SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-saħħa – Pakkett ta’ iġjene – Regolament (KE) Nru 853/2004 – Regolament (KE) Nru 854/2004 – Iġjene tal-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali – Laħam tat-tjur – Spezzjoni postmortem tal-karkassi – Kontaminazzjoni viżibbli ta’ karkassa – Approċċ ta’ tolleranza żero”

Fil-Kawża C‑347/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

A et,

vs

Staatssecretaris van Economische Zaken,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, M. Safjan u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Ottubru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A et, minn E. Dans, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M. L. Noort u C. S. Schillemans kif ukoll minn J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren kif ukoll minn M. Wolff u P. Ngo, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u S. Eisenberg, sussegwentement minn dan tal-aħħar, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet u F. Moro, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14), u tal-punt 1 tal-parti D tal-Kapitolu II tas-Sezzjoni I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 75), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 739/2011 tas-27 ta’ Lulju 2011 (ĠU 2011, L 196, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 854/2004”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A et, seba’ kumpanniji li joperaw biċċeriji tat-tjur fil-Pajjiżi l-Baxxi, u l-iStaatssecretaris van Economische Zaken (is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) rigward multi amministrattivi imposti minn dan tal-aħħar għal ksur tal-liġi Olandiża dwar l-annimali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002

3

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463), jipprevedi, fil-punti 9 u 14 tal-Artikolu 3 tiegħu:

“ Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

9)

‘riskju’ tfisser funzjoni tal-probabilità ta’ effetti kuntrarji fuq is-saħħa u s-severità ta’ dawk l-effetti, b’konsegwenza ta’ dak il-perikolu;

[…]

14)

‘perikolu’ tfisser aġent bijoloġiku, kimiku jew fiżiku fi, jew kondizzjoni ta’, ikel jew għalf bil-potenzjal li joħloq effetti kuntrarji fuq is-saħħa”.

4

L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ħtiġijiet Ġenerali tal-Liġi dwar l-Ikel”, jipprovdi:

“1.   L-ikel m’għandux jitqiegħed fuq is-suq jekk ma jkunx tajjeb.

2.   L-ikel għandu jitqies li ma jkunx tajjeb jekk ikun meqjus li:

a)

jkun ta’ ħsara għas-saħħa;

b)

ma jkunx tajjeb għall-konsum uman.

3.   Biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb, għandu jingħata kont ta’:

a)

l-kondizzjonijiet normali ta’ l-użu ta’ l-ikel mill-konsumatur, u f’kull stadju tal-produzzjoni, ipproċċessar u tqassim, u

b)

t-tagħrif ipprovdut lill-konsumatur, inkluż it-tagħrif fuq it-tikketta, jew xi tagħrif ieħor ġeneralment disponibbli għall-konsumatur dwar l-iskartar ta’ effetti speċifiċi kuntrarji għas-saħħa minn xi ikel partikolari jew kategorija ta’ ikel.

[…]

5.   Biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb għall-konsum uman, għandu jingħata kont ta’ jekk l-ikel ikunx aċċettabbli jew le għall-konsum uman skond l-użu maħsub tiegħu, minħabba raġunijiet ta’ kontaminazzjoni sew b’materjal estraneju jew mod ieħor, jew minħabba putrifikazzjoni, deterjorament jew tħassir.

[…]”

5

Skont l-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, intitolat “Responsabbiltajiet”:

“1.   L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel u l-għalf f’kull stadju tal-produzzjoni, ipproċessar, u tqassim fin-negozji taħt il-kontroll tagħhom għandhom jiżguraw li l-ikel u l-għalf ikunu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel li huma relevanti għall-attivitajiet tagħhom u għandhom jivverifikaw li dawk il-ħtiġijiet jitħarsu.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurzaw il-liġi dwar l-ikel, u jimmonitorjaw u jivverifikaw li l-ħtiġijiet relevanti tal-liġi dwar l-ikel jiġu mħarsa mill-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel u l-għalf fl-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim.

Għal dak il-għan għandhom iżommu sistema ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet oħra kif adattati fiċ-ċirkostanzi, inkluża komunikazzjoni pubblika dwar is-sigurtà u r-riskju ta’ l-ikel u l-għalf, sorveljanza dwar is-sigurtà ta’ l-ikel u l-għalf u attivitajiet oħra ta’ immonitorjar li jkunu jkopru l-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim.

L-Istati Membri għandhom ukoll iniżżlu r-regoli dwar il-miżuri u penalitajiet applikabbli għall-ksur tal-liġi dwar l-ikel u l-għalf. Il-miżuri u l-penalitajiet ipprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004

6

Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 Dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319), jipprevedi, fl-Artikolu 2(1)(f) tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

f)

‘kontaminazzjoni’ tfisser il-preżenza jew l-introduzzjoni ta’ periklu”.

7

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Obbligi ġenerali”, jipprevedi:

“L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel għandhom jassiguraw li matul l-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ l-ikel taħt il-kontroll tagħhom ikunu jissodidfaw il-ħtiġiet ta’ l-iġjene kif stabbiliti f’dan ir-Regolament.”

