SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikoli 14 u 34 – Obbligu li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jingħata l-possibbiltà ta’ intervista personali qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà – Ksur tal-obbligu matul il-proċedura fl-ewwel istanza – Konsegwenzi”

Fil-Kawża C‑517/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Milkiyas Addis

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Addis, minn K. Müller, Rechtsanwältin,

għall-Bundesrepublik Deutschland, minn M. Henning u A. Horlamus, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn J. Möller, T. Henze u R. Kanitz, sussegwentement minn J. Möller u u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Van Lul u C. Pochet kif ukoll minn F. Bernard, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn A. Brabcová, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn E. de Moustier u E. Armoët, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Tornyai kif ukoll minn M. Tátrai, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn Mmes K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Ladenburger u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M,29.6.2006, p. 168), u tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-proċeduri”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Milkiyas Addis u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) li tirrifjuta lill-persuna kkonċernata l-benefiċċju tad-dritt għall-ażil.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2005/85

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2005/85 kellha bħala għan li tistabbilixxi standards minimi għal proċedura għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat.

4

L-Artikolu 12 tad-Direttiva intitolat “Intervista personali”, jipprevedi:

“1.   Qabel ma’ tiġi meħuda deċiżjoni mill-awtorita determinanti, l-applikant għall-ażil għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil ma’ persuna li tkun, taħt il-liġi nazzjonali, kompetenti sabiex tmexxi tali intervista.

[…]

2.   L-intervista personali tista’ tiġi ommessa fejn:

a)

l-awtorità determinanti tkun kapaċi li tieħu deċiżjoni pożittiva abbażi tal-prova disponibbli; jew

l-awtorità kompetenti tkun diġà ltaqgħet ma’ l-applikant sabiex tassistih fit-tlestija ta’ l-applikazzjoni tiegħu u fil-preżentazzjoni ta’ l-informazzjoni essenzjali fir-rigward ta’ l-applikazzjoni, […], jew

c)

l-awtorità determinanti, abbażi ta’ eżami sħiħ ta’ l-informazzjoni provduta mill-applikant, tikkunsidra l-applikazzjoni bħala bla bażi fil-każijiet fejn japplikaw iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 23(4)(a), (ċ), (g), (h) u (j).

3.   L-intervista personali tista’ tiġi ommessa wkoll fejn ma tkunx raġonevolment prattikabbli, b’mod partikolari fejn l-awtorità kompetenti tkun tal-fehma li l-applikant mhuwiex f’sikktu jew kapaċi sabiex jiġi intervistat minnħabba ċirkostanzi persistenti li fuqhom huwa ma jkollux kontroll. F’każijiet ta’ dubbju, l-Istati Membri jistgħu jesiġu ċertifikat mediku jew psikoloġiku.

Fejn l-Istat Membru ma jipprovdix l-opportunità għal intervista personali lill-applikant skont dan il-paragrafu, jew fejn applikabbli, lid-dipendenti, għandu jsir dak li jkun raġonevolment possibbli sabiex l-applikant jew id-dipendenti ikunu jistgħu jippreżentaw aktar informazzjoni.

4.   In-nuqqas ta’ intervista personali skont dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi lill-awtorità determinanti milli tieħu deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-ażil.

5.   L-assenza ta’ intervista personali skont il-paragrafu 2(b) u (ċ) u l-paragrafu 3 ma għandhiex tinċidi negattivament fuq id-deċiżjoni tal-awtorità determinanti.

6.   Irrispettivament mill-Artikolu 20(1), l-Istati Membri, meta jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni għall-ażil, jistgħu jieħdu kont tal-fatt li l-applikant naqas milli jidher għall-intervista personali sakemm huwa ma kellux raġunijiet tajbin għan-nuqqas li jidher.”

5

L-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Azzjonijiet Ġudizzjarji”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli skont dan l-Artikolu jekk:

a)

l-istatus ta’ rifuġjat ikun ġie mogħti minn Stat Membru ieħor;

[…]”

Id-Direttiva dwar il-proċeduri

6

Id-Direttiva dwar il-proċeduri fasslet mill-ġdid id-Direttiva 2005/85.

7

Il-premessi 16, 18, 22, 29 u 32 tad-Direttiva dwar il-proċeduri huma fformulati kif ġej:

“(16)

Huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali jittieħdu abbażi tal-fatti u, fl-istadju ta’ prima istanza, minn awtoritajiet li l-persunal tagħhom ikollu l-informazzjoni adegwata jew ikun irċieva t-taħriġ meħtieġ fil-qasam ta’ kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali.

[…]

(18)

Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

[…]

(22)

Huwa wkoll fl-interess ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti biex jiżguraw fl-ewwel istanza rikonoxximent korrett tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjonali. […]

[…]

(29)

Xi applikanti jistgħu jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali minħabba, inter alia, l-età, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tas-sess, diżabbiltà, mard serju, mard mentali jew konsegwenzi ta’ tortura, stupru jew forom oħra serji ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex jidentifikaw applikanti li jkollhom bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali qabel tittieħed deċiżjoni fl-ewwel każ. […]

[…]

(32)

Bl-għan li tiġi żgurata l-ugwaljanza sostantiva bejn l-applikanti nisa u rġiel, il-proċeduri ta’ eżami għandhom ikunu relatati mas-sessi. B’mod partikolari, l-intervisti personali għandhom ikunu organizzati b’tali mod li jagħmluha possibbli kemm għall-applikanti nisa kif ukoll għall-irġiel biex jitkellmu dwar l-esperjenzi tal-passat tagħhom f’każijiet li jinvolvu persekuzzjoni bbażata fuq is-sess. […]”

8

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, din għandha bħala għan li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

9

L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-proċeduri jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-termini li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin:

[…]

b)

‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ jew ‘applikazzjoni’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li qed tfittex stat ta’ rifuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni barra mill-ambitu tad-Direttiva [2011/95], li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

[…]

f)

‘awtorità determinanti’ tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet;

[…]”

10

L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, intitolat “Awtoritajiet responsabbli”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat ta’ applikazzjonijiet skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali awtorità tkun ipprovduta b’mezzi xierqa, inkluż biżżejjed persunal kompetenti, biex iwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-awtorità determinanti jkun mistħarreġ b’mod xieraq. […] Il-persuni li jintervistaw lill-applikanti skont din id-Direttiva għandu jkollhom ukoll tagħrif ġenerali miksub ta’ problemi li jistgħu jaffettwaw b’mod ħażin il-kapaċità tal-applikant li jiġi intervistat, bħal indikazzjonijiet li l-applikant seta’ ġie ttorturat fil-passat.

