SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Direttiva 2000/78/KE – Esklużjoni tal-esperjenza professjonali miksuba qabel l-età ta’ 18-il sena – Sistema ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz tal-uffiċjali – Żamma tad-differenza ta’ trattament – Dritt għal rimedju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ġustifikazzjonijiet”

Fil-Kawża C‑396/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Martin Leitner

vs

Landespolizeidirektion Tirol,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Arabadjiev (Relatur), E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Leitner minn M. Riedl u V. Treber-Müller, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse u J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikoli 1, 2, 6, 9, 16 u 17 tad-Direttiva Tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Martin Leitner u l-Landespolizeidirektion Tirol (id-Direttorat tal-Pulizija Reġjonali tal-Land ta’ Tirol, l-Awstrija) dwar l-avvanz u l-pożizzjoni fl-iskala ta’ remunerazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2000/78

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha “[l]-iskop […] li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji,

[…]”

5

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

(ċ)

l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.

2.   Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

6

L-Artikolu 9 ta’ din l-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħrajn li, skond il-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma rispettati, jistgħu jibdew, jew għan-nom jew bħala sostenn ta’ min għamel l-ilment, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, xi proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva prevista għall-esekuzzjoni ta’ obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva.

3.   Il-Paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar limiti taż-żmien biex iġibu azzjonijiet għar-rigward tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament.”

7

Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

(a)

kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma aboliti;

(b)

kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti ta’ ftehim kollettiv, ir-regoli interni ta’ impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet indipendenti u l-professjonijiet u organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmu huma, jew jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati.”

8

L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jistipula:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kumissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijet sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom.”

Id-dritt Awstrijak

9

Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz tal-uffiċjali tal-Istat, minħabba li ċerti dispożizzjonijiet imorru kontra d-dritt tal-Unjoni, ġiet emendata diversi drabi. Is-sistema ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz ta’ dawn l-uffiċjali, li toħroġ minn emendi leġiżlattivi ppromulgati matul is-snin 2015 u 2016, hija intiża b’mod partikolari biex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li kienet tirriżulta mis-sistema ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz preċedentement fis-seħħ.

Il-Liġi dwar ir-Remunerazzjoni ta’ Uffiċjali

10

L-Artikolu 8 tal-Gehaltsgesetz 1956 (il-Liġi dwar is-Salarji tal-1956, BGB1. 54/1956), kif emendata mil-Liġi Federali, tat-30 ta’ Awwissu 2010 (BGB1.I, 82/2010) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali”), kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-avvanz huwa ddeterminat skont data ta’ referenza. Ħlief għal dispożizzjoni kuntrarja f’dan l-artikolu, il-perijodu neċessarju għal avvanz għat-tieni skala ta’ kull kategorija ta’ impjieg huwa ta’ ħames snin u ta’ sentejn għall-iskali l-oħra.”

11

L-Artikolu 12 tal-Liġi dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali kien jipprovdi:

“Bla ħsara għar restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 sa 8, id-data ta’ referenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz fl-iskala għandha tiġi kkalkulata billi wieħed imur lura għall-jum tar-reklutaġġ fir rigward ta’ perijodi sussegwenti għat-30 ta’ Ġunju tas-sena li matulha jkunu twettqu disa’ snin ta’ skola jew kienu jitwettqu wara ammissjoni fl-ewwel livell ta’ tagħlim:

1.

il-perijodi elenkati fil-paragrafu 2 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom;

2.

il-perijodi l-oħra.”

Il-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni ta’ Uffiċjali

12

Bil-għan li tirrimedja diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li ġiet ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381), u tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359), il-Liġi dwar ir-Remunerazzjoni ta’ Uffiċjali ġiet emendata b’effett retroattiv mill-Bundesbesoldungsreform 2015 (il-Liġi Federali ta’ Riforma fis-Salarji tal-2015, BGBl. I, 32/2015) u mill-Besoldungsrechtsanpassungsgesetz (il-Liġi dwar ir-Riforma fis-Salarji tal-2016, BGB1. I, 104/2016) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali”).

13

Taħt it-titolu “Klassifikazzjoni u avvanz”, l-Artikolu 8 tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“[…] Il-klassifikazzjoni u l-avvanz ulterjuri huma stabbiliti abbażi tal-anzjanità fis sistema ta’ remunerazzjoni.”

14

Skont l-Artikolu 12 tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni ta’ Uffiċjali, intitolat “Anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni”:

“(1)   L-anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni tinkludi l-perijodi ta’ servizz utli għall-avvanz, miżjuda bil-perijodi ta’ servizz preċedenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

(2)   L-anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, bħala perijodi ta’ attività preċedenti, il-perijodi mwettqa

1.

fil-qafas ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ kollettività territorjali jew ma’ komun ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, tar-Repubblika tat-Turkija jew tal-Konfederazzjoni Svizzera;

2.

fil-qafas ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ korp tal-Unjoni Ewropea jew ma’ organizzazzjoni intergovernattiva li r-Repubblika tal-Awstrija hija membru tagħhom;

3.

il-perijodi li matulhom l-uffiċjal kellu dritt għal pensjoni tal-invalidità bis-saħħa tal Heeresversorgungsgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Forzi Armati) u

4.

il-perijodi mwettqa

a)

fis-servizz militari […]

b)

fis-servizz ta’ taħriġ militari […]

c)

fis-servizz ċivili […]

d)

fis-servizz militari obbligatorju, fis-servizz ta’ taħriġ militari komparabbli jew f’servizz ċivili alternattiv fi Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, tar-Repubblika tat-Turkija jew tal-Konfederazzjoni Svizzera.

