SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Proċeduri komuni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46(3) – Eżami sħiħ u ex nunc – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Portata tas-setgħat tal-qorti tal-ewwel istanza – Assenza ta’ setgħa ta’ bidla – Rifjut tal-awtorità amministrattiva jew kważi ġudizzjarja kompetenti li tikkonforma ruħha ma’ deċiżjoni ta’ din il-qorti”

Fil-Kawża C‑556/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Pécsi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u tax-Xogħol ta’ Pécs, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Settembru 2017, fil-proċedura

Alekszij Torubarov

vs

Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal u M. Vilaras, Presidenti ta’ awla, A. Rosas, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur), M. Safjan, D. Šváby, C. G. Fernlund, C. Vajda, N. Piçarra, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Torubarov, minn T. Fazekas u I. Bieber, ügyvédek,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Alekszij Torubarov u l-Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil, l-Ungerija, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Immigrazzjoni”) dwar iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2011/95/UE

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), jipprevedi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal ptotezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.”

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95 jistipula:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja […];

[…]

d)

‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

[…]

f)

‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

[…]”

5

Il-Kapitoli II sa VI ta’ din id-direttiva jirrigwardaw, rispettivament, l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, il-kundizzjonijiet sabiex persuna titqies li hija refuġjat, l-istatus ta’ refuġjat, il-kundizzjonijiet tal-protezzjoni sussidjarja u l-istatus mogħti minnha.

6

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-għoti ta’ status ta’ refuġjat” u li jagħmel parti mill-Kapitolu IV tagħha, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.”

7

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Revoka ta’, tmiem ta’ jew ċaħda għat-tiġdid ta’ status ta’ refuġjat” u li jifforma parti mill-istess Kapitolu IV, jipprovdi:

“1.   Rigward applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali […], l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju […]

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istat mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kwasi-ġudizzjarju, […]

[…]”

8

L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dannu serju” u li jifforma parti mill-Kapitolu V tagħha, jelenka t-tipi ta’ danni li jagħtu dritt għall-protezzjoni sussidjarja.

9

L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjara” u li jagħmel parti mill-Kapitolu IV tagħha, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.”

10

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Revoka ta’, tmiem ta’ jew rifjut għat-tiġdid ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja” u li jifforma parti mill-istess Kapitolu IV, jipprovdi:

“1.   Rigward applikazzjonijiet għal protezzjonijiet internazzjonali […], l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju […]

“2.   L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istat mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kwasi-ġudizzjarju, […]

[…]”

Id-Direttiva 2013/32

11

Il-premessi 18, 50 u 60 tad-Direttiva 2013/32 jipprovdu:

“(18)

Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

[…]

(50)

Ikun jirrifletti prinċipju bażiku tal-liġi tal-Unjoni li d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali […] jkunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal.

[…]

(60)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B’mod partikolari, din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 4, 18, 19, 21, 23, 24 u 47 tal-Karta u għandha tiġi implimentata għal dan il-għan.”

12

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2013/32 huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2011/95.

13

L-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi l-“awtorità determinanti” bħala “kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet”.

14

Skont l-Artikolu 46(1), (3) u (4) ta’ din id-direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

i)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

[…]

[…]

3.   Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti ta’ żmien raġonevoli u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1. […]”

15

L-Artikolu 51(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw […] mal-Artikoli 32 sa 46 […] l-iktar tard mill-20 ta’ Lulju 2015. […]”

16

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32:

L-Istati Membi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl- Artikolu 51(1) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati […] wara l-20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni. L-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 […] għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi taħt id-[Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE ta’ l- 1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat] (ĠU L 175M, p. 168).”

Id-dritt Ungeriż

Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-proċeduri relatati mal-protezzjoni internazzjonali fis-seħħ qabel il-15 ta’ Settembru 2015

17

L-Artikolu 339(1) u (2)(j) tal-polgári perrendtartásról szóló 1952. Évi III. törvény (il-Liġi Nru III tal-1952 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel il-15 ta’ Settembru 2015, kien jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjoni kuntrarja tal-liġi, il-qorti għandha tħassar deċiżjoni amministrattiva li tkun ingħatat bi ksur tar-regoli ta’ dritt, ħlief jekk ikun hemm ksur ta’ regoli proċedurali mingħajr effett fuq il-mertu, u jekk ikun il-każ, din għandha tordna lill-awtorità li tadotta deċiżjoni amministrattiva sabiex tmexxi proċedura ġdida.

2.   Il-qorti tista’ tbiddel id-deċiżjonijiet amministrattivi li ġejjin:

[…]

j)

deċiżjoni adottata fir-rigward tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.”

18

Dispożizzjoni analoga għall-imsemmi Artikolu 339(2)(j) kienet tinsab fl-Artikolu 68(5) tal-menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény (il-Liġi Nru LXXX tal-2007 dwar id-Dritt għall-Ażil, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil”).

Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-proċeduri relatati mal-protezzjoni internazzjonali fis-seħħ wara l-15 ta’ Settembru 2015

19

Fl-15 ta’ Settembru 2015 daħlet fis-seħħ l-egyes törvényeknek a tömeges bevándorlás kezelésével összefüggő módosításáról szóló 2015. évi CXL. törvény (il-Liġi Nru CXL tal-2015 li Temenda Ċerti Liġijiet f’Kuntest ta’ Ġestjoni tal-Immigrazzjoni tal-Massa, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Immigrazzjoni tal-Massa”). L-Artikolu 1(3)(a) ta’ din il-liġi ħassar l-Artikolu 339(2)(j) tal-Liġi Nru III tal-1952 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. L-Artikolu 14 tal-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Immigrazzjoni tal-Massa emenda l-Artikolu 68(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil.

20

Wara din l-aħħar emenda, l-Artikolu 68(3), (5) u (6) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li saru applikabbli wkoll għall-kawżi pendenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu, jaqra kif ġej:

“3.   […] Il-qorti għandha twettaq eżami sħiħ kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura legali fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja.

[…]

5.   Il-qorti ma tistax tirriforma d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil; din għandha tħassar deċiżjoni amministrattiva li tkun ingħatat bi ksur tar-regoli ta’ dritt, ħlief jekk ikun hemm ksur ta’ regoli proċedurali mingħajr effett fuq il-mertu, u jekk ikun il-każ, din għandha tordna lill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil sabiex tmexxi proċedura ġdida.

6.   Id-deċiżjoni tal-qorti li tagħlaq il-proċedura ma tistax tiġi appellata.”

21

L-Artikolu 109(4) tal-közigazgatási hatósági eljárás és szolgáltatás általános szabályairól szóló 2004. évi CXL. törvény (il-Liġi Nru CXL tal-2004 li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar il-Proċeduri u l-Prestazzjonijiet Amministrattivi, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva”) jipprevedi:

“L-awtorità amministrattiva hija marbuta bid-dispożittiv u mill-motivi tad-deċiżjoni mogħtija mill-qorti adita minn tilwima amministrattiva u għandha tikkonforma ruħha magħhom waqt il-proċedura l-ġdida u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida.”

22

Skont l-Artikolu 121(1)(f) ta’ din il-liġi:

“Fil-kuntest tal-proċeduri rregolati f’dan il-kapitolu, id-deċiżjoni għandha tiġi annullata:

[…]

(f)

jekk il-kontenut tagħha jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 109[(4)].”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

23

A. Torubarov, ċittadin Russu, kien jeżerċita l-professjoni ta’ imprenditur u kien jipparteċipa, bħala membru, fl-attivitajiet ta’ partit politiku Russu fl-oppożizzjoni u ta’ organizzazzjoni mhux governattiva li tirrappreżenta l-interessi tal-imprendituri. Diversi proċeduri kriminali kienu nfetħu fil-konfront tiegħu fir-Russja mill-2008. Għalhekk, A. Torubarov telaq mit-territorju Russu sabiex inizjalment jidħol fl-Awstrija u sussegwentement fir-Repubblika Ċeka, minn fejn ġie estradit lejn ir-Russja fit-2 ta’ Mejju 2013.

24

Wara li rritorna lejn ir-Russja, huwa reġa’ tqiegħed taħt akkuża, iżda tħalla fil-libertà sabiex jorganizza d-difiża tiegħu. Fid-9 ta’ Diċembru 2013, huwa qasam illegalment il-fruntiera Ungeriża u ġie immedjatament interrogat mill-forzi tal-pulizija ta’ dan l-Istat Membru. Peress li A. Torubarov ma kienx f’pożizzjoni li jistabbilixxi l-legalità tar-residenza tiegħu fl-Ungerija, il-pulizija pproċediet bl-arrest tiegħu. A. Torubarov ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-istess jum.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Awwissu 2014, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni ċaħad din l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Insostenn tad-deċiżjoni tiegħu, dan ikkunsidra li kemm id-dikjarazzjonijiet magħmula minn A. Torubarov kif ukoll l-informazzjoni miġbura fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu kienu jikkonfermaw l-improbabbiltà tal-fatt li huwa suġġett għal persekuzzjonijiet, kemm minħabba raġunijiet politiċi jew oħrajn, jew li hemm jgħaddi minn periklu serju, fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95.