[…]”

11

Il-Kapitolu II tad-Direttiva dwar il-proċeduri, intitolat “Prinċipji u Garanziji Bażiċi”, jinkludi l-Artikoli 6 sa 30 tagħha.

12

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Garanziji għall-applikanti għall-ażil”, jipprovdi:

“1.   Fir-rigward tal-proċeduri provduti fil-Kapitolu III, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha jgawdu l-garanziji li gejjin:

[…]

b)

għandhom jirċievu s-servizzi ta’ interpretu sabiex jippreżentaw il-każ tagħhom quddiem l-awtoritajiet kompetenti meta dan ikun meħtieġ. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw bħala meħtieġ l-għoti ta’ dawn is-servizzi għall-inqas meta l-applikant huwa intervistat kif imsemmi fl-Artikoli 14 sa 17 u 34 u meta ma tkunx tista’ tiġi żgurata komunikazzjoni adegwata mingħajr dawn is-servizzi. […]

[…]”

13

L-Artikolu 12 tad-Direttiva intitolat “Intervista personali”, jipprevedi:

“1.   Qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti, l-applikant għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali ma’ persuna li tkun, taħt il-liġi nazzjonali, kompetenti sabiex tmexxi tali intervista. L-intervisti personali dwar is-sustanza tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom isiru mill-persunal tal-awtorità determinanti. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 42(2)(b).

Fejn l-applikazzjonijiet simultanji għall-protezzjoni internazzjonali minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi jagħmluha impossibbli li fil-prattika l-awtorità determinanti tkun tista’ tagħmel intervisti fil-ħin dwar is-sustanza ta’ kull applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-persunal ta’ awtorità oħra tkun involuta b’mod temporanju fit-twettiq ta’ dawn l-intervisti. F’każijiet bħal dawn, il-persunal ta’ dik l-awtorità l-oħra għandu jirċievi minn qabel it-taħriġ rilevanti li […].

[…]

2.   L-intervista personali dwar is-sustanza tal-applikazzjoni tista’ titneħħa meta:

a)

l-awtorità determinanti tkun kapaċi li tieħu deċiżjoni pożittiva fir-rigward tal-istatus ta’ rifuġjat abbażi tal-prova disponibbli;

b)

l-awtorità determinanti tkun tal-fehma li l-applikant mhuwiex f’siktu jew kapaċi sabiex jiġi intervistat minnħabba ċirkostanzi persistenti li fuqhom huwa ma jkollux kontroll. F’dubju, l-awtorità determinanti għandha tikkonsulta professjonist mediku biex tistabbilixxi jekk il-kundizzjoni li minħabba fiha l-applikant li mhuwiex f’siktu jew kapaċi li jiġi intervistat hijiex temporanja jew fit-tul.

Fejn ma ssirx intervista personali taħt il-punt (b) jew, fejn applikabbli, mal- persuna dipendenti, għandu jsir dak li jkun raġonevolment possibbli sabiex l-applikant jew il-persuna dipendenti jkunu jistgħu jippreżentaw aktar informazzjoni.

3.   In-nuqqas ta’ intervista personali taħt dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi lill-awtorità determinanti milli tieħu deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

4.   In-nuqqas ta’ intervista personali skont il-paragrafu 2(b) ma għandhiex tinċidi negattivament fuq id-deċiżjoni tal-awtorità determinanti.

5.   Irrispettivament mill-Artikolu 28(1), l-Istati Membri, meta jiddeċiedu dwar applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, jistgħu jieħdu kont tal-fatt li l-applikant naqas milli jidher għall-intervista personali sakemm huwa ma kellux raġunijiet tajbin għan-nuqqas li jidher.”

14

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Rekwiżiti għal intervista personali” jipprovdi li:

“1.   Intervista personali għandha normalment issir mingħajr il-preżenza ta’ membri tal-familja sakemm l-awtorità li tiddeċiedi ma tikkunsidrax bħala meħtieġ, sabiex isir eżami adegwat, li jkun hemm membri oħra tal-familja preżenti.

2.   Intervista personali għandha ssir taħt kundizzjonijiet li jiżguraw kunfidenzjalità adegwata.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-intervisti personali jitmexxew taħt kundizzjonijiet li jippermettu li l-applikanti jippreżentaw ir-raġunijiet għall-applikazzjonijiet tagħhom b’mod komprensiv. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom:

a)

jiżguraw li l-persuna li tagħmel l-intervista tkun suffiċjentement kompetenti sabiex tieħu kont taċ-ċirkostanzi personali u ġenerali attinenti għall-applikazzjoni, inkluż l-oriġini kulturali jew il-vulnerabbiltà ta’ l-applikant

b)

kull meta jkun possibbli, jipprovdu li l-intervista mal-applikant tkun imwettqa minn persuna tal-istess sess jekk l-applikant ikkonċernat jitlob dan, sakemm l-awtorità determinanti ma jkollhiex raġuni biex temmen li tali talba hi bbażata fuq raġunijiet li mhumiex relatati ma diffikultajiet min-naħa tal-applikant biex jippreżenta r-raġunijiet tal-applikazzjoni tiegħu/tagħha b’mod komprensiv;

c)

jagħżlu interpretu li jkun kapaċi jiżgura komunikazzjoni adegwata bejn l-applikant u l-persuna li tmexxi l-intervista. Il-komunikazzjoni għandha ssir fl-ilsien li jippreferi l-applikant ħlief jekk ikun hemm ilsien ieħor li huwa jifhem u li bih huwa jkun kapaċi jikkomunika b’mod ċar. Kull meta jkun possibbli, l-Istati membri għandhom jipprovdu interpretu tal-istess sess jekk l-applikant jitlob dan, sakemm l-awtorità determinanti jkollha raġunijiet biex temmen li tali talba hi bbażata fuq raġunijiet li mhumiex relatati ma’ diffikultajiet min-naħa tal-applikant biex jippreżenta r-raġunijiet tal-applikazzjoni tiegħu/tagħha b’mod komprensiv;

d)

jiżguraw li l-persuna li tagħmel l-intervista dwar is-sustanza ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ma tilbisx uniformi;

e)

jiżguraw li l-intervisti mal-minorenni jsiru b’mod li jifmuhom it-tfal.

