SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol għal żmien determinat – Kuntratti konklużi ma’ persuna li timpjega li taqa’ taħt is-settur pubbliku – Miżuri intiżi sabiex jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat – Trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat – Limitazzjoni tal-effett retroattiv tat-trasformazzjoni – Assenza ta’ kumpens finanzjarju”

Fil-Kawża C‑494/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte d’appello di Trento (il-Qorti tal-Appell ta’ Trento, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Ministero dell’ Istruzione, dell’ Università e della Ricerca – MIUR

vs

Fabio Rossato,

Conservatorio di Musica F. A. Bonporti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qegħda taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Arabadjiev (Relatur), E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal F. Rossato, minn A. Mastrolia, avvocatessa,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca, C. Colelli u G. D’Avanzo,, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Ministero dell’Istruzione, dell’Università u della Ricerca – MIUR (il-Ministeru għall-Edukazzjoni, għall-Universitajiet u għar-Riċerka – MIUR, l-Italja) u, min-naħa l-oħra, Fabio Rossato u l-Conservatorio di Musica F. A. Bonporti (il-Konservatorju tal-Mużika F. A. Bonporti, l-Italja) dwar il-kumpens għad-dannu allegatament subit minn F. Rossato minħabba l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat matul il-perijodu ta’ bejn it‑18 ta’ Novembru 2003 u t‑2 ta’ Settembru 2015.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, din hija intiża sabiex “[iġ]ġib fis-seħħ il-ftehim qafas […] konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija [il-Konfederazzjoni Ewropea tas-Sindakati (ETUC), l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ Min Iħaddem fl-Ewropa (UNICE) u ċ-Ċentru Ewropew tal-Impriżi Pubbliċi (CEEP)] annessi hawn”.

4

Skont il-Klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jiġi evitat l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

5

Il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, bit-titolu “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprevedi:

“1.

Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, [l-Istati Membri,] wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

(b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.

L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

(a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

(b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

Id-dritt Taljan

6

L-Artikolu 1(95) tal-legge n. 107 – Riforma del sistema nazionale di istruzione e formazione e delega per il riordino delle disposizioni legislative vigenti (il-Liġi Nru 107 – ir-Riforma tas-Sistema Nazzjonali tal-Edukazzjoni u tal-Formazzjoni u d-Delega għar-Riorganizzazzjoni tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi fis-Seħħ), tat‑13 ta’ Lulju 2015 (GURI Nru 162, tal‑15 ta’ Lulju 2015, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 107/2015”), jipprovdi:

“Għas-sena skolastika 2015/2016, il-[MIUR] huwa awtorizzat jimplimenta pjan straordinarju ta’ reklutaġġ ta’ għalliema għal żmien indeterminat għall-iskejjel pubbliċi tal-livelli kollha, bil-għan li jimla l-pożizzjonijiet kollha li huma komuni u li jsostnu l-persunal ‘de jure’, li jkunu għadhom vakanti u disponibbli wara l-operazzjonijiet ta’ ħatra bħala uffiċjali permanenti mwettqa għall-istess sena skolastika skont l-Artikolu 399 tat-test uniku previst mid-[decreto legislativo n. 297 – Testo unico delle disposizioni legislative in materia di istruzione (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 297 li Jiġbor f’Test Uniku d-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi fil-Qasam tat-Tagħlim), tas‑16 ta’ April 1994 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 115, tad‑19 ta’ Mejju 1994) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 297/1994”)], li wara t-twettiq tagħhom għandhom jitħassru l-listi ta’ kandidati xierqa tal-kompetizzjonijiet ibbażati fuq kwalifiki u eżamijiet ippubblikati qabel l‑2012 […]”

7

Skont l-Artikolu 1(131) tal-Liġi Nru 107/2015:

“B’effett mill‑1 ta’ Settembru 2016, il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-għalliema u mal-persunal edukattiv, amministrattiv, tekniku u awżiljarju fl-iskejjel u fl-istabbilimenti edukattivi tal-Istat sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti u disponibbli ma jistgħux jeċċedu tul totali ta’ 36 xahar, anki mhux konsekuttivi.”