[…]

(3)   Minbarra l-perijodi msemmija fil-paragrafu 2, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala perijodi ta’ servizz preċedenti, il-perijodi ta’ eżerċizzju ta’ attività professjonali jew ta’ stage ma’ amministrazzjoni rilevanti, għal mhux iktar minn total ta’ għaxar snin. […]”

15

L-Artikolu 169c tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali, li jirrigwarda l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjali fis-servizz fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, jipprevedi:

“(1)   L-uffiċjali kollha ta’ kategoriji ta’ remunerazzjoni u ta’ impjieg imsemmija fl-Artikolu 169d, li huma fis-servizz fil-11 ta’ Frar 2015, ser jiġu kklassifikati mill-ġdid, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin u abbażi biss tas-salarju preċedenti tagħhom, fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni maħluqa b’din il-liġi federali. Fl-ewwel stadju, l-uffiċjali ser jiġu kklassifikati, skont is-salarju preċedenti tagħhom, fi skala tas-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni li fiha jinżamm is-salarju preċedenti.[…]

(2)   It-trasferiment tal-uffiċjal fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni jsir permezz ta’ kalkolu globali tal-anzjanità tiegħu fis-sistema ta’ remunerazzjoni. L-ammont ta’ trasferiment huwa determinanti għall-kalkolu globali. L-ammont ta’ trasferiment jikkorrispondi għas-salarju sħiħ mingħajr eventwali avvanz eċċezzjonali, kif użat għall-kalkolu tas-salarju tal-uffiċjal għax-xahar ta’ Frar 2015 (ix-xahar tat-trasferiment).[…]

(2a)   L-ammont li għandu jintuża bħala ammont ta’ trasferiment huwa dak tal-iskala ta’ salarju li kien effettivament determinanti għas-salarju mħallas għax-xahar tat-trasferiment (klassifikazzjoni skont id-dikjarazzjoni tas-salarju). Huwa eskluż li jsir eżami dwar il-korrettezza tal-bażi tas-salarju kif ukoll tal-ammont tiegħu. Ma għandhiex tiġi kkunsidrata korrezzjoni ulterjuri tas-salarji mħallsa għall-kalkolu tal-ammont ta’ trasferiment ħlief jekk

1.

din il-korrezzjoni ssir minħabba żbalji fattwali li saru meta d-data ddaħħlet f’sistema awtomatika ta’ trattament tal-informazzjoni, u

2.

id-data mdaħħla bi żball hija differenti b’mod ċar mid-data li kellha tiddaħħal, kif jipprovaw d-dokumenti diġà eżistenti fil-mument meta ddaħħlet.

(2b)   Meta, mill-perspettiva tal-ammont, il-klassifikazzjoni effettiva skont id-dikjarazzjoni tas-salarju hija inqas mill-klassifikazzjoni ggarantita bil-liġi, għandha tintuża għall-kalkolu tal-ammont ta’ trasferiment, fuq talba tal-uffiċjal, il-klassifikazzjoni ggarantita mil-liġi, jekk ma jkunx possibbli li jitwettaq skont l-Artikolu 169d(5), minħabba l-eżistenza ta’ sempliċi klassifikazzjoni provviżorja. Il-klassifikazzjoni ggarantita mil-liġi hija dik li tikkorrispondi għal skala ta’ salarju fid-data ta’ referenza. Id-data ta’ referenza hija dik tal-jum li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni, billi tmur lura fiż-żmien qabel l-ewwel jum tax-xahar tat-trasferiment, tal-perijodi li ġejjin. Hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni minn antipożizzjoni:

1.

il-perjodi ta’ kontabbiltà definittivament bħala perijodi ta’ attività sad-data tal-bidu tax-xahar ta’ trasferiment, inkwantu huma wara l-età ta’ 18-il sena u saru utli għall-avvanz kif ukoll

2.

il-perjodi ta’ wara l-jum tar-reklutaġġ, sakemm ikunu saru meħtieġa għall-avvanz.

Teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi oħra minn antipożizzjoni huwa eskluż. Għal sentejn wara d-data ta’ referenza, għandha tiġi applikata bħala klassifikazzjoni ggarantita bil-liġi l-iskala ta’ salarju korrispondenti immedjatament ta’ fuqha. Skala ta’ salarju hija kkunsidrata li ntlaħqet fl-1 ta’ Jannar jew fl-1 ta’ Lulju wara t-tmiem tal-perijodu ta’ sentejn, fejn l-avvanz ma jkunx ġie pospost jew miżmum f’dak il-jum. It-terminu ta’ sentejn għandu jitqies li skada fl-1 ta’ Jannar jew fl-1 ta’ Lulju meta jintemm qabel l-iskadenza rispettivament tal-31 ta’ Marzu jew tat-30 ta’ Settembru ta’ wara.

