SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Il-punt 6 tal-Artikolu 4 – Motiv għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Reat li jwassal għal kundanna għal piena li ċċaħħad il-libertà fl-Istat emittenti u li huwa punibbli biss b’multa fl-Istat ta’ eżekuzzjoni”

Fil-Kawża C‑514/17

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura relatata mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

Marin‑Simion Sut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M.‑S. Sut, minn R. Destexhe, avukat,

għall-gvern Belġjan, minn C. Van LUL u C. Pochet kif ukoll minn J.‑C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn J. Maggio, espert,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern Rumen, minn C.‑R. Canţăr, E. Gane, R.‑M. Mangu u L. Liţu, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Belġju, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fis‑26 ta’ Awwissu 2011 mill-awtoritajiet Rumeni kontra Marin‑Simion Sut.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

3

Il-premessi 5, 6 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati kif ġej:

“(5)

L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)

Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jelenka tliet “[r]aġunijiet għan-non-esekuzzjoni obbligatorja biex ma jiġix esegwit mandat ta’ arrest Ewropew”.

6

L-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għan-nuqqas ta’ esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jistabilixxi, f’seba’ punti, dawn ir-raġunijiet. Il-punt 6 tal-Artikolu 4 jiddisponi f’dan ir-rigward:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

[…]

6.

jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu”.

7

L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru f’każijiet partikolari”, jipprevedi:

“L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’, mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3.

fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, tiġi ritornata lill-Istat Membru ta’ esekuzzjoni sabiex tiskonta hemmhekk il-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni mogħtija lilha fl-Istat Membru emittenti.”

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909

8

Il-premessa 12 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċizjoni Qafas 2008/909”), tistabbilixxi:

“Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika wkoll, mutatis mutandis, għall-infurzar ta’ pieni fil-każijiet taħt l-Artikoli 4(6) u 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill [2002/584]. Dan ifisser inter alia illi, mingħajr preġudizzju għal dik id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni jista’ jivverifika l-eżistenza ta’ raġunijiet ghal non-rikonoxximent jew non-infurzar kif previst fl-Artikolu 9 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas […] bħala kondizzjoni biex jirrikonoxxi u jinforza s-sentenza bil-ħsieb li jikkonsidra jekk jikkonsenjax il-persuna jew jinfurzax il-piena f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584].”

9

Skont it-termini tal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, “[m]ingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas [2002/584], id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Qafas, għall-infurzar ta’ pieni f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, jew fejn, waqt li jaġixxi taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, ikun impona il-kondizzjoni li l-persuna sentenzjata trid tintbagħat lura biex tiskonta l-piena fl-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna kkonċernata.”

Id-dritt Belġjan

10

Il-punt 4 tal-Artikolu 6 tal-Liġi tad‑19 ta’ Diċembru 2003 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (Moniteur belge tat‑2 ta’ Diċembru 2013, iktar ’il quddiem il-“Liġi Belġjana dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew”), li tittrasponi fid-dritt Belġjan il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jiddisponi li l-eżekuzzjoni tista’ tiġi miċħuda “jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ bil-għan tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ kustodja, meta l-persuna kkonċernata hija Belġjana jew tirrisjedi fil-Belġju u li l-awtoritajiet kompetenti Belġjani jimpenjaw ruħhom sabiex jeżegwixxu din il-piena jew dan l-ordni ta’ kustodja konformement mal-liġi Belġjana”.

11

Il-Liġi tal‑15 ta’ Mejju 2012 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ pieni jew ordni ta’ kustodja deċiżi fi Stat tal-Unjoni Ewropea (Moniteur belge tat‑8 ta’ Ġunju 2012, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Mejju 2012”), li tittrasponi fid-dritt Belġjan id-Deċiżjoni Qafas 2008/909, tipprevedi possibbiltà ta’ adattament tal-piena jekk it-tul jew in-natura tagħha hija inkompatibbli mad-dritt Belġjan. Madankollu, huwa espliċitament previst li, fil-każ ta’ aġġustament, din il-piena jew dan l-ordni għandha tikkorrispondi kemm jista’ jkun possibbli mal-kundanna deċiża fl-Istat emittenti u li hija ma tistax tiġi mibdula f’sanzjoni pekunjarja.

12

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) ikkunsidrat, fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Frar 2014, li multa ta’ natura kriminali, ma kinitx tikkorrispondi, f’dak li jirrigwarda n-natura tagħha, għal piena jew għal ordni ta’ kustodja u li l-bdil ta’ deċiżjoni li timponi piena jew ordni ta’ kustodja f’multa tmur kontra l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji.