8

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ħtiġiet ġenerali u speċifiċi ta’ l-iġjene”, jipprevedi:

“1.   L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel li jwettqu l-produzzjoni primarja u dawk l-operazzjonijiet assoċċjati magħha kif elenkati fl-Anness I għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ l-iġjene kif stabbiliti fil-parti A ta’ l-Anness I u xi ħtiġiet speċifiċi li hemm provvediment dwarhom fir-Regolament (KE) Nru 853/2004.

2.   L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel li jwettqu kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ l-ikel wara dawk l-istadju li dwarhom il-paragrafu 1 huwa applikabbli għandhom ikunu konformi mal-ħtiġiet ta’ l-iġjene kif stabbiliti fl-Anness II u xi ħtiġiet spċifiċi li hemm provvediment dwarhom fir-Regolament (KE) Nru 853/2004.

3.   L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel għandhom, kif xieraq, jadottaw il-miżuri speċifiċi ta’ l-iġjene kif ġejjin:

a)

konformità mal-kriterja mikrobioloġika ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel;

b)

il-proċeduri meħtieġa sabiex jilħqu l-miri stabbiliti għall-akkwist ta’ l-obbjettivi ta’ dan ir-Regolament;

c)

konformità mal-ħtiġiet tal-kontroll tat-temperatura għall-oġġetti ta’ l-ikel;

d)

manutenzjoni tal-katina tal-kesħa;

e)

kampjunar u analiżi.

[…]”

9

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 852/2004, intitolat “Punti ta’ l-analiżi [tal-perikoli] u l-kontroll [tal-punti kritiċi]”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel għandhom jistabbilixxu, jimplementaw u jżommu proċedura jew proċeduri permanenti ibbażati fuq il-prinċipji [Hazard Analysis Critical Control Point (HACCP) (sistema ta’ analiżi tal-perikoli u punti kritiċi għall-kontroll tagħhom)].”

Ir-Regolament Nru 853/2004

10

Il-premessi 1, 2, 4, 9 u 10 tar-Regolament Nru 853/2004 jgħidu dan li ġej:

“(1)

Skont ir-Regolament (KE) nru 852/2004 […], il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stabbilew regoli ġenerali dwar l-iġjene ta’ oġġetti tal-ikel għall-operaturi fin-negozju alimentari.

(2)

Ċerti oġġetti ta’ l-ikel jistgħu jkunu ta’ perikolu speċifiku għas-saħħa tal-bniedem, u dan jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ta’ iġjene speċifiċi, partikolament fil-każ ta’ ikel ta’ oriġini mill-annimali, li dwaru jkunu saru rapporti ta’ perikoli mikrobijoloġiċi u kimiċi.

[…]

(4)

Fir-rigward tas-saħħa pubblika, dawn ir-regoli fihom prinċipji komuni, b’mod partikolari għall-fabrikanti, u responsabbilitajiet ‘għall-Awtoritajiet kompetenti’, ħtiġiet strutturali, operattivi u iġjeniċi għall-istbbilimenti, proċeduri għall-approvazzjoi ta’ stabbilimenti, ħtiġiet għall-ħażna u t-trasport, u timbri sanitarji.

[…]

(9)

Il-miri prinċipali ta’ din ir-riformulazzjoni huma li tiġi assigurata f’livell għoli l-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tas-sigurtà alimentari, b’mod partikolari billi tqiegħed taħt l-istess regoli l-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel tal-Komunità kollha, kif ukoll li s-suq intern fil-prodotti ta’ oriġini mill-annimali jiffunzjona sewwa, u b’dan il-mod issir kontribuzzjoni għalli jintlaħqu l-miri tal-politika agrikola komuni.

(10)

Hemm bżonn li jinżammu u fejn meħtieġ, biex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-konsumatur, jiġu issikkati, ir-regoli dettaljati ta’ iġjene għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali.”

11

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 853/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dawn id-definizzjonijiet għandhom japplikaw:

1)

id-definizzjonijiet li jidhru fir-Regolament (KE) nru 178/2002;

2)

id-definizzjonijiet li jidhru fir-Regolament (KE) nru 852/2004;

3)

id-definizzjonijiet li jidhru fl-Anness I; u

4)

id-definizzjonijiet tekniċi li hemm fl-Annessi II u III.”

12

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 853/2004, intitolat “Obbligi ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-annessi II u III.”

13

Is-Sezzjoni I tal-Anness III, intitolata “Laħam ta’ Ungulati Domestiċi”, fil-punt 10 tal-Kapitolu IV tagħha, ta’ dan ir-regolament tipprevedi:

“Il-karkassi ma għandux ikun fihom kontaminazzjoni fekali li tidher. Kull kontaminazzjoni li tidher għandha titneħħa mingħajr dewmien billi tintraqam jew mezz alternattiv b’effett ekwivalenti.”

14

Il-Kapitolu II, intitolat “Ħtiġiet għall-Biċċeriji”, tas-Sezzjoni II tal-Anness III, intitolata “Laħam tal-Pollam u tal-Lagomorfi”, tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“L-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel għandhom jassiguraw illi l-kostruzzjoni, it-tifsila u t-tagħmir tal-biċċeriji fejn il-pollam jew il-lagomorfi jinqatlu jissodisfaw dawn il-ħtiġiet:

1)

Għandu jkollhom kamra jew spazju msaqqaf biex jintlaqgħu l-annimali u jiġu eżaminati qabel il-qatla.