(2c)   Il-paragrafi 2a u 2b jittrasponu fid-dritt Awstrijak, fil-qasam tar Regolamenti tal-Persunal Federali u tal-Għalliema tal-Länder, l-Artikoli 2 u 6 tad-[Direttiva 2000/78] kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 sa C‑541/12, EU:C:2014:2005). Il-modalitajiet ta’ trasferiment tal-uffiċjali identifikati qabel id-dħul fis-seħħ tar-riforma federali tar-remunerazzjonijiet tal-2015 għalhekk ġew stabbiliti fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u jipprevedu li, minn naħa waħda, l-iskala ta’ remunerazzjoni li issa huma marbuta magħha hija stabbilita biss abbażi tas-salarju li kellhom taħt is sistema ta’ remunerazzjoni qadima, minkejja li din is-sistema kienet ibbażata fuq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-uffiċjal u li, min-naħa l-oħra, l-avvanz ulterjuri għal skala ta’ remunerazzjoni ogħla issa hija kkalkolata biss skont l-esperjenza professjonali miksuba mid dħul fis-seħħ tar-riforma tar-remunerazzjonijiet tal-2015.

(3)   L-anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjal ikklassifikat mill-ġdid hija stabbilita abbażi tal-perijodu neċessarju għall-avvanz mill-ewwel skala ta’ salarju (mill-ewwel ġurnata) sal-iskala ta’ salarju tal-istess kategorija ta’ impjieg li għaliha huwa previst, fil verżjoni fis seħħ fit-12 ta’ Frar 2015, is-salarju inqas l-iktar qrib tal-ammont ta’ trasferiment. Jekk l-ammont ta’ trasferiment jikkorrispondi għall ammont l-iktar baxx ta’ skala ta’ salarju fl-istess kategorija ta’ impjieg, allura tinżamm din l-iskala. L-ammonti kollha pparagunati għandhom jitqarrbu għall-eqreb unità f’EUR.

(4)   L-anzjanità fl-iskala ta’ remunerazzjoni stabbilit fil-paragrafu 3 għandha tiżdied bit-tul bejn id-data tal-aħħar bidla għal salarju ogħla u l-iskadenza ta’ xahar ta’ trasferiment sa fejn dan it-tul huwa utli għall-avvanz.

[…]

(6)   […] Jekk is-salarju l-ġdid tal-uffiċjal huwa inqas mill-ammont ta’ trasferiment, jitħallas allowance sad-differenza tal-ammont, meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar, bħala allowance kumplimentari […], sakemm jilħaq skala ta’ salarju ogħla mill-ammont ta’ trasferiment. Il-paragun tal-ammonti jinkludi l-eventwali allowances ta’ anzjanità u l-avvanzi straordinarji.

[…]

(9)   Sabiex jiġu protetti l-aspettattivi għall-avvanz suċċessiv, għall-avvanz straordinarju jew għall-allowance ta’ anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni l-qadima, meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar, l-uffiċjal huwa intitolat għal allowance kumplimentari […], malli jilħaq l-iskala tranżitorja […]

[…].”

16

Skont il-punt 3 tal-Artikolu 175(79) tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni ta’ Uffiċjali, l-Artikoli 8 u 12 ta’ din il-liġi, inkluż it-titoli tagħhom, jidħlu fis-seħħ fil-verżjoni tal-Liġi Federali ta’ Riforma fis-Salarji tal-2015, ippubblikata fil-BGBl. I, 32/2015, “fl-1 ta’ Frar 1956; il-verżjonijiet kollha ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ippubblikati qabel il-11 ta’ Frar 2015 ma jistgħux jiġu applikati iktar fil-proċeduri pendenti jew futuri”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

M. Leitner, imwieled fl-1968, jaqa’, bħala uffiċjal tal-pulizija, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tal-amministrazzjoni Awstrijaka. Sax-xahar ta’ Frar 2015, ir-remunerazzjoni tiegħu kienet irregolata mis-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz. Sussegwentement, huwa ġie kklassifikat mill-ġdida taħt is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz introdotta permezz tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali.

18

Fis-27 ta’ Jannar 2015, M. Leitner talab lid-Direttorat tal-Pulizija Reġjonali tal-Land ta’ Tirol li d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu terġa’ tiġi kkalkolata mill-ġdid, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba qabel l-età ta’ 18-il sena. Huwa talab ukoll it-tfakkira tar-remunerazzjonijiet dovuti lilu.

19

Fit-30 ta’ April 2015, it-talba ta’ M. Leitner ġiet miċħuda bħala inammissibbli, għar-raġuni li d-dispożizzjonijiet dwar id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ma baqgħux japplikaw iżjed.

20

M. Leitner ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija). Fis-7 ta’ Novembru 2016, din il-qorti annullat id-deċiżjoni tad-Direttorat tal-Pulizija Reġjonali tal-Land ta’ Tirol u stiednet lil din tal-aħħar tiddeċiedi fuq il-mertu tat-talba ta’ M. Leitner.