8

L-Artikolu 1(132) tal-Liġi Nru 107/2015 jipprevedi:

“L-estimi tal-baġit tal-[MIUR] jipprevedu l-ħolqien ta’ fond għall-ħlasijiet b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li l-għan tagħhom huwa l-kumpens għad-danni kkawżati mit-tiġdid irrepetut ta’ kuntratti [ta’ xogħol] għal żmien determinat għal tul totali ta’ iktar minn 36 xahar, anki mhux konsekuttivi, għal pożizzjonijiet vakanti u disponibbli, b’allokazzjoni ta’ EUR 10 miljun għal kull waħda mis-snin 2015 u 2016 […]”

9

L-Artikolu 399 tad-Digriet Nru 297/1994 jipprevedi li r-reklutaġġ tal-għalliema għandu jseħħ permezz ta’ kompetizzjonijiet u ta’ listi permanenti ta’ kandidati xierqa.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

F. Rossato kien ġie rreklutat bħala għalliem tal-akkordjan mill-Konservatorju tal-Mużika F. A. Bonporti, fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, li l-ewwel wieħed minnhom kien ġie konkluż fit‑18 ta’ Novembru 2003. Din ir-relazzjoni ta’ xogħol kompliet mingħajr interruzzjoni fuq il-bażi ta’ 17-il kuntratt suċċessiv ta’ xogħol għal żmien determinat, sabiex titwettaq l-istess funzjoni.

11

Fl‑20 ta’ Diċembru 2011, F. Rossato ressaq quddiem it-Tribunale di Rovereto (il-Qorti ta’ Rovereto, l-Italja) talbiet intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tal-klawżoli li jissuġġettaw għal terminu d-diversi kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li huwa kkonkluda mal-persuna li timpjegah u sabiex tinkiseb it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat b’effett retroattiv għad-data tal-konklużjoni ta’ l-ewwel kuntratt (iktar ’il quddiem il-“konverżjoni”). Huwa talab ukoll, sussidjarjament, kumpens għad-dannu kkawżat mill-użu abbużiv ta’ dawn il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni, b’applikazzjoni tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tiegħu, tal-anzjanità li huwa kiseb fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol. It-Tribunale di Rovereto (il-Qorti ta’ Rovereto) laqgħet biss it-talba dwar ir-rikonoxximent tal-anzjanità miksuba għall-finijiet tar-remunerazzjoni. Hija ċaħdet it-talbiet ibbażati fuq l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

12

Il-Corte d’appello di Trento (il-Qorti tal-Appell ta’ Trento), adita, fil‑5 ta’ Marzu 2013, b’appell minn din is-sentenza ppreżentat mill-MIUR, u sussegwentement, fil‑31 ta’ Mejju 2013, b’appell inċidentali ppreżentat minn F. Rossato, issospendiet il-kawża diversi drabi fl-istennija, minn naħa, tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401), u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjonijiet tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) u tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), dwar il-Liġi Nru 107/2015 li kienet ġiet adottata fit‑13 ta’ Lulju 2015, sussegwentement għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401), sabiex tadatta l-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim qafas stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza.

13

Fit‑2 ta’ Settembru 2015, matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-appell, il-persuna li timpjega lil F. Rossato pproċediet għall-ħatra tiegħu bħala uffiċjal permanenti b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Jannar 2014, u b’hekk ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom saret għal żmien indeterminat. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-ħatra ta’ F. Rossato bħala uffiċjal permanenti, imwettqa b’applikazzjoni tal-Artikolu 399 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru297/1994, tirriżulta mill-pożizzjoni tiegħu fil-lista permanenti ta’ kandidati xierqa u mhux minn implimentazzjoni tal-pjan straordinarju ta’ reklutaġġ stabbilit permezz tal-Liġi Nru 107/2015.

14

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), kienet iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 1(95) tal-Liġi Nru 107/2015 dwar ir-reklutaġġ straordinarju tal-għalliema mniżżla f’pożizzjoni favorevoli fil-listi ta’ kandidati xierqa kienu jimplimentaw ir-regoli stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401). Hija qieset, b’mod partikolari, li t-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, prevista minn din il-liġi bis-saħħa tal-pjan straordinarju ta’ reklutaġġ, l-istess bħal, u bl-istess effett, it-trasformazzjonijiet l-oħra eventwali f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, bħall-ħatra bħala uffiċjal permanenti minħabba l-avvanz ta’ klassifikazzjoni fil-lista ta’ kandidati xierqa, kienu jikkostitwixxu, fir-rigward tal-każijiet ta’ abbuż preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 107/2015, miżuri proporzjonati, suffiċjentement effettivi u dissważivi li jippermettu li jiġi ssanzjonat dan l-abbuż, b’tali mod li ħaddiem li bbenefika minn trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, tkun xi tkun ir-raġuni, ma setax jippretendi ebda kumpens finanzjarju f’dan ir-rigward.