2)

Biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-laħam, għandu:

a)

jkollhom numru suffiċjenti ta’ kmamar, skond l-operazzjonijiet li jridu jsiru;

b)

jkollhom kamra separata fejn jitneħħa l-ġewwieni u tindif ulterjuri, inkluż iż-żieda tal-ħwawar mal karkassi sħaħ tal-pollam, sakemm l-awtorità kompetenti ma tawtorizzax is-separazzjoni bil-ħin ta’ dawn l-operazzjonijiet f’biċċerija partikolari każ b’każ;

ċ)

jiżguraw separazzjoni fl-ispazju jew fil-ħin tal-operazzjonijiet li ġejjin:

i)

sturdiment u żvinar;

ii)

tintif jew sliħm, jew kull smit;

u

iii)

spedizzjoni tal-laħam;

d)

jkollhom istallazzjoni biex jkunx hemm kuntatt bejn il-laħam u l-art, il-ħitan u t-tagħmir;

u

e)

ikollhom ringieli għall-qatla (fejn imħadda) magħmula b’tali mod biex jippermettu progress kostanti tal-proċess tal-qatla u biex jiġi evitat li jkun kontaminazzjoni bejn il-partijiet differenti tar-ringiela tal-qatla. Meta iktar minn ringiela waħda hija operata fl-istess post, għandu jkun hemm separazzjoni tar-ringieli biex ma jkunx hemm kontaminazzjoni.

[…]

6)

Għandu jkun hemm post separat b’faċilitajiet xierqa għat-tindif, ħasil u d-diżinfezzjoni ta:

a)

it-tagħmir tat-trasport bħall-gaġeġ;

u

b)

mezzi tat-trasport.

Dan il-postijiet u faċilitajiet mhumhiex obbligatorji għall (b) jekk fil-qrib jeżistu postijiet u faċilitajiet uffiċjalment awtorizzati.

[…]”

15

Il-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004, intitolat “L-Iġjene Waqt il-Qatla”, jipprevedi:

“L-operaturi tan-negozju fl-ikel li joperaw biċċeriji fejn il-pollam jew il-lagomorfi huma maqtula għandhom jiżguraw illi l-ħtiġiet li ġejjin ikunu sodisfatti.

[…]

2)

L-operaturi tal-biċċeriji għandhom isegwu d-direzzjonijiet ta’ l-awtorità kompetenti biex jiżguraw li l-ispezzjoni ante-mortem ssir taħt kondizzjonijiet xierqa.

3)

Meta l-istabbilimenti jiġu approvati għall-qatla ta’ speċi differenti ta’ annimali jew għat-trattament tar-ratites (għasafar li ma jtirux) mrobbija u kaċċa selvaġġa żgħira, ikunu jridu jittieħdu prekawzjonijiet kontra l-kontaminazzjoni reċiproka bis-separazzjoni jew fil-ħin jew fl-ispazju ta’ l-operazzjonijiet li jsiru fuq l-ispeċje differenti. Faċilitajiet separati fejn jintlaqgħu u jinġażnu l-karkassi tar-ratites imrobbija maqtula fir-razzett u għall-kaċċa selvaġġa żgħira iridu jkunu disponibbli.

4)

Annimali li jiddaħħlu fil-kamra tal-qatla għandhom ikunu maqtula mingħajr dewmien bla bżonn.

5)

L-isturdament, l-iżvinar, is-sliħ u t-tintif, it-tneħħija tal-ġewwieni u tindif ieħor għandu jsir mingħajr dewmien bla bżonn b’mod tali li [kull] kontaminazzjoni tal-laħam tiġi evitata. B’mod partikolari, miżuri għandhom jittieħdu biex jiġi evitat li jixtered il-kontenut ta’ l-appart diġestiv waqt l-evixxerazzjoni.

6)

L-operaturi tal-biċċeriji jridu jsegwu d-direzzjonijiet ta’ l-awtorità kompetenti biex jiżguraw li l-eżami post-mortem isir taħt kondizzjonijiet xierqa, u in partikolari li l-annimali maqtula jistgħu jiġu eżaminati sewwa.

7)

Wara eżami post-mortem:

a)

il-partijiet li mhumiex tajba biex jittieklu mill-bniedem għandhom jitneħħew malajr kemm jistaħ jkun mis-settur nadif ta’ l-istabbiliment;

b)

laħam miżmum jew dikjarat li mhux tajjeb biex jittiekel mill-bniedem u prodotti sekondarji li ma jittieklux m’għandhomx jiġu in kuntatt ma’ laħam iddikjarat tajjeb għall-ikel mill-bniedem;

u

ċ)

il-ġewwieni jew partijiet mill-ġewwieni li jibqgħu fil-karkassa, barra mill-kliewi, għandhom jitneħħew għall-kollox, jekk possibbli, jew mill-iktar fis possibbli, ħlief meta awtorizzat mod ieħor mill-awtorità kompetenti.

