SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
26 ta’ Settembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Trasport bit-triq – Regolament (KE) Nru 561/2006 – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2) – Sanzjoni amministrattiva għal ksur imwettaq fit-territorju tal-Istat Membru tas-sede ta’ impriża, imposta mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, li fih ġie kkonstatat dan il-ksur”
Fil-Kawża C‑513/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Dresden (il-Qorti Distrettwali ta’ Dresden, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura mibdija minn
Josef Baumgartner
fil-preżenza ta’:
Bundesamt für Güterverkehr,
Staatsanwaltschaft Köln,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn A. Rosas (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Bundesamt für Güterverkehr, minn A. Marquardt, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou u D. Tsagkaraki, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u J. Hottiaux, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(8) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1, Rettifika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ oppożizzjoni magħmula minn Josef Baumgartner kontra multa imposta fuq dan tal-aħħar bħala rappreżentant ta’ Transporte Josef Baumgartner GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “il-kumpannija”), li għandha s-sede tagħha fl-Awstrija, mill-Bundesamt für Güterverkehr (l-Uffiċċju Federali tat-Trasport tal-Merkanzija, il-Ġermanja) minħabba ksur tar-Regolament Nru 561/2006, li allegatament twettaq fl-Istat Membru tas-sede tal-impriża. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Skont il-premessi 14, 19 u 26 tar-Regolament Nru 561/2006:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jipprovdi:
|
|
5 |
L-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 561/2006 huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali li japplikaw għal ksur ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw illi jkunu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u b’mod li ma jiddiskriminawx. L-ebda ksur ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 ma għandu jkun suġġett għal aktar minn penali jew proċedura waħda. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri sad-data imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 29. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar dan. 2. Stat Membru għandu jagħti l-kapaċità lill-awtoritajiet kompetenti li jimponu penali fuq impriża u/jew xufier għal ksur ta’ dan ir-Regolament li jinqabad fit-territorju tiegħu u li għalih tkun għadha ma ġietx imposta penali, anki meta dak il-ksur ikun sar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiz terz. Bħala eċċezzjoni, fejn jinstab ksur:
Stat Membru jista’, sa l‑1 ta’ Jannar 2009, minflok ma jimponi penali, jinnotifika bil-fatti tal-ksur lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz fejn l-impriża hija stabbilita jew fejn ix-xufier għandu l-post ta’ l-impjieg tiegħu.” |
|
6 |
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3821/85, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1266/2009 tas‑16 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2009, L 339, p. 3), ippreveda li: “Is-sid li jimpjega u s-sewwieqa għandhom jassiguraw il-ħidma korretta u l-użu xieraq ta’, minn naħa l-waħda, l-apparat tar-reġistrazzjoni u, minn naħa l-oħra, il-karta tas sewwieq fejn is-sewwieq ikun obbligat li jsuq vettura armata bl-apparat tar-reġistrazzjoni b’konformità ma’ “l-Anness IB.” |
|
7 |
L-Anness I B, Kapitolu I, tal-imsemmi regolament kien jipprevedi: “F’dan l-Anness:
[…]
|
Id-dritt Ġermaniż
|
8 |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 2(5) tal-Verordnung zur Durchführung des Fahrpersonalgesetzes (ir-Regolament li Jimplimenta l-Liġi dwar l-Ekwipaġġ ta’ Trasport bit-Triq, iktar ’il quddiem il-“Fahrpersonalverordnung”) jipprevedi, essenzjalment li, fir-rigward tal-vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006, l-imprenditur għandu jiżgura li d-data kollha tal-karti tas-sewwieqa tiġi ttrasferita sa mhux iktar tard minn 28 jum wara r-reġistrazzjoni fl-impriża. |
|
9 |
L-Artikolu 5 tal-Gesetz über Ordnungswidrigkeiten (il-Liġi dwar il-Ksur Amministrattiv, iktar ’il quddiem l-“OwiG”) jistipula: “Sakemm il-liġi ma tipprevedix mod ieħor, jista’ jiġi punit biss il-ksur li jitwettaq fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ din il-liġi jew barra minnu, fuq bastiment jew fuq ajruplan li jista’ jkollu l-bandiera jew il-marka tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.” |
|
10 |
L-Artikolu 9 tal-OWiG jipprevedi, essenzjalment, li r-rappreżentant ta’ persuna fiżika jew ġuridika jista’ jiġi ppenalizzat għal fatti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ksur imwettaq mill-persuna rrappreżentata. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
11 |
Matul kontroll tat-traffiku mwettaq fid‑19 ta’ Novembru 2015 fil-Ġermanja, l-awtoritajiet kompetenti kkonstataw żewġ ksur tar-Regolament Nru 561/2006 fuq waħda mill-vetturi li jappartjenu lill-kumpannija. |
|
12 |
