SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

28 ta’ Marzu 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2008/98/KE u Deċiżjoni 2000/532/KE – Skart – Klassifikazzjoni bħala skart perikoluż – Skart li jista’ jiġi attribwit kodiċijiet korrispondenti kemm għal skart perikoluż kif ukoll għal skart mhux perikoluż”

Fil-Kawżi magħquda C‑487/17 sa C‑489/17,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑21 ta’ Lulju 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Awwissu 2017, fil-proċeduri kriminali u kontra

Alfonso Verlezza,

Riccardo Traversa,

Irene Cocco,

Francesco Rando,

Carmelina Scaglione,

Francesco Rizzi,

Antonio Giuliano,

Enrico Giuliano,

Refecta Srl,

E. Giovi Srl,

Vetreco Srl,

SE.IN Srl (C‑487/17),

Carmelina Scaglione (C‑488/17),

MAD Srl (C‑489/17),

fil-preżenza ta’:

Procuratore della Repubblica presso il Tribunale di Roma,

Procuratore generale della Repubblica presso la Corte suprema di cassazione,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, F. Biltgen (Relatur), u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Verlezza, minn V. Spigarelli, avvocato,

għal F. Rando, minn F. Giampietro, avvocato,

għal E. u A. Giuliano, minn L. Imperato, avvocato,

għal E. Giovi Srl, minn F. Pugliese u L. Giampietro, avvocatesse,

għal Vetreco Srl, minn G. Sciacchitano, avvocato,

għal MAD Srl, minn R. Mastroianni, F. Lettera u M. Pizzutelli, avvocati,

għall-Procuratore della Repubblica presso il Tribunale di Roma, minn G. Pignatone u A. Galanti, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u F. Thiran kif ukoll minn E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) u tal-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1357/2014 tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 365, p. 89, rettifika fil-ĠU 2017, L 42, p. 43) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2008/98”), kif ukoll l-Anness, taqsima bit-titolu “Valutazzjoni u Klassifikazzjoni”, punt 2, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat‑3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Volum 5, p. 151), fil-verżjoni emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 370, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 40, p. 78) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2000/532”).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra Alfonso Verlezza, Riccardo Traversa, Irene Cocco, Francesco Rando, Carmelina Scaglione, Francesco Rizzi, Antonio Giuliano u Enrico Giuliano, Refecta Srl, E. Giovi Srl, Vetreco Srl, SE.IN Srl (Kawża C‑487/17), Carmelina Scaglione (Kawża C‑488/17) u MAD Srl (Kawża C‑489/17) għal reati li jikkonċernaw, b’mod partikolari, traffiku illeċitu ta’ skart.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 14 tad-Direttiva 2008/98 tipprevedi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ l-iskart bħala skart perikoluż għandha tkun ibbażata, inter alia, fuq il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sustanzi kimiċi, partikolarment fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ preparati bħala perikolużi, inklużi l-valuri tal-limitu ta’ konċentrazzjoni wżati għal dak l-iskop. L-iskart perikoluż jeħtieġ li jiġi regolat skond speċifikazzjonijiet stretti sabiex, kemm jista’ jkun, jinżammu milli jseħħu jew ikunu limitati effetti negattivi potenzjali fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem ikkawżati minn mmaniġġar skorrett. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li tinżamm is-sistema li biha kienu ġew ikklassifikati l-iskart u l-iskart perikoluż skond il-lista tat-tipi ta’ skart kif stabbilita l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE […], sabiex tkun imħeġġa klassifikazzjoni armonizzata ta’ l-iskart u tkun żgurata d-determinazzjoni armonizzata ta’ skart perikoluż fi ħdan il-Komunità.”

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 fih, b’mod partikolari, id-definizzjonijiet li ġejjin:

“(1)

‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

(2)

‘skart perikoluż’ tfisser skart li jkollu waħda jew aktar mill-karatteristiċi perikolużi elenkati fl-Anness III;

[…]

(6)

‘detentur ta’ l-iskart’ tfisser il-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun fil-pussess ta’ l-iskart;

(7)

‘negozjant’ tfisser kwalunkwe intrapriża li taġixxi fir-rwol ta’ prinċipal biex tixtri jew sussegwentement tbigħ l-iskart, inkluż tali negozjanti li ma jeħdux pussess fiżiku ta’ l-iskart;

(8)

‘sensar’ tfisser kwalunkwe intrapriża li tirranġa l-irkupru jew ir-rimi ta’ skart f’isem oħrajn, inkluż tali sensara li ma jeħdux il-pussess fiżiku ta’ l-iskart;

(9)

‘maniġġar ta’ l-iskart’ tfisser il-ġbir, it-trasport, l-irkupru u r-rimi ta’ skart, inklużi s-superviżjoni ta’ tali operazzjonijiet u l-kura ta’ wara tas-siti tar-rimi, u inklużi l-azzjonijiet li jittieħdu bħala negozjant jew sensar;

(10)

‘ġbir’ tfisser il-ġbir ta’ l-iskart, inkluż l-għażla preliminari u l-ħżin preliminari ta’ l-iskart għall-finijiet tat-trasport lejn impjant tat-trattament ta’ l-iskart;

[…]”

5

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-prinċipji ġenerali, fir-rigward ta’ protezzjoni ambjentali, ta’ prekawzjoni u sostenibbiltà, fattibbiltà teknika u vijabbiltà ekonomika, protezzjoni tar-riżorsi kif ukoll jieħdu kont ta’ l-impatti fuq l-ambjent, fuq is-saħħa tal-bniedem, u l-impatti ekonomiċi u soċjali ġenerali, skond l-Artikoli 1 u 13.”