13

Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan, li, skont l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 30 tal-loi relative à la police de la circulation routière (il-Liġi dwar il-Pulizija tat-Traffiku) (Moniteur belge tas‑27 ta’ Marzu 1968), il-ksur imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma punibbli biss b’multa.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2011, il-Judecătoria Carei (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Carei, ir-Rumanija) ikkundannat lil M.‑S. Sut, ta’ nazzjonalità Rumena, għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena u xahrejn talli saq vettura mingħajr pjanċa ta’ reġistrazzjoni valida u mingħajr ma kellu liċenzja tas-sewqan valida u li kkawża inċident.

15

M.‑S. Sut telaq mir-Rumanija sabiex imur fi Franza.

16

Fis‑26 ta’ Awwissu 2011, l-awtoritajiet Rumeni ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew kontra M.‑S. Sut intiżi għall-konsenja tiegħu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2011.

17

Matul ix-xahar ta’ Frar 2015, M.‑S. Sut żar il-Belġju fejn ilu joqgħod minn dak iż-żmien u fejn hemmhekk flimkien ma’ martu jwettaq attività għal rasu.

18

Fit‑13 ta’ Lulju 2017, il-prosekutur tat-tribunal de première instance de Liège (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Liège, il-Belġju) talab il-konsenja ta’ M.‑S. Sut għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fis‑26 ta’ Awwissu 2011. Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Lulju 2017, M.‑S. Sut irrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għall-konsenja mitluba, u sussegwentement, permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Lulju 2017, talab l-eżekuzzjoni tal-piena fil-Belġju.

19

Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Lulju 2017, it-tribunal de première instance de Liège (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Liège) ordnat l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

20

M.‑S. Sut appella minn dan id-digriet quddiem il-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège, il-Belġju), billi bbaża ruħu fuq il-punt 4 tal-Artikolu 6 tal-Liġi Belġjana dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, li jittrasponi fid-dritt Belġjan il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkonstata, l-ewwel nett, li M.‑S. Sut jirrisjedi fit-territorju Belġjan u għandu rabtiet ekonomiċi u tal-familja, b’tali mod li jista’ jiġi kklassifikat bħala “persuna rikjesta li qed toqgħod fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Hija tosserva, sussegwentement, li l-ksur li ġew issanzjonati mill-Judecătoria Carei (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Carei) ta’ piena li ċċaħħad il-libertà huma biss punibbli fil-Belġju b’multa u, fl-aħħar nett, li l-Liġi tal‑15 ta’ Mejju 2012, li tittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 u li tipprevedi possibbiltà ta’ adattament tal-piena jekk it-tul ta’ żmien jew in-natura tagħha hija inkompatibbli mad-dritt Belġjan, tipprojbixxi espliċitament li piena li ċċaħħad il-libertà tinbidel f’multa.

22

Billi jibbaża ruħu fuq dawn l-aħħar ċirkustanzi, il-ministère public (l-Uffiċju tal-Prosekutur, il-Belġju) jikkunsidra li l-piena imposta mill-Judecătoria Carei (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Carei) ma tistax tiġi eżegwita fil-Belġju konformement mad-dritt Belġjan u li, għalhekk, M.‑S. Sut ma jistax jinvoka l-motiv fakultattiv ta’ rifjut imsemmi fil-punt 4 tal-Artikolu 6 tal-Liġi Belġjana dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew.

23

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rilevanza ta’ din l-interpretazzjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tagħti importanza partikolari lill-possibbiltà li jitkabbru l-opportunitajiet għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà tal-persuna mfittxija wara li tkun skontat il-piena li għaliha tkun ġiet ikkundannata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge, C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 32, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 21), filwaqt li tiżgura l-eżekuzzjoni tal-piena adottata mill-Istat emittenti, kif ukoll fid-dawl tal-premessi tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 f’dan is-sens, b’mod partikolari mill-premessa 9 tagħha.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni kwadru 2002/584 jista’ jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jiġi applikat għal fatti li għalihom ġiet deċiża piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà minn qorti ta’ Stat emittenti meta dawn l-istess fatti huma punibbli fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni biss b’multa, li jimplika, skont id-dritt intern tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, impossibbiltà li tiġi eżegwita l-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u dan għad-detriment tal-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata u r-rabtiet familjari, soċjali jew ekonomiċi tagħha?”

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà hija residenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u għandha ma’ dan tal-aħħar rabtiet familjari, soċjali u professjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tistax, għal kunsiderazzjonijiet marbuta mal-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà ta’ din il-persuna, tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat, anki jekk il-ksur li fuqu huwa bbażat dan il-mandat huwa punibbli, konformement mad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, biss b’multa.