8)

Wara l-eżami u t-tneħħija tal-ġewwieni, l-annimali maqtula iridu jiġi mnaddfa u mkessħa f’temperatura ta’ mhux iktar minn 4°C mill-aktar fis possibbli, sakemm il-laħam ma jkunx maqtugħ waqt li għadu sħun.

9)

Meta l-karkassi isirilhom proċess ta’ tkessiħ b’immersjoni, għandu jittieħed kont ta’ li ġej.

a)

Kull prekawzjoni għandha tittieħed biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-karkassi, billi jittieħed kont tal-parametri bħal: il-piż tal-karkassa, it-temperatura ta’ l-ilma, il-volum u d-direzzjoni ta’ l-ilma ġieri u l-ħin tat-tkessiħ.

b)

It-tagħmir għandu jkun imbattal għall-kollox, imnaddar u diżinfettat kull darba li jkun meħtieġ u mill-inqas darba kuljum.

10)

Annimali morda u sospetti, u annimali maqtula b’applikazzjoni ta’ programmi għall-qirda jew il-kontroll tal-mard, m’għandhomx jinqatlu fl-istabbiliment ħlief meta hemm permess ta’ l-awtorità kompetenti. F’dak il-każ il-qatla għandha ssir taħt sorveljanza uffiċjali u għandhom jittieħdu passi biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni; il-bini għandu jitnaddaf u jiġi diżinfettat qabel ma jerġa’ jintuża.”

Ir-Regolament Nru 854/2004

16

Ir-Regolament Nru 854/2004 jgħid, fil-premessi 4 u 8 tiegħu:

“(4)

Il-kontrolli uffiċjali fuq prodotti ta’ oriġini mill-annimali għandhom ikopru l-aspetti kollha li huma importanti għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u, fejn xieraq, is-saħħa ta’ l-annimali u l-welfare ta’ l-annimali. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq l-informazzjoni relevanti l-aktar reċenti disponibbli u għandu għalhekk ikun possibbli biex jadattawhom hekk kif informazzjoni relevanti ġdida ssir disponibbli.

[…]

(8)

Il-kontrolli uffiċjali fuq il-produzzjoni tal-laħam huma meħtieġa biex jivverifikaw li l-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel jikkonformaw mar-regoli ta’ l-iġjene u jirrispettaw il-kriterji u l-miri preskritti fil-leġislazzjoni tal-Komunità. Dawn il-kontrolli uffiċjali għandhom jikkomprendu verifiki fuq il-kontrolli proprji ta’ l-operaturi tan-negozju fl-ikel ‘attivitajiet u spezzjonijiet, inklużi verifiki fuq l-operaturi tan-negozju fl-ikel’.”

17

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipji ġenerali għall-kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-prodotti kollha ta’ oriġini mill-annimali li jaqgħu fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw lil-operaturi ta’ negozji fl-ikel joffru l-assistenza kollha biex jiġi żgurat li l-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtorità kompetenti ikunu jistgħu jitwettqu b’mod effettiv.

Huma għandhom b’mod partikolari:

jagħtu aċċess għall-bini kollu, postijiet, stallazzjonijiet u infrastrutturi oħra;

[…]

2.   L-awtorità kompetenti għandha twettaq kontrolli uffiċjali biex tivverifika l-konformità ta’ l-operaturi tan-negozju fl-ikel mal-ħtiġijiet tar-:

a)

Regolament (KE) Nru 852/2004;

b)

Regolament (KE) Nru 853/2004,

[…]

3.   Il-kontrolli uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

a)

verifiki tal-prattiċi tajba ta’ iġjene u analiżi tal-perikolu u proċeduri bbażati fuq il-punt kritiku ta’ kontroll (HACCP);

[…]

u

ċ)

kull kompiti partikolari ta’ verifika speċifikati fl-Annessi.

[…]

5.   Il-verifiki tal-proċeduri bbażati fuq l-HACCP għandhom jivverifikaw li l-operaturi tan-negozju fl-ikel japplikaw kontinwament u kif imiss dawk il-proċeduri, u jagħtu kont partikolari biex jiżguraw li l-proċeduri jipprovdu l-garanziji speċifikati fit-Taqsima II ta’ l-Anness II li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 853/2004. Dawn għandhom, b’mod partikolari, jistabbilixxu jekk il-proċeduri jiggarantux, sal-limitu possibbli, li prodotti ta’ oriġini mill-annimali:

a)

jikkonformaw mal-kriterji mikrobijoloġiċi preskritti taħt il-leġislazzjoni tal-Komunità;

[…]”

18

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 854/2004 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ laħam frisk iseħħu skont l-Anness I.

