SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
20 ta’ Settembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Unjoni doganali u tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 85287113 u 85287190 – Apparat li jista’ jirċievi, jiddekodifika u jipproċessa sinjali tat-televiżjoni trażmessi fuq protokoll tal-internet”
Fil-Kawża C‑555/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Settembru 2017, fil-proċedura
2M-Locatel A/S
vs
Skatteministeriet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn E. Levits, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal 2M-Locatel A/S, minn T. Gønge u S. E. Holm, advokater, |
|
– |
għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, bħala aġent, assistit minn B. Søes Petersen, advokat, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u S. Maaløe, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura tariffarja 85287113 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006 tas‑17 ta’ Ottubru 2006 (ĠU 2006, L 301, p. 1). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn 2M-Locatel A/S u l-Iskatteministeriet (il-Ministeru għat-Taxxa u għad-Dazji tas-Sisa, id-Danimarka), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ apparat li jista’ jirċievi, jiddekodifika u jipproċessa sinjali tat-televiżjoni trażmessi diretti fuq protokoll tal-internet (iktar ’il quddiem l-“apparat għall-istreaming IPTV”). |
Il-kuntest ġuridiku
Il-GATT tal‑1994 u l-FTI
|
3 |
Il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 91) u, b’mod partikolari, il-Memorandum ta’ Ftehim dwar l-Interpretazzjoni tal-Artikolu II(1)(b) tal-GATT tal‑1994 jagħmlu parti mill-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech, fil‑15 ta’ April 1994, u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80). |
|
4 |
Il-Ftehim dwar il-kummerċ fil-prodotti ta’ teknoloġija tal-informatika, li huwa kkostitwit mid-Dikjarazzjoni ministerjali dwar il-kummerċ fil-prodotti tat-teknoloġija tal-informatika adottata fit‑13 ta’ Diċembru 1996 matul l-ewwel konferenza tal-WTO f’Singapor kif ukoll mill-annessi u mill-appendiċi tagħha (iktar ’il quddiem l-“FTI”), u l-komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim, ġew approvati, f’isem il-Komunità, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/359/KE tal‑24 ta’ Marzu 1997 li tirrigwarda l-eliminazzjoni ta’ dazji minn fuq prodotti teknoloġiċi ta’ l-informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 3). L-FTI jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-amministrazzjoni kummerċjali ta’ kull parti kontraenti għandha tevolvi b’mod li żżid l-opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq fil-prodotti tat-teknoloġija tal-informatika. |
|
5 |
Skont il-paragrafu 2 tal-FTI, kull parti kontraenti għandha tikkonsolida u telimina d-dazji doganali u d-dazji u t-taxxi l-oħrajn ta’ kwalunkwe natura, fis-sens tal-Artikolu II(1)(b) tal-GATT tal‑1994, għal ċerti prodotti, fosthom “apparat għall-istreaming b’funzjoni ta’ komunikazzjoni: apparat b’mikroproċessatur li jinkludi modem għall-aċċess għall-internet u li għandu funzjoni ta’ skambju interattiv ta’ informazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Id-dritt tal-Unjoni
In-NM
|
6 |
Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata bin-NM, li hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifika ta’ oġġetti, li ġiet imfassla mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD) u adottata bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-protokoll li jemendaha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU 1987, L 198, p. 1). |
|
7 |
In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt figuri tal-imsemmija sistema, u s-seba’ u t-tmien figuri biss joħolqu sottodiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha. |
|
8 |
L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Titolu I, li jikkonċerna r-regoli ġenerali, it-Taqsima A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
[…]
|
|
9 |