21

Fid-9 ta’ Jannar 2017, id-Direttorat tal-Pulizija Reġjonali tal-Land ta’ Tirol ċaħditha għar-raġuni li M. Leitner ma setax jinvoka drittijiet tar-reġim preċedenti ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, peress li din is-sistema ma kinitx iktar applikabbli wara d-dħul fis-seħħ retroattiv tal-Liġi Federali ta’ Riforma fis-Salarji tal-2015, imwettaq permezz tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali.

22

Fit-8 ta’ Frar 2017, M. Leitner ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali).

23

Din il-qorti għandha dubju dwar jekk emenda leġiżlattiva bħal dik li tirriżulta mil-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali temmet effettivament kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li kienet teżisti qabel.

24

L-imsemmija qorti ssostni li, inkwantu l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjali fis-servizz issir fuq il-bażi ta’ remunerazzjoni kkalkolata skont ir-regoli tas-sistema antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, il-kategorija ta’ uffiċjali li l-perijodi tagħhom ta’ attività mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-anzjanità tagħhom hija f’pożizzjoni inqas favorevoli minn dik ta’ uffiċjali li l-perijodi tagħhom ta’ attività ta’ tul paragunabbli twettqu wara li jkunu laħqu din l-età.

25

Din l-istess qorti tosserva li ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-avvanz tal-uffiċjali kklassifikati mill-ġdid il-perijodi ta’ attività li wettqu qabel l-età ta’ 18-il sena. It-trasferiment tal-uffiċjal fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u, konsegwentement, id-determinazzjoni tal-pożizzjoni tiegħu f’din is-sistema l-ġdida kienu joperaw permezz tal-iffissar tal-anzjanità tiegħu fl-iskala ta’ remunerazzjoni. Għall-finijiet li tiġi stabbilita din l-anzjanità, għandu jinżamm l-ammont ta’ trasferiment, jiġifieri l-ammont tal-aħħar salarju rċevut mill-uffiċjal taħt is-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz. Peress li l-eżami tar-regolarità tar-remunerazzjonijiet li tħallsu kienet eskluża, hija biss ir-rettifika ta’ żbalji sempliċi ta’ kodifikazzjoni tad-data użata għall-finijiet tar-riklassifikazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tat-trasferiment, li hija possibbli. L-ammont ta’ trasferiment ma jistax għalhekk jitqies bħala remunerazzjoni mhux diskriminatorja dovuta abbażi tas-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz.

26

Rigward il-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament diretta, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-argument ibbażat fuq iż-żieda tal-piżijiet finanzjarji u eventwali diffikultajiet amministrattivi ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

27

Il-qorti tar-rinviju żżid li l-Land tat-Tirol, fejn qabel kienet teżisti leġiżlazzjoni diskriminatorja bbażata fuq l-età paragunabbli ma’ dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ipproċeda, wara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359), għal kalkolu ġdid tad-dati ta’ referenza tal-uffiċjali kollha diġà fis-servizz u b’hekk temm id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

28

F’dawn ir-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-[Direttiva 2000/78], flimkien mal-Artikolu 21 tal-[Karta], għandu jiġu interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kontra uffiċjali taċ-ċivil fis-servizz, tipprevedi sistema tranżitorja li permezz tagħha s-sistema ta’ klassifikazzjoni mis-sistema biennali preċedenti għal sistema biennali ġdida (fiha nnifisha nondiskriminatorja għall-uffiċjali taċ-ċivil ġodda), abbażi ta’ “ammont tranżitorju”, li, għalkemm ikkalkolat fi flus, jikkorrispondi madankollu għal klassifikazzjoni attribwibbli speċifikament b’mod li tissokta d-diskriminazzjoni abbażi tal-età kontra l-uffiċjali taċ-ċivil fis-servizz?

2.

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 17 tad-[Direttiva 2000/78] u l-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, skont l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikoli 9 u 16 [ta’ din id-direttiva] fis-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C-530/13, EU:C:2014:2359), tipprekludi lill-uffiċjali taċ-ċivil fis-servizz milli jitolbu konstatazzjoni tal-pożizzjoni salarjali tagħhom, abbażi tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, fid-data tat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida billi jiġi ddikjarat li l-bażijiet legali korrispondenti ma humiex iktar applikabbli retroattivament għad-data li fiha daħlet fis-seħħ il-liġi prinċipali oriġinali u, b’mod partikolari, li perijodi ta’ servizz preċedenti li twettqu qabel l-età ta’ 18-il sena ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni?

3.

Jekk ir-risposta għad-domanda 2 tkun fl-affermattiv:

Il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni kkonstatat, fost oħrajn, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709), jeżiġi li d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-uffiċjali taċ-ċivil fis-servizz qabel it-tranżizzjoni, li kienu ġew abrogati retroattivament, għandhom jibqgħu japplikaw sabiex dawn l-uffiċjali taċ-ċivil jistgħu jiġu kklassifikati retroattivament fis-sistema l-qadima b’mod nondiskriminatorju u għalhekk jiġu kklassifikati fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni b’mod nondiskriminatorju?

4.