1)

Il-veterinarju uffiċjali għandu jwettaq kompiti ta’ spezzjoni f’biċċeriji, stabbilimenti li jimmaniġġaw il-kaċċa u impjanti ta’ tqattiegħ li jqiegħdu fis-suq laħam frisk skond il-ħtiġijiet ġenerali tat-Taqsima I, il-Kapitolu II, ta’ l-Anness I, u l-ħtiġijiet speċifiċi tat-Taqsima IV, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

a)

informazzjoni dwar il-katina ta’ l-ikel;

b)

spezzjoni qabel il-qatla;

ċ)

il-welfare ta’ l-annimali;

d)

spezzjoni wara l-qtil;

e)

materjal speċifikat ta’ riskju u bi-prodotti oħra mill-annimali;

u

f)

ttestjar fil-laboratorju.

[…]”

19

Il-Kapitolu I tat-Taqsima I tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kompiti ta’ Verifika”, jipprevedi:

“1.

B’żieda mal-ħtiġijiet ġenerali ta’ l-Artikolu 4(4) dwar il-verifiki ta’ prattiċi tajba ta’ iġjene, il-veterinarju uffiċjali għandu jivverifika l-konformità kontinwa mal-proċeduri proprji ta’ l-operaturi tan-negozju fl-ikel li jikkonċernaw kull ġbir, trasport, ħażna, immaniġġar, proċessar u użu jew disponiment ta’ bi-prodotti mill-annimali, inkluż materjal ta’ riskju speċifikat, li għalihom huwa responsabbli l-operatur tan-negozju fl-ikel.

2.

B’żieda mal-ħtiġijiet ġenerali ta’ l-Artikolu 4(5) dwar il-verifiki tal-prinċipji bbażati fuq l-HACCP, il-veterinarju uffiċjali għandu jivverifika li l-garanzija tal-proċeduri ta’ l-operaturi, sa l-akbar limitu possibbli, li l-laħam:

[…]

b)

ma jkunx fih kontaminazzjoni tal-ħmieġ ta’ l-imsaren jew xi kontaminazzjoni oħra;

[…]”

20

Il-parti D tal-Kapitolu II tat-Taqsima I tal-Anness I, tal-imsemmi regolament, intitolata “Spezzjoni wara l-qatla”, tipprevedi:

“1.

Il-karkassi u l-organi interni tagħhom minnufih wara l-qatla għandhom ikunu soġġetti għall-awtopsja. L-uċuħ ta’ barra kollha għandhom ikunu eżaminati. Għal dan l-għan jisgħtu jinħtieġu manipulazzjoni minima tal-karkassi u l-ġewwieni jew faċilitajiet tekniċi speċjali. Trid tinagħta attenzjoni partikolari għall-osservazzjoni ta’ mard żoonotiku u mard tal-annimali li dwaru hemm ir-regoli li jikkonċernaw is-saħħa tal-annimali stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Il-ħeffa tal-kju għall-qatla u n-numru ta’ personal li jagħmel l-ispezzjonijiet li jrid ikun preżenti, għandhom ikunu tali mod li jippermettu spezzjoni bir-reqqa.

2

Għandhom iseħħu eżamijiet addizzjonali, bħal mess u inċiżjoni tal-partijiet tal-karkassa u l-ġewwieni u testijiet tal-laboratorju, kull fejn jitqiesu meħtieġa:

[…]

b)

biex tinkixef il-presenza ta’:

[…]

ii)

residwi jew kontaminanti f’eċċess tal-livelli preskritti taħt il-leġislazzjoni tal-Komunità,

iii)

non-konformità mal-kriterji mikrobijoloġiċi,

jew

iv)

fatturi oħra li jistgħu jeħtieġu li l-laħam jiġi dikjarat mhux tajjeb għall-konsum uman jew li jitqegħdu restrizzjonijiet fuq l-użu tiegħu,

partikolarment fil-każ ta’ annimali li jkunu għaddew minn qatla ta’ emerġenza.

[…]”

21

Il-Kapitolu V tat-Taqsima II tal-Anness I tal-istess regolament, intitolat “Deċiżjonijiet li Jikkonċernaw il-Laħam”, jipprevedi:

“1.

Il-laħam għandu jiġi dikjarat mhux tajjeb għall-konsum uman jekk:

[…]

g)

ma jkunx jikkonforma mal-kriterji mikrobijoloġiċi preskritti taħt il-leġislazzjoni tal-Komunità biex jiġi stabbilit jekk l-ikel jistax jitqiegħed fis-suq;

[…]

i)

ikun fih residwi jew kontaminanti fl-eċċess tal-limiti preskritti fil-leġislazzjoni tal-Komunità. Kull qbiż tal-livell relevanti għandu jwassal għal analiżi addizzjonali fejn xieraq;

[…]

s)

juri ħmieġ, ħmieġ ta’ l-imsaren jew kontaminazzjoni oħra;

[…]

u)

fl-opinjoni tal-veterinarju uffiċjali, wara eżami ta’ l-informazzjoni kollha relevanti, jista’ jikkostitwixxi riskju għas-saħħa pubblika jew ta’ l-annimali jew għal xi raġuni oħra ma jkunx adattat għall-konsum uman.

[…]”

22

Il-parti B tal-Kapitolu V tat-Taqsima IV tal-Anness I tar-Regolament Nru 854/2004 tipprevedi:

“1.