26

A. Torubarov appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Pécsi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u tax-Xogħol ta’ Pécs, l-Ungerija). Din tal-aħħar, permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Mejju 2015, annullat l-imsemmija deċiżjoni u ordnat lill-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni jagħti bidu għal proċedura ġdida u sabiex jagħti deċiżjoni ġdida. Dan l-annullament kien iddikjarat minħabba li din l-istess deċiżjoni kellha kontradizzjonijiet u minħabba li l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni naqas, b’mod ġenerali, milli jeżamina l-fatti li kienu ġew suġġetti għall-evalwazzjoni tiegħu jew, fir-rigward ta’ dawk li huwa kien ħa inkunsiderazzjoni, kien evalwahom b’mod parzjali, b’tali mod li d-deċiżjoni tiegħu kienet mingħajr bażi u ma kinitx turi li sar stħarriġ ġudizzjarju fuq il-mertu. Fid-deċiżjoni tagħha, l-imsemmija qorti tat ukoll lill-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni struzzjonijiet dettaljati fuq l-elementi li dan kellu jeżamina fil-kuntest tal-proċedura l-ġdida li kellha ssir.

27

Wara din it-tieni proċedura amministrattiva, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2016, ċaħad mill-ġdid l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ A. Torubarov, billi kkunsidra b’mod partikolari li d-dritt għal proċedura ġudizzjarja indipendenti kien ser ikun iggarantit lilu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li ma kien ser jiġi espost għal ebda riskju ta’ persekuzzjoni hemm. Insostenn ta’ din id-deċiżjoni l-ġdida, u skont l-istruzzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, dan l-uffiċċju, fid-dawl tad-dokumenti kollha li A. Torubarov kien ippreżentalu, ġabar, b’mod partikolari, informazzjoni dwar il-korruzzjoni fir-Russja u dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fil-ħabsijiet Russi kif ukoll dwar il-funzjonament tal-ġustizzja fir-Russja.

28

F’din it-tieni deċiżjoni, l-Uffiċċju tal-immigrazzjoni bbaża ruħu wkoll fuq perizja tal-Alkotmányvédelmi Hivatal (l-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni, l-Ungerija). Dan tal-aħħar ikkunsidra li l-preżenza ta’ A. Torubarov fit-territorju Ungeriż kienet tippreġudika l-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sa fejn il-persuna kkonċernata kienet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, fis-sens tal-Artikolu 1(F)(c) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 u li hija kkompletata u emendata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li min-naħa tiegħu daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

29

A. Torubarov adixxa lill-qorti tar-rinviju b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni tat-22 ta’ Ġunju 2016. Din il-qorti annullat din id-deċiżjoni permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Frar 2017 u ordnat lill-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni jagħti bidu għal proċedura ġdida u jagħti deċiżjoni ġdida. Hija fil-fatt qieset li d-deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2016 kienet illegali minħabba evalwazzjoni manifestament żbaljata, minn naħa, tal-informazzjoni dwar il-pajjiż ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, tal-perizja tal-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni.

30

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li mill-fatti deskritti f’din id-deċiżjoni kien jirriżulta b’mod ċar li, kuntrarjament għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, A. Torubarov kellu raġunijiet għalfejn jibża minn persekuzzjoni fir-Russja minħabba l-opinjonijiet politiċi tiegħu u li jsofri periklu serju. Barra minn hekk, din irrilevat li l-kontenut u d-dispożittiv tal-perizja tal-Uffiċċju Ungeriż għall-protezzjoni tal-kostituzzjoni, li kien fiha informazzjoni nazzjonali kklassifikata, ma kinux jaqblu u li l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni ma kienx evalwa l-kontenut ta’ din il-perizja, li minnha seta’ jiġi dedott b’mod ċar li l-fatti msemmija fiha ma kinux jikkostitwixxu elementi inkriminanti kontra A. Torubarov, iżda, għall-kuntrarju, provi li juru l-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu.

31

Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, għat-tielet darba, ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ A. Torubarov fir-rigward tal-għoti kemm tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, b’mod partikolari minħabba li ma setgħet tiġi stabbilita ebda persekuzzjoni minħabba raġunijiet politiċi fir-rigward tiegħu. Madankollu, dan l-uffiċċju ma rreferiex iżjed għall-perizja tal-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni insostenn tad-deċiżjoni tiegħu.

32

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju qed tisma’ t-tielet rikors kontra, din id-darba, id-deċiżjoni inkwistjoni, li permezz tiegħu A. Torubarov jitlob li din id-deċiżjoni tiġi riveduta fis-sens li din il-qorti tagħtih, b’mod prinċipali, l-istatus ta’ refuġjat jew, sussidjarjament, l-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja.

33

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika, madankollu, li, mid-dħul fis-seħħ, fil-15 ta’ Settembru 2015, tal-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Immigrazzjoni tal-Massa, is-setgħa tal-qrati amministrattivi li jirriformaw id-deċiżjonijiet amministrattivi relatati mal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali tneħħiet.

