SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

27 ta’ Frar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Regolament (KE) Nru 1008/2008 – Kumpannija ta’ trasport bl-ajru – Proċedura ta’ riprivatizzazzjoni – Bejgħ ta’ ishma rappreżentattivi li jammontaw għal-61 % tal-kapital azzjonarju – Kundizzjonijiet – Obbligu ta’ żamma tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva fi Stat Membru – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Obbligu ta’ żamma u ta’ żvilupp ta’ ċentru operattiv (hub) nazzjonali eżistenti”

Fil-Kawża C‑563/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Settembru 2017, fil-proċedura

Associação Peço a Palavra

João Carlos Constantino Pereira Osório,

Maria Clara Marques Pires Sarmento Franco,

Sofia da Silva Santos Arauz,

Maria João Galhardas Fitas

vs

Conselho de Ministros,

fil-preżenza ta’:

Parpública – Participações Públicas SGPS SA,

TAP Transportes Aéreos Portugueses SGPS SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President de la Cour, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, A. Prechal (Relatur) u C. Toader, A. Rosas u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Parpública – Participações Públicas SGPS SA, minn M. Mendes Pereira, advogado,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u A. Duarte de Almeida, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Costa de Oliveira kif ukoll minn L. Malferrari u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49, 54, 56 u 57 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 2, 16 u 17 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Associação Peço a Palavra, assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Portugiż, kif ukoll erba’ persuni fiżiċi ta’ nazzjonalità Portugiża (iktar ’il quddiem, flimkien, “APP et”) Conselho de Ministros (il-Kunsill tal-Ministri, il-Portugall), dwar il-validità ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ċerti kundizzjonijiet li japplikaw il-proċedura tal-privatizzazzjoni indiretta ta’ TAP – Transportes Aéreos Portugueses SA (iktar ’il quddiem “TAP”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2006/123

3

Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 2006/123, “[s]ervizzi ta’ trasport, inkluż trasport urban, taxis u ambulanzi kif ukoll servizzi fil-portijiet, għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”.

4

Mill-Artikolu 2(2)(d) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din ma tapplikax għal servizzi fil-qasam tat-trasport, inklużi servizzi portwali, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat KE, li sar it-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE.

5

Il-Kapitolu IV tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Moviment Liberu ta’ Servizzi”, jinkludi l-Artikolu 16 tagħha, li jistabbilixxi l-modalitajiet li jippermettu lill-fornituri ta’ sevizzi jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti, u l-Artikolu 17, li jelenka derogi minn dan id-dritt.

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008

6

Il-premessi 10 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3), jipprovdu:

“(10)

Sabiex jiġi komplut is-suq intern ta’ l-avjazzjoni, għandhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet li għadhom jeżistu u li huma applikati bejn l-Istati Membri, bħar-restrizzjonijiet dwar il-code-sharing fuq rotot lejn pajjiżi terzi jew dwar l-iffissar tal-prezzijiet fuq rotot lejn pajjiżi terzi b’waqfa intermedja fi Stat Membru ieħor […]

(11)

Sabiex jittieħed kont tal-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet tar-reġjuni l-aktar ‘il bogħod, b’mod partikolari d-distanza, l-insularità u d-daqs żgħir tagħhom, u tal-ħtieġa li jsir kollegament adegwat bejnhom u r-reġjuni ċentrali tal-Komunità, jistgħu jkunu ġustifikati arranġamenti speċjali fir-rigward tar-regoli dwar il-perijodi ta’ validità tal-kuntratti għall-obbligi tas-servizz pubbliku li jkopru rotot għal tali reġjuni.

(12)

Il-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu imposti l-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar u inekwivoku, filwaqt li l-proċeduri assoċjati tat-tfigħ ta’ l-offerti għandhom jippermettu li numru biżżejjed ta’ kompetituri jkunu jistgħu jieħdu sehem fit-tfigħ ta’ l-offerti. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tikseb informazzjoni kemm ikun meħtieġ sabiex tkun tista’ tistħarreġ il-ġustifikazzjonijiet ekonomiċi għall-obbligi tas-servizz pubbliku għal każi individwali.”

7

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)

‘operattiva’ tfisser awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji lil xi impriża, li jippermettilha li tipprovdi servizzi ta’ l-ajru kif indikat fil-liċenzja operattiva;

[…]

8)

‘ċertifikat ta’ operatur ta’ l-ajru (ĊOA)’ tfisser ċertifikat mogħti lil impriża li jikkonferma li l-operatur għandu l-abbiltà professjonali u organizzattiva biex jiżgura s-sikurezza ta’ operazzjonijiet speċifikati fiċ-ċertifikat, kif previst fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Komunitarja jew tal-liġi nazzjonali, skond kif applikabli;

9)

‘kontroll effettiv’ tfisser relazzjoni kostitwita permezz ta’ jeddijiet, kuntratti jew kull mezz ieħor li, jew separatament jew konġuntament u b’kont meħud tal-konsiderazzjonijiet ta’ fatt jew liġi involuta, jagħtu l-possibbiltà li direttament jew indirettament tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq xi impriża, b’mod partikolari permezz ta’:

a)

id-dritt li jintużaw l-assi kollha jew parti minnhom ta’ impriża;

b)

jeddijiet jew kuntratti li jagħtu influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ xi impriża jew b’xi mod ieħor jinfluwenzaw b’mod deċiżiv it-tmexxija ta’ l-operat kummerċjali ta’ l-impriża.

10)

‘trasportatur ta’ l-ajru’ tfisser impriża b’liċenzja operattiva valida jew l-ekwivalenti;

11)

‘trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju’ tfisser trasportatur ta’ l-ajru li jkollu liċenzja operattiva valida maħruġa minn awtorità kompetenti tal-liċenzji skond il-Kapitolu II;

[…]

14)

“dritt tat-traffiku” tfisser id-dritt ta’ operazzjoni ta’ servizz ta’ l-ajru bejn żewġ ajruporti Komunitarji;

[…]

26)

‘post prinċipali tan-negozju’ tfisser l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat ta’ trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju fl-Istat Membru li fih jiġu eżerċitat l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operattiv, inkluża l-ġestjoni kontinwa ta’ airworthiness, tat-trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju.”

8

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1008/2008, intitolat “Liċenzja Operattiva”, jinkludi l-Artikolu 4 ta’ dan tal-aħħar, li jipprovdi:

“Impriża għandha tingħata liċenzja operattiva minn awtorità kompetenti tal-liċenzji ta’ Stat Membru sakemm:

a)

is-sede ewlenija tan-negozju tagħha tkun f’dak l-Istat Membru;

b)

ikollha ĊOA validu maħruġ minn awtorità nazzjonali ta’ l-istess Stat Membru li l-awtorità kompetenti tal-liċenzji tiegħu tkun responsabbli mill-għoti, ċħid, revoka jew sospensjoni tal-liċenzja operattiva tat-trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju;

[…]

f)

Stati Membri u/jew ċittadini ta’ Stati Membri ikollhom id-dritt ta’ proprjetà fuq aktar minn 50 % ta’ l-impriża u effettivament jikkontrollawha, sew direttament jew indirettament permezz ta’ impriza intermedja waħda jew aktar, ħlief kif previst fi ftehim ma’ pajjiż terz li għalih il-Komunità tkun parti,

[…]”

9

L-Artikolu 8(1), (5) u (7) tar-Regolament Nru 1008/2008 jipprovdi li:

“1.   Liċenzja operattiva għandha tkun valida sakemm it-trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu.

Trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju għandu f’kull ħin ikun kapaċi li juri lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji li huwa jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ dan il-Kapitolu.

[…]

5.   Trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji:

[…]

b)

qabel kwalunkwe merger jew akkwiżizzjoni maħsuba;

[…]

7.   Għar-rigward ta’ trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji liċenzjati minnha, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tiddeċiedi jekk il-liċenzja operattiva għandhiex tiġi ppreżentata mill-ġdid għall-approvazzjoni f’każ ta’ bidla f’element wieħed jew iżjed li jinċidu fuq is-sitwazzjoni legali ta’ trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju u, b’mod partikolari, fil-każ ta’ merger jew akkwiżizzjoni.

[…]”

10

Fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1008/2008, intitolat “Aċċess għar-rotot”, l-Artikolu 15 ta’ dan tal-aħħar jipprovdi:

“1.   It-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji għandhom ikunu intitolati joperaw servizzi ta’ l-arju intra-Komunitarji.

2.   L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw l-operat ta’ servizzi ta’ l-arju intra-Komunitarji minn trasportatur ta’ l-ajru Komunitarju għal permess jew awtorizzazzjoni. L-Istati Membri m’għandhomx jesiġu li trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji jipprovdu dokumenti jew informazzjoni li jkunu diġa pprovdew lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji, sakemm l-informazzjoni rilevanti tista’ tinkiseb mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji fiż-żmien dovut.

[…]”

11

L-imsemmi Artikolu 15 jistabbilixxi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu, regoli dwar ftehimiet ta’ qsim tal-kodiċi li t-trasportaturi tal-ajru Komunitarji għandhom jitħallew jikkonkludu.

12

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1008/2008, intitolat “Prinċipji ġenerali għall-obbligi ta’ servizz pubbliku” u li jinsab ukoll fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Stat Membru, wara konsultazzjonijiet ma’ l-Istati Membri l-oħra konċernati u wara li jkun informa lill-Kummissjoni, lill-ajruporti konċernati u lit-trasportaturi ta’ l-ajru li joperaw fuq ir-rotta, jista’ jimponi obbligu ta’ servizz pubbliku fir-rigward ta’ servizzi ta’ l-ajru skedati bejn ajruport fil-Komunità u ajruport li jservi reġjun periferiku jew ta’ żvilupp fit-territorju tiegħu jew fuq rotta b’densità ta’ traffiku baxxa lejn kwalunkwe ajruport fit-territorju tiegħu meta dik ir-rotta tkun meqjusa vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun li l-ajruport iservi. Dik l-obligazzjoni tista’ biss tiġi imposta sal-limitu meħtieġ biex ikun żgurat fuq dik ir-rotta l-għoti minimu ta’ servizzi ta’ l-ajru skedati li jkunu jissodisfaw l-istandards stabbiliti ta’ kontinwità, regolarità, prezz jew kapaċità minima, li t-trasportaturi ta’ l-ajru ma jassumux kieku jqisu biss l-interess kummerċjali tagħhom.

L-istandards fissi imposti fuq ir-rotta suġġetta għal dak l-obbligu ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu stabbiliti b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju.

[…]

4.   Meta Stat Membru jkun jixtieq jimponi obbligu ta’ servizz pubbliku, għandu jikkomunika t-test ta’ l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku li tkun qed tiġi kkunsidrata lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra konċernati, lill-ajruporti konċernati u lit-trasportaturi ta’ l-ajru li joperaw ir-rotta in kwistjoni.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż ta’ informazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea:

a)

li jidentifika ż-żewġ ajruporti konnessi mir-rotta konċernata u punt(i) ta’ waqfien intermedji possibbli,

b)

isemmi d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku; u

ċ)

jindika l-indirizz komplut fejn it-test u kull informazzjoni rilevanti u/jew dokumentazzjoni marbuta ma’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku għandha tkun disponibbli mingħajr dewmien u bla ħlas mill-Istat Membru konċernat.”

Id-dritt Portugiż

13

Permezz tad-Digriet Liġi Nru 181-A/2014 tal-24 ta’ Diċembru 2014 (Diário da República, serje I, Nru 248, tal-24 ta’ Diċembru 2014), il-Kunsill tal-Ministri stabilixxa l-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni ta’ TAP, li jikkonsisti, b’mod partikolari f’bejgħ dirett imsejjaħ “ta’ riferiment” li jirrapreżenta sal-61% tal-ishma kumpannija omm ta’ TAP, il-kumpannija holding TAP – Transportes Aéreos Portugueses, SGPS, SA (iktar ’il quddiem it-“TAP SGPS”)

14

Il-premessi ta’ dan id-digriet liġi jipprovdu, b’mod partikolari:

“[H]ija kwistjoni ta’ kumpannija b’rabta kbira mal-pajjiż, rabta li trid tinżamm u għalhekk hija relevanti għall-preferenza taż-żamma tal-vokazzjoni karatteristika tagħha li tkun il-‘kumpannija tal-bandiera’. Il-Gvern iqis li l-proċedura tal-riprivatizzazzjoni ta’ TAP għandha tirrispetta l-importanza strateġika ta’ “hub nazzjonali”, bħala element fundamentali tar-relazzjonijiet bejn l-Ewropa, l-Afrika u l-Amerika Latina, inklużi l-operazzjonijiet tal-ajru TAP huma element kruċjali li, fid-dawl ukoll l-importanza tar-rabtiet interni, speċjalment dawk li jiżguraw ir-rabta bejn it-territorju kontinentali u l-gżejjer, li huma fundamentali għall-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali u soċjali u l-iżvilupp ekonomiku”.

15

L-Artikolu 4(3) tad-Digriet-Liġi Nru 181-A/2014 jelenka kriterji tal-għażla tal-intenzjonijiet ta’ xiri bil-għan li jiġu aċċettati x-xerrejja potenzjali li jipparteċipaw fl-istadji li sussegwenti tal-proċedura ta’ bejgħ dirett u għall-għażla tal-offerti. Huwa jipprevedi li l-kundizzjonijiet speċifiċi xierqa għandhom jiġu stabbiliti b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri.

16

Skont l-Artikolu 8 ta’ dan id-digriet liġi, intitolat “Regolamentazzjoni”:

“1.   Il-kundizzjonijiet finali u konkreti tal-operazzjonijiet li kellhom jitwettqu fil-kuntest tar-riprivatizzazzjoni ta’ TAP SGPS u l-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija ill-Kunsill tal-Ministri taħt dan id-digriet huma stabbiliti mill-adozzjoni ta’ waħda jew ta’ diversi riżoluzzjonijiet.