15

Il-qorti tar-rinviju għandha madankollu dubji dwar il-legalità ta’ tali interpretazzjoni ġurisprudenzjali fid-dawl tal-Ftehim qafas u tar-regoli stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401).

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Corte d’appello di Trento (il-Qorti tal-Appell ta’ Trento) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas […] għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(95), (131) u (132) tal-Liġi Nru 107/2015 tal-Istat Taljan, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jipprevedu, għall-għalliema, it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat għall-ġejjieni, mingħajr effett retroattiv u mingħajr kumpens għad-dannu, bħala miżuri li huma ta’ natura proporzjonata, suffiċjentement effettiva u dissważiva sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-ftehim qafas għal dak li jikkonċerna l-ksur tiegħu permezz tal-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi matul il-perijodu preċedenti għall-perijodu li għalih il-miżuri previsti minn dawn ir-regoli huma intiżi sabiex jipproduċu l-effetti tagħhom?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

17

Il-Gvern Taljan jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. F’dan ir-rigward huwa jsostni li d-domanda magħmula, sa fejn din tirrigwarda l-Artikolu 1(95), (131) u (132) tal-Liġi Nru 107/2015, hija ipotetika peress li din il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Huwa jirrileva li r-relazzjoni ta’ xogħol ta’ F. Rossato ma kinitx ġiet ittrasformata bis-saħħa tal-Artikolu 1(95) ta’ din il-liġi, iżda fuq il-bażi tal-“istrumenti preċedenti ta’ selezzjoni u ta’ kompetizzjoni”, kif kienu joperaw qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi, f’dan il-każ il-ħatra bħala uffiċjal permanenti skont il-pożizzjoni fil-lista ta’ kandidati xierqa.

18

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), fl-applikazzjoni tagħhom tal-Liġi Nru 107/2015, li teskludi, bħala regola ġenerali, l-għoti ta’ kumpens lill-ħaddiem ikkonċernat meta huwa jkun ibbenefika mit-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, ma jagħmlux distinzjoni bejn il-każijiet ta’ trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol b’applikazzjoni ta’ din il-liġi, b’mod partikolari taħt il-pjan straordinarju ta’ reklutaġġ previst fl-Artikolu 1(95) tagħha, u dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ selezzjoni u ta’ kompetizzjoni stabbiliti qabel l-adozzjoni tal-imsemmija liġi. Il-qorti tar-rinviju tindika li dawn il-qrati b’hekk estendew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 107/2015 għall-għalliema, bħal F. Rossato, li bbenefikaw minn trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom abbażi tal-imsemmija strumenti, bl-effett li jiġi eskluż, ukoll għal dawn l-għalliema, kull dritt għal kumpens finanzjarju.

19

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

F’dan il-każ, fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jitqies li d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod preliminari ma hijiex ta’ natura ipotetika u, għaldaqstant, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

21

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, Le Rayon d’Or, C-151/13, EU:C:2014:185, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan ir-rigward, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li F. Rossato bbenefika, fit‑2 ta’ Settembru 2015, minn trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Jannar 2014.

23

Jeħtieġ għalhekk li d-domanda magħmula tinftiehem bħala essenzjalment intiża sabiex jiġi magħruf jekk il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, hekk kif applikata mill-qrati supremi nazzjonali, teskludi, għal għalliema li jaqgħu taħt is-settur pubbliku li bbenefikaw mit-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat b’effett retroattiv limitat, kull dritt għal kumpens finanzjarju minħabba l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

24

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas tobbliga lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, jadottaw mill-inqas waħda mill-miżuri li din il-klawżola telenka, fil-każ fejn id-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti (sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2018, C-494/16, Santoro,EU:C:2018:166, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C-331/17, EU:C:2018:859, punt 32).