34

Issa, skont il-qorti tar-rinviju, din il-leġiżlazzjoni ċċaħħad lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali minn rimedju ġudizzjarju effettiv. Fil-fatt, l-unika konsegwenza prevista mid-dritt nazzjonali f’każ ta’ ksur, mill-amministrazzjoni, tal-obbligu tagħha li tikkonforma ruħha mad-dispożittiv u mal-motivi tal-ewwel sentenza li tannulla l-ewwel deċiżjoni amministrattiva ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, tikkonsisti fl-annullament tad-deċiżjoni amministrattiva l-ġdida. F’tali sitwazzjoni, il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża ma għandhiex għalhekk soluzzjoni oħra ħlief li tordna lill-amministrazzjoni li tibda proċedura ġdida u li tadotta deċiżjoni ġdida. Għalhekk, din ma tista’ la tordna lill-amministrazzjoni biex tagħti protezzjoni internazzjonali lill-applikant ikkonċernat, u lanqas ma tista’ tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza minn din tal-ewwel sentenza tagħha, liema ħaġa tinvolvi r-riskju li l-proċedura titwal b’mod indefinit, bi ksur tad-drittijiet tal-applikant.

35

Dan huwa preċiżament il-każ fil-kawża mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, li diġà annullat deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni darbtejn u li hija kkaratterizzata mill-adozzjoni, minn dan l-uffiċċju, tat-tielet deċiżjoni, jiġifieri d-deċiżjoni inkwistjoni, li ma hijiex konformi mas-sentenza tagħha tal-25 ta’ Frar 2017, li abbażi tagħha din il-qorti kienet iddeċidiet li kellha tiġi rrikonoxxuta protezzjoni internazzjonali lil A. Torubarov, ħlief fil-każ ta’ theddida stabbilita għas-sigurtà pubblika. Għalhekk, wara l-introduzzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu f’Diċembru 2013, A. Torubarov jgħix, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni definittiva fuq din it-talba, f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, mingħajr ma jibbenefika minn ebda status legali fit-territorju Ungeriż.

36

F’tali sitwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dritt Ungeriż ma jiggarantixxix id-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 u fl-Artikolu 47 tal-Karta. Konsegwentement, din tistaqsi jekk dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jawtorizzawhiex sabiex tirriforma deċiżjoni bħad-deċiżjoni inkwistjoni billi ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiċħadha minn din il-kompetenza.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Pécsi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u tax-Xogħol ta’ Pécs) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva [2013/32], moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpetat fis-sens li l-qrati Ungeriżi għandhom is-setgħa jirriformaw id-deċiżjonijiet amministrattivi tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil li bihom tiġi miċħuda l-protezzjoni internazzjonali, kif ukoll li jikkonċedu l-imsemmija protezzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

38

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lil qorti tal-ewwel istanza, adita b’rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, is-setgħa li tbiddel din id-deċiżjoni amministrattiva u li tissostitwixxi d-deċiżjoni tal-korp amministrattiv li adottaha b’dik tagħha.

39

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 51(1) tagħha fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati “wara l-20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni”.

40

Mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li, billi żied il-kliem “jew f’data preċedenti” mal-imsemmija l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti lill-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħhom li jimplimentaw din id-direttiva, b’effett immedjat, għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 7172, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punti 6364).

41

Peress li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 joffri diversi possibbiltajiet ta’ applikazzjoni ratione temporis, huwa importanti madankollu, sabiex il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi jiġu osservati fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jiġu protetti kontra l-arbitrarjetà, li kull Stat Membru marbut minn din id-direttiva jeżamina b’mod prevedibbli u uniformi l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li jitressqu matul l-istess perijodu fit-territorju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 73, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 66).

42

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ A. Torubarov ġiet ippreżentata fid-9 ta’ Diċembru 2013, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/32, fid-19 ta’ Lulju 2013, iżda qabel id-data finali li fiha kellha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali, jiġifieri l-20 ta’ Lulju 2015.

43

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju indikat, b’risposta għal talba għal informazzjoni li kienet saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, li, skont id-dritt nazzjonali, hija obbligata tikkonforma ruħha mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2013/32, li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Settembru 2015, u li tipprojbixxi lil qorti milli tbiddel deċiżjoni amministrattiva fil-qasam tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ukoll fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji li, għalkemm jikkonċernaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa qabel l-20 ta’ Lulju 2015, inbdew, l-istess bħar-rikors fil-kawża prinċipali, wara din id-data. Din l-informazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

44

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta, minn naħa, li Stat Membru jista’ liberament jiddeċiedi li jagħmel il-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 2013/32 immedjatament applikabbli għal tali proċeduri.

45

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, li tipprovdi li qorti għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq is-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data tad-deċiżjoni tagħha, tiżgura li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, li ġew introdotti matul l-istess perijodu fit-territorju nazzjonali u li fuqhom ma kinitx għadha tittieħed deċiżjoni finali, jiġu eżaminati b’mod prevedibbli u uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punti 6768).