26

Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha u mill-premessi 5 u 7 tagħha, għandha l-għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, tat‑13 ta’ Diċembru 1957, b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ prosekuzzjoni kriminali, b’din is-sistema tal-aħħar tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża li tistabbilixxi sistema ġdida ssemplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati bi ksur tal-liġi kriminali, biex tiġi ffaċilitata u mħaffa l-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni li ssir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja bbażata fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tagħha, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas li jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat ħlief għall-motivi, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tiddikjara espliċitament il-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja (Artikolu 3) u fakultattiva (Artikoli 4 u 4a) tal-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll il-garanziji li għandhom jiġu pprovduti mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari (Artikolu 5) (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Għalhekk, minkejja li s-sistema stabbilita fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, dan ir-rikonoxximent madankollu ma jimplikax obbligu assolut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest maħruġ. Fil-fatt, is-sistema tal-imsemmija deċiżjoni qafas, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 4 tagħha, tħalli l-possibbiltà għall-Istati Membri li jippermettu, f’sitwazzjonijiet speċifiċi, lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti li jiddeċiedu li piena imposta għandha tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge, C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Dan huwa minnu, b’mod partikolari, fir-rigward tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jistabbilixxi motiv għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew li bis-saħħa tagħha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi tali mandat jekk dan kien maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ordni ta’ kustodja, meta l-persuna mfittxija qed toqgħod fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew hija ċittadina jew residenta u dak l-Istat jintrabat li jeżegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ kustodja skont id-dritt nazzjonali tiegħu.

32

Għalhekk, jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li l-applikazzjoni ta’ dan il-motiv ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li l-persuna mfittxija tibqa’ fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li tiegħu hija ċittadina jew residenti, u, min-naħa l-oħra, li dan l-Istat jimpenja ruħu li jeżegwixxi din il-piena jew dan l-ordni ta’ kustodja konformement mad-dritt nazzjonali tiegħu.

33

Barra minn hekk, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, jirriżulta wkoll mill-kliem tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, b’mod partikolari, mit-terminu “tista’”, li, meta Stat Membru jkun għażel li jittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha madankollu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew. F’dan ir-rigward, din l-awtorità għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-għan imfittex permezz tal-motiv għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilit f’din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiġi permessa tagħti importanza partikolari lill-possibbiltà ta’ żieda fl-opportunitajiet ta’ integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà tal-persuna mfittxija mal-iskadenza tal-piena li għaliha din tal-aħħar tkun ġiet ikkundannata (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ewwel kundizzjoni stabbilita fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li persuna mfittxija “residenta” fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni peress li hija stabbilixxiet ir-residenza reali tagħha f’dan tal-aħħar u “toqgħod” hemm meta, wara perijodu ta’ residenza permanenti ta’ ċertu tul ta’ żmien f’dan l-Istat Membru, tkun kisbet rabtiet ma’ dan l-Istat ta’ livell simili għal dawk li jirriżultaw minn residenza (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski, C‑66/08, EU:C:2008:437, punt 54).

35

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni stabbilita fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li kull rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jeħtieġ impenn reali mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jeżegwixxi l-piena li ċċaħħad il-libertà deċiża fil-konfront tal-persuna mfittxija. Minn dan jirriżulta li kull rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun ippreċedut mill-verifika, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-possibbiltà tal-eżekuzzjoni reali ta’ din il-piena li ċċaħħad il-libertà konformement mad-dritt nazzjonali tagħha. Fil-każ fejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun jinsab fl-impossibbiltà li jintrabat li jeżegwixxi effettivament din il-piena, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew u, għaldaqstant, tikkonsenja l-persuna mfittxija lill-Istat Membru emittenti (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 22).

36

Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma ssodisfatti, hija għandha tevalwa jekk jeżistix interess leġittimu li jiġġustifika li l-piena imposta fl-Istat Membru emittenti tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski, C‑66/08, EU:C:2008:437, punt 44). Din l-evalwazzjoni tippermetti lil din l-awtorità li tieħu inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mill-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif ġie espost fil-punt 33 ta’ din is-sentenza.

37

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-setgħa mogħtija lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta, abbażi tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-konsenja ta’ persuna mfittxija tista’ tiġi implimentata biss jekk din l-awtorità ġudizzjarja, wara verifika, minn naħa, li din il-persuna taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fis-sens imsemmi fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, u, min-naħa l-oħra, li l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta mill-Istat Membru emittenti kontra din il-persuna tista’ tiġi effettivament eżegwita fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, temmen li hemm interess leġittimu li jiġġustifika li s-sentenza mogħtija fl-Istat Membru emittenti tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

38

Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li M.‑S. Sut jirrisjedi fil-Belġju, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija ssodisfatta.

39

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-ksur li huma l-bażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew huma punibbli fil-Belġju mhux b’piena li ċċaħħad il-libertà iżda b’multa.