2.   F’dak li jirrigwarda l-bejgħ dirett ta’ riferiment, il-Kunsill tal-Ministri, b’mod partikolari għandu:

a)

japprova l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ dawn it-tranżazzjonijiet u li jissuġġettaw l-ishma akkwistati u sottoskritti għall-iskema ta’ nuqqas tad-disponibbiltà;

[…]”

17

Abbażi tal-Artikolu 8 tad-Digriet-Liġi Nru 181-A/2014, fil-15 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill tal-Ministri adotta d-Deċiżjoni Nru 4-A/2015 (Diário da República, serje I, Nru 13, tal-20 ta’ Jannar 2015), li fihom, b’mod partikolari, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jirregola l-bejgħ dirett ta’ riferiment, li jinsab fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni u li jiffurmaw parti integrali minnu (iktar ’il quddiem l-“ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt”).

18

L-Artikolu 1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“1.   Dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jirregolaw it-termini u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ dirett ta’ riferiment ta’ ishma rappreżentattivi tal-kapital azzjonarju ta’ [TAP SGPS], previst fil-qafas tal-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni indiretta tal-kapital azzjonarju ta’ [TAP SA]. […]

2.   Il-bejgħ dirett ta’ riferiment għandu jinkludi t-trasferiment, permezz ta’ negozjar partikolari ta’ lott jew lottijiet indiviżibbli ta’ ishma rappreżentattivi tal-kapital azzjonarju ta’ [TAP SGPS], lil investitur jew investituri nazzjonali jew barranin, individwalment jew b’mod kollettiv.

3.   Il-bejgħ dirett ta’ riferiment tal-ishma msemmija fil-punt preċedenti jiġi konkluż ma offerent jew offerenti li jintgħażlu bħala xerrejja tal-ishma suġġetti għall-bejgħ dirett.

4.   Fil-qasam tal-bejgħ dirett ta’ riferiment, l-ishma li jinxtraw mill-offerent jew mill-offerenti magħżula jiġu ttrasferiti minn Parpública — Participações Públicas (SGPS), S.A.”

19

Skont l-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt intitolat “Kriterji ta’ selezzjoni”:

“Il-kriterji tal-għażla ta’ waħda jew diversi entitajiet li jixtru azzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1(2) huma dawn li ġejjin:

a)

Il-kontribut għat-tisħiħ tal-kapaċità ekonomika-finanzjarja ta’ [TAP SGPS] u ta’ [TAP SA] u tal-istruttura tal-kapital tagħhom, b’mod partikolari, il-kwalità tal-pjan ta’ kapitalizzazzjoni […], b’tali mod li jkunu ta’ kontribut għas-sostenibbiltà u għall-valorizzazzjoni tal-kumpanniji u għat-tkabbir tal-attività tagħhom, kif ukoll il-preservazzjoni tal-valur u tal-piż relattiv tal-kapital li jifdal ta’ sjieda tal-Istat u tal-valur tal-għażla ta’ bejgħ.

[…]

c)

Il-preżentazzjoni u l-garanzija ta’ implimentazzjoni ta’ proġett strateġiku xieraq u konsistenti, li jieħu inkunsiderazzjoni l-preservazzjoni u l-promozzjoni tat-tkabbir ta’ [TAP] u li jiżgura l-kisba tal-għanijiet imfassla mill-Gvern għall-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni, il-promozzjoni tat-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva tagħha bħala operatur ta’ trasport bl-ajru fuq livell globali fis-swieq eżistenti attwalment u fi swieq ġodda, iż-żamma tal-integrità, l-identità professjonali u l-awtonomija tal-Grupp TAP, b’mod partikolari billi tinżamm it-trade mark TAP u l-assoċjazzjoni tagħha mal-Portugall u jiġi żgurat li s-sede u l-amministrazzjoni effettiva tal-Grupp TAP jibqgħu bbażati fil-Portugall, il-kontribut għall-preservazzjoni u għall-iżvilupp tal-kwalitajiet operattivi u kummerċjali tal-Grupp TAP, u l-valorizzazzjoni u l-iżvilupp tar-riżorsi umani tiegħu.

d)

Il-kapaċità li jiġi żgurat it-twettiq, f’waqtu u b’mod xieraq, tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li kieku jaqgħu fuq [TAP], inkluż dak li jirrigwarda l-konnessjonijiet bl-ajru bejn l-ajruporti nazzjonali ewlenin u tar-reġjuni awtonomi, fejn xieraq, kif ukoll il-kontinwità u t-tisħiħ ta’ rotot li joffru servizzi lir-reġjuni awtonomi, lill-komunitajiet Portugiżi bbażati barra mill-pajjiż u lill-pajjiżi u l-komunitajiet ta’ espressjoni jew lingwa uffiċjali Portugiża.

e)

Il-kontribut għat-tkabbir tal-ekonomija nazzjonali, inkluż dak li jirrigwarda ż-żamma u l-iżvilupp tal-hub nazzjonali attwali, bħala pjattaforma ta’ importanza strateġika kruċjali fir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa, l-Afrika u l-Amerika Latina.

[…]”

20

Permezz tad-Deċiżjoni Nru 32-A/2015, tal-21 ta’ Mejju 2015 (Diário da República, serje I, Nru 98, tal-21 ta’ Mejju 2015), il-Kunsill tal-Ministri kkunsidra, wara l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni, li offerta ta’ xiri waħda kellha tiġi miċħuda, peress li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u żewġ offerenti oħra li l-offerta tiegħu kienet essenzjalment ekwivalenti għandhom jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fil-fażi ta’ negozjati, it-tieni stadju tal-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni.

21

Permezz tad-Deċiżjoni Nru 38-A/2015, tal-11 ta’ Ġunju 2015 (Diário da República, serje I, Nru 113, tat-12 ta’ Ġunju 2015), diversi kumpanniji li jappartjenu għall-grupp Gateway ġew magħżula sabiex jakkwistaw ishma li jirrappreżentaw 61 % tal-kapital azzjonarju ta’ TAP SGPS. L-offerta konkreta mtejba mressqa minn dawn il-kumpanniji kienet meqjusa bħala superjuri f’termini ta’ rispett tal-kriterji tal-għażla msemmija fl-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kontribuzzjoni għat-tisħiħ tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-grupp TAP.

22

Fl-24 ta’ Ġunju 2015, ġie ffirmat kuntratt li bih Parpública - Participações Públicas (SGPS) SA (iktar ’il quddiem “Parpública”) kienet aċċettat li tbiegħ 61 % tal-kapital azzjonarju ta’ TAP SGPS lill-kumpanniji tal-grupp Gateway, għall-prezz ta’ EUR 10 miljun. Dan il-bejgħ kien suġġett għal ċerti kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfatti sa mhux iktar tard mill-24 ta’ Ġunju 2016.

23

Permezz tad-Deċiżjoni Nru 30/2016, tad-19 ta’ Mejju 2016 (Diário da República, serje I, Nruo99, tat-23 ta’ Mejju 2016), il-Kunsill tal-Ministri ħa nota tal-Memorandum ta’ Ftehim iffirmat fis-6 ta’ Frar 2016 bejn l-Istat Portugiż u Atlantic Gateway SGPS Lda, biex jiddefinixxu mill-ġdid it-termini u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-Istat Portugiż fil-kapital azzjonarju ta’ TAP SGPS. Permezz ta’ dan il-ftehim, l-ewwel waħda minn dawn il-kumpanniji aċċettat lura Parpública l-għadd ta’ azzjonijiet meħtieġa sabiex jiżgura li l-Istat Portugiż għandu 50 % tal-kapital azzjonarju ta’ TAP SGPS.

