SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/86/KE – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Artikolu 15 – Rifjut li jingħata permess ta’ residenza awtonomu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika”

Fil-Kawża C‑484/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

K

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen (Relatur), M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. H. S. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u M. G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn K, ċittadina ta’ pajjiż terz, u l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u l-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem, is-“Segretarju tal-Istat”) rigward iċ-ċaħda ta’ dan tal-aħħar tat-talba tagħha għal bidla fir-restrizzjoni li takkumpanja l-permess ta’ residenza għal żmien limitat u l-irtirar ta’ dan il-permess.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxi:

“1.   Mhux iktar tard minn wara ħames snin ta’ residenza, u sakemm il-membru tal-familja ma ngħatax permess ta’ residenza għal raġunijiet oħra barra dik ta’ riunifikazzjoni tal-familja, il-konjugi jew partner mhux miżżewweġ/miżżewġa u wild li jkun laħaq età maġġorenni għandhom ikunu intitolati, wara applikazzjoni, jekk rikjest, għal permess ta’ residenza awtonomu, indipendenti minn dak ta’ l-isponsor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għotja tal-permess ta’ residenza li jirreferi għalih l-ewwel subparagrafu lir-raġel/lill-maa [mara] jew partner mhux miżżewweġ/miżżewġa f’każijiet ta’ tifrik tar-relazzjoni familjali.

[…]

4.   Il-kondizzjonijiet konnessi ma’ l-għoti u t-tul tal-permess ta’ residenza awtonomu jkunu stabbiliti b’liġi nazzjonali.”

Id-dritt Olandiż

4

L-Artikolu 3.51 tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (id-Digriet tas-sena 2000 fuq il-Barranin) jipprevedi:

“1.   Il-permess ta’ residenza għal żmien limitat […] li huwa suġġett għal restrizzjoni marbuta ma’ motivi umanitarji permanenti, jista’ jinħareġ għall-barrani li:

a)

ilu jirresjedi għal ħames snin fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala persuna li għandha permess ta’ residenza suġġett għar-restrizzjoni prevista taħt 1° […]:

1°.

residenza bħala membru ta’ familja ta’ persuna li għandha dritt ta’ residenza permanenti;

[…]

5.   L-Artikolu 3.80a japplika għall-barranin imsemmija fil-paragrafu 1(a), 1°,[…].”

5

L-Artikolu 3.80a ta’ dan id-digriet huwa redatt kif ġej:

“1.   Applikazzjoni għal emenda ta’ permess ta’ residenza […] f’permess ta’ residenza suġġett għal restrizzjoni marbuta ma’ motivi uminatarji permanenti hija miċħuda, meta l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata minn barrani fis-sens tal-Artikolu 3.51, il-parti introduttiva u l-punt (a)(1°) tal-paragrafu 1, li ma jkunx għadda mill-eżami previst fl-Artikolu 7(2)(a) tal-liġi dwar l-integrazzjoni ċivika jew ma jkunx kiseb diploma, ċertifikat, jew dokument ieħor fis-sens tal-Artikolu 5(1)(c) tal-istess liġi.

2.   [Il-paragrafu 1] ma japplikax, jekk il-barrani:

[…]

e)

ikun ġie eżentat mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika […]

[…]

4.   Il-Ministru jista’, barra minn hekk, ma japplikax il-paragrafu 1 jekk iqis li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni twassal għal sitwazzjonijiet manifesti ta’ inġustizzja serja.”

6

L-Artikolu 6(1) tal-Wet inburgering (il-Liġi dwar l-Integrazzjoni Ċivika) jistabbilixxi:

“Il-Ministru jeżenta lill-persuna li hija marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika meta:

a)

din tkun stabbilixxiet li, minħabba diżabbiltà psikoloġika jew fiżika, jew defiċjenza mentali, ma hijiex, b’mod permanenti, f’pożizzjoni li tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika;

b)

huwa jasal sabiex jikkunsidra, fuq il-bażi tal-isforzi pprovati mill-persuna li għandha l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, li din tal-aħħar ma tistax raġonevolament tissodisfa l-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika.”

7

L-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-persuna li hija marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika takkwista fi żmien tliet snin kapaċitajiet orali u bil-miktub fil-lingwa Olandiża li jikkorrispondu mill-inqas għal-livell A 2 tal-qafas Ewropew ta’ referenza għal-lingwi moderni barranin, kif ukoll għarfien tas-soċjetà Olandiża.

2.   Il-persuna li hija marbuta bl-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika tkun issodisfat l-obbligu tagħha ta’ integrazzjoni ċivika meta:

a)

tkun għaddiet mill-eżami stabbilit mill-Ministru, jew;

b)

tkun kisbet diploma, ċertifikat jew dokument ieħor fis-sens tal-Artikolu 5(1)(c).”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Mis-17 ta’ Marzu 1995 sal-25 ta’ Lulju 2015, K kellha permess ta’ residenza bl-għan ta’ residenza mal-konjuġi tagħha, ċittadin ta’ pajjiż terz. K ippreżentat, fil-21 ta’ Lulju 2015, applikazzjoni sabiex tibdel dan il-permess f’permess ta’ residenza estiż.

9

Fl-1 ta’ Lulju 2016, is-Segretarju tal-Istat ċaħad din l-applikazzjoni għaliex K ma kinitx stabbilixxiet li hija kienet għaddiet mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika, jew li hija kienet eżentata jew meħlusa mill-obbligu ta’ integrazzjoni ċivika. Huwa rtira wkoll, b’effett retroattiv mid-19 ta’ Awwissu 2011, il-permess ta’ residenza bl-għan ta’ residenza mal-konjuġi tagħha li K kellha, għaliex din tal-aħħar ma kinitx baqgħet residenti, minn din id-data, fl-istess indirizz tal-konjuġi tagħha.