It-Tieni Parti tan-NM hija maqsuma f’21 taqsima. It-Taqsima XVI, intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”, tinkludi l-Kapitoli 84 u 85 tan-NM. Dan il-Kapitolu 85, li huwa intitolat “Makkinarju u tagħmir elettriku u partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, u partijiet u aċċessoarji ta’ dawn l-oġġetti”, jirrigwarda l-intestaturi 8501 sa 8548 tan-NM. |
|
10 |
L-intestatura 8528 tan-NM hija fformulata kif ġej:
|
In-noti ta’ spjega għan-NM
|
11 |
Konformement mat-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), il-Kummissjoni Ewropea tħejji noti ta’ spjega għan-NM, li hija tippubblika b’mod regolari f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
12 |
Dawk ippubblikati fit‑28 ta’ Frar 2006 (ĠU 2006, C 50, p. 1) jippreċiżaw, fis-subintestaturi 85281290 sa 85281295 tan-NM, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004 tas‑7 ta’ Settembru 2004 (ĠU 2004, L 327, p. 1): “Tuners tal-vidjo: Dan l-apparat jinkorpora ċirkuwiti li jagħżlu, li jippermettu intonar għal kanal speċjali jew frekwenza li ġġor, u ċirkuwiti ta’ demodulazzjoni. Huma jkunu ġeneralment disinjati biex joperaw b’erjil individwali jew erjil maqsum (shared) (distribuzzjoni b’kejbil bi frekwenza għolja). Is-sinjal output jista’ jintuża bħala sinjal input għal monitur tal-vidjo jew għal apparat għall-irrekordjar jew għar-riproduzzjoni ta’ vidjo. Dan jikkonsisti fis-sinjal oriġinali tal-kamera (i.e., mhux modulat għal għanijiet ta’ trasmissjoni). Ġieli, l-apparat ikun mgħammar ukoll b’tagħmir għal dekowdjar (kulur) jew ċirkuwiti li jisseparaw għal sinkronizzazzjoni.” |
|
13 |
Skont in-Noti ta’ Spjega tan-NM ippubblikati fis‑7 ta’ Mejju 2008 (ĠU 2008, C 112, p. 8), dwar is-subintestaturi 85287113 sa 85287190 tan-NM: “8528 71 13 […] – Dan is-subtitlu jkopri apparat mingħajr skrin, hekk imsejjaħ ‘kaxxi ta’ fuq is-sett (set-top boxes) b’funzjoni ta’ komunikazzjoni’, li jikkonsisti mill-komponenti ewlenin li ġejjin: […] – tuner tal-vidjow. Il-preżenza ta’ konnekter RF turi li jista’ jkun hemm tuner tal-vidjow, – mowdem. Il-mowdems jimmodulaw u jiddemodulaw sinjali tad-dejta, kemm dawk ħerġin kif ukoll dawk deħlin. Dan jippermetti komunikazzjonijiet bidirezzjonali għall-għanijiet ta’ aċċess għall-Internet. Eżempji ta’ mowdems bħal dawn huma: mowdems V.34-, V.90-, V.92-, DSL- jew bil-kejbil. […] Il-mezzi li jwettqu funzjoni simili għal dik ta’ mowdem iżda li ma jimmodulawx u ma jiddemodulawx sinjali ma jitqisux bħala mowdems. Eżempji ta’ apparat bħal dawn huma mezzi ISDN-, WLAN- jew Ethernet. […] […] Kaxxi ta’ fuq is-sett (set-top boxes), li jinkorporaw strument b’ funzjoni ta’ rrekordjar jew riproduzzjoni (pereżempju drajv għal ħardisk jew DVD) huma esklużi minn dan is-subtitlu (subtitlu 852190 [9]0). […] 85287190 […] – Dan is-subtitlu jinkludi prodotti li ma fihomx skrin li huma apparat għar-riċezzjoni għat-televiżjoni, iżda li ma jinkorporawx tuner tal-vidjow (pereżempju hekk imsejħa ‘IP streaming boxes’).” |
|
14 |
In-noti ta’ spjega tan-NM ippubblikati fit‑30 ta’ Mejju 2008 (ĠU 2008, C 133, p. 1) jippreċiżaw, taħt is-subintestaturi 85287111 sa 85287119 tan-NM: “Dawn is-subtitli jkopru apparat li jinkorpora tuner tal-vidjow li jaqleb is-sinjali televiżivi bi frekwenza għolja f’sinjali li jintużaw minn apparat għar-rekordjar u riproduzzjoni jew moniters tal-vidjow. Dan l-apparat jinkorpora ċirkuwiti seletturi, li jippermettu li jinqabad kanal speċjali jew frekwenza ta’ trasmissjoni, u ċirkuwiti ta’ demodulazzjoni. Huma ġeneralment iddisinjati sabiex joperaw b’antenna individwali jew maqsuma bejn ħafna (distribuzzjoni bil-kejbil ta’ frekwenza għolja). Is-sinjal ta’ l-output jista’ jintuża bħala sinjal ta’ l-input għal moniters tal-vidjow jew għall-apparat għar-rekordjar jew riproduzzjoni tal-vidjow. Jikkonsisti mis-sinjal oriġinali tal-kamera (jiġifieri, mhux immodulat għal skop ta’ trasmissjoni). Xi drabi, l-apparat huwa wkoll mgħammar b’tagħmir dekodifikanti (kulur) jew ċirkuwit separatur għas-sinkronizzazzjoni.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