25

F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, peress li huma għandhom l-għażla li jirrikorru għal miżura jew għal numru ta’ miżuri elenkati fl-imsemmija Klawżola 5(1)(a) sa (ċ), kif ukoll għal miżuri legali eżistenti ekwivalenti, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema (sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 33).

26

B’dan il-mod, il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas tagħti lill-Istati Membri għan ġenerali, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbuż, filwaqt li tħallilhom l-għażla tal-mezzi sabiex jaslu għal dan, sakemm huma ma jippreġudikawx l-għan jew l-effettività tal-Ftehim qafas (sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 34).

27

Barra minn hekk, meta, bħal f’dan il-każ, id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix sanzjonijiet speċifiċi fl-ipoteżi fejn madankollu ġew ikkonstatati abbużi, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li għandhom ikunu mhux biss ta’ natura proporzjonata, iżda wkoll effettivi u dissważivi biżżejjed sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tar-regoli adottati bis-saħħa tal-Ftehim qafas (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Minn dan jirriżulta li, meta jkun seħħ użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tippreżenta garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema sabiex dan l-abbuż jiġi debitament issanzjonat u jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 64; tas‑ 26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 79, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 31).

29

Ma hijiex kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, peress li din il-missjoni taqa’ esklużivament fuq il-qorti tar-rinviju, li f’dan il-każ, għandha tiddetermina jekk ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti preċedenti humiex issodisfatti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi li jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 45).

30

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-leġiżlazzjoni preċedenti għal-Liġi Nru 107/2015 ma kienx fiha sanzjoni ta’ natura suffiċjentement effettiva u dissważiva li tippermetti li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tar-regoli adottati b’applikazzjoni tal-Ftehim qafas. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-unika possibbiltà sabiex l-għalliema inkwistjoni f’din il-kawża, jiksbu t-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, kienet tiddependi fuq il-ħatra tagħhom bħala uffiċjali permanenti miksuba minħabba l-avvanz ta’ klassifikazzjoni tagħhom fil-lista ta’ kandidati xierqa u, għaldaqstant, fuq ċirkustanzi li kellhom jitqiesu bħala imprevedibbli u aleatorji, inkwantu dawn kienu jiddependu mit-tul globali tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kif ukoll mill-pożizzjonijiet li sadanittant kienu saru vakanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 107).

31

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażata ruħha fuq il-fatt li t-terminu għall-ħatra tal-għalliema bħala uffiċjali permanenti kien kemm varjabbli kif ukoll inċert (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 105).

32

F’dan il-każ, mill-fajl li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li l-leġiżlatur nazzjonali, bil-għan li jiżgura t-tranżizzjoni lejn sistema ġdida li tinkludi miżuri intiżi sabiex jipprevjenu u jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, adotta pjan ta’ reklutaġġ straordinarju li jipprevedi t-trasformazzjoni, matul is-sena skolastika 2015/2016, tar-relazzjonijiet ta’ xogħol kollha għal żmien determinat konklużi ma’ għalliema bi status “prekarju”, permezz tal-eżawriment progressiv u definittiv tal-listi ta’ kandidati xierqa u tal-klassifikazzjonijiet li l-amministrazzjoni kienet tuża sabiex tirrekluta l-għalliema għal żmien determinat.

33

Il-Gvern Taljan indika wkoll li huwa kien qiegħed ikompli, b’mod parallel, u sakemm jitlestew, il-proċeduri pendenti ta’ ħatra bħala uffiċjali permanenti tal-għalliema li jinsabu diġà mniżżla f’ras il-listi ta’ kandidati xierqa. Fil-fatt, l-Artikolu 1(95) tal-Liġi Nru 107/2015 jipprovdi, f’dan ir-rigward, li l-pjan ta’ reklutaġġ straordinarju huwa implimentat “bil-għan li jimla l-pożizzjonijiet kollha […] li jkunu għadhom vakanti u disponibbli wara l-operazzjonijiet ta’ ħatra bħala uffiċjali permanenti mwettqa għall-istess sena skolastika skont l-Artikolu 399 [tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994]”, jiġifieri l-ħatriet bħala uffiċjali permanenti abbażi tal-avvanz ta’ klassifikazzjoni fil-lista permanenti ta’ kandidati xierqa.

