Kawża C-617/17

Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie S.A.

vs

Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ April 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 82 KE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 3(1) – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali li timponi multa fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali u multa fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Applikabbiltà”

  1. Pożizzjoni dominanti – Regoli tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Applikazzjoni parallela – Konsegwenzi – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali fl-assenza tal-ftuħ mill-Kummissjoni ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003 – Obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali li japplikaw ukoll l-Artikolu 82 KE

    (Artikolu 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 3(1))

    (ara l-punti 25, 26)

  2. Kompetizzjoni – Multi – Deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li timponi multa fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali u multa fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni – Ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem – Assenza – Kundizzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    (Artikoli 10 u 82 KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 3(1) u 5)

    (ara l-punti 28 sa 39 u d-dispożittiv)

Sunt

Fis-sentenza Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie (C-617/17), mogħtija fid-3 ta’ April 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Din is-sentenza ngħatat fil-kuntest ta’ kawża bejn Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie S.A., kumpannija tal-assigurazzjoni, u l-awtorità Pollakka tal-kompetizzjoni, dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li timponilha, minħabba abbuż minn pożizzjoni dominanti, multa fuq il-bażi ta’ ksur tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni u multa fuq il-bażi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jipprekludix li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni timponi fuq impriża, fl-ambitu tal-istess deċiżjoni, multa għal ksur tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni u multa għal ksur tal-Artikolu 82 KE. F’sitwazzjoni bħal din, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għandha madankollu tiżgura ruħha li l-multi meqjusa flimkien ikunu proporzjonati fid-dawl tan-natura tal-ksur.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li mill-ġurisprudenza tagħha jirriżulta li l-imsemmi prinċipju huwa intiż sabiex jipprekludi li impriża tiġi kkundannata jew imħarrka mill-ġdid, u dan jippreżumi li din l-impriża tkun ġiet ikkundannata jew iddikjarata mhux responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-prinċipju ne bis in idem ma huwiex intiż sabiex japplika f’sitwazzjoni fejn l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tapplika b’mod parallel, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 1 ), id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni u r-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u tissanzjona, skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, impriża billi timponilha, fl-ambitu tal-istess deċiżjoni, multa għall-ksur ta’ dan id-dritt u multa għall-ksur ta’ dawn ir-regoli.


( 1 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1).