15 |
2M-Locatel, fil-perijodu ta’ bejn il‑21 ta’ Ottubru 2007 u t‑8 ta’ Lulju 2010, importat miċ-Ċina apparat għall-istreaming IPTV. Dawn tal-aħħar ma jistgħux jirċievu, jiddekodifikaw u jipproċessaw sinjali tat-televiżjoni trażmessi permezz ta’ antenna, ta’ kejbil jew ta’ satellita. |
|
16 |
L-apparat għall-istreaming IPTV jinkludi apparat ethernet u huwa stabbilit bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li dawn għandhom “mowdem”, fis-sens tan-NM. |
|
17 |
Waqt l-importazzjoni, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet iddikjarata minn 2M-Locatel bħala li taqa’ taħt is-subintestatura 85287113 tan-NM u għaldaqstant tpoġġiet f’ċirkulazzjoni libera eżentata minn dazji doganali. |
|
18 |
Peress li qieset li l-imsemmija merkanzija kellha tiġi kklassifikata fis-subintestatura 85287190 tan-NM għar-raġuni li din ma kellhiex “tuner tal-vidjow”, fis-sens tan-NM, fl‑20 ta’ Ottubru 2010 l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali Daniża ħarġet avviż ta’ rettifika li jipprevedi l-irkupru a posteriori ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni tal-apparat għall-istreaming IPTV inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rata ta’ 14 %, flimkien ma’ interessi. |
|
19 |
Adita b’ilment minn 2M-Locatel, il-Landsskatteretten (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Mejju 2014, emendat id-deċiżjoni tal-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali Daniża u annullat l-ordni ta’ rkupru għar-raġuni li l-imsemmi apparat għall-istreaming IPTV kien jaqa’ taħt is-subintestatura 85287113 tan-NM. |
|
20 |
Kontra din id-deċiżjoni, il-Ministeru għat-Taxxa u għad-Dazji tas-Sisa ppreżenta rikors li ntlaqa’ b’sentenza tal-byretten, Retten i Glostrup (il-Qorti Muniċipali ta’ Glostrup, id-Danimarka) tal‑15 ta’ Lulju 2015. |
|
21 |
2M-Locatel appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
22 |
Huwa stabbilit bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li l-apparat għall-istreaming IPTV inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa il-kundizzjonijiet deskrittivi tas-subintestatura 85287113 tan-NM. Dawn jaqblu wkoll fuq il-fatt li, skont il-GATT tal‑1994 u tal-ATI, l-Unjoni għandha teżenta mid-dazji doganali l-apparat għall-istreaming li għandu funzjoni ta’ komunikazzjoni, bħall-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
23 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-punt fejn ma jaqblux jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi apparat għall-istreaming IPTV għandux jitqies li jinkorpora “tuner tal-vidjow”, fis-sens tan-NM. |
|
24 |
Peress li qieset li dan il-kunċett ma huwiex iddefinit min-NM u lanqas min-Noti ta’ Spjega tagħha, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “[F]in-[NM],
għandhom jiġu interpretati fis-sens li jfissru li prodott li jikkorrispondi għad-deskrizzjoni tal-prodott fis-subintestatura 85287113 u li jista’ jirċievi, jiddekodifika u jipproċessa sinjali tat-televiżjoni diretta, trażmessi permezz tat-teknoloġija tal-internet, iżda li ma jistax jirċievi, jiddekodifika u jipproċessa sinjali tat-televiżjoni diretta permezz ta’ antenna, ta’ televiżjoni bil-kejbil jew ta’ satellita, għandu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 85287113, is-subintestatura 85287190 jew taħt subintestatura oħra?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
25 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li apparat, bħall-apparat għall-istreaming IPTV inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax taħt is-subintestatura 85287113 jew taħt is-subintestatura 85287190 tagħha. |
|
26 |
Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, il-funzjoni tagħha hija li tiggwida lill-qorti nazzjonali fir-rigward tal-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni taħt in-NM iktar milli li tagħmel hija stess din il-klassifikazzjoni, u dan iktar u iktar minħabba li hija ma jkollhiex neċessarjament għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Minħabba f’hekk, il-qorti tar-rinviju tinsab, fi kwalunkwe każ, f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel il-klassifikazzjoni inkwistjoni (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Medtronic, C‑227/17, EU:C:2018:247, punt 33). |