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 ma jipprekludix li qorti nazzjonali, bħall-qorti tar-rinviju, tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2013/32 għal proċedura pendenti quddiemha, minkejja li din tal-aħħar tkun tirrigwarda applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata qabel l-20 ta’ Lulju 2015.

47

Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2013/32 għandha, skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan li tistabbilixxi proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95.

48

Min-naħa tagħha u konformement mal-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva tipprevedi regoli relattivi, qabel kollox, għall-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, u sussegwentement, għal status uniformi għar-refuġjati u għall-persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja u, finalment, għall-kontenut ta’ din il-protezzjoni.

49

Hekk kif diġà ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikoli 13 u 18 tad-Direttiva 2011/95, moqrija flimkien mad-definizzjonijiet tal-kliem “refuġjat” u “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” inklużi fl-Artikolu 2(d) u (f) ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li l-protezzjoni internazzjonali prevista f’din id-direttiva għandha, bħala prinċipju, tingħata lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li tkun tibża’ minħabba raġuni li tiġi ppersegwitata minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, iċ-ċittadinanza tagħha, l-opinjonijiet politiċi tagħha jew l-appartenenza tagħha f’ċertu grupp soċjali, jew li tkun suġġetta għal riskju reali li tiġi ssuġġettata għal danni serji, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 47, u tat-23 ta’ Mejju 2019, Bilali, C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 36).

50

Għaldaqstant, meta persuna tissodisfa r-regoli minimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni sabiex tibbenefika minn wieħed minn dawn l-istatus, meta hija tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti rispettivament fil-Kapitoli II u III, jew fil-Kapitoli II u V tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri huma obbligati, mingħajr preġudizzju għar-raġunijiet ta’ esklużjoni previsti minn din id-direttiva, jagħtu l-protezzjoni internazzjonali mitluba, peress li dawn l-Istati ma għandhomx setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2015, T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 63; tat-12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 52, u tal-14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat),C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 89).

51

L-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 jirrikonoxxi lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tagħhom. L-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-portata tad-dritt għal rimedju effettiv, billi jippreċiża li l-Istati Membri marbuta b’din id-direttiva għandhom jiżguraw li l-qorti li quddiemha tkun qed tiġi kkontestata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali twettaq “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 105106).

52

L-espressjoni “ex nunc” tenfasizza l-obbligu tal-qorti li twettaq evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-provi ġodda li jirriżultaw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors. Fir-rigward tal-aġġettiv “sħiħ”, dan jikkonferma li l-qorti hija obbligata teżamina kemm l-elementi li l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni ħadet jew setgħet tieħu inkunsiderazzjoni kif ukoll dawk li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni minn din l-awtorità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 111113).

53

Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, li jorganizzaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li l-ipproċessar tar-rikorsi previsti jinkludi eżami, mill-qorti, tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettulha twettaq evalwazzjoni aġġornata ta’ dan il-każ, b’mod li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi ttrattata b’mod eżawrjenti mingħajr il-bżonn li l-fajl jintbagħat lura lill-imsemmija awtorità. Tali interpretazzjoni tiffavorixxi l-għan imfittex mid-Direttiva 2013/32, li tfittex li tiggarantixxi li tali talbiet ikunu s-suġġett ta’ pproċessar kemm jista’ jkun malajr, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 109 sa 112).

54

Madankollu, l-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva jirrigwarda biss l-eżami tar-rikors u għaldaqstant ma jirrigwardax l-annullament potenzjali tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors. Għalhekk, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2013/32, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jintroduċi regola komuni li tipprovdi li l-korp kważi ġudizzjarju jew amministrattiv, imsemmi fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, għandu jitlef il-kompetenza tiegħu wara l-annullament tad-deċiżjoni inizjali tiegħu dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, b’tali mod li jibqa’ possibbli għall-Istati Membri li jipprovdu li l-fajl għandu, wara tali annullament, jiġi rrinvijat lil dan il-korp sabiex dan jadotta deċiżjoni ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 145146).

55

Għalkemm id-Direttiva 2013/32 tirrikonoxxi lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ manuvrar, b’mod partikolari, sabiex jiddeterminaw ir-regoli dwar l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta d-deċiżjoni inizjali ta’ tali korp tkun ġiet annullata minn qorti, għandu madankollu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, minkejja tali marġni ta’ manuvrar, l-Istati Membri huma obbligati, fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, li josservaw l-Artikolu 47 tal-Karta, li jistabbilixxi, favur kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu ġew miksura, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-karatteristiċi tar-rimedju previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 għandhom għalhekk jiġu ddeterminati b’mod konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 31, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 114).