24

Wara dan il-ftehim, il-kumpanniji tal-grupp Gateway u l-Istat Portugiż għandhom, rispettivament, 45 % u 50 % tal-kapital azzjonarju ta’ TAP SGPS, ir-rimanenti 5 % huma miżmuma mill-impjegati tal-grupp TAP.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25

APP et ippreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), fejn talbu li tiġi kkonstatata n-nullità jew li tiġi annullata d-Deċiżjoni Nru 4-A/2015 tal-Kunsill tal-Ministri, tal-15 ta’ Jannar 2015, li tinkludi l-ispeċifikazzjoni li jirregolaw il-bejgħ dirett ta’ riferiment ta’ ishma li jirrapreżentaw sa 61 % tal-kapital azzjonarju ta’ TAP SGPS.

26

Għal dan il-għan, APP et isostnu, l-ewwel nett, li l-Artikolu 5(c) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, sa fejn dan jeżiġi ż-żamma tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva tal-grupp TAP fil-Portugall, jikser l-Artikoli 49 u 54 TFUE, sussegwentement, li l-Artikolu 5(d) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jimponi fuq l-entità li takkwista s-sehem, li tikkonforma ruħha mal-obbligi ta’ servizz pubbliku, jikser l-Artikoli 56 u 57 TFUE kif ukoll l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 2006/123, u, fl-aħħar nett, li l-Artikolu 5(e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, sa fejn dan jeżiġi ż-żamma u l-iżvilupp ta’ ċentru operattiv (hub) nazzjonali eżistenti, jikser l-Artikoli 56 u 57 TFUE kif ukoll l-Artikoli 16 u 17 ta’ din id-direttiva.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 49 u 54 TFUE u l-prinċipji li jirriżultaw minnhom, jippermetti li, fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-proċess ta’ reprivatizzazzjoni indiretta tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija pubblika b’kapital azzjonarju u li għandha bħala oġġett l-attività tat-trasport bl-ajru, jiġi inkluż, fid-dokumenti li jirrigwardaw din il-proċedura, ir-rekwiżit ta’ żamma tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva ta’ din il-kumpannija fl-Istat Membru fejn tkun ġiet ikkostitwita bħala kriterju ta’ selezzjoni tal-intenzjonijiet ta’ akkwist tal-investituri potenzjali tagħha u ta’ għażla tal-offerti?

2)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 56 u 57 TFUE u l-prinċipji li jirriżultaw minnhom u, barra minn hekk, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ neċessità, jippermetti li, fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-proċess ta’ reprivatizzazzjoni indiretta tal-kapital azzjonarju tal-istess kumpannija, jiġi inkluż, fid-dokumenti li jirrigwardaw din il-proċedura, ir-rekwiżit li jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ servizz pubbliku min-naħa tal-entità li takkwista bħala kriterju ta’ selezzjoni tal-intenzjonijiet ta’ akkwist tal-investituri potenzjali tagħha u ta’ għażla tal-offerti?

3)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 56 u 57 TFUE u l-prinċipji li jirriżultaw minnhom, jippermetti li, fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-proċess ta’ reprivatizzazzjoni indiretta tal-kapital azzjonarju tal-istess kumpannija, jiġi inkluż, fid-dokumenti li jirrigwardaw din il-proċedura, ir-rekwiżit ta’ żamma u ta’ żvilupp tal-hub nazzjonali attwali min-naħa tal-entità li takkwista bħala kriterju ta’ għażla tal-intenzjonijiet ta’ akkwist tal-investituri potenzjali u ta’ għażla tal-offerti?

4)

Fid-dawl tal-attività żviluppata mill-istess kumpannija, li t-trasferiment tal-kapital azzjonarju tagħha huwa suġġett għal proċedura ta’ reprivatizzazzjoni, din għandha titqies li hija servizz fis-suq intern suġġett għad-Direttiva 2006/123/KE, fid-dawl tal-eċċezzjoni, prevista fl-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva, dwar is-servizzi fil-qasam tat-trasport, u, konsegwentement, din il-proċedura hija wkoll suġġetta għall-imsemmija direttiva?

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 4), l-Artikoli 16 u 17 tal-imsemmija direttiva jippermettu li, fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-proċess ta’ reprivatizzazzjoni indiretta tal-kapital azzjonarju tal-istess kumpannija, jiġi inkluż, fid-dokumenti li jirrigwardaw din il-proċedura, ir-rekwiżit li jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ servizz pubbliku min-naħa tal-entità li takkwista bħala kriterju ta’ selezzjoni tal-intenzjonijiet ta’ akkwist tal-investituri potenzjali tagħha u ta’ għażla tal-offerti?

6)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 4), l-Artikoli 16 u 17 tal-imsemmija direttiva jippermettu li, fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal-proċess ta’ reprivatizzazzjoni indiretta tal-kapital azzjonarju tal-istess kumpannija, jiġi inkluż, fid-dokumenti li jirrigwardaw din il-proċedura, ir-rekwiżit ta’ żamma u ta’ żvilupp tal-hub nazzjonali attwali min-naħa tal-entità li takkwista bħala kriterju ta’ għażla tal-intenzjonijiet ta’ akkwist tal-investituri potenzjali u ta’ għażla tal-offerti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq ir-raba’ sas-sitt domanda

28

Permezz tar-raba’ sas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’riferiment għall-attività mwettqa minn TAP fil-qasam tas-servizzi tat-trasport bl-ajru, dwar ir-rilevanza tad-Direttiva 2006/123, għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula, li jirrigwardaw il-konformità, mad-dritt tal-Unjoni, l-obbligi tas-servizz pubbliku u l-obbligu li jinżamm u jiġi żviluppat ċentru operattiv (hub) nazzjonali eżistenti, imposti fil-qafas tal-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni indiretta ta’ din l-impriża.

29

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li attività ta’ servizz fis-settur tat-trasport bl-ajru, bħalma hi l-attività ewlenija ta’ TAP, għandha tiġi kklassifikata bħala “servizz fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123, moqri fid-dawl tal-premessa 21 tagħha, din id-direttiva ma hijiex applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C-434/15, EU:C:2017:981, punt 36).

30

Din il-klassifikazzjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-kunċett ta’ “servizz fil-qasam tat-trasport” jinkludi mhux biss is-servizzi tat-trasport bħala tali, iżda wkoll kull servizz intrinsikament marbut ma’ att fiżiku ta’ vvjaġġar ta’ persuni jew ta’ merkanzija minn post għal ieħor permezz ta’ mezz ta’ trasport (is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C-434/15, EU:C:2017:981, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-ħames u s-sitt domanda fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kompatibbiltà mal-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 2006/123 tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jimponu, fil-kuntest tal-attività ta’ trasport bl-ajru TAP wara r-riprivatizzazzjoni ta’ din il-kumpannija, ċerti obbligi marbuta ma’ obbligi ta’ servizz pubbliku kif ukoll għaż-żamma u l-iżvilupp ta’ ċentru operattiv (hub) nazzjonali ta’ din il-kumpannija.