6

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Lista ta’ skart”, jipprevedi:

“1.   Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva relatati ma’ l-aġġornar tal-lista ta’ skart stabbilita bid-Deċiżjoni 2000/532/KE għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 39(2). Il-lista ta’ skart għandha tinkludi skart perikoluż u għandha tieħu kont ta’ l-oriġini u l-kompożizzjoni ta’ l-iskart u, fejn jeħtieġ, tal-valuri tal-limiti ta’ konċentrazzjoni tas-sustanzi perikolużi. Il-lista ta’ skart għandha tkun vinkolanti fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ l-iskart li għandu jkun ikkunsidrat bħala skart perikoluż. L-inklużjoni ta’ sustanza jew oġġett fil-lista ma għandhiex tfisser li huma skart fiċ-ċirkustanzi kollha. Sustanza jew oġġett għandu jkun ikkunsidrat skart biss meta tiġi sodisfatta d-definizzjoni tal-punt (a[1]) ta’ l-Artikolu 3.

2.   Stat Membru jista’ jqis skart bħala skart perikoluż fejn, anki anki jekk ma jkunx imniżżel hekk fil-lista ta’ skart, ikollu waħda jew aktar mill-karatteristiċi elenkati fl-Anness III. L-Istat Membru għandu jinnotifika tali każijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Huwa għandu jiddokumentahom fir-rapport previst fl-Artikolu 37(1), u għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti kollha. Fid-dawl tan-notifikazzjonijiet rċevuti, il-lista għandha tiġi riveduta sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-adattament tagħha.

3.   Fejn Stat Membru jkollu provi li juru li skart speċifiku li jidher fil-lista bħala skart perikoluż ma juri l-ebda waħda mill-karatteristiċi elenkati fl-Anness III, jista’ jqis dak l-iskart bħala skart mhux perikoluż. L-Istat Membru għandu jinnotifika immedjatament tali każijiet lill-Kummissjoni u għandu jipprovdi l-provi meħtieġa lill-Kummissjoni. Fid-dawl tan-notifikazzjonijiet rċevuti, il-lista għandha tiġi riveduta sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-adattament tagħha.

4.   Ir-riklassifikazzjoni ta’ skart perikoluż bħala skart mhux perikoluż m’għandhiex issir permezz ta’ dilwizzjoni jew taħlit ta’ l-iskart bil-għan li jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet inizjali tas-sustanzi perikolużi għal livell taħt il-livelli minimi li jiddefinixxu skart bħala wieħed perikoluż.

[…]

6.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-iskart bħala skart mhux perikoluż skond il-lista ta’ l-iskart imsemmija fil-paragrafu 1.

[…]”

7

L-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE jelenka l-karatteristiċi tal-iskart li jirrenduh perikoluż. Fir-rigward tal-“metodi ta’ ttestjar” jindika li:

“Il-metodi li għandhom jintużaw huma dawk deskritti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/2008 [tat‑30 ta’ Mejju 2008, li jistabbilixxi metodi ta’ ttestjar skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU 2008, L 142, p. 1),] u f’noti rilevanti oħrajn tal-[Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN)], jew metodi tal-ittestjar u linji gwida oħra rikonoxxuti internazzjonalment.”

8

Skont l-Anness, taqsima bit-titolu “Valutazzjoni u Klassifikazzjoni” tad-Deċiżjoni 2000/532:

“1. Valutazzjoni ta’ proprjetajiet perikolużi tal-iskart

Meta ssir valutazzjoni tal-proprjetajiet perikolużi tal-iskart, għandhom japplikaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE. Għall-proprjetajiet perikolużi HP 4, HP 6 u HP 8, għandhom japplikaw għall-valutazzjoni l-valuri ta’ limitu għal sustanzi individwali kif indikat fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE. Fejn sustanza hija preżenti fl-iskart taħt il-valur ta’ limitu tagħha, din ma għandhiex tkun inkluża fi kwalunkwe kalkolu ta’ livell limitu. Fejn proprjetà perikoluża ta’ skart tkun ġiet evalwata permezz ta’ test u permezz tal-użu ta’ konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi perikolużi kif indikat fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE, ir-riżultati tat-test għandhom jipprevalu.

2. Klassifikazzjoni ta’ skart bħala perikoluż

Kwalunkwe skart immarkat b’asterisk (*) fil-lista ta’ skart għandu jitqies bħala skart perikoluż skont id-Direttiva 2008/98/KE, sakemm ma jkunx japplika l-Artikolu 20 ta’ dik id-Direttiva.

Għal dak l-iskart li għalih jistgħu jiġu assenjati kodiċi ta’ skart perikoluż u mhux perikoluż, għandu japplika dan li ġej:

Entrata fil-lista armonizzata ta’ skart immarkat bħala perikoluż, b’referenza speċifika jew ġenerali għal ‘sustanzi perikolużi’, hija f’lokha biss għal skart meta dak l-iskart ikun fih sustanzi perikolużi relevanti li jikkawżaw l-iskart li juri waħda jew aktar mill-proprjetajiet perikolużi HP 1 sa HP 8 u/jew HP 10 sa HP 15 kif imniżżlin fl-Anness III tad-Direttiva [2008/98]. Il-valutazzjoni tal-proprjetà perikoluża HP 9 ‘infettuż’ għandha ssir skont il-leġiżlazzjoni relevanti jew id-dokumenti ta’ referenza fl-Istati Membri.

Proprjetà perikoluża tista’ tiġi vvalutata bl-użu tal-konċentrazzjoni ta’ sustanzi fl-iskart kif speċifikat fl-Anness III tad-Direttiva [2008/98] jew, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, billi jitwettaq test f’konformità mar-[Regolament Nru 440/2008] jew metodi ta’ ttestjar u linji gwida oħrajn rikonoxxuti internazzjonalment, filwaqt li jitqies l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 fir-rigward tal-ittestjar fuq annimali u bnedmin.