56

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali (sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 78). Għaldaqstant, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ dak li tfakkar fil-punt preċedenti, il-pożizzjoni ma tistax tkun differenti fir-rigward tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

57

Fit-tielet lok, id-dritt għal rimedju effettiv ikun illużorju jekk l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru jippermetti li deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u obbligatorja tibqa’ ineffettiva għad-detriment ta’ parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci, C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 43).

58

Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 ikun imċaħħad mill-effett utli tiegħu jekk jiġi aċċettat li, wara li tingħata sentenza li permezz tagħha l-qorti tal-ewwel istanza tkun wettqet, skont din id-dispożizzjoni, evalwazzjoni kompleta u ex nunc tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant skont id-Direttiva 2011/95, il-korp kważi ġudizzjarju jew amministrattiv, imsemmi fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32, ikun jista’ jieħu deċiżjoni li tmur kontra din l-evalwazzjoni.

59

Konsegwentement, anki jekk id-Direttiva 2013/32 ma għandhiex l-għan li toħloq uniformità, b’mod preċiż u eżawrjenti, fir-regoli proċedurali li għandhom jiġu applikati fi ħdan l-Istati Membri meta tiġi adottata deċiżjoni ġdida dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali wara l-annullament tad-deċiżjoni amministrattiva inizjali li tiċħad tali applikazzjoni, madankollu, mill-għan ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti f’li tiżgura li t-talbiet ta’ dan it-tip ikunu jistgħu jiġu ttrattati kemm jista’ jkun malajr, mill-obbligu li jiġi żgurat effett utli lill-Artikolu 46(3) tiegħu u kif ukoll min-neċessità, li tirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta, li tiġi żgurata l-effettività tar-rikors, jirriżulta li kull Stat Membru marbut mill-imsemmija direttiva għandu jfassal id-dritt nazzjonali tiegħu b’mod li, wara annullament ta’ din id-deċiżjoni inizjali u fil-każ ta’ rinviju tal-fajl lil dan il-korp kważi ġudizzjarju jew amministrattiv, tiġi adottata deċiżjoni ġdida fi żmien qasir li tkun konformi mal-evalwazzjoni li tinsab fis-sentenza li annullat id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 148).

60

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-domanda mressqa għandha tiġi eżaminata.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 109(4) tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva tidher li tissodisfa, b’riżerva għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-obbligu ta’ riżultat impost fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, u mfakkar fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit li, wara l-annullament ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fil-każ ta’ rinviju tal-fajl lill-korp amministrattiv li kien adottaha, id-deċiżjoni l-ġdida tal-imsemmi korp tkun konformi mal-evalwazzjoni li tinsab fis-sentenza li annullat id-deċiżjoni.

62

Madankollu, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ungeriż sostna li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ppreżervat it-tqassim tal-kompetenzi bejn, minn naħa, l-amministrazzjoni, li għandha tassumi rwol ċentrali fil-proċeduri dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, il-qorti adita b’rikors imsemmi fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, din il-qorti tista’ tagħti struzzjonijiet dwar il-fatti li għandhom jiġu eżaminati u l-provi ġodda li għandhom jinġabru, għandha tagħti interpretazzjoni tal-liġi u tindika l-elementi rilevanti li l-awtorità amministrattiva għandha tieħu inkunsiderazzjoni, iżda hija ma tistax torbot lil din tal-aħħar fir-rigward tal-evalwazzjoni konkreta tal-każ inkwistjoni, li tista’ tkun ibbażata fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt oħra li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-imsemmija qorti, bħall-elementi ġodda li seħħew wara d-deċiżjoni ġudizzjarja.

63

Issa, l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jipprekludi tali interpretazzjoni.

64

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mill-korp amministrattiv jew kważi ġudizzjarju nazzjonali kompetenti, mgħammar b’mezzi speċifiċi u persunal speċjalizzat fil-qasam, huwa fażi essenzjali tal-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2013/32 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 116, u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 96).

65

Xorta jibqa’ l-fatt li, billi jipprovdi li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha teżamina, jekk ikun il-każ, il-“bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali” tal-applikant, il-leġiżlatur tal-Unjoni, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, kellu l-intenzjoni li jagħti lill-imsemmija qorti, meta din tqis li għandha l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji f’dan ir-rigward, is-setgħa li tiddeċiedi b’mod vinkolanti, wara eżami sħiħ u ex nunc, jiġifieri eżawrjenti u aġġornat, ta’ dawn l-elementi, dwar il-kwistjoni jekk l-imsemmi applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2011/95 sabiex tingħata protezzjoni internazzjonali.