4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli li jikkonċernaw il-preżenza, waqt intervista personali, ta’ terzi persuni.”

15

Il-Kapitolu II tad-Direttiva dwar il-proċeduri, intitolat “Proċeduri ta’ Prima Istanza”, jinkludi l-Artikoli 31 sa 43 tagħha.

16

L-Artikolu 33 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

a)

il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

[…]”

17

L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Regoli speċjali dwar l-intervista tal-ammissibbiltà” jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti biex jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar l-applikazzjoni tar-raġunijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 33 fiċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom iwettqu intervista personali dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni biss taħt l-Artikolu 42 fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti.

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex il-persunal ta’ awtoritajiet oħra barra l-awtorità determinanti jagħmel l-intervista personali dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali persunal jirċievu minn qabel it-taħriġ bażiku meħtieġ b’mod partikolari fir-rigward tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-acquis tal-Unjoni dwar l-asil u t-tekniki biex issir intervista.”

18

Il-Kapitolu V tad-Direttiva dwar il-proċeduri, intitolat “Proċeduri tal-Appelli”, jinkludi bħala dispożizzjoni unika l-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, li jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

i)

les li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

ii)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2),

[…]

3.   Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, […]

[…]”

19

L-Artikolu 51(1) tad- tad-Direttiva dwar il-proċeduri jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 30, mal-Artikolu 31(1), (2) u (6) sa (9), mal-Artikoli 32 sa 46, mal-Artikoli 49 u 50 u mal-Anness I l-iktar tard mill-20 ta’ Lulju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.”

20

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl- Artikolu 51(1) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati u fir-rigward ta’ proċeduri għall-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali li jkunu mibdija wara l-20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni. L-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 u l-proċeduri għall-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat mibdija qabel dik id-data għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi taħt id-Direttiva [2005/85].”

21

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tad-Direttiva dwar il-proċeduri jipprevedi:

“Id-Direttiva [2005/85] tiġi mħassra għal dawk l-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva bis-seħħ mill-21 ta’ Lulju 2015, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward għal-limiti ta’ żmien imposti għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva stabbilita fl-Anness II, Parti B.”

22

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 54 tagħha, id-Direttiva dwar il-proċeduri daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li seħħet fid-29 ta’ Ġunju 2013

Id-dritt Ġermaniż

23

L-Artikolu 24 tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AsylG”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-[Uffiċċju] għandu jistabbilixxi l-fatti u għandu jiġbor il-provi neċessarji. […] Huwa għandu jisma’ personalment lill-barrani. L-[Uffiċċju] jista’ jiddispensah meta jkun irid jirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat barra mill-pajjiż jew meta l-barrani jkun daħal fit-territorju billi jkun ġej minn pajjiż terz sigur […].”

24

L-Artikolu 29 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Applikazzjoni għall-ażil hija inammissibbli meta

[…]

2.

Stat Membru ieħor tal-Unjoni diġà ta protezzjoni internazzjonali lill-barrani […],

[…]”

25

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 77(1) tal-AsylG tipprovdi:

“Fil-kawżi rregolati minn din il-liġi, il-qorti għandha tibbaża fuq is-sitwazzjoni fil-fatt u fil-liġi li teżisti fil-mument tal-aħħar seduta; jekk qabel id-deċiżjoni ma jkunx hemm seduta, il-mument determinanti huwa dak ta’ meta tingħata d-deċiżjoni.”

26

L-Artikolu 46 tal-Verwaltungsverfahrensgesetz (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, iktar ’il quddiem il-“VwVfG”) jipprevedi:

“Applikazzjoni għall-annullament ta’ att amministrattiv li mhux invalidu […] ma tistax issir biss minħabba li l-att sar permezz tal-ksur ta’ regolamenti li jirregolaw proċedura, forma jew kompetenza lokali, fejn huwa evidenti li l-ksur ma influwenzax id-deċiżjoni fuq il-kwistjoni.”

27

L-Artikolu 86 tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Kodiċi tal-Kontenzjuż Amministrattiv) jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qorti għandha tinvestiga l-fatti ex officio; dawk ikkonċernati għandhom jiġu kkonsultati b’dan. Hija ma għandhiex tkun marbuta mas-sottomissjonijiet u mal-mozzjonijiet għat-teħid tal-provi ta’ dawk ikkonċernati.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

28

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jiddikjara li huwa ċittadin tal-Eritrea, daħal fil-Ġermanja fix-xahar ta’ Settembru 2011 u talab li hemmhekk jibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat. Minħabba mutilizzazzjonijiet għal subgħajh, il-konsultazzjonijiet tad-database Eurodac ma setgħux, inizjalment, iwasslu għal identifikazzjoni.