[…]”

9

Ir-Regolament Nru 1357/2014 jipprevedi fil-premessa 2 tiegħu:

“Id-Direttiva 2008/98/KE tistipula li l-klassifikazzjoni tal-iskart bħala skart perikoluż għandha tistrieħ, fost l-oħrajn, fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi, b’mod partikolari dik dwar il-klassifikazzjoni ta’ preparazzjonijiet bħala perikolużi, inklużi l-valuri limitu ta’ konċentrazzjoni li jintużaw għal dak l-iskop. Barra minn hekk, hemm bżonn li s-sistema li tintuża biex jiġu klassifikati l-iskart u l-iskart perikoluż tinżamm skont il-lista tat-tipi ta’ skart kif stabbilita l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE […], ħalli titrawwem klassifikazzjoni armonizzata tal-iskart u tkun żgurata d-determinazzjoni armonizzata tal-iskart perikoluż fl-Unjoni.”

Id-dritt Taljan

10

Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet bażiċi dwar l-iskart jinsabu attwalment fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 tat‑3 ta’ April 2006 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 88, tal‑14 ta’ April 2006, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006”). B’mod partikolari, l-Artikolu 184 ta’ dan id-digriet jirregola l-klassifikazzjoni tal-iskart, billi jagħmel distinzjoni, skont l-oriġini tiegħu, bejn skart muniċipali u skart partikolari, li jista’, min-naħa tiegħu, ikun distint, skont il-karatteristiċi perikolużi tiegħu, bejn skart perikoluż u skart mhux perikoluż. Dan l-Artikolu 184 ġie emendat bosta drabi.

11

Oriġinarjament, l-imsemmi artikolu kien jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu, it-tħejjija, permezz tal-adozzjoni ta’ digriet interministerjali, ta’ lista ta’ skart konformement ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Deċiżjoni 2000/532, billi jippreċiża li, sal-adozzjoni ta’ dan id-digriet, id-dispożizzjonijiet previsti minn Direttiva tal-Ministru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju tad‑9 ta’ April 2002 kienu ser jibqgħu japplikaw, direttiva li tinsab fl-Anness D tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006. Barra minn hekk, dan l-istess artikoli jikklassifika bħala perikoluż l-iskart mhux domestiku espressament speċifikat bħala tali permezz ta’ asterisk għal dan il-għan fil-lista ta’ dan l-Anness D.

12

Il-Liġi Nru 116 tal‑11 ta’ Awwissu 2014 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 192, tal‑20 ta’ Awwissu 2014, iktar’ il quddiem il-“Liġi Nru 116/2014”), li kkonvertiet, b’emendi, id-Digriet-Liġi Nru 91 tal‑24 ta’ Ġunju 2014, f’liġi, emendat il-preambolu tal-Anness D tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 billi introduċiet d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“1. Il-klassifikazzjoni tal-iskart set titwettaq mill-produttur, li jattribwixxilu l-kodiċi KEI [Katalgu Ewropew tal-Iskart] xieraq, billi japplika d-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni [2000/532].

2. Jekk iskart jiġi kklassifikat taħt kodiċi KEI bħala skart perikoluż ‘assolut’, huwa perikoluż mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra. Il-proprjetajiet perikolużi, kif iddefiniti taħt H 1 sa H 15, li għandu l-iskart, iridu jiġu stabbiliti għall-finijiet tal-ġestjoni ta’ dan l-iskart.

3. Jekk skart jiġi kklassifikat taħt kodiċi KEI bħala skart mhux perikoluż ‘assolut’, huwa mhux perikoluż mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra.

4. Jekk skart jiġi kklassifikat taħt kodiċijiet mera, wieħed li huwa perikoluż u wieħed mhux perikoluż, sabiex jiġi stabbilit jekk l-iskart huwiex perikoluż jew le, għandhom jiġu stabbiliti l-proprjetajiet perikolużi li għandu dan l-iskart. Il-kontrolli li għandhom jitwettqu sabiex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet perikolużi li għandu skart huma kif ġejjin: a) jiġu identifikati l-komposti preżenti fl-iskart permezz ta’: l-iskeda ta’ informazzjoni tal-produttur; l-għarfien tal-proċess kimiku; it-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi tal-iskart; b) li jiġu ddeterminati l-perikoli ta’ dawn il-komposti permezz: tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar it-tikkettar ta’ sustanzi u ta’ preparazzjonijiet perikolużi; ta’ sorsi ta’ informazzjoni Ewropej u internazzjonali; tal-iskeda tad-data tas-sigurtà tal-prodotti li minnhom joriġina l-iskart; c) jiġi stabbilit jekk il-konċentrazzjonijiet tal-komposti kontenuti jimplikawx li l-iskart għandu karatteristiċi perikolużi billi jqabblu l-konċentrazzjonijiet imkejla waqt l-analiżi kimika mal-limitu għall-frażijiet speċifiċi tar-riskju tal-komponenti jew bit-testijiet imwettqa għall-verifika jekk l-iskart għandux proprjetajiet perikolużi.

5. Jekk l-analiżijiet kimiċi juru l-komponenti ta’ skart mhux speċifikat mod ieħor, u fejn il-komposti speċifiċi li jikkostitwixxuhom ma humiex magħrufa, sabiex jiġu identifikati l-karatteristiċi perikolużi tal-iskart, għandhom jitqiesu l-komposti l-iktar perikolużi, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

6. Meta sustanzi preżenti fi skart ma humiex magħrufa jew ma humiex iddeterminati skont il-modalitajiet stabbiliti fil-paragrafi preċedenti jew li l-karatteristiċi perikolużi ma jistgħux jiġu ddeterminati, l-iskart għandu jiġi kklassifikat bħala perikoluż.

7. Il-klassifikazzjoni għandha ssir fi kwalunkwe każ qabel mal-iskart jiġi mbiegħed mill-post ta’ produzzjoni.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

13

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu fil-kuntest ta’ tliet kawżi li jirrigwardaw proċeduri kriminali li nfetħu kontra madwar tletin persuna li huma akkużati b’reati marbuta ma’ trattament ta’ skart perikoluż.