32

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni b’kunsiderazzjoni għas-suġġett tal-kawża prinċipali (is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Abcur AB, C-544/13 u C-545/13, EU:C:2015:481, punt 34), għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tal-eżami tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ kundizzjonijiet stabbiliti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ir-Regolament Nru 1008/2008, li jistabbilixxi regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-Unjoni, jista’ jkun rilevanti.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda li d-Direttiva 2006/123 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija irrilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti rekwiżiti dwar l-attivitajiet imwettqa minn kumpannija ta’ trasport bl-ajru, imposti fuq l-entità takkwista parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti fil-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija, u b’mod partikolari r-rekwiżit li din hija obbligata li teżegwixxi obbligi ta’ servizz pubbliku u li jinżamm u jiġi żviluppat ċentru operattiv (hub) nazzjonali ta’ din il-kumpannija.

Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

Osservazzjonijiet preliminari

34

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati ta’ ċerti “kriterji” stipulati f’dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għall-għażla l-entità takkwista parteċipazzjoni azzjonarja sal-61 % tal-kapital azzjonarju ta’ kumpannija holding, fil-qafas tal-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni tas-sussidjarja tagħha li teżerċita l-attività tagħha fil-qasam tat-trasport bl-ajru, b’mod partikolari tar-rekwiżiti relatati mal-obbligi ta’ servizz pubbliku lil din is-sussidjarja, maż-żamma tas-sede u ta’ tmexxija effettiva tal-grupp li jappartjenu għaliha dawn il-kumpanniji fl-Istat Membru kkonċernat kif ukoll għaż-żamma u l-iżvilupp ta’ ċentru operattiv (hub) nazzjonali eżistenti.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Parpública, l-impriża pubblika li ttrasferiet din il-parteċipazzjoni, u li għandha parteċipazzjoni miżmuma mill-Istat Portugiż, argumentat li huwa b’mod żbaljat li, mill-ewwel sat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju kklassifikat l-imsemmija kriterji bħala “rekwiżiti”. Dawn huma biss, fil-fatt, sett ta’ kriterji kkunsidrati fl-evalwazzjoni tad-diversi offerti ta’ xiri, peress li l-entità li takkwista potenzjali tal-parteċipazzjoni kkonċernata mhux neċessarjament timpenja ruħha sabiex tissodisfa r-rekwiżiti fl-intier tagħhom. Il-Gvern Portugiż għandu dubji wkoll dwar in-natura obbligatorja tal-imsemmija kriterji.

36

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u dawk tal-qorti tar-rinviju huma sseparati b’mod ċar. Jekk hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li ġiet esposta lilha mill-imsemmija qorti nazzjonali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium, C-204/12 sa C-208/12, EU:C:2014:2192, punt 52, u tat-28 ta’ Lulju 2016, Astone, C-332/15, EU:C:2016:614, punt 24).

37

Barra minn hekk, in-natura mandatorja tal-kriterji elenkati fl-ispeċifikazzjoni tidher li hija kkonfermata mill-Artikolu 1(1) tagħhom, li jipprovdi li din l-ispeċifikazzjoni “tirregolaw it-termini u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ dirett ta’ riferiment ta’ ishma rappreżentattivi tal-kapital azzjonarju ta’ [TAP SGPS], previst fil-qafas tal-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni indiretta tal-kapital azzjonarju ta’ [TAP SA]”.

38

Jidher li huwa diffiċli li jiġi kkontestat li dawn il-kriterji huma ta’ natura li jimponu ruħhom fuq l-entità li takkwista kkonċernata, peress li dawn il-kriterji jwasslu, bħala prinċipju, lil kull offerent li jipparteċipa fil-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni li jimpenja ruħu, sa mit-tressiq tal-offerta tiegħu ta’ xiri, li josserva l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-imsemmija kriterji.

39

Barra minn hekk, mill-proċedura li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li wara l-għażla l-entità li takkwista ta’ dawn l-ishma, ġew konklużi ftehimiet, fejn din tal-aħħar intrabat kuntrattwalment li dawn l-obbligi jiġu ssodisfatti.

40

Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina r-rekwiżit, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jinżammu s-sede u l-amministrazzjoni effettiva fl-Istat Membru kkonċernat, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, u r-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar l-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u għaż-żamma u għall-iżvilupp ta’ ċentru operattiv (hub) nazzjonali eżistenti, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

41

Madankollu, dawn ir-rekwiżiti japplikaw għall-operaturi li jixtiequ jiġu magħżula bħala entità li takkwista ta’ dawn l-ishma li huma s-suġġett tal-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni kkonċernata u li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom u fil-Portugall. Dawn ir-rekwiżiti b’hekk jaffetwaw primarjament il-libertà ta’ stabbiliment tal-offerent, anke jekk għandhom ukoll impatt indirett fuq is-servizzi pprovduti minn TAP.

42

Barra minn hekk, l-istess rekwiżiti għandhom jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment, u mhux fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital.

43

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża sabiex tapplika biss għall-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment (is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, EU:C:2000:205, punt 22, u tal-10 ta’ Ġunju 2015, X, C-686/13, EU:C:2015:375, punt 18).

44

Issa, f’dan il-każ, l-akkwist ta’ ishma ta’ 61 % mill-kapital ta’ TAP SGPS fit-tmiem tal-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija suffiċjenti sabiex tippermetti lill-azzjonist ikkonċernat li jeżerċità influwenza definita fuq il-ġestjoni u l-kontroll ta’ tali kumpannija u tas-sussidjarja tagħha TAP. Jidher li dan huwa il-każ wara d-definizzjoni mill-ġdid tal-ishma ta’ TAP SGPS, b’riżultat ta’ dan is-sehem ta’ 61 % tnaqqas għal 45 %, peress li l-Istat Portugiż akkwista l-azzjonijiet neċessarji għaż-żieda tas-sehem tiegħu minn 34 % għal 50 %.

45

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda r-rilevanza tal-Artikolu 345 TFUE, li rreferew għalih Parpública kif ukoll il-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa minnu li r-rekwiżiti stabbiliti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, sa fejn huma jirregolaw ir-riprivatizzazzjoni ta’ impriża pubblika li tappartjeni totalment lil Stat Membru, jaqgħu taħt dan l-artikolu.

46

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 345 TFUE ma għandux l-effett li jeżenta s-sistemi ta’ proprjetà eżistenti fl-Istati Membri mir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari, dawk ta’ nondiskriminazzjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital (is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C-105/12 sa C-107/12, EU:C:2013:677, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment

47

L-ewwel nett, fir-rigward tar-rekwiżit li l-entità li takkwista hija obbligata li teżegwixxi l-obbligi ta’ servizz pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(d) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, din il-ħtieġa tirrigwarda “[l]-kapaċità li jiġi żgurat it-twettiq, f’waqtu u b’mod xieraq, tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li kieku jaqgħu fuq TAP, inkluż dak li jirrigwarda l-konnessjonijiet bl-ajru bejn l-ajruporti nazzjonali ewlenin u tar-reġjuni awtonomi, fejn xieraq, kif ukoll il-kontinwità u t-tisħiħ ta’ rotot li joffru servizzi lir-reġjuni awtonomi, lill-komunitajiet Portugiżi bbażati barra mill-pajjiż u lill-pajjiżi u l-komunitajiet ta’ espressjoni jew lingwa uffiċjali Portugiża”.