29

Filwaqt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien indika, matul intervista li saret fl-1 ta’ Diċembru 2011, li huwa ma kienx mar qabel fi Stat Membru ieħor, l-eżami tal-marki tas-swaba’ diġitali tiegħu meħuda fix-xahar ta’ Ġunju 2012 madankollu wera li huwa kien diġà ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fl-Italja matul is-sena 2009. Meta ġew mistiedna jieħdu lura l-persuna kkonċernata, l-awtoritajiet kompetenti Taljani wieġbu, fit-8 ta’ Jannar 2013, li dan kien kiseb l-istatus ta’ refuġjat fl-Italja, b’tali mod li, peress li l-proċedura ta’ ażil kienet magħluqa, it-teħid lura tiegħu seta’ jiġi kkunsidrat biss skont il-ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid, u mhux skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol.6, p. 109). Fis-26 ta’ Frar 2013, l-imsemmija awtoritajiet Taljani informaw lill-Bundespolizeipräsidum (id-Direttorat Federali tal-Pulizija, il-Ġermanja) li r-ritorn tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fl-Italja kien ġie awtorizzat.

30

Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Frar 2013, l-Uffiċċju, minn naħa, ikkonstata li, minħabba d-dħul tiegħu fil-Ġermanja minn pajjiż terz sigur, jiġifieri l-Italja, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kellux dritt għall-ażil fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, u ordna d-deportazzjoni tiegħu lejn l-Italja.

31

B’sentenza tal-15 ta’ April 2015, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni.

32

Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Mejju 2016, l-Oberverwaltungsgericht Münster (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Münster, il-Ġermanja), li quddiemha r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien appella, annullat il-miżura ta’ akkumpanjament lejn l-Italja iżda ċaħdet il-kumplament tal-appell. Din il-qorti esponiet li d-dritt għall-ażil fil-Ġermanja kien ġie ġustament irrifjutat lill-persuna kkonċernata, peress li din kienet ġejja minn “pajjiż terz sigur”, f’dan il-każ l-Italja, fejn ma kienx hemm riskju li ssofri trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti kkunsidrat li l-miżura ta’ akkumpanjament lejn l-Italja kienet illegali, peress li ma kienx stabbilit li r-Repubblika Taljana kienet għadha disposta tieħu lura lir-rikorrent fil-kawża prinċipali wara l-iskadenza, fil-5 ta’ Frar 2015, tal-permess ta’ residenza u tad-dokument tal-ivvjaġġar li l-awtoritajiet Taljani kienu ħarġulu.

33

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja). Huwa jsostni, b’mod partikolari, li l-Uffiċċju ma setax ma jagħmilx intervista personali miegħu qabel ma jadotta d-deċiżjoni tat-18 ta’ Frar 2013. Barra minn hekk, peress li ġie rrikonoxxut bħala refuġjat fi Stat Membru ieħor u fl-assenza ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 25(2) (a) tad-Direttiva 2005/85, l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ma setgħetx tiġi miċħuda minħabba li huwa kien daħal fil-Ġermanja minn pajjiż terz sigur.

34

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrent fil-kawża prinċipali hija, fi kwalunkwe każ, issa inammissibbli skont il-punt 2 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi, f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali li fiha applikant diġà kiseb fi Stat Membru ieħor ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, fl-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85 u fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri li ssostitwixxieh. L-obbligu ta’ intervista personali mar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma nkisirx peress li, skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2005/85, l-assenza ta’ intervista personali fl-ipoteżijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni ma pprekluditx lill-awtorità kompetenti milli tiddeċiedi dwar applikazzjoni għall-ażil.

35

Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tikkonstata li l-Uffiċċju ma setax jirrifjuta milli jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata quddiemu minħabba li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ġej minn pajjiż terz sigur. Fil-fatt, id-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat konformement mad-dritt tal-Unjoni, fejn pajjiż terz sigur jista’ jkun biss Stat li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kontenzjuża tistax titqies bħala deċiżjoni ta’ ċaħda bbażata fuq l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni għall-ażil, skont il-punt 2 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG.

36

F’dan il-kuntest, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tikkunsidra li huwa neċessarju li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi, fuq il-legalità ta’ tali deċiżjoni ta’ inammissibbiltà, tal-ksur tal-obbligu li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jingħata l-possibbiltà li jkollu intervista personali, prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2005/85, meta l-applikant ikollu l-okkażjoni li jesponi fil-proċedura ta’ appell l-elementi kollha li jipprekludu d-deċiżjoni ta’ ċaħda u li dawn l-elementi ma jistgħux iwasslu sabiex din id-deċiżjoni tiġi emendata għal raġunijiet legali. Din il-qorti tosserva, b’mod partikolari, li l-Uffiċċju ħa d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħajr ma sema’ lill-persuna kkonċernata minn qabel dwar il-fatti kkomunikati mill-awtoritajiet Taljani jew dwar iċ-ċaħda prevista tal-applikazzjoni għall-ażil tagħha.

37

Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tirrileva li l-proċedura magħżula mill-Uffiċċju kisret l-obbligu li ssir intervista personali mar-rikorrent fil-kawża prinċipali, previst fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2005/85, peress li ebda waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni ma hija applikabbli f’dan il-każ. L-istess japplika fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva dwar il-proċeduri humiex eżawrjenti jew jekk, fid-dawl tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, id-dritt tal-Unjoni jaċċettax li dawn jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet oħra.

38

Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tesponi f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 46 tal-VwVfG, in-nuqqas ta’ intervista jikkostitwixxi biss irregolarità minuri meta jkun ċar li din l-assenza ma kellha ebda effett fuq il-mertu tad-deċiżjoni inkwistjoni. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li deċiżjoni ta’ inammissibbiltà skont il-punt 2 tal-Artikolu 29(1) tal-AsylG hija deċiżjoni relatata, li fil-kuntest tagħha l-Uffiċċju u l-qrati amministrattivi għandhom l-obbligu li jeżaminaw ex officio l-kawża inkwistjoni u jivverifikaw il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-istandard, inklużi dawk mhux miktuba. B’hekk, u fid-dawl tal-istħarriġ ġudizzjarju komplet imwettaq mill-qrati amministrattivi u tal-fatt li dawn jagħtu huma stess lill-applikanti d-dritt għal smigħ, l-assenza ta’ intervista personali matul il-proċedura amministrattiva hija kkumpensata mis-smigħ imwettaq matul il-proċedura ġudizzjarja sussegwenti.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [dwar il-proċeduri] jew id-dispożizzjoni predeċessur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva [2005/85] tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tgħid li ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal ażil bħala inammissibbli li sseħħ fl-eżerċizzju tal-awtorizzazzjoni mogħtija permezz tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva [dwar il-proċeduri] jew permezz tad-dispożizzjoni predeċessur tal-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva [2005/85], mingħajr intervista personali mal-applikant ma twassalx għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ intervista meta l-applikant ikollu l-opportunità li jesponi fil-proċedura tar-rikors l-elementi kollha li jikkontestaw deċiżjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr madankollu ma dawn l-elementi jistgħu jwasslu sabiex tinbidel id-deċiżjoni fuq il-mertu?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