14

Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija akkużati, fil-kwalitajiet rispettivi tagħhom ta’ operaturi ta’ landfills, ta’ kumpanniji ta’ ġbir u ta’ produzzjoni ta’ skart kif ukoll kumpannija inkarigati li jwettqu l-analiżijiet kimiċi tal-iskart, huma ssuspettati li wettqu, bi ksur ta’ l-Artikolu 260 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, traffikar illeċitu ta’ skart. Huma jinsabu akkużati li, fir-rigward ta’ skart li għalih setgħu jiġu assenjati kemm kodiċijiet ta’ skart perikoluż, kif ukoll kodiċijiet ta’ skart mhux perikoluż (iktar ’il quddiem il-“kodiċijiet mera”), ittrattaw dan l-iskart bħala skart mhux perikoluż. Huma kienu, abbażi tal-analiżijiet kimiċi mhux kompluti u parzjali, attribwixxew lill-imsemmija skart kodiċijiet ta’ skart mhux perikoluż u, sussegwentement, kienu ttrattati f’landfills għal skart mhux perikoluż.

15

F’dan il-kuntest, il-Giudice per le indagini preliminari del Tribunale di Roma (l-Imħallef għall-Inkjesti Preliminari ta’ Ruma, l-Italja) ordna diversi miżuri sabiex jiġu ssekwestrati diversi landfills fejn l-iskart inkwistjoni kienu ġie ttrattat kif ukoll l-assi tal-proprjetarji ta’ dawn il-landfills u, f’dan il-kuntest, ħatar kummissarju ġudizzjarju għall-ġestjoni tal-imsemmija landfills u ta’ siti ta’ ġbir u ta’ produzzjoni ta’ skart għal perijodu ta’ sitt xhur.

16

Adita b’diversi rikorsi ppreżentati mill-akkużati kontra l-imsemmija miżuri, it-Tribunale di Roma (il-Qorti ta’ Ruma) iddeċidiet, permezz ta’ tliet digrieti separati, li tannulla dawn l-istess miżuri.

17

Il-Procuratore della Repubblica presso il Tribunale di Roma (il-Prosekutur tar-Repubblika quddiem il-Qorti ta’ Ruma, l-Italja) ippreżentat tliet rikorsi kontra l-imsemmija digrieti quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja).

18

Skont din il-qorti, il-kawżi prinċipali jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-kriterji li għandhom jiġu applikati waqt l-evalwazzjoni tal-proprjetajiet perikolużi minn skart li għalih jistgħu jiġu assenjati kodiċi mera. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tispeċifika li d-determinazzjoni tal-imsemmija kriterji hija kwistjoni li interessat il-ġurisprudenza u d-duttrina nazzjonali matul l-aħħar għaxar snin u li żewġ soluzzjonijiet differenti ġew adottati fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet rilevanti kemm tad-dritt nazzjonali kemm tad-dritt tal-Unjoni.

19

B’hekk, minn naħa, skont it-teżi imsejħa ta’ “sigurtà” jew ta’ “periklu preżunt” ispirat mill-prinċipju ta’ prekawzjoni, fil-preżenza ta’ skart li għalih jistgħu jiġu assenjati kodiċi mera, id-detentur tiegħu huwa obbligat li jikkonfuta preżunzjoni ta’ perikolożità ta’ dan l-iskart, u li għalhekk kien obbligat iwettaq analiżijiet sabiex tiġi ddeterminata l-assenza ta’ kwalunkwe sustanza perikoluża fl-iskart inkwistjoni.

20

Min-naħa l-oħra, skont it-teżi msejħa tal-“probabbiltà”, ispirata mill-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli u bbażata fuq il-verżjoni bil-lingwa Taljana tal-anness, taqsima intitolata “Valutazzjoni u Klassifikazzjoni”, punt 2 tad-Deċiżjoni 2000/532, id-detentur tal-iskart li għalih jistgħu jiġu assenjati kodiċi mera jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali meta twettaq id-determinazzjoni, minn qabel, in-natura perikoluża tal-iskart inkwistjoni permezz ta’ analiżijiet xierqa. B’hekk, id-detentur tal-imsemmi skart jista’ jillimita l-analiżi tiegħu għas-sustanzi li, b’livell ta’ probabbiltà għolja, jistgħu jinsabu fil-prodotti abbażi tal-proċess ta’ produzzjoni tal-iskart inkwistjoni.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li ġew ifformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑487/17 sa C‑489/17:

“1)

L-Anness tad-Deċiżjoni [2000/532] kif ukoll [l-Anness III tad-Direttiva 2008/98] għandhom jiġu interpretati, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-iskart taħt kodiċijiet mera fis-sens li, fejn il-kompożizzjoni tal-iskart ma tkunx magħrufa, il-produttur tal-iskart għandu jwettaq il-karatterizzazzjoni minn qabel tiegħu u, jekk hu hekk, f’liema limiti?

2)

It-tiftix ta’ sustanzi perikolużi għandu jsir skont metodi uniformi predeterminati?

3)

It-tiftix ta’ sustanzi perikolużi għandu jkun ibbażat fuq verifika preċiża u rappreżentattiva li tieħu inkunsiderazzjoni l-kompożizzjoni tal-iskart, jekk din il-kompożizzjoni tkun diġà magħrufa jew identifikata matul il-fażi ta’ karatterizzazzjoni, jew inkella għandha titwettaq skont kriterji ta’ probabbiltà, fid-dawl tas-sustanzi li jistgħu raġonevolment jeżistu fl-iskart?

4)

F’każ ta’ dubju jew li ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk hemmx jew ma hemmx sustanzi perikolużi fl-iskart, dan tal-aħħar għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi kklassifikat u kkunsidrat bħala skart perikoluż, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni?”