Minn naħa, id-data tal-kard tas-sewwieq ma ġietx ittrasferita fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 10(5)(a)(i) tar-Regolament Nru 561/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(5) tal-Fahrpersonalverordnung. Min-naħa l-oħra, il-kard tal-kumpannija ma ġiex imdaħħal fl-apparat ta’ kontroll tal-imsemmija vettura. |
|
13 |
Fil‑15 ta’ Frar 2016, J. Baumgartner, bħala rappreżentant tal-kumpannija intalab jieħu pożizzjoni fuq l-ilmenti hekk allegati. Mingħajr reazzjoni mill-persuna kkonċernata, l-Uffiċċju Federali tat-Trasport tal-Merkanzija ddeċieda li jimponi fuqu multa ta’ EUR 406.25 għal dan iż-żewġ ksur. |
|
14 |
J. Baumgartner ressaq oppożizzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem l-imsemmi uffiċċju, billi kkontesta l-kompetenza territorjali ta’ dan tal-aħħar sabiex jissanzjona l-ksur ikkonstatat. |
|
15 |
J. Baumgartner sostna li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(5) tal-Fahrpersonalverordnung, l-obbligu li tiġi ttrasferita d-data tal-kard tas-sewwieq u li tiġi attivata esklużjoni ta’ impriża huwa impost biss fuq is-sede tal-impriża. Peress li l-kumpannija hija stabbilita fl-Awstrija, J. Baumgartner iqis li l-ksur allegat twettaq barra mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 5 tal-OWiG. |
|
16 |
Fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrtettwali ta’ Köln, il-Ġermanja), li ntalbet tiddeċiedi fuq l-opppożizzjoni mressqa minn J. Baumgartner, tosserva li l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja), f’digriet tal‑31 ta’ Lulju 2017, kienet, f’kawża simili, adottat l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali esposta fil-punt preċedenti. |
|
17 |
Barra minn hekk, f’dan id-digriet, l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln) irrifjutat li tirrikonoxxi lill-awtoritajiet Ġermaniżi setgħa ta’ sanzjoni bbażata fuq l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 561/2006. |
|
18 |
Filwaqt li rrikonoxxiet li r-Regolament Nru 561/2006 kien direttament applikabbli, u filwaqt li l-kunċett ta’ “liġi” fis-sens tal-espressjoni “[…] [s]akemm il-liġi ma tipprevedix mod ieħor”, li juża l-Artikolu 5 tal-OWiG, l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln) ikkunsidrat li l-Artikolu 19(2) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li kkonstata ksur kien jawtorizza lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jissanzjonaw lil dan tal-aħħar, indipendentement mill-post fejn kien twettaq, b’tali mod li l-Uffiċċju Federali tat-Trasport tal-Merkanzija ma kienx kompetenti, f’dan il-każ, sabiex jissanzjona huwa stess il-ksur ikkonstatat. |
|
19 |
Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 561/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jissanzjonaw ksur tal-imsemmi regolament ikkonstatat fit-territorju tagħhom stess, anke jekk dan il-ksur twettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. |
|
20 |
L-imsemmija qorti tqis li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 561/2006. Skont din id-dispożizzjoni, meta ksur li ma twettaqx fit-territorju tiegħu ġie kkonstatat, Stat Membru seta’, sal‑1 ta’ Jannar 2009, minflok ma jimponi sanzjoni, jinnotifika l-fatti kostituttivi ta’ din tal-aħħar lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz fejn l-impriża hija stabbilita jew fejn is-sewwieq kellu l-post tal-impjieg tiegħu. |
|
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Disrettwali ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(2) tar-Regulament (KE) Nru 561/2006 għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa biss l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu impriża tkun stabbilita li jista’ jimponi penali fuq tali impriża jew fuq direttur tagħha, skont l-Artikoli 30, 9 u 130 tal-[OWiG], għal ksur amministrattiv imwettaq fis-sede tal-impriża? Jew l-Istati Membri oħra jistgħu wkoll jimponu penali għall-ksur amministrattiv meta l-ksur ikun ġie kkonstatat fit-territorju tagħhom?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
22 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 561/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza direttament lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jimponu sanzjoni fuq impriża jew fuq direttur ta’ din tal-aħħar għal ksur tal-imsemmi regolament ikkonstatat fit-territorju tiegħu, anki jekk dan il-ksur kien twettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li fih din l-impriża għandha s-sede tagħha. |
|
23 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti tfittex li tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Vaditrans, C‑102/16, EU:C:2017:1012, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 561/2006, kull Stat Membru għandu jippermetti lill-awtoritajiet li jimponu sanzjoni fir-rigward ta’ impriża u/jew sewwieq għal ksur ta’ dan ir-regolament ikkonstatat fit-territorju tiegħu u li għalih tkun għadha ma tatx lok għal sanzjoni, anki meta dak il-ksur ikun twettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz. |
|
25 |
Madankollu, hekk kif irrilevaw il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-interpretazzjonijiet adottati mill-qorti tar-rinviju, minn naħa, u mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, min-naħa l-oħra, huma ammissibbli fuq livell grammatikali, peress li l-imsemmija dispożizzjoni ma ssemmix b’mod ċar liema huwa l-Istat Membru li minnu jiddependu l-“awtoritajiet kompetenti”. |