40

Issa, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din iċ-ċirkustanza timplika l-impossibbiltà għar-Renju tal-Belġju li jimpenja ruħu sabiex jeżegwixxi din il-piena konformement mad-dritt nazzjonali, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

41

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jinkludi l-ebda element li jippermetti li tiġi interpretata t-tieni kundizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bħala li awtomatikament tipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew peress li d-dritt ta’ dak l-Istat Membru jipprevedi biss multa għall-ksur li huwa l-bażi tal-imsemmi mandat. Fil-fatt, mill-kliem tagħha stess jirriżulta li din id-dispożizzjoni teżiġi biss li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jintrabat li jeżegwixxi l-piena li ċċaħħad il-libertà prevista fil-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ, konformement mad-dritt nazzjonali tagħha.

42

Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li, meta jagħżlu li jittrasponu l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt nazzjonali, l-Istati Membri neċessarjament għandhom, fl-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari mill-punt 6 tagħha, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg, C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 61).

43

F’dan il-kuntest, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, il-leġiżlatur nazzjonali li, abbażi tal-possibbiltajiet mogħtija lilu mill-Artikolu 4 tad-deċiżjoni qafas imsemmija, jagħżel li jillimita s-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta l-konsenja ta’ persuna mfittxija jkun qiegħed sempliċement isaħħaħ is-sistema ta’ konsenja stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas favur spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg, C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 58).

44

Fil-fatt, billi tillimita s-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, tali leġiżlazzjoni sempliċement tiffaċilita l-konsenja tal-persuni mfittxija, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, liema prinċipju huwa r-regola essenzjali stabbilita minn din tal-aħħar (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg, C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 59).

45

Għalhekk, huwa possibbli għal-leġiżlatur nazzjonali ta’ Stat Membru li jimplimenta l-motiv għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv previst fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 billi jipprevedi li, fil-każ fejn il-ksur li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun biss punibbli f’dak l-Istat Membru b’multa, dan tal-aħħar ma jistax jintrabat li jeżegwixxi l-piena li ċċaħħad il-libertà, għall-finijiet ta’ dak l-artikolu.

46

Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, jekk il-motiv għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbilita fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu bħala għan b’mod partikolari li tkun tista’ tingħata importanza partikolari lill-possibbiltà li jitkabbru l-opportunitajiet għall-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna mfittxija wara li tkun skontat il-piena li għaliha tkun ġiet ikkundannata, tali għan, għalkemm importanti, ma jistax jeskludi li l-Istati Membri, fl-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, jillimitaw, fis-sens indikat mir-regola essenzjali stabbilita fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, is-sitwazzjonijiet li fihom għandu jkun possibbli li tiġi rrifjutata l-konsenja ta’ persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi punt 6 tal-Artikolu 4 (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg, C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fit-tielet lok, jekk, meta adotta l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti lill-Istati Membri, bil-ħsieb li jiffaċilita l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna mfittxija, jirrifjutaw l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, huwa madankollu ffissa, f’din l-istess dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-motiv għal rifjut, fosthom, b’mod partikolari, l-impenn tal-Istat ta’ eżekuzzjoni sabiex jeżegwixxi effettivament il-piena li ċċaħħad il-libertà imposta fuq il-persuna mfittxija, sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-piena imposta u b’hekk, jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità ta’ dik il-persuna.

48

Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 u 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma tista taffettwa la l-portata u lanqas il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-motiv għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbilit fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, jekk, konformement mal-Artikolu 25 tiegħu, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-eżekuzzjoni ta’ kundanni fil-każ fejn Stat Membru jintrabat li jeżegwixxi l-kundanni konformement mal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda espliċitament li dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli biss sa fejn huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li hija kompetenti sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, li tiżgura, konformement mal-punt 36 ta’ din is-sentenza, matul il-verifika li hija obbligata tagħmel sabiex tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, abbażi tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li, anki jekk il-ksur li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa biss suġġett, taħt id-dritt nazzjonali, għal multa, dan id-dritt jippermetti madankollu li tiġi effettivament eżegwita il-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija mill-Istat Membru emittenti kontra l-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà hija residenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u għandha ma’ dan tal-aħħar rabtiet familjari, soċjali u professjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, għal kunsiderazzjonijiet marbuta mal-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà ta’ din il-persuna, tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat, anki jekk il-ksur li fuqu huwa bbażat dan il-mandat huwa punibbli, konformement mad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, biss b’multa, peress li, konformement ma’ dan l-istess dritt nazzjonali, din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix li l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta fuq il-persuna mfittxija tiġi effettivament eżegwita f’dan l-Istat Membru, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà hija residenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u għandha ma’ dan tal-aħħar rabtiet familjari, soċjali u professjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, għal kunsiderazzjonijiet marbuta mal-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà ta’ din il-persuna, tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat, anki jekk il-ksur li fuqu huwa bbażat dan il-mandat huwa punibbli, konformement mad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, biss b’multa, peress li, konformement ma’ dan l-istess dritt nazzjonali, din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix li l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta fuq il-persuna mfittxija tiġi effettivament eżegwita f’dan l-Istat Membru, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.