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-[Direttiva 2000/78], flimkien mal-Artikoli 21 u 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li telimina d-diskriminazzjoni eżistenti bbażata fuq l-età (fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ attività mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena) sempliċement b’mod dikjaratorju, billi tipprevedi li l-perijodi effettivament imwettqa taħt kundizzjonijiet diskriminatorji għandhom retroattivament jitqiesu li ma humiex iktar diskriminatorji anki jekk id-diskriminazzjoni effettivament tissokta?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jidħlu fis-seħħ b’mod retroattiv, li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, tipprevedi trasferiment tal-uffiċjali fis-servizz lejn sistema ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz li fil-kuntest tiegħu l-ewwel klassifikazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali huwa ddeterminat abbażi tal-aħħar salarju rċevut taħt is-sistema preċedenti.

30

L-ewwel nett għandu jistħarreġ jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkunsidrata tistabbilixxi differenza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” ifisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) tagħha, tirriżulta diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

32

Fil-kawża prinċipali, il-kategoriji ta’ persuni rilevanti għall-finijiet ta’ dan il-paragun huma, minn naħa, l-uffiċjali fis-servizz fil-mument tat-trasferiment li l-esperjenza tagħhom kisbuha, anki jekk parzjalment, qabel l-età ta’ 18-il sena (iktar ’il quddiem l-“uffiċjali żvantaġġati mis-sistema preċedenti”) u, min-naħa l-oħra, dawk li kisbu, wara li għalqu din l-età, esperjenza tal-istess natura u ta’ tul paragunabbli (iktar ’il quddiem l-“uffiċjali vantaġġati mis-sistema preċedenti”).

33

Jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li l-leġiżlatur Awstrijak, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 169c tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali, daħħal mekkaniżmu ta’ riklassifikazzjoni mwettaq abbażi ta’ “ammont ta’ trasferiment” ikkalkolat skont ir-regoli tas-sistema preċedenti. B’mod iktar partikolari, dan “l-ammont ta’ trasferiment”, li skont l-Artikolu 169c(2) ta’ din il-liġi huwa determinanti għall-iffissar ġenerali tal-anzjanità tal-uffiċjali ttrasferiti fl-iskali ta’ remunerazzjoni, huwa kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni mħallsa lil dawn l-uffiċjali ix-xahar qabel it-trasferiment tagħhom fis-sistema l-ġdida.

34

Issa, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-regoli tas-sistema preċedenti ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz jistabbilixxu diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età, fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

35

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’din is-sentenza, li leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-konfront tal-uffiċjali, tieħu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ taħriġ u ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena iżda li, fl-istess waqt, tintroduċi fir-rigward biss tal-uffiċjali vittmi ta’ din id-diskriminazzjoni estensjoni ta’ tliet snin tat-tul neċessarju sabiex ikun jista’ jgħaddi mill-ewwel għat-tieni skala ta’ kull kategorija ta’ impjieg u ta’ kull kategorija ta’ salarji żżomm diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1) u 2(a), u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

36

Hemm lok ukoll li jiġi rrilevat li jirriżulta mill-kliem stess użat fl-Artikolu 169c(2)(c) tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali li s-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz kienet ibbażata fuq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-uffiċjali.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mekkaniżmu ta’ riklassifikazzjoni bħal dak stabbilit permezz tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali u espost fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, jista’ jżomm l-effetti prodotti mis-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, fid-dawl tar-rabta li huwa jistabbilixxi bejn l-aħħar salarju rċevut skont din is-sistema u l-klassifikazzjoni fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz.

38

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 169c tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali twettaq differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali żvantaġġati mis-sistema preċedenti u l-uffiċjali vantaġġati minn din is-sistema, peress li l-ammont tar-remunerazzjoni li huwa pperċepit minn dawk tal-ewwel ser ikun inqas minn dak li jitħallas lil dawk tal-aħħar biss minħabba l-età li huma kellhom fid-data tar-reklutaġġ tagħhom, minkejja l-fatt li huma jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Unland, C-20/13, EU:C:2015:561, punt 40).

39

Hemm lok, f’din it-tieni okkażjoni, li jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

40

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 fil-fatt jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni meta din tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, minn għanijiet leġittimi, b’mod partikolari minn għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi intiżi sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu jkunu xierqa u neċessarji.

41

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod repetut iddeċidiet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fost għanijiet oħra fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li kapaċi jilħquh (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Starjakob, C-417/13, EU:C:2015:38, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, qabelxejn, intiża sabiex tistabbilixxi sistema ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz mhux diskriminatorja. Din il-qorti tippreċiża li din il-leġiżlazzjoni ssegwi għanijiet ta’ newtralità finanzjarja, ta’ ekonomija amministrattiva, ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

43

Għal dak li jirrigwarda, minn naħa, l-għan ta’ newtralità finanzjarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-Istati Membri jqisu kunsiderazzjonijiet baġitarji b’mod parallel ma’ kunsiderazzjonijiet politiċi, soċjali jew demografiċi, sakemm, filwaqt li jagħmlu hekk, jirrispettaw, b’mod partikolari, il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età. F’dan ir-rigward, għalkemm kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet tal-politika soċjali ta’ Stat Membru u jistgħu jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li jkun jixtieq jadotta, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Dan japplika wkoll fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet amministrattivi msemmija mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Awstrijak (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Starjakob, C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 36).