22

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Settembru 2017, il-Kawżi C‑487/17 sa C‑489/17 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

23

F. Rando, Vetreco u l-Procuratore generale della Repubblica presso la Corte suprema di cassazione (il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja) ikkunsidraw li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli u għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda.

24

Skont F. Rando, id-domandi preliminari ma humiex rilevanti peress li huma bbażati fuq l-applikazzjoni tal-Liġi Nru 116/2014. Issa, din tal-aħħar tikkostitwixxi “regola teknika”, li kellha tiġi nnotifikata minn qabel lill-Kummissjoni. Peress li din in-notifika ma seħħitx, l-imsemmija liġi ma tistax tiġi applikata għall-individwi.

25

Vetreco issostni li d-domandi preliminari ma humiex indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali peress li l-ġurisprudenza Taljana ddefinixxiet il-kriterji konformement li għalihom għandu jiġi kklassifikat l-iskart li jista’ jaqa’ taħt kodiċijiet mera. Għaldaqstant il-qorti tar-rinviju għandha sempliċement tevalwa l-fatti u tapplika l-ġurisprudenza tagħha, mingħajr ma jkollha għaliex tistaqsi fuq dan lill-Qorti tal-Ġustizzja.

26

Il-Prosekutur Ġenerali quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni jsostni, qabel kollox, li d-domandi magħmula ma jidentifikawx bi preċiżjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom qed tintalab l-interpretazzjoni, minħabba li fl-ewwel waħda biss isir riferiment ġeneriku għad-Deċiżjoni 2000/532 u għar-Regolament 2008/98. Insegwitu, dawn il-mistoqsijiet ukoll ma jissodisfawx il-kriterji ta’ awtosuffiċjenza, peress li ma jistgħux jinftiehmu fihom infushom. Fl-aħħar nett, id-deċiżjonijiet tar-rinviju ma fihom l-ebda spjegazzjoni dwar il-klassifikazzjoni illegali allegatament imwettqa mill-2013 sal-2015, u l-qorti tar-rinviju ma spjegatx ir-rabta loġika u argumentattiva bejn, minn naħa, l-uniku dubju ta’ interpretazzjoni stabbilit fil-motivi ta’ dawn id-deċiżjonijiet, fir-rigward tat-termini“f’lokha” u “relevanti” li jinsabu fl-Anness, taqsima intitolata “Valutazzjoni u Klassifikazzjoni”, punt 2 tad-Deċiżjoni 2000/532, u, min-naħa l-oħra, id-domandi preliminari li jirrigwardaw elementi mhux koperti f’dawn il-motivi.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali. Minn dan isegwi li huma biss il-qrati nazzjonali, li qed jisimgħu l-kawża u li għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jaqtgħu s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem, C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 24, kif ukoll tas‑7 ta’ Lulju 2011, Agafiței et, C‑310/10, EU:C:2011:467, punt 25).

28

Konsegwentement, peress li d-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali huma dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem, C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 25, kif ukoll tas‑7 ta’ Lulju 2011, Agafiței et, C‑310/10, EU:C:2011:467, punt 26).

29

Madankollu, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 33; tas‑7 ta’ Lulju 2011, Agafiței et, C‑310/10, EU:C:2011:467, punt 27, kif ukoll tat‑2 ta’ Marzu 2017, Pérez Retamero, C‑97/16, EU:C:2017:158, punt 22).

30

F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li d-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali u regolatorju li tinsab fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari hija qasira, xorta jibqa’ l-fatt li din id-deskrizzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, tippermetti lil din tal-aħħar li tifhem kemm il-fatti kif ukoll il-kuntest ġuridiku li fihom it-tilwimiet fil-kawżi prinċipali seħħew.

31

Sussegwentement, hemm lok li jingħad ukoll li, hekk kif jirriżulta mill-punti 18 sa 20 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju spjegat ir-raġunijiet li wassluha titlob l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tad-domandi preliminari.

32

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8), l-Istati Membri la għandhom ikunu suġġetti għall-obbligu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-abbozz ta’ regolament tekniku u lanqas għal dak li jinformawha meta jkunu qed jimplimentaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-direttivi tal-Unjoni.

33

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, meta adottat id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 116/2014, ir-Repubblika Taljana ssodisfat l-obbligi li joħorġu mid-direttivi fil-qasam tal-klassifikazzjoni tal-iskart, b’mod partikolari mid-Direttiva 2008/98. Għaldaqstant, jekk wieħed jassumi li l-Liġi Nru 116/2014 taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34, l-assenza ta’ notifika ta ’dawn id-dispożizzjonijiet minn dak l-Istat Membru ma tikkostitwixxix difett proċedurali sostanzjali tali li twassal għall-inapplikabbiltà tar-regoli tekniċi inkwistjoni għall-individwi. Din l-assenza ma taffettwax l-infurzabbiltà tagħhom għal-individwi u għaldaqstant ma għandhiex, bħala tali, ebda effett fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari.

34

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari fihom il-elementi ta’ ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

35

Għaldaqstant, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

36

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Anness III tad-Direttiva 2008/98 kif ukoll l-anness tad-Deċiżjoni 2000/532 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li detentur ta’ skart li jista’ jiġi kklassifikat taħt kodiċijiet mera, iżda li l-kompożizzjoni tiegħu ma hijiex minn qabel magħrufa għandux, għal din il-klassifikazzjoni, jiddetermina l-imsemmija kompożizzjoni u jfittex jekk l-iskart inkwistjoni fihx sustanza waħda jew diversi sustanzi perikolużi sabiex jiġi stabbilit jekk dan l-iskart għandux proprjetajiet perikolużi kif ukoll, fl-affermattiv, sa liema livell ta’ determinazzjoni u skont liema metodi.