40

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli ta’ Proċedura ta’ din tal-aħħar. Insostenn tat-talba tagħha, sostniet, essenzjalment, li jkun neċessarju li tibda mis-suppożizzjoni li l-Uffiċċju Federali u l-qrati amministrattivi Ġermaniżi bħalissa huma aditi b’diversi eluf ta’ proċeduri li fihom iqumu, għall-inqas parzjalment, l-istess kwistjonijiet bħal dawk imqajma fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u li, minħabba dan ir-rinviju, ma jistgħux jiġu deċiżi b’mod definittiv.

41

Mill-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, il-President tal-Qorti jista’, fejn in-natura tal-kawża titlob li dan jiġi ttrattat minnufih, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedu li jissottomettu rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura msemmija.

42

F’dan il-każ, fit-13 ta’ Settembru 2017, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li sema’ lill-Imħallef Relatur u lill-Avukat Ġenerali, li jiċħad it-talba tal-qorti nazzjonali msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza. Din id-deċiżjoni kienet motivata mill-fatt li r-raġuni invokata mill-qorti tar-rinviju, invokata wkoll minn din l-istess qorti fil-kawżi li wasslu għas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219), ma kinitx ta’ natura li tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli ta’ Proċedura il-kuntest ta’ din il-kawża kienu ġew issodisfatti (ara f’dan is-sens, id-Digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 2017, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17 u C‑319/17, mhux ippubblikati, EU:C:2017:561, punti 17 sa 21, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2017, C‑438/17, Magamadov, mhux ippubblikat, EU:C:2017:723, punti 15 sa 19).

43

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 2017, din il-kawża ngħaqdet mal-Kawżi C‑540/17 u C‑541/17, Hamed u Omar, għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza. Din l-għaqda tneħħiet permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Mejju 2019 minħabba li d-domandi li ġġustifikaw l-imsemmija għaqda kienu ġew irtirati mill-qorti tar-rinviju wara li ngħatat is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219), li fl-istennija ta’ din il-kawża kif ukoll il-Kawżi C‑540/17 u C-541/17, Hamed u Omar, kienu ġew sospiżi.

Fuq id-domanda preliminari

44

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 77(1) tal-AsylG, il-qorti tar-rinviju għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fil-kawża prinċipali fuq is-sitwazzjoni fattwali u legali eżistenti fid-data tal-aħħar seduta quddiem din il-qorti jew, fl-assenza ta’ seduta, fid-data tad-deċiżjoni tagħha. Għaldaqstant jidher li l-imsemmija qorti ser tapplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva dwar il-proċeduri, b’mod partikolari dawk relatati, minn naħa, mal-intervista personali mal-applikant u, min-naħa l-oħra, għar-raġuni ta’ inammissibbiltà li tinsab fl-Artikolu 33(2) (a) tagħha. Tali applikazzjoni immedjata, inkluż ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, għal applikazzjonijiet imressqa qabel l-20 ta’ Lulju 2015 u li dwarhom ma jkunx għadu ġie deċiż definittivament hija awtorizzata skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva dwar il-proċeduri meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-applikant ikun diġà ngħata minn Stat Membru ieħor l-istatus ta’ refuġjat u mhux biss protezzjoni sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 74, kif ukoll id-digriet tat-13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar, C‑540/17 u C‑541/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:964, punt 30).

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula għandha tinftiehem bħala intiża sabiex isir magħruf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ksur tal-obbligu li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jingħata l-possibbiltà li ssirlu intervista personali qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva ma jwassalx għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u r-rinviju tal-kawża quddiem l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni meta dan l-applikant ikollu l-opportunità li jippreżenta matul il-proċeduri tal-appell l-argumenti kollha tiegħu kontra l-imsemmija deċiżjoni u dawn l-argumenti probabbilment ma jbiddlux l-istess deċiżjoni.

46

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li d-Direttiva dwar il-proċeduri tistabbilixxi b’mod inekwivoku l-obbligu li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jingħata l-possibbiltà li jkollu intervista personali qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu.

47

Għalhekk, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jipprovdi, bħalma kien jipprevedi l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2005/85, li, qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti, l-applikant jingħata l-possibbiltà li jkollu intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ma’ persuna kompetenti skont id-dritt nazzjonali sabiex iwettaq din l-intervista. Dan l-obbligu, li jagħmel parti mill-prinċipji bażiċi u tal-garanziji fundamentali stabbiliti rispettivament fil-Kapitolu II ta’ dawn id-direttivi, japplika kemm għad-deċiżjonijiet ta’ ammissibbiltà kif ukoll għad-deċiżjonijiet dwar il-mertu.

48

Il-fatt li l-imsemmi obbligu japplika wkoll għad-deċiżjonijiet ta’ ammissibbiltà huwa barra minn hekk espressament ikkonfermat fl-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, intitolat “Regoli speċjali dwar l-intervista tal-ammissibbiltà”, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, qabel ma l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jawtorizzaw lill-applikant jesponi l-perspettiva tiegħu dwar l-applikazzjoni tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu u li, għal dan il-għan, huma jwasslu għal intervista personali dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni.