48

F’dan il-kuntest, huwa stabbilit li, fir-rigward tal-linji tal-ajru regolari bejn il-Portugall u r-reġjuni awtonomi, bħar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Gżejjer tal-Azores jew Madeira, dak l-Istat Membru fil-passat, impona fuq it-trasportaturi tal-ajru li jservu dawn ir-rotot tal-ajru, obbligi ta’ servizz pubbliku li kienu s-suġġett, skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 1008/2008, ta’ diversi avviżi li kienu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċedura li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja li l-konformità ta’ dawn l-obbligi mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17 ta’ dan ir-regolament ma ġietx ikkontestata.

49

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux ta’ dawk tad-dritt primarju (is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 2015, RegioPost, C-115/14, EU:C:2015:760, punt 57, u tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka, C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 15 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-obbligi ta’ servizz pubbliku fis-servizzi tat-trasport bl-ajru, l-Artikoli 16 sa 18 tar-Regolament Nru 1008/2008 jiġu interpretati fid-dawl tal-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, peress li jirregolaw b’mod iddettaljat il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex l-obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu jiġu imposti, u li, barra minn hekk, proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ dawn l-obbligi wara li ġew imposti, japplikaw armonizzazzjoni eżawrjenti.

51

B’mod partikolari, mill-Artikolu 16(1) ta’ dak ir-regolament jirriżulta li l-obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu jiġu imposti minn Stat Membru fuq ċerti rotot tal-ajru fi ħdan l-Unjoni, b’mod partikolari dawk li jgħaqqdu ajruport fl-Unjoni u ajruport li jservi reġjun periferali li jinsab fit-territorju tiegħu.

52

Minn dan isegwi li, sa fejn l-Artikolu 5(d) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jillimita ruħu li jeżiġi li, l-azzjonist il-ġdid magħżul wara t-tlestija tal-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, josserva l-eventwali obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq TAP skont il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament Nru 1008/2008, din il-miżura nazzjonali hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma hemm lok li tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt primarju, b’mod partikolari fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment.

53

F’dak li jikkonċerna, imbagħad, l-obbligi taħt l-Artikolu 5(ċ) u (e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, għall-entità li takkwista tal-ishma li huma s-suġġett tal-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li jirrigwardaw, rispettivament, is-sede u l-amministrazzjoni effettiva tagħhom fil-Portugall kif ukoll fir-rigward taż-żamma u l-iżvilupp ta’ ċentru operattiv (hub) nazzjonali eżistenti, għandu jiġi kkonstatat li tali miżuri nazzjonali ma humiex marbuta ma’ qasam armonizzat mir-Regolament Nru 1008/2008, b’tali mod li huma għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-dritt primarju tal-Unjoni, f’dan il-każ fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment.

54

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudeunza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jitqiesu bħala “restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Issa, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ rekwiżiti inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jirriżultaw mill-Artikolu 5(c) u (e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, peress li dawn jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà.

56

Fil-fatt, dawn ir-rekwiżiti huma maħsuba sabiex jipprevjenu, fil-futur, li jittieħdu ċerti deċiżjonijiet mill-organi ta’ TAP SGPS wara t-tlestija tal-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni u t-tibdil tal-istruttura azzjonarja li jirriżulta minnu, b’mod partikolari deċiżjonijiet li għandhom bħala għan li jittrasferixxu l-istabbiliment ewlieni jew ċentru operattiv (hub) tal-kumpannija kkonċernata ’l barra mill-Portugall, minkejja li tali deċiżjonijiet jistgħu jirrispondu għall-interessi ekonomiċi ta’ din il-kumpannija.

57

B’hekk, l-imsemmija rekwiżiti jirriżultaw għall-entità akkwierenti tal-ishma li jirrapreżentaw sa 61 % tal-kapital azzjonarju ta’ TAP SGPS, restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ deċiżjoni li normalment ikollhom l-organi ta’ din il-kumpannija, komparabbli ma’ dawk li jistgħu jirriżultaw mill-eżerċizzju, minn Stat Membru, ta’ prerogattivi ta’ Stat Membru li jagħtuh drittijiet speċjali, imsejħa “golden shares”, għas-salvagwardja tal-interessi ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-282/04 u C‑283/04, EU:C:2006:608, punt 30).

58

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-obbligu, previst fl-Artikolu 5(c) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, intiż sabiex jiġi żgurat li s-sede u l-amministrazzjoni effettiva tal-grupp TAP jibqgħu fil-Portugall, in-natura restrittiva tagħha ma tistax, kuntrarjament għal dak li jsostnu Parpública u l-Gvern Portugiż, jiġu kkontestati fuq il-bażi tas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb (C-338/09, EU:C:2010:814).

59

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-obbligu, għall-operaturi ekonomiċi, li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom sede jew stabbiliment permanenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat biex titħalla topera permezz ta’ konċessjoni għal rotta regolari ta’ trasport ta’ persuni permezz tal-karozza tal-linja ma kinitx tmur kontra r-regoli tad-dritt tal-Unjoni meta tiġi applikata wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni għal operat u qabel ma l-imprenditur jibda jopera din ir-rotta.

60

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod partikolari li l-obbligu inkwistjoni ma jistax loġikament jikkostitwixxi, inkwantu tali, ostakolu jew restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, peress li din ma fiha l-ebda limitazzjoni tal-libertà ta’ operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra li joħolqu aġenziji jew stabbilimenti oħra fuq dan it-territorju (is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb,C-338/09, EU:C:2010:814, punt 34).

61

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-obbligu huwa fundamentalment differenti minn dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa dwar iż-żamma fil-Portugall tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva tal-grupp TAP, jiġifieri tas-sede prinċipali tal-kumpanniji li jiffurmaw il-grupp. L-imsemmi obbligu, mhux illimitat fiż-żmien, ma jimponix li jinħoloq stabbiliment sekondarju, iżda jżomm l-istabbiliment ewlieni ta’ dawn il-kumpanniji eżistenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

62

Issa, skont l-Artikoli 49 u 54 TFUE, tali obbligu ta’ żamma ta’ stabbiliment prinċipali fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ kumpannija stabbilita f’konformità mal-liġijiet ta’ Stat Membru, jiġifieri, f’dan il-każ, mal-leġiżlazzjoni Portugiża. Din il-libertà tinkludi d-dritt li tittrasferixxi l-istabbiliment prinċipali tal-kumpanija fi Stat Membru ieħor, li jitlob, jekk it-trasferiment jinvolvi t-trasformazzjoni ta’ kumpannija f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ dan l-aħħar Stat Membru u t-telf taċ-ċittadinanza tagħha ta’ oriġini, li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C-106/16, EU:C:2017:804, punti 33 sa 35).