66

Minn dak li ntqal jirriżulta li, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 102 sa 105, 107 u 108 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta qorti tiddeċiedi fuq ir-rikors ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali b’mod eżawrjenti u tipproċedi, f’din l-okkażjoni, għal eżami aġġornat tal-“bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali” ta’ dan l-applikant fid-dawl tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, li fi tmiemu din tikseb il-konvinzjoni li l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja għandu jkun, skont il-kriterji previsti mid-Direttiva 2011/95, irrikonoxxut lill-imsemmi applikant għar-raġunijiet li huwa jinvoka insostenn tal-applikazzjoni tiegħu u meta din il-qorti tipproċedi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-korp amministrattiv jew kważi ġudizzjarju li kien ċaħad din l-applikazzjoni u għar-rinviju tal-fajl lil dan il-korp, dan tal-aħħar huwa, mingħajr preġudizzju għall-okkorrenza ta’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jeħtieġu oġġettivament evalwazzjoni aġġornata ġdida, marbut b’din id-deċiżjoni ġudizzjarja u bil-motivi sottostanti għaliha. B’hekk, fil-kuntest ta’ tali rinviju, l-imsemmi korp ma jkollux iktar setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-deċiżjoni jekk jagħtix jew le l-protezzjoni mitluba fid-dawl tal-istess motivi bħal dawk li ġew sottomessi lill-imsemmija qorti, mingħajr ma jċaħħad lill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll lill-Artikoli 13 u 18 tad-Direttiva 2011/95, mill-effett utli tagħhom.

67

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta tali korp amministrattiv jew kważi ġudizzjarju, li lilu jkun intbagħat il-fajl, ma jkunx ikkonforma ruħu mas-sentenza ta’ annullament tagħha u din tkun adita, mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ dan il-korp li tirrifjuta mill-ġdid il-benefiċċju ta’ tali protezzjoni, mingħajr ma ssemmi, insostenn ta’ dan ir-rifjut, kawża ta’ esklużjoni li tfaċċat fil-frattemp jew punti ta’ fatt jew ta’ liġi ġodda li jeħtieġu evalwazzjoni ġdida, hija għandhiex, skont id-dritt tal-Unjoni, is-setgħa li tissostitwixxi d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-immigrazzjoni b’dik tagħha billi tirriformaha f’sens konformi mas-sentenza preċedenti tagħha, u dan minkejja leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludiha milli tipproċedi b’dan il-mod.

68

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, f’dan il-kuntest, il-fatt li d-dritt nazzjonali ma jipprovdix mezzi li jippermettulha li tinforza l-osservanza tas-sentenza tagħha, peress li l-unika sanzjoni prevista minn dan id-dritt hija n-nullità tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, fatt li huwa ta’ natura li jwassal għal suċċessjoni ta’ annullamenti ta’ deċiżjonijiet amministrattivi u ta’ rimedji ġudizzjarji, li tista’ testendi s-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali tal-applikant, kif juri, f’dan il-każ, il-każ ta’ A. Torubarov.

69

F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punti 54 u 59 ta’ din is-sentenza, għalkemm l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 ma jobbligax lill-Istati Membri jagħtu s-setgħa msemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza lill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tar-rikorsi skont din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw, f’kull każ, l-osservanza tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

L-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102, u tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 41).

71

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-Gvern Ungeriż, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irrefera għal liġi ġdida dwar il-proċedura amministrattiva, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018, jiġifieri wara d-data tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Din il-liġi tistabbilixxi ċerti proċeduri u ċerti mezzi intiżi sabiex jippermettu lill-qrati amministrattivi li jġiegħlu lill-korpi amministrattivi jikkonformaw ruħhom mas-sentenzi tagħhom. Dan premess, dan il-gvern enfasizza wkoll li din l-emenda leġiżlattiva ma tapplikax ratione temporis għall-kawża prinċipali u li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmija motivi ma jistgħux jiġu implimentati fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, b’tali mod li s-sitwazzjoni li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju, jiġifieri dik li ma jkollha ebda mezz li jippermettilha li tinforza l-osservanza tas-sentenza tagħha f’dan il-qasam, tibqa’ l-istess.

72

Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal għal tali sitwazzjoni ċċaħħad, fil-fatt, lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali minn rimedju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, u tmur kontra l-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, peress li d-deċiżjoni ta’ qorti mogħtija wara eżami b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 46(3) u li fi tmiemu hija tkun iddeċidiet li dan l-applikant kien jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2011/95 sabiex jingħata l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, tibqa’ ineffettiva, jekk l-imsemmija qorti ma jkollhiex xi mezz sabiex tiżgura l-osservanza tad-deċiżjoni tagħha.

73

F’tali ċirkustanzi, kull dispożizzjoni ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali jew kull prassi, leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li għandha bħala effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni peress li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tapplika dan id-dritt, tiġi mċaħħda mis-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex jiġu esklużi d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li eventwalment jifformaw ostaklu għall-effettività sħiħa tar-regoli tal-Unjoni li għandhom effett dirett, bħall-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-karta, hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 22, u tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 52 sa 62).