|
26 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 561/2006 jipprevedi espliċitament l-possibbiltà, għall-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li jimponu sanzjoni fuq impriża u/jew fuq sewwieq għal ksur ta’ dan ir-regolament, anki jekk dan il-ksur twettaq fit-territorju ta Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Eurospeed, C‑287/14, EU:C:2016:420, punt 33). |
|
27 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, barra li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tas-sigurtà fit-triq, ir-Regolament Nru 561/2006 għandu l-għan ukoll ta’ titjieb fis-sigurtà fit-triq inġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Eurospeed, C‑287/14, EU:C:2016:420, punt 39). |
|
28 |
Għal dan il-għan u sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006, kif tikkonferma l-premessa 14 ta’ din tal-aħħar, huwa essenzjali li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu, waqt il-kontrolli fit-triq u wara perijodu ta’ transizzjoni, jiżguraw illi t-tul tas-sewqan u tal-ħinijiet ta’ mistrieħ tal-jum u tat-28 jum ta’ qabel jiġi osservat korrettement. |
|
29 |
Kif osserva l-Uffiċċju Federali tat-Trasport tal-Merkanzija fl-osservazzjonijiet tiegħu, sabiex issir implimentazzjoni effikaċi tar-Regolament Nru 561/2006 fl-interess tas-sigurtà fit-triq, huwa neċssarju mhux biss jiġi li tiġi kkontrollata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, iżda l-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jimponu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ ksur, kif previst fl-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
30 |
Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tan-natura transkonfinali fit-trasport bit-triq, interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 561/2006, li skontha l-Istati Membri jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jimponu sanzjoni għal ksur ikkonstatat fit-territorju tagħhom, anki jekk dan il-ksur twettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz, hija iktar adattata sabiex tilħaq l-għanijiet segwiti minn dan ir-regolament. |
|
31 |
Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 561/2006 li skontha Stat Membru li kkonstata ksur imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz għandu jippermetti, permezz ta’ awtorizzazzjoni, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor li jissanzjonaw dan il-ksur, irrispettivament mill-post tat-twettiq tagħha, ma tistax jissodisfa dawn l-għanijiet. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li Stat Membru li fit-territorju tiegħu twettaq ksur tar-Regolament Nru 561/2006 jista’, fi kwalunkwe każ, jissanzjona dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Eurospeed, C‑287/14, EU:C:2016:420, punt 33), hekk li ma huwiex rikjest li awtorizzazzjoni tingħata minn Stat Membru ieħor. |
|
33 |
L-interpretazzjoni esposta fil-punt 31 ta’ din is-sentenza tfisser li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru huwa awtorizzati li jissanzjonaw ksur li la twettaq u lanqas ġie kkonstatat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Issa, ma jistax jiġi preżunt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti tali kamp ta’ applikazzjoni fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 561/2006. |
|
34 |
Barra minn hekk, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 561/2006, din id-dispożizzjoni pprevediet, bħala eċċezzjoni, li fejn kien ġie kkonstatat ksur li ma twettaqx fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, u li kien twettaq minn impriża stabbilita jew minn sewwieq li l-post tal-impjieg tiegħu kien jinsab fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat minn dan il-ksur seta’ nnotifika l-fatti li jikkostitwixxi l-ksur lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz fejn l-impriża kienet stabbilita jew fejn is-sewwieq kellu l-post tal-impjieg tiegħu. Din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-ipoteżi li l-Istat Membru kkonċernat, li seta’, sal‑1 ta’ Jannar 2009, “minflok ma jimponi sanzjoni”, jinnotifika dawn il-fatti, kien l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ksur kien ġie kkonstatat. |
|
35 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 561/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza direttament lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jimponu sanzjoni fuq impriża jew fuq direttur ta’ din tal-aħħar għal ksur tal-imsemmi regolament ikkonstatat fit-territorju tiegħu u li ma kienx diġà ta lok għal sanzjoni, anki jekk dak il-ksur twettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih din l-impriża għandha s-sede tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
|
36 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza direttament lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jimponu sanzjoni fuq impriża jew fuq direttur ta’ din tal-aħħar għal ksur tal-imsemmi regolament ikkonstatat fit-territorju tiegħu u li ma kienx diġà ta lok għal sanzjoni, anki jekk dak il-ksur twettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih din l-impriża għandha s-sede tagħha. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.