49

Fil-każ fejn l-awtorità determinanti tipprevedi li tikkunsidra bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont ir-raġuni msemmija fl-Artikolu 33(2) (a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, l-intervista personali dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għandha l-għan li tagħti lill-applikant mhux biss l-opportunità li jesprimi ruħu fuq il-punt dwar jekk protezzjoni internazzjonali effettivament ingħatatlu minn Stat Membru ieħor, iżda fuq kollox il-possibbiltà li jesponi l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni speċifika tiegħu sabiex din l-awtorità tkun tista’ teskludi li dan l-applikant iġarrab, f’każ ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor, riskju serju li jissubixxi trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”).

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 33(2) (a) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jipprekludi li Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà offruta minn din id-dispożizzjoni li jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli għar-raġuni li l-applikant ikun diġà ngħata tali protezzjoni minn Stat Membru ieħor, meta l-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli li dan l-applikant jiltaqa’ magħhom bħala benefiċjarju ta’ din il-protezzjoni f’dan l-Istat Membru l-ieħor jesponuh għal riskju serju li jissubixxi trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 101;kif ukoll id-digriet tat-13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar, C‑540/17 u C‑541/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:964, punt 43)

51

F’dan il-kuntest, il-Qorti diġà kkjarifikat li l-livell ta’ gravità partikolarment għoli meħtieġ mill-Artikolu 4 tal-Karta jintlaħaq meta l-indifferenza tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkollha l-konsegwenza li persuna kompletament dipendenti fuq l-għajnuna pubblika ssib ruħha, indipendentement mill-volontà tagħha u mill-għażliet personali tagħha, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema, li ma tħallihiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħha, bħalma huma b’mod partikolari dawk li tiekol, li tinħasel u li jkollha fejn tgħix, u li ddgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew li tpoġġiha fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 90, kif ukoll id-digriet tat-13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar, C‑540/17 u C‑541/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:964, punt 39).

52

Għalhekk, meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkollhom elementi prodotti mill-applikant sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ tali riskju fl-Istat Membru li jkun diġà ta protezzjoni internazzjonali, dawn l-awtoritajiet huma obbligati jevalwaw, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati u fid-dawl tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali żgurat mid-dritt tal-Unjoni, ir-realtà ta’ nuqqasijiet sistematiċi jew iġġeneralizzati, jew inkella li jolqtu ċerti gruppi ta’ persuni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 88, kif ukoll id-digriet tat-13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar, C‑540/17 u C‑541/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:964, punt 38). Barra minn hekk, ma jistax jiġi kompletament eskluż li applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ juri l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali tiegħu stess u li jimplikaw li rinviju fl-Istat Membru li jkun diġà tah protezzjoni internazzjonali jesponih, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tiegħu, għal riskju ta’ trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 4 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 95).

53

Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni ta’ tali riskju għandha sseħħ wara li l-applikant jingħata l-opportunità li jippreżenta l-provi kollha, b’mod partikolari ta’ natura personali, li jistgħu jikkonfermaw l-eżistenza tagħhom.

54

L-intervista personali dwar l-ammissibbiltà tat-talba, prevista fl-Artikolu 14(1) u fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, għandha għalhekk importanza fundamentali sabiex jiġi żgurat li l-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva jiġi, fil-fatt, applikat b’konformità sħiħa mal-Artikolu 4 tal-Karta. Fil-fatt, din l-intervista tippermetti lill-awtorità determinanti li tevalwa s-sitwazzjoni speċifika tal-applikant kif ukoll il-grad ta’ vulnerabbiltà tiegħu bl-istess mod li jippermetti lil din l-awtorità li tiżgura ruħha li l-applikant ġie mistieden jipprovdi l-elementi kollha li jistgħu juru li riferiment fl-Istat Membru li diġà tah protezzjoni internazzjonali jesponih għal riskju ta’ pproċessar li jmur kontra dan l-Artikolu 4.

55

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu eċċezzjoni għar-regola, li tgħid li huma għandhom iwettqu intervista personali mal-applikant dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, biss skont l-Artikolu 42 ta’ din id-direttiva fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali ma taqax taħt tali każ.

56

Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata, fit-tielet lok, il-kwistjoni dwar jekk il-ksur, matul il-proċedura fl-ewwel istanza quddiem l-awtorità determinanti, tal-obbligu li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jingħata l-possibbiltà li jkollu intervista personali, prevista fl-Artikoli 14 u 34 ta’ l-imsemmija direttiva, għandux neċessarjament iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda u r-rinviju tal-kawża quddiem din l-awtorità.

57

Peress li d-Direttiva dwar il-proċeduri ma tirregolax espressament il-konsegwenzi legali tal-ksur ta’ dan l-obbligu, dawn jaqgħu, kif osservaw il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet, taħt id-dritt nazzjonali sakemm id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli f’dan ir-rigward ikunu tal-istess natura bħal dawk li jibbenefikaw minnhom l-individwi f’sitwazzjonijiet simili tad-dritt nazzjonali (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u sakemm dawn ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ekwivalenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element tali li jqajjem dubju dwar il-konformità ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju.

59

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività u għalhekk tal-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 46 tal-VwVfG għall-kuntest inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrendix, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva dwar il-proċeduri, hemm lok li jiġi rrilevat li l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, li jipprevedi, minn naħa, obbligu ċar u espress għall-Istati Membri li jagħtu lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali l-possibbiltà li jkollu intervista personali qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni oħra fuq din l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, katalogu eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu jixhed l-importanza fundamentali li huwa jagħti għal tali intervista personali għall-proċedura tal-ażil.

