Kawża C‑364/17

“Varna Holideis” EOOD

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad – Varna)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Kunsinna ta’ proprjetà immobbli mwettqa qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea – Nullità tal-kuntratt ta’ bejgħ ikkonstatata wara l-adeżjoni – Obbligu ta’ aġġustament tat-tnaqqis inizjali – Interpretazzjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas‑27 ta’ Ġunju 2018

Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Interpretazzjoni ta’ direttiva Komunitarja f’tilwima li tiġi qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni Ewropea – Esklużjoni – Tnaqqis ta’ taxxa fuq il-valur miżjud qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat – Dehra, wara l-adeżjoni, ta’ ċirkustanzi li jistgħu jkunu l-bażi ta’ obbligu ta’ aġġustament tal-imsemmi tnaqqis – Assenza ta’ effett

(Artikolu 267 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 2006/112)

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biss f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tieħu fi Stat Membru ġdid mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea (digriet tal‑11 ta’ Mejju 2017, Exmitiani, C‑286/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:368, punt 12).

Dan jimplika, b’mod partikolari, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-direttivi tal-UE dwar il-VAT meta l-perijodu ta’ rkupru tat-taxxi inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħ qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat mal-Unjoni (digriet tal‑11 ta’ Mejju 2017, Exmitiani, C‑286/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:368, punt 13).

Għaldaqstant, peress li l-obbligu ta’ aġġustament huwa marbut inseparabbilment mal-eżiġibbiltà tal-VAT tal-input dovuta jew imħallsa u mad-dritt għal tnaqqis li jirriżulta minnha, id-dehra, wara l-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni, ta’ ċirkustanzi li, bħala prinċipju, jistgħu jkunu l-bażi ta’ dan l-obbligu ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-Direttiva dwar il-VAT jekk il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi msemmija jkunu seħħew qabel din l-adeżjoni.

(ara l-punti 17, 18, 31)