44

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tar-rispett tad-drittijiet kweżiti u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-uffiċjali vantaġġati mis-sistema preċedenti f’dak li jikkonċerna r-remunerazzjoni tagħhom, għandu jiġi rrilevat li dawn jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol li jistgħu jiġġustifikaw, matul perijodu tranżitorju, iż-żamma tar-remunerazzjonijiet preċedenti u, konsegwentement, dik ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer, C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 42).

45

Madankollu, dawn l-għanijiet ma jistgħux jiġġustifikaw miżura li żżomm b’mod definittiv, anki jekk għal ċerti persuni biss, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li r-riforma li fiha din il-miżura tagħmel parti hija intiża li telimina. Tali miżura ma hijiex idonea sabiex tistabbilixxi sistema nondiskriminatorja għall-kategorija ta’ persuni żvantaġġati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Starjakob, C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan il-każ, l-Artikolu 169c tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali jipprevedi mekkaniżmi differenti sabiex jiġi evitat tnaqqis sinjifikattiv tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali kklassifikati mill-ġdid. Huwa fost dawn il-mekkaniżmi l-ħlas ta’ primjum għaż-żamma li kien jammonta għad-differenza bejn l-ammont tas-salarju l-ġdid ipperċepit mill-uffiċjal trasferit u l-ammont ta’ trasferiment. Dan il-primjum għaż-żamma jingħata minħabba l-fatt li, wara t-trasferiment tiegħu, dan l-uffiċjal ikun affiljat fi skala ta’ salarju tas-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz li għalih jikkorrispondi livell ta’ salarju immedjatament inferjuri għal dak li kien jirċievi fl-aħħar lok skont is-sistema l-antika. Jinsab ukoll fost dawk il-mekkaniżmi ż-żieda ta’ 6 sa 18-il xahar tal-anzjanità fl-iskala ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjal ittrasferiet.

47

Madankollu, kif ippreċiża l-Gvern Awstrijak waqt is-seduta, dawn il-mekkaniżmi kollha għandhom japplikaw, mingħajr distinzjoni, għall-uffiċjali kollha li jiġu trasferiti b’mod komprensiv lejn is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, kemm jekk dawn ġew żvantaġġati jew le skont is-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, b’differenza mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (minnC‑501/12 sa C-506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561), li fihom id-differenza fir-remunerazzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-persunal inkwistjoni f’dawn il-kawżi naqset u, f’xi każijiet, saħansitra gradwalment tneħħiet, ma jirriżultax mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża li l-mekkaniżmi previsti bil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippermettu konverġenza gradwali tat-trattament irriżervat għall-uffiċjali żvantaġġati mis-sistema preċedenti lejn it-trattament mogħti lil uffiċjali vantaġġati, b’tali mod li tal-ewwel jibbenefikaw fuq terminu medju, anki għal żmien qasir, minn aġġustament tal-benefiċċji mogħtija lil dawn tal-aħħar. L-imsemmija mekkaniżmi ma għandhomx, konsegwentement, bħala effett li jtaffu, wara perijodu determinat, id-differenza fir-remunerazzjoni li teżisti bejn l-uffiċjali vantaġġati u l-uffiċjali żvantaġġati.

49

B’hekk, anki jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-uffiċjali vantaġġati mis-sistema preċedenti, ma hijiex idonea sabiex tistabbilixxi sistema nondiskriminatorja għall-uffiċjali żvantaġġati mis-sistema preċedenti ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, waqt li żżomm b’mod definittiv fir-rigward tagħhom id-diskriminazzjoni abbażi tal-età stabbilita mis-sistema preċedenti.

50

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tidħol fis-seħħ b’mod retroattiv, li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, tipprevedi trasferiment tal-uffiċjali fis-servizz lejn sistema ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz li fil-kuntest tagħha l-ewwel klassifikazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali hija ddeterminata abbażi tal-aħħar remunerazzjoni pperċepita taħt is-sistema preċedenti.

Fuq it-tieni domanda

51

It-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78.

52

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

53

Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-għan ta’ dan l-artikolu jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu sistema ta’ sanzjonijiet għal ksur kollu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Asociația Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 61).

54

Issa, fil-kawża prinċipali, ma jirriżultax mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li inkwistjoni hemm ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-direttiva msemmija.

55

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 ma hijiex għalhekk neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

56

Skont il-possibbiltà rrikonoxxuta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mis-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Beshkov (C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandha tiġi rriformulata t-tieni domanda bħala li, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tnaqqas il-portata tal-istħarriġ li l-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni li jeżerċitaw, bl-esklużjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-bażi tal-“ammont ta’ trasferiment” kif ikkalkolat skont ir-regoli tas-sistema antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz.

57

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni u li l-applikabbiltà ta’ dan id-dritt timplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 49).

58

F’dan il-każ, mill-Artikolu 169c(2)(c) tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali jirriżulta li din tinvolvi l-implimentazzjoni, skont id-dritt Awstrijak, tad-Direttiva 2000/78, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li l-leġiżlatur Awstrijak kien obbligat jirrispetta d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikolu 47 tagħha, u iktar speċifikament id-dritt tal-partijiet f’kawża li jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-prerogattivi li d-dritt tal-Unjoni jagħtihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 52).