L-għasafar kollha għandhom jgħaddu minn spezzjoni ta’ wara l-qatla skodn it-Taqsimiet I u III. B’żieda, l-veterinarju uffiċjali għandu personalment iwettaq il-verifiki li ġejjin:

a)

spezzjoni ta’ kull jum tal-vixxri u l-kavitajiet tal-ġisem ta’ kampjun rappresentattiv ta’ l-għasafar;

b)

spezzjoni dettaljata ta’ kampjun kif jiġi jiġi, minn kull lott ta’ għasafar li jkollhom l-istess oriġini, ta’ partijiet ta’ l-għasafar jew ta’ għasafar sħaħ dikjarati mhux tajbin għall-konsum uman wara l-ispezzjoni ta’ wara l-qatla;

u

ċ)

kull investigazzjonijiet oħra meħtieġa fejn ikun hemm għaliex wieħed jissuspetta li l-laħam mill-għasafar konċernati jista’ ma jkunx tajjeb għall-konsum uman.

[…]”

Id-dritt Olandiż

23

L-Artikolu 6.2(1) tal-Wet houdende een integraal kader voor regels over gehouden dieren en daaraan gerelateerde onderwerpen (il-Liġi li Fiha Qafas Integrali għar-Regoli dwar l-Annimali Miżmuma u s-Suġġetti Relatati), tad-19 ta’ Mejju 2011 (Stb. 2011, Nru 345, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Annimali”), jipprevedi:

“Huwa pprojbit li persuna taġixxi bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw punti rregolati minn din il-liġi, li huma indikati minn jew skont digriet amministrattiv ġenerali jew digriet ministerjali.”

24

L-Artikolu 8.7 tal-Liġi dwar l-Annimali jipprevedi:

“Il-Ministru jista’ jimponi multa amministrattiva fuq persuna li twettaq ksur.”

25

L-Artikolu 2.4 tar-Regeling van de Minister van Economische Zaken, nr. WJZ/12346914, houdende regels met betrekking tot dierlijke producten, (id-Digriet tal-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi, Nru WJZ/12346914, li fih regoli dwar il-prodotti li joriġinaw mill-annimali), tas-7 ta’ Diċembru 2012 (Stcrt. 2012, Nru 25949), jipprevedi, fil-paragrafu 1(d) tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea kif previsti fl-Artikolu 6.2(1)(d) tal-Liġi dwar l-Annimali huma:

[…]

d)

l-Artikoli 3 u 4(1) sa (4), kif ukoll l-Artikoli 5 u 7(1) tar-Regolament […] Nru 853/2004”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

26

Fil-kuntest tal-kontrolli mwettqa min-Nederlandse Voedsel- en Warenautoriteit (l-Awtorità għas-Sigurtà tal-Prodotti tal-Ikel u tal-Prodotti ta’ Konsum tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Pajjiżi l-Baxxi) f’diversi biċċeriji tat-tjur, ġiet ikkonstatata kontaminazzjoni kkawżata minn materja fekali, mill-kontenut tal-ħawsla u mill-bili ta’ karkassi tat-tjur fl-aħħar parti tal-katina tal-“lest għat-tisjir”, qabel it-tkessiħ. Din l-awtorità stabbilixxiet rapporti ta’ konstatazzjoni li minnhom joħroġ li l-kontaminazzjoni kienet tirriżulta minn miżuri insuffiċjenti għall-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni u li dawn il-biċċeriji kienu wettqu ksur li jaqa’ taħt l-Artikolu 6.2(1) tal-Liġi dwar l-Annimali u taħt l-Artikolu 2.4(1) tad-Digriet tal-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi Nru WJZ/12346914, u, għaldaqstant, taħt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 853/2004 u taħt il-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III ta’ dan ir-regolament.

27

Abbażi ta’ dawn ir-rapporti ta’ konstatazzjoni, is-Segretarju tal-Istat, permezz ta’ deċiżjonijiet tas-27 ta’ Novembru, tal-11 ta’ Diċembru u tat-18 ta’ Diċembru 2015, impona diversi multi fuq il-biċċeriji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ EUR 2500 kull waħda, għal ksur tal-Liġi dwar l-Annimali. L-imsemmija biċċeriji ressqu lmenti kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem is-Segretarju tal-Istat, li ċaħadhom, rispettivament, fid-29 ta’ April, fit-2 ta’ Mejju u fit-3 ta’ Mejju 2016.

28

Il-biċċeriji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet imsemmija l-aħħar quddiem ir-Rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi).

29

Il-biċċeriji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jsostnu li ma jistax jiġi dedott la mit-test u lanqas mill-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004 li huma jimponu regola ta’ “tolleranza żero” sabiex tiġi evitata kull kontaminazzjoni. Huma jsostnu li l-karkassi għandhom ikunu għadhom jistgħu jitnaddfu fl-istadju tat-tkessiħ jew fi stadju ulterjuri fil-mument tat-tqattigħ u tal-ippakkjar. Huma jikkontestaw ukoll il-fatt li l-materja fekali, il-kontenut tal-ħawsla u l-bili jistgħu jikkawżaw kontaminazzjoni. Minbarra dan, huma jikkontestaw il-mod kif twettqu l-kontrolli billi jenfasizzaw li, waqt il-kontrolli, il-karkassi ma jistgħux jitneħħew mil-linja u biss l-uċuħ esterni jistgħu jiġi eżaminati viżwalment.

