SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

19 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1083/2006 – Artikolu 2(4) – Kunċett ta’ “benefiċjarju” – Artikolu 80 – Projbizzjoni li jsir tnaqqis fuq is-somom imħallsa – Tnaqqis speċifiku ieħor jew b’effett ekwivalenti – Kunċett – Borża ta’ studju kkofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew – Assimilazzjoni għad-dħul mill-impjieg – Żamma bħala ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq id-dħul miżjud ma’ taxxi reġjonali u komunali addizzjonali”

Fil-Kawża C‑667/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Siracusa (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Cagliari, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura

Francesca Cadeddu

vs

Agenzia delle Entrate - Direzione provinciale di Cagliari,

Regione autonoma della Sardegna,

Regione autonoma della Sardegna – Agenzia regionale per il lavoro,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tat-Tmien Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla (Relatur), E. Levits u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Cadeddu, minn G. Dore, S. Garau u A. Vinci, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Venturini, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u P. Arenas, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(4) u tal-Artikolu 80 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25).

2

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn Francesca Cadeddu u l-Agenzia delle Entrate – Provincial Direzione di Cagliari (l-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet tad-Direzzjoni tal-Provinċja ta’ Cagliari, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet”) u r-Regione autonoma della Sardegna (ir-Reġjun Awtonomu ta’ Sardegna, l-Italja) u r-Regione autonoma della Sardegna – Agenzia regionale per il lavoro (ir-Reġjun Awtonomu ta’ Sardegna – Aġenzija Reġjonali għall-Impjieg, l-Italja) dwar iż-żamma magħmula fuq is-somma mogħtija lil F. Cadeddu bħala borża ta’ studju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini li ġejjin għandhom ikollhom it-tifsiriet mogħtija lilhom hawnhekk:

[…]

3)

‘operazzjoni’: proġett jew grupp ta’ proġetti magħżula mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operattiv konċernat jew taħt ir-responsabbiltà tagħha skond kriterji stabbiliti mill-kumitat ta’ monitoraġġ u implementati minn benefiċjarju wieħed jew aktar sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-għanijiet ta’ l-assi prijoritarju li miegħu dan il-proġett ikollu x’jaqsam;

4)

‘benefiċjarju’: operatur, korp jew kumpannija, kemm jekk pubbliċi jew privati, responsabbli sabiex jinbdew jew jinbdew u jiġu implementati operazzjonijiet. Fil-kuntest ta’ l-iskemi ta’ għajnuna taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat [KE], il-benefiċjarji jkunu kumpanniji pubbliċi jew privati li jwettqu azzjoni individwali u jirċievu għajnuna pubblika;

[…]”

4

Skont l-Artikolu 80 tal-istess regolament, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li l-korpi responsabbli sabiex jagħmlu l-ħlasijiet jiżguraw li l-benefiċjarji jirċievu l-ammont totali tal-kontribuzzjoni pubblika mill-aktar fis possibbli, u kollu kemm hu. L-ebda ammont m’għandu jitnaqqas jew jinżamm u l-ebda spiża speċifika jew spiża oħra b’effett ekwivalenti m’għandha tiġi imposta li tkun tnaqqas dawn l-ammonti għall-benefiċjarji”.

Id-dritt Taljan

5

Id-decreto del Presidente della Republica n. 917 – Approvazione del testo unico delle imposte sui redditi (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 917, li fih Approvazzjoni tat-Test Uniku tat-Taxxi fuq id-Dħul) tat‑22 ta’ Diċembru 1986 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tal‑31 ta’ Diċembru1986), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il-quddiem it-“TUIR”), jipprevedi fl-Artikolu 50(1)(c):

“1.   Jitqiesu simili għad-dħul minn impjieg:

[…]

c)

l-ammonti mħallsa minn kwalunkwe persuna bħala borża ta’ studju jew allowance, premju, jew sussidju għal skopijiet ta’ studji jew taħriġ professjonali, jekk ma tkun teżisti l-ebda relazzjoni ta’ impjieg bejn il-benefiċjarju u l-pagatur;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

Id-Direzione Generale dell’Assessorato del Lavoro, Formazione Professionale, Cooperazione e Sicurezza Sociale (id-Direttorat Ġenerali tal-Ministeru Reġjonali għall-Impjiegi, it-Taħriġ Professjonali, il-Kooperazzjoni u s-Sigurtà Soċjali, l-Italja) għażel, bħala awtorità ta’ ġestjoni għall-programm operattiv sabiex issaħħaħ is-sistema tal-edukazzjoni għolja f’Sardegna (l-Italja), il-finanzjament tal-programm “Master and Back” li kien jikkonsisti, b’mod partikolari, fl-appoġġ tal-istudenti li huwa fis-sistema posatuniversitarja kif ukoll tar-riċerkaturi.

