|
61 |
Issa, fl-ewwel lok, billi insistiet dwar il-mogħdija taż-żmien, il-Qorti Ġenerali xejnet is-sens tat-terminu ta’ ħames snin imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) u fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, trade mark ta’ prodott mediċinali li għaliha dan it-terminu jkun ser jiskadi jew ikun diġà skada ma tkunx, fil-fatt, tista’ tintuża peress li hija biss il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal ATS li tista’ tiġġustifika n-nuqqas ta’ użu. It-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 51(1)(a), in fine, tar-Regolament Nru 207/2009 ma jkunx biżżejjed għal dan l-għan, peress li ma jippermettix li prova klinika tiġi konkluża. |
|
62 |
Fit-tieni lok, sa fejn jitqiesu l-mezzi finanzjarji użati, l-argument tal-Qorti Ġenerali jfisser li impriżi finanzjarjament b’saħħithom isibuha iktar faċli sabiex jaraw l-investimenti tagħhom protetti b’mod adegwat mid-dritt tat-trade marks minn impriżi finanzjarjament iktar dgħajfa. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-premessa astratta li kwantità ikbar ta’ investimenti kienet tippermetti li l-prova klinika inkwistjoni f’dan il-każ issir b’mod iktar mgħaġġel. |
|
63 |
L-EUIPO u, sussidjarjament, Hecht-Pharma jqisu li t-tieni aggravju huwa infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
64 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Viridis tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 billi eskludiet li t-twettiq ta’ prova klinika jista’ jikkostitwixxi raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ użu tat-trade mark ikkontestata. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, raġunijiet iġġustifikati għan-nuqqas ta’ użu jistgħu jopponu r-revoka ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea minħabba nuqqas ta’ użu ġenwin skont il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni. |
|
66 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma biss l-ostakli li għandhom relazzjoni diretta biżżejjed mat-trade mark li jirrendu l-użu tagħha impossibbli jew mhux raġonevoli u li huma indipendenti mir-rieda tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark li jistgħu jikkwalifikaw bħala “raġunijiet iġġustifikati” għan-nuqqas ta’ użu tagħha. Għandu jiġi evalwat, każ b’każ, jekk bidla fl-istrateġija imprenditorjali sabiex jingħeleb l-ostakolu twassalx għall-użu mhux raġonevoli tal-imsemmija trade mark (sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Häupl, C‑246/05, EU:C:2007:340, punt 54, u tas‑17 ta’ Marzu 2016, Naazneen Investments vs UASI, C‑252/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:178, punt 96). |
|
67 |
Barra minn hekk, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 19(1) tal-Ftehim TRIPS, li l-Unjoni tagħmel parti minnu u li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset fil-ġurisprudenza stabbilita fil-punt preċedenti, jelenka, fost l-eżempji ta’ raġunijiet validi li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ użu ta’ trade mark, ir-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi li huma relatati mal-prodotti jew mas-servizzi koperti minn dik it-trademark. |
|
68 |
F’dan il-każ, hija fl-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, imfakkra essenzjalment fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 61 ta’ dik is-sentenza, li, għalkemm it-twettiq ta’ prova klinika jista’ jikkostitwixxi raġuni għan-nuqqas ta’ użu ta’ trade mark, l-atti u l-avvenimenti ċċitati minn Viridis f’dan il-każ, u evalwati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 55 sa 60 tal-imsemmija sentenza, kienu fil-kamp ta’ influwenza tagħha u kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, b’mod li ma kinux jistgħu jitqiesu bħala ostakoli indipendenti mill-volontà tagħha. |
|
69 |
B’mod partikolari, mill-punti 55 sa 60 tas-sentenza appellata jirriżulta, essenzjalment, li, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali sabet li minħabba l-għażla tagħha stess, u mhux minħabba obbligu legali, Viridis kienet applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata mis-sena 2003, minkejja li kien hemm inċertezza kunsiderevoli kemm fuq id-data ta’ kummerċjalizzazzjoni kif ukoll fuq il-possibbiltà li l-prodott kopert minn din it-trade mark jiġi kkummerċjalizzat peress li dan il-prodott kien fil-fażi ta’ prova klinika. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali qieset il-fatt li d-diffikultajiet allegati matul il-prova klinika inkwistjoni, li d-data tat-tlestija tagħha baqgħet inċerta, irreferew għal investiment insuffiċjenti minn Viridis fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tas-settur ikkonċernat. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-applikazzjoni għal prova klinika min-naħa ta’ Viridis saret iktar minn tliet snin wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. |
|
70 |
Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi Viridis fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma eskludiet li prova klinika tista’ tikkostitwixxi raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ użu ta’ trade mark. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali applikat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 66 ta’ din is-sentenza billi wettqet evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi allegati quddiemha. |
|
71 |
Huwa wkoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali qieset li l-mogħdija taż-żmien bejn, minn naħa, id-dati tal-applikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata u, min-naħa l-oħra, id-data tal-bidu tal-prova klinika kif ukoll it-tul tagħha u l-mezzi finanzjarji għat-twettiq rapidu tagħha jaqgħu, bħala prinċipju, fl-isfera ta’ responsabbiltà tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark u ma setgħux, għalhekk, jiġu kklassifikati bħala ostakoli indipendenti mill-volontà ta’ dan il-proprjetarju. |
|
72 |
Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Viridis, l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali ma jwassalx sabiex ixejjen is-sens tat-terminu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. L-eżistenza ta’ dan it-terminu ma jfissirx li l-proprjetarju tat-trade mark ikkonċernata ma għandux ilesti l-preparazzjonijiet neċessarji kollha fi żmien xieraq, sabiex ikun jista’ jwettaq użu ġenwin ta’ din it-trade mark ladarba dan it-terminu jkun għadda. |
|
73 |
Fil-fatt, fid-dawl tal-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009, jidher li jekk tingħata portata kbira wisq lill-kunċett ta’ “raġunijiet iġġustifikati għan-nuqqas ta’ użu ta’ trade mark”, dan imur kontra l-istruttura tal-Artikolu 51(1)(a) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Häupl, C‑246/05, EU:C:2007:340, punt 51). |
|
74 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
75 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
76 |
Peress li l-EUIPO u Hecht-Pharma talbu l-kundanna ta’ Viridis għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet il-kawża, hemm lok li din tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-EUIPO u minn Hecht-Pharma. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.