59

Dan premess, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ġew miksura, għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti fl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu.

60

Sabiex jiggarantixxi l-osservanza fi ħdan l-Unjoni ta’ dan id-dritt fundamentali, it-tieni subpagragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi lill-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

61

Id-dritt għal rimedju effettiv huwa kkonfermat permezz tad-Direttiva 2000/78 stess, li l-Artikolu 9 tagħha jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li tqis li hija leża minn diskriminazzjoni tkun tista’ tasserixxi d-drittijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer, C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 49).

62

Minn dan isegwi li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza teħtieġ, fir-rigward ta’ persuni li kienu suġġetti għal diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-dritt tagħhom għall-ugwaljanza fit-trattament tiġi ggarantita.

63

F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest tas-sistema l-ġdida Awstrijaka ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, il-portata tal-istħarriġ materjali li l-qrati nazzjonali kompetenti jistgħu jeżerċitaw fir-rigward tal-“ammont ta’ trasferiment”, li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjali kkonċernati, hija mnaqqsa b’mod sinjifikattiv. Fil-fatt, dan l-istħarriġ jista’ jirrigwarda biss dikjarazzjonijiet skorretti li jirriżultaw minn żbalji ta’ kodifikazzjoni tad-data rilevanti, u mhux fuq l-eventwali irregolarità fil-bażi tal-kalkolu tas-salarju, li fuqu huwa bbażat l-imsemmi ammont, l-ammont ta’ trasferiment huwa ddeterminat skont is-salarju kif stabbilit fil-prinċipju u fl-ammont tiegħu skont is-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz.

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk uffiċjal żvantaġġat mis-sistema preċedenti ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz ma jistax jikkontesta l-effetti diskriminatorji tal-“ammont ta’ trasferiment”, ma huwiex f’pożizzjoni li jinforza d-drittijiet kollha li huwa jislet mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ggarantit ukoll permezz tad-Direttiva 2000/78, bi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta. Il-fatt li huwa jista’ jressaq rikors kontra s-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz fl-intier tagħha ma huwiex tali li jinvalida din il-konstatazzjoni.

65

B’hekk, uffiċjal li kien vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età jrid ikun jista’ jinvoka l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 sabiex jikkontesta l-effetti diskriminatorji tal-modalitajiet tat-trasferiment tiegħu lejn is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz.

66

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tnaqqas il-portata tal-istħarriġ li l-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni li jeżerċitaw, bl-esklużjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-bażi tal-“ammont ta’ trasferiment” kif ikkalkolat skont ir-regoli tas-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz.

Fuq it-tielet domanda

67

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u tal-Artikolu 47 tal-Karta, dan jimponi li s-sitwazzjoni tal-uffiċjali fis-servizz li kienu s-suġġett ta’ tali diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, meta jiġi applikat il-mekkaniżmu ta’ trasferiment lejn is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, tiġi eżaminata ulterjorment u li dawn l-uffiċjali jkunu ttrasferiti, mingħajr diskriminazzjoni, f’din is-sistema l-ġdida.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-qrati nazzjonali li, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u fl-applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, jiddeċiedu jekk u sa fejn dispożizzjoni nazzjonali tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mad-Direttiva 2000/78 mingħajr interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 74).

69

Billi ma kienx possibbli li tingħata interpretazzjoni u applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali skont il-ħtiġijiet ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li minnu jibbenefika wkoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex tiġi applikata (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 89).

70

Hija wkoll il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta diskriminazzjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tkun ġiet ikkonstatata u sakemm miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament ma ġewx adottati, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ biss tiġi żgurata permezz tal-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi bħal dawk li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija pprivileġġata. Il-persuni żvantaġġati għandhom għalhekk jitqiegħdu fl-istess sitwazzjoni tal-persuni li jibbenefikaw mill-vantaġġ ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C-193/17, EU:C:2019:43, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

F’din l-ipoteżi, il-qorti nazzjonali hija obbligata li twarrab kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha mil-leġiżlatur, u għandha tapplika għall-kategorija tal-persuni żvantaġġat l-istess sistema bħal dik li minnu jibbenefikaw il-persuni tal-kategorija l-oħra. Dan l-obbligu jaqa’ fuqha indipendentement mill-eżistenza, fid-dritt intern, ta’ dispożizzjonijiet li jagħtuha l-kompetenza sabiex tagħmel dan (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C-193/17, EU:C:2019:43, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Madankollu, tali soluzzjoni tista’ tapplika biss fil-preżenza ta’ sistema ta’ riferiment valida (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

F’dan il-każ, minn naħa, għandu jitfakkar fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda li, fis-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-regoli tas-sistema preċedenti ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz u, speċifikament iktar, dawk li, sabiex ittemmu diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-konfront tal-uffiċjali, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ taħriġ u ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena, iżda li, fl-istess waqt, jintroduċu fir-rigward biss tal-uffiċjali vittmi ta’ din id-diskriminazzjoni, estensjoni ta’ tliet snin tat-tul neċessarju sabiex ikunu jistgħu jgħaddu mill-ewwel għat-tieni skala ta’ kull kategorija ta’ impjieg u ta’ kull kategorija fis-salarji jżommu diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1) u 2(a), u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

74

Min-naħa l-oħra, ir-regoli ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz applikabbli għall-uffiċjali vantaġġati huma dawk li jippermettu lill-uffiċjali żvantaġġati li javvanzaw fl-iskali mingħajr ebda diskriminazzjoni.