7

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ April 2011, ir-Reġjun Awtonomu ta’ Sardegna – Aġenzija Reġjonali għall-Impjiegi ta lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali borża ta’ studju ta’ ammont ta’ EUR 69818, ikkofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

8

Fil-mument tal-għoti ta’ din il-borża, ir-Reġjun Awtonomu ta’ Sardegna - Aġenzija Reġjonali għall-Impjieg, għan-nom tal-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet, għamel tnaqqis ta’ ħlas bil-quddiem fuq it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi ta’ ammont ta’ EUR 19 481.29, miżjud bit-taxxi reġjonali u komunali addizzjonali, li jammontaw, rispettivament, għal EUR 859.28 u EUR 349.

9

Peress li qiest li dan it-tnaqqis huwa kuntrarju għall-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet ir-rimbors tagħhom mill-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet.

10

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ April 2016, l-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet ċaħdet din it-talba għar-raġuni, minn naħa, li borża ta’ studju għandha tkun assimilata, konformement mal-Artikolu 50(1)(c) tat-TUIR, għal dħul u, min-naħa l-oħra, li d-detentur ta’ borża ta’ studju ma jistax jiġi kklassifikat bħala “benefiċjarju” tal-kofinanzjament fis-sens tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006.

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Commissione Tributaria Provinciale di Cagliari (il-Kummissjoni Fiskali tal-Provinċja ta’ Cagliari, l-Italja) fit‑30 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, billi invokat prinċipalment kontradizzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1083/2006 li jipprojbixxu kwalunkwe tnaqqis jew żamma fuq l-ammonti mogħtija lill-benefiċjarji, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-boroż ta’ studju huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul.

12

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “benefiċjarju”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 1083/2006, ikoprix ukoll persuna fiżika li hija d-detentur ta’ borża ta’ studju u jekk il-kunċett ta’ “tnaqqis jew żamma”, previst fl-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006, ikoprix id-dħul kopert mid-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi. Hija tispeċifika li l-ġurisprudenza Taljana ma hijiex uniformi fuq dan is-suġġett, peress li xi qrati Taljani jaċċettaw it-tnaqqis li jsir fuq l-ammonti ffinanzjati mill-FSE, waqt li oħrajn jirrifjutaw dan.

13

F’dawl iċ-ċirkustanzi, il-Commissione tributaria provinciale di Cagliari (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Cagliari) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 80 tar-Regolament [Nru 1083/2006] u l-Artikolu 2(4) tal-istess regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 50(1)(c) [tat-TUIR], li skontha huma assimilati mad-dħul minn impjieg “[…] l-ammonti mħallsa minn kwalunkwe persuna bħala borża ta’ studju jew allowance, premju, jew sussidju għal skopijiet ta’ studji jew taħriġ professjonali, jekk ma tkun teżisti l-ebda relazzjoni ta’ impjieg bejn il-benefiċjarju u l-pagatur”, liema ammonti huma konsegwentement suġġetti għat-taxxa ġenerali fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi, anki jekk il-borża ta’ studju tkun tħallset permezz ta’ fondi strutturali Ewropej?“

Fuq id-domanda preliminari

14

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(4) tal-istess regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi l-ammonti mogħtija lilha bħala borża ta’ studju mill-korp pubbliku responsabbli għall-implimentazzjoni tal-proġett magħżul mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operattiv ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu2(3) tal-imsemmi regolament u ffinanzjat permezz ta’ fondi strutturali Ewropej.

15

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C‑319/02, EU:C:2004:484, punt 19, u tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Porto Antico di Genova, C‑427/05, EU:C:2007:630, punt 10).

16

B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex tostakola t-tħaddim tal-mekkaniżmi stabbiliti fil-kuntest tal-fondi strutturali kif previst mir-Regolament Nru 1083/2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Porto Antico di Genova, C‑427/05, EU:C:2007:630, punt 10).

17

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006 jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li l-korpi responsabbli sabiex jagħmlu l-ħlasijiet jiżguraw li l-benefiċjarji jirċievu l-ammont totali tal-kontribuzzjoni pubblika mill-aktar fis possibbli, u kollu kemm hu”.

18

Billi tipprojbixxi kwalunkwe żamma fuq l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006 sempliċement ifakkar ir-regola tal-ħlas sħiħ tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, li diġà kienet tinsab f’leġiżlazzjoni oħra, b’mod partikolari, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad‑19 ta’ Diċembru 1988 dwar dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 f’dak li jikkonċerna l-koordinazzjoni bejn l-interventi tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment u ta’ strumenti finanzjarji oħra eżistenti, min-naħa l-oħra (ĠU 1988, L 374, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93 tal‑20 ta’ Lulju 1993 (ĠU 1993 L 193, p. 20).