37

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, abbażi tal-premessa li l-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirriżulta minn trattament mekkaniku ta’ skart muniċipali, jista’ jaqa’ taħt kodiċijiet mera, il-qorti tar-rinviju llimitat b’mod ċar is-suġġett tad-domandi preliminari tagħha b’tali mod li ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għal dak li sostnew ċerti partijiet fil-kawża prinċipali, li tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk il-klassifikazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta jew le.

38

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, jikkostitwixxi skart perikoluż “skart li jkollu waħda jew aktar mill-karatteristiċi perikolużi elenkati fl-Anness III”. Għandu jiġi nnutat, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din id-direttiva tissuġġetta l-ġestjoni ta’ skart perikoluż għal rekwiżiti speċifiċi dwar it-traċċabbiltà tagħhom, l-ippakkjar u t-tikkettar tagħhom, il-projbizzjoni li jitħallat ma’ skart ieħor perikoluż jew ma’ skart, sustanzi jew materjali oħrajn, kif ukoll il-fatt li l-iskart perikoluż jista’ jiġi ttrattat biss f’faċilitajiet speċifikament indikati li kisbu permess speċjali.

39

Kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/98, sabiex wieħed ikun jaf jekk skart jaqax taħt il-lista ta’ skart stabbilita permezz tad-Deċiżjoni 2000/532, li hija vinkolanti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-iskart li għandu jkun ikkunsidrat bħala skart perikoluż, għandu jittieħed kont ta’ “l-oriġini u l-kompożizzjoni ta’ l-iskart u, fejn jeħtieġ, tal-valuri tal-limiti ta’ konċentrazzjoni tas-sustanzi perikolużi”, peress li dawn tal-aħħar jippermettu li jiġi vverifikat jekk skart għandux waħda jew aktar mill-proprjetajiet perikolużi elenkati fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

40

Għaldaqstant, meta l-kompożizzjoni ta’ skart li għalih jistgħu jiġu assenjati kodiċijiet mera ta’ skart perikoluż li ma jkunx magħruf minn qabel, id-detentur ta’ dan tal-aħħar, bħala dak responsabbli għall-ġestjoni tagħha, għandu jiġbor informazzjoni li tista’ tippermettilu jikseb għarfien suffiċjenti tal-imsemmija għażla u, għalhekk, li jagħti lill-imsemmi skart il-kodiċi xieraq.

41

Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni, id-detentur ta’ tali skart x’aktarx ser jikser l-obbligi tiegħu bħala responsabbli għall-ġestjoni tiegħu, jekk jirriżulta, sussegwentement, li dan l-iskart ġie ttrattat bħala skart mhux perikoluż, minkejja li kellu waħda jew iktar mill-karatteristiċi perikolużi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98.

42

Huwa importanti li wieħed jinnota li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm metodi differenti ta’ ġbir tal-informazzjoni meħtieġa dwar il-kompożizzjoni tal-iskart, li għaldaqstant jagħmluha possibbli li tiġi identifikata l-preżenza eventwali ta’ sustanzi perikolużi kif ukoll waħda jew iktar mill-proprjetajiet perikolużi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98.

43

Minbarra l-metodi indikati taħt il-parti intitolata “Metodi ta’ ttestjar” tal-imsemmi anness, id-detentur tal-iskart jista’, b’mod partikolari, jirreferi:

għall-informazzjoni dwar il-proċess ta’ manifattura jew dak kimiku “li jiġġeneraw l-iskart” kif ukoll għall-intermedjarji u għas-sustanzi tal-input tagħhom, inklużi l-opinjonijiet ta’ esperti;

għall-informazzjoni pprovduta mill-produttur oriġinali tas-sustanza jew tal-oġġett qabel isiru skart, b’mod partikolari l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà, it-tikketti tal-prodott jew l-iskedi tal-prodott;

bażijiet ta’ data dwar l-analiżijiet tal-iskart disponibbli fil-livell tal-Istati Membri, u

għat-teħid ta’ kampjuni u għall-analiżi kimika tal-iskart.

44

Fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni u tal-analiżi kimika, għandu jiġi ppreċiżat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn il-metodi għandhom joffru l-garanziji ta’ effettività u ta’ rappreżentattività.

45

Għandu jiġi nnutat li l-analiżi kimika ta’ skart għandha ċertament tippermetti lid-detentur tiegħu jakkwista għarfien suffiċjenti tal-kompożizzjoni ta’ dan l-iskart sabiex jiġi vverifikat jekk l-imsemmi skart għandux waħda jew iktar mill-proprjetajiet perikolużi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98. Madankollu, l-ebda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-iskop ta’ din l-analiżi huwa li tiġi vverifikata l-assenza ta’ kwalunkwe sustanza perikoluża fl-iskart inkwistjoni, b’tali mod li d-detentur tal-iskart ikun marbut li jikkonfuta preżunzjoni ta’ perikolożità ta’ dan l-iskart.

46

Fil-fatt, għandu jitfakkar, minn naħa, li, fir-rigward tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98, minn dan l-artikolu, paragrafu 2 jirriżulta b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom, meta japplikaw il-ġerarkija tal-iskart prevista minn din id-direttiva, jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jinkoraġġixxu s-soluzzjonijiet li jipproduċu l-aqwa riżultat globali fuq il-pjan ambjentali ġenerali (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑323/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2290, punt 36). B’dan il-mod, l-imsemmi artikolu jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-fattibbiltà teknika u tal-vijabbiltà ekonomika, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq id-detentur ta’ skart obbligi mhux raġonevoli, kemm mill-perspettiva ekonomika kif ukoll minn dik teknika, dwar il-ġestjoni tal-iskart. Min-naħa l-oħra, konformement mal-anness, parti intitolata “Valutazzjoni u Klassifikazzjoni”, l-ewwel inċiż tal-punt 2 tad-Deċiżjoni 2000/532, il-klassifikazzjoni ta’ skart li jista’ jaqa’ taħt kodiċijiet mera bħala “skart perikoluż” hija xieraq biss jekk dan l-iskart ikun fih sustanzi perikolużi li jagħtuh proprjetà waħda jew iktar perikolużi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98. Isegwi li d-detentur ta’ skart, għalkemm ma mhuwiex obbligat li jivverifika l-assenza ta’ kwalunkwe sustanza perikoluża fl-iskart inkwistjoni, madankollu għandu l-obbligu li jfittex dawk li jistgħu raġonevolment jinstabu hemm, li għalhekk ma għandhom l-ebda setgħa ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