Fuq il-ġustifikazzjoni eventwali tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

63

Għalhekk, sussegwentement, tqum il-kwistjoni jekk l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(c) u (e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jirrigwardaw, rispettivament, għaż-żamma tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva ta’ TAP fil-Portugall kif ukoll għaż-żamma u l-iżvilupp ta’ ċentru operattiv (hub) nazzjonali eżistenti, li ġie kkonstatat li huma jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment tal-entità li takkwista tal-ishma li huma s-suġġett tal-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jkunu ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li timponi li dawn ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C-106/16, EU:C:2017:804, punt 52)

64

F’dan ir-rigward, hemm lok li, l-ewwel nett, l-argument tal-Gvern Olandiż, li l-obbligu dwar iż-żamma tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva ta’ TAP fil-Portugall hija ġġustifikata fid-dawl tal-għan intiż li tiġi kkontrollata l-osservanza tal-obbligu li jkunu żgurati l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jirriżultaw mill-Artikolu 5(d) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

65

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-finijiet ta’ tali kontroll, hemm miżuri inqas intrużivi għal-libertà ta’ stabbiliment, bħall-obbligu li jkollhom stabbiliment sekondarju. Barra minn hekk, l-obbligu li kull kumpannija ta’ trasport bl-ajru għandha li żżomm is-sede prinċipali tagħha fi Stat Membru, għas-sempliċi raġuni li hija topera rotta tal-ajru minn jew lejn it-territorju ta’ dak l-Istat Membru u li tkun suġġetta għal obbligu ta’ servizz pubbliku, hija manifestament sproporzjonata.

66

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-identifikazzjoni ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali eventwalment rilevanti għall-finijiet tal-ġustifikazzjoni tal-miżuri restrittivi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(c) u (e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jirriżulta mill-preambolu tad-Digriet Liġi Nru 181-A/2014 li l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li TAP hija “impriża marbut ħafna mal-pajjiż, rabta li għandha tiġi ppreservata u [li] għalhekk huwa rilevanti li tiġi ffavorita l-preservazzjoni tal-għan karatteristiku tagħha li tkun “il-kumpannija tal-bandiera”, u li l-ispeċifikazzjoni għandhom jiżguraw li l-proċedura tar-riprivatizzazzjoni ta’ TAP tosserva, b’mod partikolari, l-“importanza strateġika tal-“hub nazzjonali”, bħala element fundamentali tar-relazzjonijiet bejn l-Ewropa, l-Afrika u l-Amerika Latina, fejn l-operazzjonijiet tal-ajru ta’ TAP huma element kruċjali”, filwaqt li l-“importanza tar-rotot domestiċi, b’mod partikolari dawk li jiżguraw ir-rabta bejn it-territorju kontinentali u l-gżejjer, li huma fundamentali għall-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali u soċjali u l-iżvilupp ekonomiku”.

67

Dawn l-objettivi ġenerali huma inklużi fl-Artikolu 5(c) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, sa fejn dan jirreferi għall-preżentazzjoni u [għal]l-garanzija ta’ implimentazzjoni ta’ proġett strateġiku xieraq u konsistenti, li jieħu inkunsiderazzjoni l-preservazzjoni u l-promozzjoni tat-tkabbir ta’ [TAP] u li jiżgura l-kisba tal-għanijiet imfassla mill-Gvern għall-proċedura ta’ riprivatizzazzjoni, [għal]l-promozzjoni tat-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva tagħha bħala operatur ta’ trasport bl-ajru fuq livell globali fis-swieq eżistenti attwalment u fi swieq ġodda, [għa]ż-żamma tal-integrità, l-identità professjonali u l-awtonomija tal-Grupp TAP, b’mod partikolari billi tinżamm it-trade mark TAP u l-assoċjazzjoni tagħha mal-Portugall u jiġi żgurat li s-sede u l-amministrazzjoni effettiva tal-Grupp TAP jibqgħu bbażati fil-Portugall, il-kontribut għall-preservazzjoni u għall-iżvilupp tal-kwalitajiet operattivi u kummerċjali tal-Grupp TAP, u [għal]l-valorizzazzjoni u [għal]l-iżvilupp tar-riżorsi umani tiegħu.

68

Dawn l-objettivi jirriżultaw ukoll mill-Artikolu 5(e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt sa fejn jirrigwardaw il-kontribut għat-tkabbir tal-ekonomija nazzjonali, inkluż dak li jirrigwarda ż-żamma u l-iżvilupp tal-hub nazzjonali attwali, bħala pjattaforma ta’ importanza strateġika kruċjali fir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa, l-Afrika u l-Amerika Latina.

69

Huwa wkoll rilevanti f’dan il-kuntest l-Artikolu 5(d) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, billi jirreferi “[għal]l-konnessjonijiet bl-ajru bejn l-ajruporti nazzjonali ewlenin u tar-reġjuni awtonomi, fejn xieraq, kif ukoll il-kontinwità u t-tisħiħ ta’ rotot li joffru servizzi lir-reġjuni awtonomi, lill-komunitajiet Portugiżi bbażati barra mill-pajjiż u lill-pajjiżi u l-komunitajiet ta’ espressjoni jew lingwa uffiċjali Portugiża”.

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sa fejn l-Artikolu 5(c) u (e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt isegwu għanijiet bħalma huma s-salvagwardja u l-promozzjoni tat-tkabbir ta’ TAP, it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika ta’ din il-kumpannija, il-kontribuzzjoni għaż-żamma u l-iżvilupp tal-kwalitajiet operattivi u kummerċjali tal-grupp TAP u kontribut għat-tkabbir tal-ekonomija nazzjonali, hija ġurisprudenza stabbilita li motivi ta’ natura purament ekonomika marbuta mal-promozzjoni tal-ekonomija nazzjonali jew għall-funzjonament tajjeb tagħha, ma jistgħux iservu bħala ġustifikazzjoni għal restrizzjoni għal waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis, C-201/15, EU:C:2016:972, punt 72).

71

Madankollu, kif essenzjalment sostnut minn Parpública u l-Gvern Portugiż, l-Artikolu 5 (c) u (e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(d), ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll il-preambolu tad-Digriet-Liġi Nru 181‑A/2014, sa fejn jiżguraw il-kontinwità u t-tisħiħ ta’ rotot tal-ajru TAP biex itiru fuq pajjiżi terzi b’rabtiet storiċi, kulturali u soċjali speċifiċi mar-Repubblika Portugiża u li għalihom il-Portugiż hija l-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali bħalma hi r-Repubblika tal-Angola, ir-Repubblika tal-Możambik jew ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, hija marbuta ma’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment.

72

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-garanzija ta’ servizz ta’ interess ġenerali tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal waħda mil-libertajiet iggarantiti mit-Trattati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑282/04 u C-283/04, EU:C:2006:608, punt 38).

73

Minn dan isegwi li r-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali rilevanti għall-finijiet tal-ġustifikazzjoni tal-miżuri restrittivi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(c) u (e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, hija dik li jiġi żgurat is-servizz ta’ interess ġenerali biex tiġi żgurata l-adegwatezza tas-servizzi regolari tat-trasport bl-ajru lejn u minn pajjiżi terzi jitkellmu bil-Portugiż, li magħhom il-Portugall għandha rabtiet storiċi, kulturali u soċjali speċifiċi.