75

Għaldaqstant, sakemm miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament ma jkunux ġew adottati, l-istabbiliment mill-ġdid tagħha, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, timplika l-għoti lill-uffiċjali żvantaġġati mis-sistema preċedenti ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz mill-istess vantaġġi bħal dawk li minnhom setgħu jibbenefikaw l-uffiċjali vantaġġati minn din is-sistema, f’dak li jikkonċerna kemm it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena kif ukoll l-avvanz fil-livell ta’ remunerazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Starjakob, C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 48).

76

Minn dan jirriżulta wkoll li uffiċjal żvantaġġat mis-sistema preċedenti ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz għandu d-dritt li jikseb mill-persuna li timpjegaha, il-ħlas ta’ kumpens sal-ammont tad-differenza bejn l-ammont tar-remunerazzjoni li l-uffiċjal ikkonċernat kellu jirċievi kieku ma ġiex ittrattat b’mod diskriminatorju u l-ammont tar-remunerazzjoni li huwa effettivament irċieva.

77

Huwa importanti li jitfakkar li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza japplikaw biss sakemm miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament ma jkunux ġew adottati mil-leġiżlatur nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 87).

78

Fil-fatt, għandu jitqies li għalkemm l-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, għandhom l-obbligu li jneħħu l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, dan l-artikolu madankollu ma jimponilhomx jadottaw miżuri speċifiċi fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, iżda jħallilhom il-libertà jagħżlu, minn fost is-soluzzjonijiet differenti intiżi sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, dak li huma jqisu bħala l-iktar adatt għal dan il-għan, skont is-sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C-193/17, EU:C:2019:43, punt 88).

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, fl-ipoteżi fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jiġu interpretati b’mod konformi mad-Direttiva 2000/78, il-qorti nazzjonali hija marbuta li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni legali tal-partijiet f’kawża li tirriżulta minn din id-direttiva u li tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ din, billi jekk ikun il-każ ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja. Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta diskriminazzjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tkun ġiet ikkonstatata u sakemm miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament ma jkunux ġew adottati, l-istabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza fit-trattament, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jimplika l-għoti lill-uffiċjali żvantaġġati mis-sistema antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz tal-istess vantaġġi bħal dawk li minnhom setgħu jibbenefikaw l-uffiċjali vantaġġati minn din is-sistema, f’dak li jikkonċerna kemm it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena kif ukoll tal-avvanz fl-iskala ta’ remunerazzjonijiet u, konsegwentement, l-għoti ta’ kumpens finanzjarju lill-uffiċjali ddiskriminati li kienu jammontaw għad-differenza bejn l-ammont tar-remunerazzjoni li l-uffiċjal ikkonċernat kellu jirċievi kieku ma ġiex ittrattat b’mod diskriminatorju u l-ammont tar-remunerazzjoni li huwa effettivament rċieva.

Fuq ir-raba’ domanda

80

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

81

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tidħol fis-seħħ b’mod retroattiv, li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, tipprevedi trasferiment tal-uffiċjali fis-servizz lejn sistema ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz li fil-kuntest tagħha l-ewwel klassifikazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali hija ddeterminata abbażi tal-aħħar remunerazzjoni pperċepita taħt is-sistema preċedenti.

 

2)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tnaqqas il-portata tal-istħarriġ li l-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni li jeżerċitaw, bl-esklużjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-bażi tal-“ammont ta’ trasferiment” kif ikkalkolat skont ir-regoli tas-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz.

 

3)

Fl-ipoteżi fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jiġu interpretati b’mod konformi mad-Direttiva 2000/78, il-qorti nazzjonali hija marbuta li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni legali tal-partijiet f’kawża li tirriżulta minn din id-direttiva u li tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ din, billi jekk ikun il-każ ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja. Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta diskriminazzjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tkun ġiet ikkonstatata u sakemm miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament ma jkunux ġew adottati, l-istabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza fit-trattament, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, timplika l-għoti lill-uffiċjali żvantaġġati mis-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz mill-istess vantaġġi bħal dawk li minnhom setgħu jibbenefikaw l-uffiċjali vantaġġati minn din is-sistema, f’dak li jikkonċerna kemm it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena kif ukoll tal-avvanz fil-livell ta’ remunerazzjonijiet u, konsegwentement, l-għoti ta’ kumpens finanzjarju lill-uffiċjali ddiskriminati għad-differenza bejn l-ammont tar-remunerazzjoni li l-uffiċjal ikkonċernat kellu jirċievi kieku ma ġiex ittrattat b’mod diskriminatorju u l-ammont tar-remunerazzjoni li huwa effettivament rċieva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.