10

Wara lment imressaq minn K, is-Segretarju tal-Istat, permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2016, żamm id-deċiżjoni inizjali tiegħu.

11

K ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank den Haag zittingsplaats Middelburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Middelburg, il-Pajjiżi l-Baxxi). Permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ April 2017, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors.

12

K appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

13

Fid-dawl tal-produzzjoni, bħala anness għall-appell, ta’ opinjoni tad-Dienst Uitvoering Onderwijs (is-Servizz għall-Implimentazzjoni tat-Tagħlim, il-Pajjiżi l-Baxxi) li tikkonstata li K kienet ipprovat, mill-inqas erba’ darbiet, tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika u li hija kienet segwiet iktar minn 600 siegħa ta’ korsijiet ta’ integrazzjoni ċivika, is-Segretarju tal-Istat ta lil K permess ta’ residenza awtonomu mill-20 ta’ April 2017. Madankollu, is-Segretarju tal-Istat żamm l-irtirar, b’effett retroattiv mid-19 ta’ Awwissu 2011, tal-permess ta’ residenza li K kellha bl-għan ta’ residenza mal-konjuġi tagħha.

14

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-kundizzjoni ta’ integrazzjoni ċivika prevista mil-leġiżlazzjoni Olandiża mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/86.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva [2003/86] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li talba għal permess ta’ residenza awtonomu ta’ persuna barranija, li kienet tirrisjedi legalment għal iktar minn ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja, tista’ tiġi miċħuda, peress li l-persuna barranija ma kkonformatx ruħha mall-kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni meħtieġa fid-dritt nazzjonali?”

Fuq id-domanda preliminari

16

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva 2003/86 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li tiġi miċħuda applikazzjoni għal permess ta’ residenza awtonomu, ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ilu jirrisjedi għal iktar minn ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, għaliex huwa ma jkunx ipprova li għadda minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika rigward il-lingwa u s-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

17

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li, mhux iktar minn wara ħames snin ta’ residenza u sa fejn il-membri tal-familja ma jkunux irċevew permess ta’ residenza għal motivi oħra minbarra r-riunifikazzjoni tal-familja, il-konjuġi jew il-partner mhux miżżewweġ/miżżewġa u l-wild li jkun laħaq età maġġorenni għandhom ikunu intitolati, wara applikazzjoni, jekk rikjest, għal permess ta’ residenza awtonomu, indipendenti minn dak tal-isponsor

18

L-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva jispeċifika, min-naħa tiegħu, li l-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti u t-tul ta’ żmien ta’ dan il-permess ta’ residenza huma ddefiniti mid-dritt nazzjonali.

19

Mill-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li, minkejja li l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza awtonomu jikkostitwixxi, fil-prinċipju, dritt wara residenza ta’ ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, il-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu awtorizza lill-Istati Membri sabiex jissuġġettaw l-għoti ta’ tali permess għal ċerti kundizzjonijiet li għandhom jiġu ddefiniti minnhom.

20

Mill-punti 49 sa 59 tas-sentenza tal-lum, C u A (C‑257/17) jirriżulta li ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru jkun jista’ jissuġġetta l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu għall-fatt li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika rigward il-lingwa u s-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

21

Madankollu, mill-punti 60 sa 63 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-obbligu li persuna tgħaddi minn tali eżami impost permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax validament imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan l-għan ta’ ffaċilitar tal-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

22

Għal dan il-għan, din il-qorti għandha fost l-oħrajn tiżgura li l-għarfien rikjest sabiex persuna tgħaddi mill-eżami ta’ integrazzjoni ċivika jikkorrispondi għal livell elementari, li l-kundizzjoni imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma twassalx sabiex jiġi prekluż l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġabu l-prova tal-volontà tagħhom li jgħaddu minn dan l-eżami u tal-isforzi tagħhom għal dan il-għan, li ċ-ċirkustanzi individwali partikolari jkunu debitament meħuda inkunsiderazzjoni u li l-ispejjeż relatati mal-imsemmi eżami ma jkunux eċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punti 54 sa 70).

23

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ċirkustanzi bħall-età, il-livell ta’ edukazzjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja jew l-istat ta’ saħħa tal-membri tal-familja tal-isponsor ikkonċernati għandhom ikunu jistgħu jwasslu lill-awtoritajiet kompetenti sabiex ma jissuġġettawx l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu għall-fatt li huma jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, meta, minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta li dawn ma humiex f’pożizzjoni li jippreżentaw ruħhom għal dan l-eżami jew li jgħaddu minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, K u A, C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 58).

24

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva 2003/86 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li tiġi miċħuda applikazzjoni għal permess ta’ residenza awtonomu, ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ilu jirrisjedi għal iktar minn ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, għaliex huwa ma jkunx ipprova li għadda minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika rigward il-lingwa u s-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, sakemm il-modalitajiet konkreti tal-obbligu li persuna tgħaddi minn dan l-eżami ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ ffaċilitar tal-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

25

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li tiġi miċħuda applikazzjoni għal permess ta’ residenza awtonomu, ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ilu jirrisjedi għal iktar minn ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, għaliex huwa ma jkunx ipprova li għadda minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika rigward il-lingwa u s-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, sakemm il-modalitajiet konkreti tal-obbligu li persuna tgħaddi minn dan l-eżami ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ ffaċilitar tal-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.