30

Min-naħa l-oħra, is-Segretarju tal-Istat isostni li l-imsemmija dispożizzjonijiet jinkludu r-regola ta’ “tolleranza żero”, skont liema l-karkassi ta’ tjur ma jista’ jkollhom l-ebda kontaminazzjoni viżibbli wara l-istadju tat-tneħħija tal-interjuri u tat-tindif, kif ukoll qabel dak tat-tkessiħ. Huwa jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-istadju qabel it-tkessiħ huwa stadju li matulu l-kontroll għandu jsir. Huwa jsostni li l-kunċett ta’ “kontaminazzjoni” ikopri wkoll il-kontaminazzjoni kkawżata minn materja fekali, mill-kontenut tal-ħawsla u mill-bili. Fir-rigward tal-kontrolli, is-Segretarju tal-Istat iqis li l-karkassi jistgħu jitneħħew mil-linja u li l-uċuħ interni u l-parti ta’ taħt it-tessuti adipużi jistgħu wkoll jiġu eżaminati.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li r-Rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam) għandha dubji rigward l-interpretazzjoni li għandha tingħata lit-testi tad-dritt tal-Unjoni li huma applikabbli, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tal-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III tar-Regolament [Nru 853/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li karkassa tat-tjur ma jista’ jkollha fiha ebda kontaminazzjoni viżibbli wara t-tneħħija tal-interjuri u t-tindif?

2)

Id-dispożizzjonijiet tal-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III tar-Regolament [Nru 853/2004] jirrigwardaw il-kontaminazzjoni fekali, il-kontaminazzjoni li tirriżulta mill-ħawsla u l-kontaminazzjoni mill-bili?

3)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, id-dispożizzjoni tal-punt 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III tar-Regolament [Nru 853/2004] għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tindif għandu jsir direttament wara t-tneħħija tal-interjuri, jew din id-dispożizzjoni tawtorizza l-eliminazzjoni tal-kontaminazzjoni viżibbli matul it-tkessiħ, it-tqattigħ jew l-ippakjar?

4)

Il-punt 1 [tal-parti D] tal-Kapitolu II tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament [no 854/2004] jawtorizza lill-awtorità kompetenti li tirtira, matul il-verifika, karkassi fil-linja tal-qatla, kif ukoll li tikkontrolla l-preżenza ta’ kontaminazzjoni viżibbli kemm fuq l-uċuh interni, kif ukoll taħt it-tessuti adipusi?

5)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv u jekk, konsegwentement, karkassa ta’ tjur tista’ tkompli tippreżenta kontaminazzjoni viżibbli, kif huwa xieraq li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tal-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III tar-Regolament [Nru 853/2004]? Kif jista’ jintlaħaq l-għan ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika?”

Fuq id-domandi preliminari

32

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx irreferiet għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tal-1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela, C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan il-każ, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jinqaleb l-ordni tad-domandi u tiġi eżaminata qabel kollox it-tieni domanda, sussegwentement l-ewwel, it-tielet u, jekk ikun il-każ, il-ħames domanda u, fl-aħħar nett ir-raba’ domanda, kif ifformulati mill-ġdid.

Fuq it-tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “kontaminazzjoni” jiġbor mhux biss il-kontaminazzjoni kkawżata mill-materja fekali, iżda wkoll il-kontaminazzjoni kkawżata mill-kontenut tal-ħawsla u mill-bili.

35

Għandu jiġi osservat li la l-punt 5 u lanqas il-punt 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004 ma jispeċifikaw liema jistgħu jkunu s-sorsi ta’ kontaminazzjoni tal-karkassi waqt il-qatla. Fil-fatt, l-imsemmi punt 5 sempliċement jindika li “[l]-isturdament, l-iżvinar, is-sliħ u t-tintif, it-tneħħija tal-ġewwieni u tindif ieħor għandu jsir mingħajr dewmien bla bżonn b’mod tali li l-kontaminazzjoni tal-laħam tiġi evitata. B’mod partikolari, miżuri għandhom jittieħdu biex jiġi evitat li jixtered il-kontenut ta’ l-apparat diġestiv waqt l-evixxerazzjoni.” Rigward l-imsemmi punt 8, huwa ma jsemmix il-kelma “kontaminazzjoni”.

36

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji rigward il-kwistjoni dwar jekk il-materja fekali, il-kontenut tal-ħawsla u l-bili jagħmlux parti mill-“apparat diġestiv”, fis-sens tal-punt 5 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 u, b’dan il-mod, jistgħux jitqiesu bħala sorsi ta’ kontaminazzjoni fis-sens ta’ dan ir-regolament.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan ir-regolament huma differenti rigward il-kliem użat fit-tieni sentenza tal-punt 5 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004. B’dan il-mod, filwaqt li l-verżjonijiet fil-lingwa Olandiża, dik Ġermaniża u dik Svediża ta’ din id-dispożizzjoni, li jużaw rispettivament l-espressjonijiet “inhoud van maag en darmen”, “Magen- und Darminhalt” u “mag- och tarminnehåll”, jirreferu għall-kontenut tal-istonku u tal-intestini, il-verżjonijiet bil-lingwa Daniża, b’dik Ingliża u b’dik Franċiża tal-imsemmija dispożizzjoni, li jużaw rispettivament l-espressjonijiet “fordøjelseskanalens indhold”, “digestive tract contents” u “contenu du du tractus digestif”, għandhom evidentement sens usa’.