34

B’hekk jidher, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, li r-reklutaġġ straordinarju u l-proċeduri skont l-Artikolu 399 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994, bħal dik li wasslet għall-ħatra ta’ F. Rossato bħala uffiċjal permanenti, jirrigwardaw l-istess kategorija ta’ persunal li jgħallem u li, għaldaqstant, ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ F. Rossato kellha tiġi ttrasformata l-iktar tard fit-tmiem tas-sena skolastika 2015/2016 f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat jew minħabba l-ikkompletar ta’ proċedura ta’ ħatra bħala uffiċjal permanenti diġà pendenti, jew b’applikazzjoni tal-pjan ta’ reklutaġġ straordinarju.

35

Dan il-fatt, fil-każ li huwa veru, jippermetti li jitqies li s-sitwazzjoni ta’ F. Rossato taqa’, minħabba r-riforma stabbilita permezz tal-Liġi Nru 107/2015, taħt kuntest kunsiderevolment differenti, minn perspettiva fattwali u legali, minn dak inkwistjoni fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401).

36

Fil-fatt, kuntrarjament għas-sitwazzjoni tal-għalliema inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ F. Rossato ma kinitx inċerta u ma kinitx ta’ natura imprevedibbli u aleatorja peress li din kienet saret obbligatorja permezz tal-Liġi Nru 107/2015.

37

Għaldaqstant, in-natura suffiċjentement effettiva u dissważiva tas-sanzjoni prevista minn tali leġiżlazzjoni ma tistax tiġi kkontestata abbażi tan-natura allegatament imprevedibbli u aleatorja tat-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol.

38

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-assenza ta’ kumpens fil-każ ta’ trasformazzjoni ta’ tali relazzjoni ta’ xogħol, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punti 24 sa 26 ta’ din is-sentenza, li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jwettqu l-għanijiet tal-politika soċjali tagħhom.

39

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-Klawżola 5(2) tal-Ftehim qafas jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, fil-kuntest tal-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, jittrasformaw ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indeterminat, peress li l-istabbiltà tal-impjieg li dawn tal-aħħar joffru tikkostitwixxi l-element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, qieset li leġiżlazzjoni li tipprevedi regola imperattiva li abbażi tagħha, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, dawn tal-aħħar għandhom jiġu ttrasformati f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat tista’ tinkludi miżura li effettivament tissanzjona tali użu abbużiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u, għaldaqstant, tista’ tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza.

41

Madankollu l-ġurisprudenza ma teħtieġx kumulu ta’ miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall, C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 25, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho, C‑407/14, EU:C:2015:831, punti 3235).

42

Barra minn hekk, la l-prinċipju ta’ kumpens sħiħ għad-dannu subit u lanqas il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jimponu l-ħlas ta’ danni punittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho, C‑407/14, EU:C:2015:831, punt 37).

43

Fil-fatt, dawn il-prinċipji jobbligaw lill-Istat Membri jipprevedu kumpens adegwat, li għandu jmur lil hinn minn kumpens purament simboliku, mingħajr madankollu ma jmur lil hinn minn kumpens sħiħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann, 14/83, EU:C:1984:153, punt 28; tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall, C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 26, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho, C‑407/14, EU:C:2015:831, punt 33).

44

Barra minn hekk, sa fejn F. Rossato jinvoka differenza fit-trattament meta mqabbel mal-ħaddiema li kisbu kundanna tal-persuna li timpjegahom minħabba l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 107/2015 u li setgħu, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni preċedenti, jakkumulaw kumpens u l-benefiċċju ta’ reklutaġġ b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-differenza fit-trattament bejn żewġ kategoriji ta’ ħaddiema għal żmien determinat li tirriżulta minn riforma tal-leġiżlazzjoni applikabbli ma taqax taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2018, Viejobueno Ibáñez u de la Vara González, C‑245/17, EU:C:2018:934, punti 5051).