19

Fir-rigward ta’ dan l-artikolu, li skontu “[i]l-ħlasijiet għandhom isiru lill-benefiċjarji finali mingħajr ebda tnaqqis jew żamma li jista’ jnaqqas l-ammont tal-għajnuna finanzjarja li huma intitolati għalihom”, [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li din il-projbizzjoni ta’ tnaqqis ma tistax tiġi interpretata b’mod purament formali u għandha neċessarjament testendi għall-ħlasijiet kollha li għandhom relazzjoni diretta u intrinsika mas-somom imħallsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑84/04, EU:C:2006:640, punt 35, u tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Porto Antico di Genova, C‑427/05, EU:C:2007:630, punt 13).

20

Min-naħa l-oħra, żamma li hija indipendenti mill-eżistenza tal-ammont ta’ sussidji tal-Unjoni u li ma hijiex speċifikament marbuta mal-ammonti allokati, iżda li tapplika b’mod indiskriminat għad-dħul kollu tal-benefiċjarju finali, ma tostakolax it-tħaddim tal-mekkaniżmi istitwiti mid-dritt tal-Unjoni, minkejja li għandha l-effett li tnaqqas l-ammont ta’ sussidji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Porto Antico di Genova, C‑427/05, EU:C:2007:630, punti 16 u 18).

21

Minħabba li d-diversi miżuri ta’ appoġġ għandhom komuni bejniethom il-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni Ewreopea u li r-regoli ta’ ħlas applikabbli għal dawn il-miżuri għandhom ikunu suġġetti għall-istess interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑84/04, EU:C:2006:640, punt 32), il-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ ħlas sħiħ tal-għajnuna finanzjarja fir-rigward tal-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4253/88, kif emendat bir-Regolament Nru 2082/93, tibqa’ applikabbli fir-rigward tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006.

22

Madankollu, għandhom jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tad-diversi mekkaniżmi inkwistjoni. Fil-fatt, bil-kontra ta’ testi leġiżlattivi oħra li, meta jużaw it-terminu “benefiċjarju finali”, jirreferu għal-persuna, fiżika jew ġuridika, li lilha jingħataw is-somom mogħtija, l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 1083/2006 jiddefinixxi b’mod espressament il-kunċett ta’ “benefiċjarju” bħala “operatur, korp jew kumpannija, kemm jekk pubbliċi jew privati, responsabbli sabiex jinbdew jew jinbdew u jiġu implementati operazzjonijiet”.

23

Konformement mal-Artikolu 2(3) tal-istess regolament, it-terminu “operazzjonijiet” jikkorrispondi għal “proġett jew grupp ta’ proġetti magħżula mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operattiv konċernat […] u implementat minn benefiċjarju wieħed jew aktar sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-għanijiet ta’ l-assi prijoritarju li miegħu dan il-proġett ikollu x’jaqsam”.

24

Konsegwentement, il-ħlas sħiħ tal-għajnuna previst mill-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006 jkopri dak li jsir lill-operaturi, korpi jew impriżi, responsabbli sabiex jinbdew jew li jinbdew u jiġu implimentati l-proġetti magħżula mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operattiv ikkonċernat sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-għanijiet tal-assi prijoritarju msemmi.

25

F’dan il-każ, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtorità ta’ ġestjoni għażlet, fil-kuntest tal-programm operattiv sabiex issaħħaħ is-sistema tal-edukazzjoni għolja f’Sardegna (l-Italja), il-proġett “Master and Back” li jikkonsisti fl-għoti ta’ boroż ta’ studju għal studenti postuniversitarji kif ukoll riċerkaturi, li l-għażla tagħhom hija tar-Reġjun Awtonomu ta’ Sardegna – Aġenzija Reġjonali għall-Impjieg fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-imsemmi proġett.

26

Minn dan isegwi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minkejja li hija kienet personalment irċeviet l-ammonti mogġtija fil-kuntest tal-proġett magħżul u kkofinanzjat mill-FSE, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 1083/2006, peress li din il-klassifikazzjoni hija tar-Reġjun Awtonomu ta’ Sardegna – Aġenzija Reġjonali għall-Impjieg all-impjieg. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ħlas sħiħ tal-ammonti mogħtija mill-baġit tal-Unjoni, previst fl-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006, għandu japplika għal dan tal-aħħar.

27

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(4) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi l-ammonti li huma mogħtija lilha bħala boroż ta’ studju mill-korp pubbliku responsabbli għall-implimentazzjoni tal-proġett magħżul mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm opeattiv ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament, u ffinanzjat permezz tal-fondi strutturali Ewropej.

Fuq l-ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 80 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°1083/2006 tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 2(4) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi l-ammonti li huma mogħtija lilhom bħala boroż ta’ studju mill-korp pubbliku responsabbli għall-implimentazzjoni tal-proġett magħżul mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm opeattiv ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament, u ffinanzjat permezz tal-fondi strutturali Ewropej.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.