47

Din l-interpretazzjoni hija, kif il-partijiet fil-kawża prinċipali sostnew matul is-seduta, issa kkorroborata mill-Avviż tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ April 2018 dwar il-gwida teknika rigward il-klassifikazzjoni tal-iskart (ĠU 2018, C 124, p. 1). Madankollu, peress li din il-komunikazzjoni seħħet wara l-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tikkunsidra n-natura kriminali ta’ dawn il-kawżi, tqis li ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni din il-komunikazzjoni fil-kuntest tar-risposti tagħha għad-domandi preliminari.

48

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-politika ta’ protezzjoni mmexxija mill-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, peress li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura protettiva bħall-klassifikazzjoni ta’ skart bħala perikoluż hija meħtieġa biss meta, wara evalwazzjoni tar-riskji kemm jista’ jkun kompluta fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, ikun hemm elementi oġġettivi li juri li klassifikazzjoni bħal din hija meħtieġa (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 44, kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2017, Fidenato et, C‑111/16, EU:C:2017:676, punt 51).

49

Sakemm id-detentur ta’ skart ġabar l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni ta’ dan l-iskart, huwa obbligat, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jwettaq evalwazzjoni tal-proprjetajiet perikolużi tal-imsemmi skart konformement mal-anness, parti intitolata “Valutazzjoni u Klassifikazzjoni”, punt 1 tad-Deċiżjoni 2000/532, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata, jiġifieri abbażi tal-kalkolu tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi perikolużi f’dan l-istess skart u skont il-valuri limiti speċifikati għal kull sustanza fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98, kemm abbażi ta’ test, kif ukoll abbażi ta’ dawn iż-żewġ metodi. F’dan l-aħħar każ, dan l-istess punt 1 jipprevedi li “ir-riżultati tat-test għandhom jipprevalu”.

50

Fir-rigward tal-kalkolu tal-proprjetà perikoluża li għandu skart, mill-anness, parti intitolata “Evalwazzjoni u Klassifikazzjoni”, punt 2, it-tieni inċiż, tad-Deċiżjoni 2000/532 jirriżulta li l-grad ta’ konċentrazzjoni tas-sustanzi perikolużi li jinsabu f’dan l-iskart u li jistgħu jagħtu lil dan tal-aħħar il-proprjetajiet perikolużi għandu jiġi kkalkolat skont l-indikazzjonijiet tal-Anness III tad-Direttiva 2008/98. Dan tal-aħħar fih, fir-rigward tal-proprjetajiet perikolużi HP 4 sa HP 14, struzzjonijiet preċiżi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-konċentrazzjonijiet inkwistjoni u jiffissa, fit-tabelli speċifiċi għall-proprjetajiet perikolużi differenti, il-limiti tal-konċentrazzjoni li minnhom jew li ’l fuq minnhom l-iskart inkwistjoni għandu jkun ikklassifikat bħala perikoluż.

51

Fir-rigward tat-testijiet, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-proprjetajiet perikolużi HP 1 sa HP 3 għandha, kif jirriżulta mill-Anness III tad-Direttiva 2008/98, issir fuq il-bażi ta’ dan il-metodu meta din tkun “f’lokha u proporzjonata”. Minn dan isegwi li, meta l-evalwazzjoni tal-perikolu tal-iskart tista’ ssir abbażi tal-informazzjoni diġà miksuba b’tali mod li r-rikors għal test la hija xierqa u lanqas proporzjonati, id-detentur ta’ dan l-iskart jista’ jwettaq il-klassifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar mingħajr ma juża xi test.

52

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux, f’dan l-istadju, armonizza l-metodi ta’ analiżi u ta’ ttestjar, xorta jibqa’ l-fatt li kemm l-Anness III tad-Direttiva 2008/98 kif ukoll id-Deċiżjoni 2000/532 jirreferu f’dan ir-rigward, minn naħa, għar-Regolament Nru 440/2008 u għan-noti rilevanti tal-CEN, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-metodi ta’ ttestjar u għal-linji gwida rrikonoxxuti internazzjonalment.

53

Madankollu, mill-parti intitolata “Metodi ta’ ttestjar” tal-Anness III tad-Direttiva 2008/98 jirriżulta li dan ir-riferiment ma jeskludix li metodi ta’ ttestjar żviluppati fil-livell nazzjonali jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni sakemm dawn ikunu rrikonoxxuti internazzjonalment.

54

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-Anness III tad-Direttiva 2008/98 kif ukoll l-Anness tad-Deċiżjoni 2000/532 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-detentur ta’ skart li jista’ jiġi kklassifikat taħt kodiċijiet mera, iżda li l-kompożizzjoni tiegħu ma hijiex magħrufa minn qabel, għandu, għal din il-klassifikazzjoni, jiddetermina l-imsemmi kompożizzjoni u jfittex is-sustanzi perikolużi li raġonevolment jistgħu jinstabu hemm sabiex jistabbilixxi jekk dan l-iskart għandux proprjetajiet perikolużi u jista’, għal dan il-għan, juża kampjuni, analiżijiet kimiċi u testijiet previsti mir-Regolament Nru 440/2008 jew kwalunkwe kampjun, analiżi kimika u test ieħor irrikonoxxuti fil-livell internazzjonali.