|
27 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jkun ibbażat, b’mod ġenerali, fuq il-karatteristiċi u fuq il-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti fil-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u fin-noti dwar taqsima jew dwar kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ April 2011, British Sky Broadcasting Group u Pace, C‑288/09 u C‑289/09, EU:C:2011:248, punt 60, kif ukoll tat‑22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 27). |
|
28 |
Konformement mar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija taħt is-subintestaturi tal-istess intestatura hija legalment iddeterminata skont it-termini ta’ dawn is-subintestaturi u tan-noti tas-subintestaturi, tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, il-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli meqjusa li għandhom biss valur indikattiv. |
|
29 |
Barra minn hekk, in-noti ta’ spjega tan-NM elaborati mill-Kummissjoni jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi, u dan madankollu mingħajr ma għandhom saħħa legali vinkolanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ April 2011, British Sky Broadcasting Group u Pace, C‑288/09 u C‑289/09, EU:C:2011:248, punt 63, kif ukoll tat‑22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 33). |
|
30 |
F’dan il-każ, is-subintestatura 852871 tan-NM tkopri l-apparat li jista’ jirċievi sinjali tat-televiżjoni li ma huwiex iddisinjat sabiex jinkorpora fih display jew skrin tal-vidjow. |
|
31 |
Hija tistabbilixxi distinzjoni bejn it-“tuners tal-vidjow”, imsemmija fis-subintestaturi 85287111, 85287113 u 85287119 tan-NM, u l-“oħrajn”, li jaqgħu taħt is-subintestatura 85287190 tan-NM. Bħala kategorija residwali, din is-subintestatura tal-aħħar tkopri konsegwentement l-apparat li jirċievi s-sinjali tat-televiżjoni li ma għandux “tuners tal-vidjow”. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-espressjonijiet “riċezzjoni ta’ vidjow” u “riċezzjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni” ikopru żewġ kunċetti identiċi (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 29). |
|
33 |
Fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li l-apparat għall-istreaming IPTV jita’ jirċievi sinjali tat-televiżjoni. Min-naħa l-oħra, 2M-Locatel u l-Ministeru għat-Taxxa u għad-Dazji tas-Sisa ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk dan l-apparat għandux jitqies li jinkorpora “tuner tal-vidjow” fis-sens tas-subintestatura 852871 tan-NM. |
|
34 |
Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-apparat għall-istreaming IPTV jirċievi sinjali diġitali u jissepara l-istazzjonijiet skont gruppi ta’ indirizzi fuq protokoll tal-internet, filwaqt li apparat għall-istreaming għat-televiżjoni trażmess permezz ta’ antenna, ta’ kejbil jew ta’ satellita jirċievi sinjali simili u jissepara billi jissettja l-frekwenzi. |
|
35 |
Sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, hemm lok, għaldaqstant, li jiġi ddeterminat xi jkopri l-kunċett ta’ “tuner tal-vidjow”, fis-sens tas-subintestatura 852871 tan-NM. |
|
36 |
Fin-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett fin-NM, hemm lok jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini, li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li fl-istess ħin jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li jintużaw fih u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jiffurmaw parti minnha (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 38). |
|
37 |
“Tuner tal-vidjow”, jew “tuner tat-televiżjoni”, fis-sens ta’ kuljum ta’ dan il-kliem, huwa apparat li jaqleb is-sinjal tat-televiżjoni bi frekwenza għolja f’sinjali li jistgħu jintużaw mill-apparat għall-irrekordjar u r-riproduzzjoni jew moniters tal-vidjow. Huwa jippermetti barra minn hekk li jintagħżlu s-sinjali tat-televiżjoni trażmessi fuq frekwenza speċifika. |