60

Barra minn hekk, il-fatt li, skont l-Artikolu14(1) u l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, il-possibbiltà li l-applikant ikollu intervista personali għandha tingħata matul il-proċedura tal-ewwel istanza qabel ma l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu huwa intiż li jiggarantixxi, sa minn din l-ewwel istanza, determinazzjoni korretta tal-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ dan l-applikant fl-Istat Membru kkonċernat, li huwa, kif jenfasizzaw il-premessi 18 u 22 ta’ din id-direttiva, fl-interess kemm ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll ta’ dan l-Istat Membru u tal-imsemmi l-applikant, billi jikkontribwixxi b’mod partikolari għall-għan tal-ħeffa.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li d-Direttiva dwar il-proċeduri twettaq distinzjoni bejn l-“awtorità determinanti”, li din tiddefinixxi fl-Artikolu 2(f) tagħha bħala “kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonijiet f’tali każijiet”, minn naħa, u l-“qorti jew tribunal”, imsemmija fl-Artikolu 46 tagħha, imsemmi fl-Artikolu 46 u responsabbli għall-proċeduri ta’ appell. Barra minn hekk, mill-premessi 16 u 22, mill-Artikolu 4 kif ukoll mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minn korp amministrattiv jew kważi ġudizzjarju li għandu mezzi speċifiċi u persunal speċjalizzat fil-qasam huwa fażi essenzjali tal-proċeduri komuni stabbiliti mill-imsemmija direttiva (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 103116).

62

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkonstata li r-rekwiżit ta’ eżami komplet u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura legali fil-kuntest ta’ rikors, stabbilit fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, jista’ wkoll jirrigwarda l-motivi ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva, meta d-dritt nazzjonali jippermetti dan. Fil-każ li l-qorti adita bir-rikors tkun tixtieq teżamina raġuni ta’ inammissibbiltà li ma ġietx eżaminata mill-awtorità determinanti, hija għandha twettaq smigħ tal-applikant sabiex tippermettilu jesponi personalment, f’lingwa li jifhem, il-perspettiva tiegħu dwar l-applikabbiltà tal-imsemmija raġuni għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 130).

63

Minn dan isegwi neċessarjament li huwa wkoll possibbli, bħala prinċipju, għall-qorti adita bir-rikors li tipproċedi għas-smigħ tal-applikant dwar l-applikabbiltà għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu ta’ waħda mir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva dwar il-proċeduri meta d-deċiżjoni ta’ rifjut tkun ġiet ibbażata fuq din ir-raġuni iżda l-awtorità determinanti ma tkunx tat minn qabel il-possibbiltà lill-applikant li jinstema’ dwar dan is-suġġett waqt intervista personali.

64

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li d-dritt mogħti lill-applikant mill-Artikoli 14 u 34 tad-Direttiva dwar il-proċeduri sabiex ikun jista’ jesponi matul intervista personali l-fehma tiegħu dwar l-applikabbiltà għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu ta’ tali motiv ta’ inammissibbiltà huwa akkumpanjat minn garanziji speċifiċi intiżi li jiżguraw l-effettività ta’ dan id-dritt.

65

Għalhekk, mill-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jirriżulta li l-intervista personali għandha ssir f’kundizzjonijiet li jiggarantixxu debitament il-kunfidenzjalità u li jippermettu lill-applikant li jesponi l-motivi kollha tal-applikazzjoni tiegħu. Fir-rigward b’mod partikolari dwar dan l-aħħar punt, l-Artikolu 15(3)(a) ta’ din id-direttiva, jobbliga l-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-persuna li twettaq l-intervista tkun kompetenti sabiex tieħu kont taċ-ċirkustanzi personali u ġenerali relatati mal-applikazzjoni, b’mod partikolari l-oriġini kulturali, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità sesswali jew il-vulnerabbiltà tal-applikant. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 15(3)(b) ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw, sa fejn ikun possibbli, li l-intervista mal-applikant titmexxa minn persuna tal-istess sess jekk l-applikant ma jitlobx tali intervista sakemm din ma tkunx ibbażata fuq raġunijiet li ma humiex marbuta ma’ diffikultajiet min-naħa tal-applikant sabiex jesponi r-raġunijiet kollha tal-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(3)(c) tal-istess direttiva jimponi fuq l-Istati Membri li jagħżlu interpretu kapaċi li jiżgura komunikazzjoni xierqa bejn l-applikant u l-persuna li tmexxi l-intervista, u dan sabiex jiġi implimentat id-dritt tal-applikant, stabbilit fl-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, li jibbenefika, sa fejn ikun meħtieġ, mis-servizzi ta’ tali interpretu sabiex jippreżenta l-argumenti tiegħu. Fir-rigward tal-Artikolu 15(3)(e) ta’ din tal-aħħar, dan jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-intervisti mal-minuri jsiru b’mod xieraq għat-tfal.

66

Kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 106, 109 u 115 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma llimitax ruħu li jiddikjara, fl-Artikoli 14 u 34 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, l-obbligu li jagħti lill-applikant il-possibbiltà li jkollu intervista personali, iżda li huwa għażel li jimponi wkoll fuq l-Istati Membri regoli speċifiċi u ddettaljati fir-rigward tal-mod li bih għandha titwettaq din l-intervista juri l-importanza fundamentali li tagħti mhux biss liż-żamma ta’ tali intervista, iżda wkoll lill-kundizzjonijiet li fihom għandha sseħħ u li l-osservanza tagħha tikkostitwixxi premessa għall-validità ta’ deċiżjoni li tiddikjara applikazzjoni ta’ ażil inammissibbli.

67

Barra minn hekk, mill-premessi 29 u 32 ta’ din id-direttiva jirriżulta li tali kundizzjonijiet huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiżguraw li kull applikant jibbenefika, skont is-sess tiegħu u s-sitwazzjoni speċifika tiegħu, minn garanziji proċedurali adegwati. Huwa għalhekk fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tal-applikant u każ b’każ li għandhom jiġu ddeterminati dawk fost l-imsemmija kundizzjonijiet li huma applikabbli għalih.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun inkompatibbli mal-effettività tad-Direttiva dwar il-proċeduri, b’mod partikolari mal-Artikoli 14, 15 u 34 tagħha, li l-qorti adita bir-rikors tkun tista’ tikkonferma deċiżjoni li tkun ġiet adottata mill-awtorità determinanti bi ksur tal-obbligu li tagħti lill-applikant il-possibbiltà li jkollu intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, mingħajr ma tisma’ hija stess lill-applikant fl-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji fundamentali applikabbli f’dan il-każ.