Fuq ir-raba’ domanda

55

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ prekawzjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ dubju fir-rigward tal-proprjetajiet perikolużi ta’ skart li jista’ jiġi kklassifikat taħt kodiċijiet mera, jew fil-każ ta’ impossibbiltà li jiġi ddeterminat b’ċertezza l-assenza ta’ sustanzi perikolużi f’tali skart, dan tal-aħħar għandu, skont dan il-prinċipju, jiġi kklassifikat bħala skart perikoluż.

56

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, qabel kollox, jitfakkar li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 191(2) TFUE, wieħed mill-pilastri tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta’ prekawzjoni tippreżumi, fl-ewwel lok, l-identifikazzjoni tal-konsegwenzi potenzjalment negattivi għall-ambjent tal-iskart ikkonċernat u, fit-tieni lok, stima komprensiva tar-riskju għas-saħħa bbażata fuq l-iktar data xjentifika affidabbli disponibbli u fuq l-iktar riżultati reċenti tar-riċerka internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et, C‑236/01, EU:C:2003:431, punt 113, tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 92, kif ukoll tad‑19 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma, C‑282/15, EU:C:2017:26, punt 56).

58

Minn dal il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, meta d-determinazzjoni b’ċertezza tal-eżistenza jew tal-portata tar-riskju allegat tirriżulta impossibbli minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji magħmula, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika tippersisti fl-ipoteżi li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, sakemm dawn ma jkunux diskriminatorji u jkunu oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma, C‑282/15, EU:C:2017:26, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, konformement mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/98, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-prinċipji ġenerali ta’ prekawzjoni u ta’ ġestjoni sostenibbli fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent, iżda wkoll il-fattibbiltà teknika u l-vijabbiltà ekonomika, il-protezzjoni tar-riżorsi kif ukoll l-effetti globali fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem, u l-effetti ekonomiċi u soċjali. Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-qasam speċifiku tal-ġestjoni tal-iskart, ried jibbilanċja, minn naħa, il-prinċipju ta’ prekawzjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-fattibbiltà teknika u l-vijabbiltà ekonomika, b’tali mod li d-detenturi tal-iskart ma jkunux obbligati jivverifikaw l-assenza ta’ kwalunkwe sustanza perikoluża fl-iskart inkwistjoni, iżda li sempliċement jistgħu jfittxu s-sustanzi li jistgħu raġonevolment ikunu preżenti f’tali skart u jevalwaw il-proprjetajiet perikolużi abbażi ta’ kalkoli jew permezz ta’ testijiet relatati ma’ dawn is-sustanzi.

60

Minn dan isegwi li miżura protettiva bħall-klassifikazzjoni ta’ skart li jista’ jiġi kklassifikat taħt kodiċijiet mera bħala skart perikoluż hija meħtieġa meta, wara evalwazzjoni tar-riskji kemm jista’ jkun kompluta tenut kont taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, huma impossibbli fil-prattika li d-detentur ta’ dan l-iskart jiddetermina l-preżenza ta’ sustanzi perikolużi jew li jevalwa l-proprjetà perikoluża li għandu l-imsemmi skart (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 44, u tat‑13 ta’ Settembru 2017, Fidenato et, C‑111/16, EU:C:2017:676, punt 51).

61

Hekk kif il-Kummissjoni indikat fl-osservazzjonijiet tagħha, tali impossibbiltà prattika ma tistax tirriżulta mill-aġir tad-detentur tal-iskart innifsu.

62

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tingħata risposta għar-raba’ domanda li l-prinċipju ta’ prekawzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li meta, wara evalwazzjoni tar-riskji kemm jista’ jkun kompleta fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, huwa fil-prattika impossibbli għad-detentur ta’ skart li jista’ jiġi kklassifikat taħt kodiċijiet mera li jistabbilixxi l-preżenza ta’ sustanzi perikolużi jew li jevalwa l-proprjetajiet perikolużi li għandu l-imsemmi skart, dan tal-aħħar għandu jiġi kklassifikat bħala skart perikoluż.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1357/2014 tat‑18 ta’ Diċembru 2014, kif ukoll l-Anness, parti bit-titolu “Valutazzjoni u Klassifikazzjoni”, punt 2, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat‑3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż, fil-verżjoni emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE tat‑18 ta’ Diċembru 2014, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-detentur ta’ skart li jista’ jiġi kklassifikat kemm taħt kodiċijiet ta’ skart perikoluż kif ukoll taħt kodiċijiet ta’ skart mhux perikoluż, iżda li l-kompożizzjoni tiegħu ma hijiex magħrufa minn qabel, għandu, għal din il-klassifikazzjoni, jiddetermina l-imsemmi kompożizzjoni u jfittex is-sustanzi perikolużi li raġonevolment jistgħu jinstabu hemm sabiex jistabbilixxi jekk dan l-iskart għandux proprjetajiet perikolużi u jista’, għal dan il-għan, juża kampjuni, analiżijiet kimiċi u testijiet previsti mir-Regolament Nru 440/2008 tat‑30 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi metodi ta’ ttestjar skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) jew kwalunkwe kampjun, analiżi kimika u test ieħor irrikonoxxuti fil-livell internazzjonali.

 

2)

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li meta, wara evalwazzjoni tar-riskji kemm jista’ jkun kompleta fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, huwa fil-prattika impossibbli għad-detentur ta’ skart li jista’ jiġi kklassifikat kemm taħt kodiċijiet ta’ skart perikoluż kif ukoll taħt kodiċijiet ta’ skart mhux perikoluż li jistabbilixxi l-preżenza ta’ sustanzi perikolużi jew li jevalwa l-proprjetajiet perikolużi li għandu l-imsemmi skart, dan tal-aħħar għandu jiġi kklassifikat bħala skart perikoluż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.