|
38 |
Din id-definizzjoni hija kkorroborata min-noti ta’ spjega tan-NM fis-seħħ fid-data tal-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
39 |
Fil-fatt, skont in-noti ta’ spjega tan-NM ippubblikati fit‑28 ta’ Frar 2006, “[d]an l-apparat jinkorpora ċirkuwiti seletturi, li jippermettu li jinqabad kanal speċjali jew frekwenza ta’ trasmissjoni, u ċirkuwiti ta’ demodulazzjoni. Huma ġeneralment iddisinjati sabiex joperaw b’antenna individwali jew maqsuma bejn ħafna (distribuzzjoni bil-kejbil ta’ frekwenza għolja). Is-sinjal ta’ l-output jista’ jintuża bħala sinjal ta’ l-input għal moniters tal-vidjow jew għall-apparat għar-rekordjar jew riproduzzjoni tal-vidjow. Jikkonsisti mis-sinjal oriġinali tal-kamera (jiġifieri, mhux immodulat għal skop ta’ trasmissjoni) […]”. |
|
40 |
Skont in-noti ta’ spjega tan-NM ippubblikati fis‑7 ta’ Mejju 2008, is-subintestatura 85287113 tan-NM “jkopri apparat mingħajr skrin, hekk imsejjaħ ‘kaxxi ta’ fuq is-sett (set-top boxes) b’funzjoni ta’ komunikazzjoni’, li jikkonsisti mill-komponenti ewlenin li ġejjin […] tuner tal-vidjow. Il-preżenza ta’ konnekter RF [frekwenza tar-radju] turi li jista’ jkun hemm tuner tal-vidjow […]”. |
|
41 |
Fl-aħħar nett, in-noti ta’ spjega tan-NM ippubblikati fit‑30 ta’ Mejju 2008 jipprovdu li s-subintestaturi 85287111 sa 85287119 tan-NM “jkopru apparat li jinkorpora tuner tal-vidjow li jaqleb is-sinjali televiżivi bi frekwenza għolja f’sinjali li jintużaw minn apparat għar-rekordjar u riproduzzjoni jew moniters tal-vidjow. Dan l-apparat jinkorpora ċirkuwiti seletturi, li jippermettu li jinqabad kanal speċjali jew frekwenza ta’ trasmissjoni, u ċirkuwiti ta’ demodulazzjoni. Huma ġeneralment iddisinjati sabiex joperaw b’antenna individwali jew maqsuma bejn ħafna (distribuzzjoni bil-kejbil ta’ frekwenza għolja). Is-sinjal ta’ l-output jista’ jintuża bħala sinjal ta’ l-input għal moniters tal-vidjow jew għall-apparat għar-rekordjar jew riproduzzjoni tal-vidjow. Jikkonsisti mis-sinjal oriġinali tal-kamera (jiġifieri, mhux immodulat għal skop ta’ trasmissjoni) […]”. |
|
42 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex jaqa’ taħt is-subintestaturi 85287111 sa 85287119 tan-NM, apparat għandu jinkorpora tuner tal-vidjow, jew “tuner tat-televiżjoni”, jiġifieri apparat li jippermetti li jinqabdu kanali speċjali jew frekwenzi ta’ trażmissjoni u li s-sinjali tat-televiżjoni bi frekwenza għolja jinqalbu f’sinjali li jistgħu jintużaw mill-apparat għall-irrekordjar jew riproduzzjoni tal-vidjow jew mill-moniters. |
|
43 |
Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, huwa l-kompitu għaldaqstant tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk l-apparat għall-istreaming IPTV inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux dawn il-karatteristiċi. Jekk le, dan għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura residwali 85287190 tan-NM u, konsegwentement, jiġi suġġett għal dazji doganali fir-rata ta’ 14 %. |
|
44 |
Din l-interpretazzjoni ma hijiex imminata mill-paragrafu 2 tal-ATI, li jipprovdi li kull parti kontraenti għandha telimina d-dazji doganali applikabbli, b’mod partikolari għas-“set-top boxes b’funzjoni ta’ komunikazzjoni: apparat b’mikroproċessatur li jinkludi modem għall-aċċess għall-internet u li għandu funzjoni ta’ skambju interattiv ta’ informazzjoni”, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi apparat jinkorporax jew le tuner tat-televiżjoni. |
|
45 |
Ċertament, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt derivat teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, inkonformità ma’ dawn il-ftehimiet (sentenzi tal‑14 ta’ April 2011, British Sky Broadcasting Group u Pace, C‑288/09 u C‑289/09, EU:C:2011:248, punt 83, kif ukoll tat‑22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 39). |
|