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Ftehim qafas ma jobbligax lill-Istati Membri jipprevedu, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, dritt għal kumpens li jiżdied mat-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

46

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà, fir-rigward tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, tal-effett retroattiv limitat tat-trasformazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol li minnha bbenefika F. Rossato. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li F. Rossato ħadem bħala għalliem tal-mużika fuq il-bażi ta’ 17-il kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat għal perijodu partikolarment twil, mit‑18 ta’ Novembru 2003 sat‑2 ta’ Settembru 2015, qabel ma bbenefika, f’Settembru 2015, minn trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li t-trasformazzjoni ta’ tali relazzjoni ta’ xogħol fis-settur privat minħabba użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kellha effett retroattiv għad-data tal-konklużjoni tal-ewwel kuntratt ta’ xogħol. Dan kien jirriżulta għar-rikorrent fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari, teħid inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ tal-anzjanità miksuba bis-saħħa tal-kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tiegħu.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, il-fatt li l-miżura adottata mil-leġiżlatur nazzjonali fis-settur privat tikkostitwixxi l-iktar protezzjoni wiesgħa li tista’ tiġi rrikonoxxuta lil ħaddiem ma jistax, fih innifsu, ikollu l-konsegwenza li jtaffi n-natura effettiva tal-miżuri nazzjonali applikabbli għall-ħaddiema li jaqgħu taħt is-settur pubbliku (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 51).

48

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-snin kollha maħduma abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat waqt il-ħatra tal-ħaddiem ikkonċernat bħala uffiċjal permanenti jekwivali għat-twettiq ta’ rikostituzzjoni sħiħa tal-karriera bħal dik li hija rriżervata għall-uffiċjali li għaddew minn kompetizzjoni. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-Istati Membri jittrattaw b’mod identiku lill-uffiċjali permanenti rreklutati fit-tmiem ta’ kompetizzjoni ġenerali u dawk irreklutati wara li kienu kisbu esperjenza professjonali fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, peress li din id-differenza fit-trattament tirriżulta mill-ħtieġa, minn naħa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kwalifiki meħtieġa u n-natura tal-funzjonijiet li l-uffiċjali permanenti għandhom jieħdu r-responsabbiltà tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jiġi evitat il-ħolqien ta’ diskriminazzjoni retroattiva fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punti 4647 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-limitazzjoni tal-effett retroattiv tat-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol li minnha bbenefika F. Rossato tista’ tkun iġġustifikata, għall-inqas parzjalment, minħabba l-ispeċifiċitajiet tas-settur pubbliku.

50

Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità rrikonoxxuta lil F. Rossato jibqa’ sew inqas mill-perijodu maħdum abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.

51

Għalkemm huwa minnu li Stat Membru għandu d-dritt, meta jiġi biex jimplimenta l-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, li jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ settur speċifiku bħal dak tat-tagħlim, dan id-dritt ma jistax jinftiehem b’mod li jippermettilu ma josservax l-obbligu li jipprevedi miżura xierqa sabiex jissanzjona debitament l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 118). Tali miżura għandha tkun, b’mod partikolari, hekk kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, proporzjonata.

52

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tal-ġustifikazzjoni possibbli tal-limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, u, min-naħa l-oħra, tat-tul partikolarment twil tal-abbuż li F. Rossato kien suġġett għalih, it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod retroattiv tal-anzjanità tiegħu għall‑1 ta’ Jannar 2014 jikkostitwixxi miżura ta’ natura proporzjonata sabiex jiġi debitament issanzjonat dan l-abbuż u sabiex jitħassru l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, hekk kif applikata mill-qrati supremi nazzjonali, teskludi, għal għalliema li jaqgħu taħt is-settur pubbliku li bbenefikaw mit-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat b’effett retroattiv limitat, kull dritt għal kumpens finanzjarju minħabba l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, meta tali trasformazzjoni la hija inċerta, la hija imprevedibbli u lanqas hija aleatorja u meta l-limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba bis-saħħa tal-imsemmija kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat tikkostitwixxi miżura proporzjonata sabiex jiġi ssanzjonat dan l-abbuż, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, hekk kif applikata mill-qrati supremi nazzjonali, teskludi, għal għalliema li jaqgħu taħt is-settur pubbliku li bbenefikaw mit-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat b’effett retroattiv limitat, kull dritt għal kumpens finanzjarju minħabba l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, meta tali trasformazzjoni la hija inċerta, la hija imprevedibbli u lanqas hija aleatorja u meta l-limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba bis-saħħa tal-imsemmija kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat tikkostitwixxi miżura proporzjonata sabiex jiġi ssanzjonat dan l-abbuż, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.