69

Fil-fatt, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-assenza ta’ tali smigħ, id-dritt tal-applikant għal intervista personali f’kundizzjonijiet li jiggarantixxu debitament il-kunfidenzjalità u li jippermettulu li jesponi l-motivi kollha tal-applikazzjoni tiegħu, inklużi l-elementi li jimmilitaw favur l-ammissibbiltà tagħha, ma jkun żgurat fl-ebda stadju tal-proċedura ta’ ażil, u dan iġib fix-xejn garanzija li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies bħala fundamentali fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

70

Ċertament, minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni, jeħtieġ, bħala prinċipju, li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13‑PPU, EU:C:2013:533, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għall-ksur tal-Artikoli 14, 15 u 38 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri. Fil-fatt, minn naħa, dawn jistabbilixxu, f’termini vinkolanti, l-obbligu għall-Istati Membri li jagħtu lill-applikant il-possibbiltà li jkollu intervista personali kif ukoll regoli speċifiċi u ddettaljati dwar il-mod kif għandha ssir din l-intervista. Min-naħa l-oħra, tali regoli huma intiżi sabiex jiżguraw li l-applikant ikun ġie mistieden jipprovdi, f’kooperazzjoni mal-awtorità responsabbli għal din l-intervista, l-elementi rilevanti kollha sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà u, jekk ikun il-każ, il-fondatezza tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, li jagħti lil din l-intervista, kif ġie rrilevat fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, importanza primarja fil-proċedura ta’ eżami ta’ din l-applikazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, NKT Verwaltung u NKT vs Il-Kummissjoni, C‑607/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:385, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71

Għandu jingħad ukoll, fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, li ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex itaffu l-assenza ta’ seduta la l-possibbiltà li għandu l-applikant li jesponi bil-miktub, fir-rikors tiegħu, l-elementi li jikkontestaw il-validità tad-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà adottata fuq l-applikazzjoni għal protezzjoni tiegħu, u lanqas l-obbligu impost mid-dritt nazzjonali fuq l-awtorità determinanti u lill-qorti adita bir-rikors li teżamina ex officio l-fatti rilevanti kollha. Barra minn hekk, għalkemm il-fatt li dispożizzjoni li tittrasponi fid-dritt nazzjonali l-motivi ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva dwar il-proċeduri tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtorità determinanti fir-rigward tal-opportunità li tapplika raġuni jew oħra għall-każ inkwistjoni jista’, ċertament, jeħtieġ rinviju tal-kawża quddiem din l-awtorità, in-nuqqas ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni fid-dritt Ġermaniż ma jistax, min-naħa tiegħu, jiġġustifika li l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ, kif maħsub minn din id-direttiva, jiġi rrifjutat lir-rikorrent. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 59 sa 69 ta’ din is-sentenza, fl-assenza taż-żamma ta’ intervista personali quddiem l-awtorità determinanti fl-ewwel istanza, huwa biss meta ssir tali intervista, quddiem il-qorti adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà adottata minn din l-awtorità u fl-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha previsti mid-Direttiva dwar il-proċeduri, li huwa possibbli li tiġi żgurata n-natura effettiva tad-dritt għal smigħ f’dan l-istadju ulterjuri tal-proċedura.

72

F’dan il-każ, mir-risposta mogħtija mill-qorti tar-rinviju għal talba għal kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li l-applikant jingħata l-possibbiltà li jkollu intervista personali matul il-proċedura fl-ewwel istanza quddiem l-awtorità determinanti, id-dritt Ġermaniż ma jiggarantixxix sistematikament id-dritt tal-applikant għal smigħ personali fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell. Barra minn hekk, dejjem skont din ir-risposta, għalkemm huwa possibbli, permezz ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni konformi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, li tali smigħ jiġi ggarantit lil kull applikant, l-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha li għalihom l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-proċeduri jissuġġetta l-intervista personali ma tistax, minħabba r-regoli tal-proċedura ġudizzjarja nazzjonali, tiġi ggarantita waqt smigħ imwettaq quddiem il-qorti adita bir-rikors.

73

Finalment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ingħatax jew tistax tingħata l-possibbiltà lil A. Addis li jinstema’ b’osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji fundamentali applikabbli għall-kawża prinċipali, sabiex huwa jkun jista’ jesponi personalment, f’lingwa li huwa jaf, il-perspettiva tiegħu dwar l-applikazzjoni għas-sitwazzjoni personali tiegħu tar-raġuni msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva. Fil-każ li din il-qorti tqis li din il-possibbiltà ma tistax tiġi ggarantita lill-persuna kkonċernata fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, hija jkollha tannulla d-deċiżjoni ta’ rifjut u tibgħat il-każ lura quddiem l-awtorità determinanti.

74

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 14 u 34 tad-Direttiva dwar il-proċeduri għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ksur tal-obbligu li jingħata lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali l-possibbiltà li jkollu intervista personali qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva ma jwassalx għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u r-rinviju tal-każ quddiem l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, sakemm din il-leġiżlazzjoni tippermetti lil dan l-applikant, f’dan il-kuntest, li jiġu osservati l-argumenti kollha ta’ din id-deċiżjoni, biex tispjega personalment l-argumenti kollha tagħha kontra l-imsemmija deċiżjoni waqt seduta li tirrispetta l-kundizzjonijiet u l-garanziji fundamentali applikabbli, stabbiliti fl-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, u li dawn l-argumenti x’aktarx ma jimmodifikawx dik l-istess deċiżjoni.

Fuq l-ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 14 u 34 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ksur tal-obbligu li jingħata lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali l-possibbiltà li jkollu intervista personali qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva ma jwassalx għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u r-rinviju tal-każ quddiem l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, sakemm din il-leġiżlazzjoni tippermetti lil dan l-applikant, f’dan il-kuntest, li jiġu osservati l-argumenti kollha ta’ din id-deċiżjoni, biex tispjega personalment l-argumenti kollha tagħha kontra l-imsemmija deċiżjoni waqt seduta li tirrispetta l-kundizzjonijiet u l-garanziji fundamentali applikabbli, stabbiliti fl-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, u li dawn l-argumenti probabbilment ma jbiddlux l-istess deċiżjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.