74

Għaldaqstant, sabiex tiġi ggarantita lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, u b’mod konformi mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li quddiemha tressaq ir-rikors li tbiddel id-deċiżjoni tal-korp amministrattiv jew kważi ġudizzjarju, f’dan il-każ l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, li ma tkunx konformi mas-sentenza preċedenti tagħha, u li tissostitwixxi tali deċiżjoni b’dik tagħha stess fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata, billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxiha milli tipproċedi f’dan is-sens (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 62).

75

Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, hija meħtieġa, fl-ewwel lok, minħabba l-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ din is-sentenza, meta applikant għal protezzjoni internazzjonali jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2011/95 sabiex jibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jagħtuh l-imsemmi status mingħajr ma jkollhom setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward, liema għoti jista’, skont l-Artikolu 14(1) u (4) u l-Artikolu 19(1) u (2) ta’ din l-aħħar direttiva, jsir, b’mod partikolari, minn awtorità ġudizzjarja.

76

Fit-tieni lok, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta adotta d-Direttiva 2013/32, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jintroduċi regola komuni li tipprovdi li l-korp kważi ġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva għandu jitlef il-kompetenza tiegħu wara l-annullament tad-deċiżjoni inizjali tiegħu dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 146), xorta jibqa’ l-fatt li jekk l-imsemmi korp, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma osservax is-sentenza tal-qorti nazzjonali adita bir-rikors, hija din il-qorti li għandha tbiddel id-deċiżjoni ta’ dan il-korp u tissostitwixxi d-deċiżjoni tiegħu b’dik tagħha stess.

77

Konsegwentement, f’dan il-każ, għandu jitqies li, jekk, kif jidher li jirriżulta mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju effettivament wettqet, fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Frar 2017, eżami sħiħ u ex nunc tal-“bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali” ta’ A. Torubarov skont id-Direttiva 2011/95 fid-dawl tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, li fi tmiemu hija ddeċidiet li tali protezzjoni kellha tiġi rrikonoxxuta lilu, iżda din is-sentenza ma ġietx osservata mill-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, mingħajr ma d-deċiżjoni inkwistjoni tistabbilixxi, f’dan ir-rigward, l-okkorrenza ta’ elementi ġodda li kienu jeħtieġu evalwazzjoni ġdida, li hija l-qorti msemmija li għandha tikkonferma dan, din għandha, skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, tibdel id-deċiżjoni inkwistjoni, li ma hijiex konformi mas-sentenza preċedenti tagħha, u għandha tissostitwixxi tali deċiżjoni b’dik tagħha stess fir-rigward tal-protezzjoni internazzjonali li għandu jibbenefika minnha A. Torubarov skont id-Direttiva 2011/95, filwaqt li ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-prinċipju, tipprekludiha milli tipproċedi f’dan is-sens (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 79, u tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 66).

78

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn qorti tal-ewwel istanza tkun ikkonstatat, wara li wettqet eżami sħiħ u ex nunc tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti ppreżentati mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, li, b’applikazzjoni tal-kriterji previsti mid-Direttiva 2011/95, dan l-applikant għandu jingħata tali protezzjoni għar-raġuni li huwa jinvoka insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, iżda l-korp amministrattiv jew kważi ġudizzjarju jadotta sussegwentement deċiżjoni fis-sens kuntrarju, mingħajr ma jistabbilixxi, għal dan il-għan, l-okkorrenza ta’ elementi ġodda li jiġġustifikaw evalwazzjoni ġdida tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-imsemmi applikant, l-imsemmija qorti għandha tirriforma din id-deċiżjoni mhux konformi mas-sentenza preċedenti tagħha u tissostitwixxi tali deċiżjoni b’dik tagħha stess fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludiha milli tipproċedi f’dan is-sens.

Fuq l-ispejjeż

79

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn qorti tal-ewwel istanza tkun ikkonstatat, wara li wettqet eżami sħiħ u ex nunc tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti ppreżentati mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, li, b’applikazzjoni tal-kriterji previsti mid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, dan l-applikant għandu jingħata tali protezzjoni għar-raġuni li huwa jinvoka insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, iżda l-korp amministrattiv jew kważi ġudizzjarju jadotta sussegwentement deċiżjoni fis-sens kuntrarju, mingħajr ma jistabbilixxi, għal dan il-għan, l-okkorrenza ta’ elementi ġodda li jiġġustifikaw evalwazzjoni ġdida tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-imsemmi applikant, l-imsemmija qorti għandha tirriforma din id-deċiżjoni mhux konformi mas-sentenza preċedenti tagħha u tissostitwixxi tali deċiżjoni b’dik tagħha stess fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludiha milli tipproċedi f’dan is-sens.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.