46 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni, li timplika li jiġi affermat li l-apparat għall-istreaming b’funzjoni ta’ komunikazzjoni għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 85287113 tan-NM, inkluż meta dawn ma jippermettux li jinqabdu kanali speċjali jew frekwenzi ta’ trażmissjoni, u lanqas li s-sinjali tat-televiżjoni bi frekwenza għolja jinqalbu f’sinjali li jistgħu jintużaw mill-apparat għall-irrekordjar jew riproduzzjoni tal-vidjow jew mill-moniters, ma hijiex possibbli peress li, bħalma jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, din tmur kontra il-formulazzjoni tan-NM u, għaldaqstant, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
47 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Union ma tistax teżerċita stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni fir-rigward tar-regoli tal-WTO għall-perijodu qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu raġjonevoli mogħti lill-Unjoni, konformement mal-memorandum ta’ qbil dwar is-soluzzjoni tat-tilwim, sabiex tikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet jew mad-deċiżjonijiet tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO, taħt piena li tintilef l-effettività tal-għoti ta’ terminu bħal dan (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, Hewlett-Packard Europe, C‑361/11, EU:C:2013:18, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest tal-ATI, fis‑16 ta’ Awwissu 2010, grupp speċjali tal-WTO ppubblika r-rapporti tiegħu fil-każijiet WT/DS375/R, WT/DS376/R u WT/DS377/R (Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom — Trattament tariffarju ta’ ċerti prodotti tat-teknoloġiji tal-informatika), li ġew adottati mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO fil‑21 ta’ Settembru 2010. |
|
49 |
Dawn ir-rapporti jindikaw, b’mod partikolari, kif għandu jinftiehem “apparat għall-istreaming”. Dan huwa “apparat li jipproċessa sinjal li dieħel li ġej minn sors ta’ sinjali estern b’mod illi jkun jista’ jintwera fuq skrin, bħal moniter tal-vidjow jew sett tat-televiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huma jispeċifikaw li dan l-apparat “jista’ jiżgura funzjonalità waħda jew iktar, inkluż li jirċievi u li jiddekowdja trażmissjonijiet televiżivi, irrispettivament minn jekk ikunux trażmessi permezz ta’ satellita, ta’ antenna, ta’ kejbil jew tal-internet”. |
|
50 |
Issa, it-terminu raġjonevoli mogħti lill-Unjoni sabiex timplimenta l-imsemmija rapporti adottati mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO skada fit‑30 ta’ Ġunju 2011 u l-Kummissjoni ħadithom inkusiderazzjoni meta adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 620/2011 tal‑24 ta’ Ġunju 2011 li jemenda r-Regolament Nru 2658/87 (ĠU 2011, L 166, p. 16). Konformement mal-Artikolu 2 tiegħu, dan ir-regolament daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2011 u ma għandux effett retroattiv. |
|
51 |
Minn dan isegwi li l-validità tar-Regolament Nru 1549/2006 ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi mminata għar-raġuni li dan ir-regolament jikklassifika l-apparat għall-istreaming b’funzjoni ta’ komunikazzjoni li ma għandux tuner tat-televiżjoni fis-subintestatura 85287190 tan-NM. |
|
52 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li apparat, bħall-apparat għall-istreaming IPTV inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jista’ jirċievi, jiddekodifika u jipproċessa sinjali tat-televiżjoni trażmessi diretti fuq protokoll tal-internet għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 85287190 tagħha, sakemm dan ma jkollux tuner tal-vidjow, jew “tuner tat-televiżjoni”, fatt li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika. |
Fuq l-ispejjeż
|
53 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006 tas‑17 ta’ Ottubru 2006, għandha tiġi interpretata fis-sens li apparat li jista’ jirċievi, jiddekodifika u jipproċessa sinjali tat-televiżjoni trażmessi diretti fuq protokoll tal-internet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 85287190 tagħha, sakemm dan ma jkollux tuner tal-vidjow, jew “tuner tat-televiżjoni”, fatt li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.