74

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 5(c) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, dwar iż-żamma tas-sede u tal-amministrazzjoni effettiva ta’ TAP fil-Portugall tistax tiġi ġġustifikata, għandu jiġi kkonstatat, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-rekwiżit huwa proporzjonat fir-rigward tal-imsemmija raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

75

Fil-fatt, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja li l-ftehimiet bilaterali konklużi bejn ir-Repubblika Portugiża u ċerti pajjiżi terzi, li jinkludu pajjiżi terzi li jitkellmu bil-Portugiż b’rabtiet storiċi, kulturali u soċjali speċifiċi mar-Repubblika Portugiża, bħalma huma r-Repubblika ta’ Angola, ir-Repubblika tal-Możambik jew ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, jissuġġettaw dawn il-ftehimiet tad-drittijiet tat-traffiku li TAP għandha għar-rotot tal-ajru ma’ dawk il-pajjiżi għaż-żamma tas-sede prinċipali ta’ TAP fil-Portugall.

76

Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta minn dawn il-ftehimiet bilaterali li TAP titlef id-drittijiet tagħha tat-traffiku fuq rotot lejn pajjiżi terzi f’każ ta’ trasferiment tal-istabbiliment prinċipali tagħha barra mill-Portugall. Għaldaqstant, jidher li rekwiżit bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 5(c) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, sa fejn huwa jimponi ż-żamma tas-sede prinċipali ta’ TAP f’dak l-Istat Membru, huwa miżura li hija adegwata sabiex tissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali intiża li tiġi żgurata l-adegwatezza tas-servizzi regolari tat-trasport bl-ajru lejn u minn pajjiżi terzi Lużofoni kkonċernati, li magħhom il-Portugall għandu rabtiet storiċi, kulturali u soċjali speċifiċi.

77

Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-imsemmija raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali peress li ċ-ċaqliq tas-sede prinċipali ta’ TAP ’il barra mill-Portugall, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, moqri flimkien mal-Artikolu 4 (a) tal-imsemmi regolament, it-telf ta’ validità tal-liċenzja u taċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru maħruġa mill-Awtorità Portugiża lil TAP, li jimpedixxu l-użu ta’ servizzi regolari ta’ trasport bl-ajru, inklużi dawk minn u lejn pajjiżi terzi Lużofoni kkonċernati li huwa paċifiku li jirrappreżentaw parti sostanzjali tal-attivitajiet ta’ TAP.

78

Barra minn hekk, il-proporzjonalità ta’ dan ir-rekwiżit fid-dawl tar-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali msemmija fil-punt 73 ta’ din is-sentenza hija kkonfermata mill-fatt li din ma tipprekludix li TAP toħloq stabbilimenti sekondarji, bħal fergħat jew sussidjarji barra mill-Portugall.

79

Fir-raba’ lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 5(e) tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, dwar iż-żamma u l-iżvilupp ta’ ċentru operattiv (hub) nazzjonali eżistenti hijiex ġġustifikata fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat is-servizz ta’ interess ġenerali biex tiġi żgurata l-adegwatezza tas-servizzi regolari tat-trasport bl-ajru lejn u minn pajjiżi terzi Lużofoni kkonċernati, li magħhom il-Portugall għandu rabtiet storiċi, kulturali u soċjali speċifiċi.

80

F’dan ir-rigward, ma ġiex stabbilit li jinżamm il-mudell organizzattiv tas-servizzi tat-trasport bl-ajru ta’ ċentru operattiv (hub) nazzjonali eżistenti biex jintlaħaq l-għan tal-konnettività tal-ajru minn pajjiżi terzi Lużofoni kkonċernati. Ma jidhirx li huwa a priori eskluż li jintlaħaq dan l-għan filwaqt li jintuża mudell organizzattiv ieħor.

81

Fi kwalunkwe każ, lanqas ma jidher li jista’ jiġi eskluż li l-mudell ta’ ċentru operattiv (hub) nazzjonali eżistenti jista’ jkun strument utli biex jintlaħaq dan l-għan, għandu jiġi kkonstatat li dan il-mudell għandu japplika sabiex ir-rotot kollha u mhux biss għal dawk li ġejjin minn jew sejrin f’pajjiżi terzi Lużofoni kkonċernati.

82

Minn dan isegwi li r-rekwiżit li jiġu żgurati ż-żamma u l-iżvilupp ta’ ċentru operattiv (hub) nazzjonali eżistenti tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq ta’ konnettività ta’ dawk il-pajjiżi terzi.

83

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jirregolaw il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-proċedura tar-riprivatizzazzjoni ta’ kumpanija tat-trasport bl-ajru, jiġu inklużi:

rekwiżit li jimponi fuq l-entità li takkwista s-sehem u li hija suġġetta għall-imsemmija proċedura tar-riprivatizzazzjoni, li jkollha l-kapaċità li twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq din il-kumpannija tat-trasport bl-ajru, u

rekwiżit li jimponi fuq l-imsemmija entità li takkwista li żżomm is-sede u l-post tal-amministrazzjoni effettiva ta’ din il-kumpannija tat-trasport bl-ajru fl-Istat Membru kkonċernat, peress li t-trasferiment tal-uffiċċju prinċipali tal-kumpannija barra dak l-Istat Membru, li jwassal għal telf ta’ drittijiet tat-traffiku li jagħtuha t-trattati bilaterali konklużi bejn dak l-Istat Membru u pajjiżi terzi li magħhom għandha rabtiet storiċi, kulturali u soċjali speċifiċi, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, f’dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, hemm rekwiżit li, l-entità li takkwista dan is-sehem, tiggarantixxi ż-żamma u l-iżvilupp ta’ ċentru operattiv (hub) nazzjonali eżistenti.

Fuq l-ispejjeż

84

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija irrilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ ċerti rekwiżiti dwar l-attivitajiet imwettqa minn kumpannija ta’ trasport bl-ajru, imposti fuq l-entità takkwista sehem azzjonarju kwalifikanti fil-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija, u b’mod partikolari r-rekwiżit li din hija obbligata li teżegwixxi obbligi ta’ servizz pubbliku u li jinżamm u jiġi żviluppat ċentru operattiv (hub) nazzjonali ta’ din il-kumpannija.

 

2)

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jirregolaw il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-proċedura tar-riprivatizzazzjoni ta’ kumpanija tat-trasport bl-ajru, jissemmew:

rekwiżit li jimponi fuq l-entità li takkwista s-sehem u li hija suġġetta għall-imsemmija proċedura tar-riprivatizzazzjoni, li jkollha l-kapaċità li twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq din il-kumpannija tat-trasport bl-ajru, u

rekwiżit li jimponi fuq l-imsemmija entità li takkwista li żżomm is-sede u l-post tal-amministrazzjoni effettiva ta’ din il-kumpannija tat-trasport bl-ajru fl-Istat Membru kkonċernat, peress li t-trasferiment tal-uffiċċju prinċipali tal-kumpannija barra dak l-Istat Membru, li jwassal għal telf ta’ drittijiet tat-traffiku li jagħtuha t-trattati bilaterali konklużi bejn dak l-Istat Membru u pajjiżi terzi li magħhom għandha rabtiet storiċi, kulturali u soċjali speċifiċi, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, f’dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jissemma rekwiżit, għall-entità li takkwista dan is-sehem, li tiggarantixxi ż-żamma u l-iżvilupp ta’ ċentru operattiv (hub) nazzjonali eżistenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.