38

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. F’każ ta’ differenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont il-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2018, Tänzer & Trasper, C‑462/17, EU:C:2018:866, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kuntest tad-dispożizzjoni inkwistjoni, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 853/2004, id-definizzjonijiet imsemmija fir-Regolamenti Nri 178/2002 u 852/2004 huma applikabbli għall-finijiet tar-Regolament Nru 853/2004. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 852/2004 jiddefinixxi l-kelma “kontaminazzjoni” bħala “il-preżenza jew l-introduzzjoni ta’ periklu”. Rigward il-kunċett ta’ “perikolu”, dan huwa ddefinit fil-punt 14 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 178/2002 bħala “aġent bijoloġiku, kimiku jew fiżiku fi, jew kondizzjoni ta’, ikel jew għalf bil-potenzjal li joħloq effetti kuntrarji fuq is-saħħa”.

40

Kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni manifestament xtaq jippromwovi livell għoli ta’ sigurtà tal-ikel billi jżomm definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ kontaminazzjoni.

41

Din l-analiżi hija kkonfermata mit-test stess tal-punt 5 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004. Fil-fatt, l-użu tal-espressjoni “kull kontaminazzjoni” fil-lingwa Franċiża u Ġermaniża u u l-użu ta’ “kontaminazzjoni” fil-lingwa Olandiża u Spanjola, kif ukoll l-użu, f’dan l-istess punt, tal-avverbju “b’mod partikolari”, juru li l-imsemmi leġiżlatur ħa ħsieb li ma jillimitax l-obbligu li tiġi evitata kull kontaminazzjoni għal forma ta’ kontaminazzjoni speċifika. Bl-istess mod, il-punt 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-proċedura li għandha tiġi segwita wara l-ispezzjoni u t-tneħħija tal-interjuri, jiġifieri, b’mod partikolari, it-tindif tal-karkassi, mingħajr madankollu ma jirrestrinġi dan l-obbligu għall-eliminazzjoni ta’ ċerti forom ta’ kontaminazzjoni.

42

Barra minn hekk, mill-punt 2 tal-Kapitolu I tat-Taqsima I tal-Anness I, tar-Regolament Nru 854/2004 jirriżulta li l-veterinarju uffiċjali, meta huwa jwettaq kontroll rigward il-proċeduri tal-operaturi tas-settur tal-ikel, bħall-biċċeriji, għandu jiżgura ruħu li dawn tal-aħħar jiggarantixxu, sa fejn huwa possibbli, li l-laħam “ma jkunx fih kontaminazzjoni tal-ħmieġ ta’ l-imsaren jew xi kontaminazzjoni oħra”. Għandu jiġi kkonstatat li l-kliem użat fir-rigward tan-natura tal-kontaminazzjoni huwa wkoll wiesa’ ħafna, u l-użu tal-kelma “oħra” jikkonferma b’dan il-mod li s-sorsi ta’ kontaminazzjoni ma huma s-suġġett tal-ebda limitazzjoni partikolari.

43

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għan tar-Regolament Nru 853/2004, għandu jitfakkar li l-premessa 9 ta’ dan ir-regolament tindika li r-riformulazzjoni ta’ dan għandha bħala għan prinċipali li tiżgura lill-konsumatur livell għoli ta’ protezzjoni fil-qasam ta’ sigurtà tal-ikel. Barra minn hekk, il-premessa 10 tal-imsemmi regolament turi b’mod ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħmel il-kwistjoni ta’ interess ewlenija tiegħu s-saħħa tal-konsumaturi, sa fejn jissemma fl-imsemmija premessa li “[h]emm bżonn li jinżammu u fejn meħtieġ, biex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-konsumatur, jiġu issikkati, ir-regoli dettaljati ta’ iġjene għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali”.

44

Għaldaqstant, kemm l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 853/2004 kif ukoll l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li huwa intiż li jilħaq jeżiġu li jitneħħew is-sorsi kollha ta’ kontaminazzjoni. B’dan il-mod, il-kunċett ta’ “apparat diġestiv” ma jistax jiġi limitat għall-intestini u għall-kontenut tagħhom. Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-apparat diġestiv jinkludi l-organi kollha li jikkostitwixxu l-apparat diġestiv, iżda wkoll il-kontenut ta’ dawn l-organi, mill-ħalq sal-anus. Il-materja fekali, il-kontenut tal-ħawsla u l-bili jagħmlu għaldaqstant parti mill-apparat diġestiv u għandhom għalhekk jitqiesu li jaqgħu taħt l-obbligi previsti fil-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004.

45

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “kontaminazzjoni” jiġbor mhux biss il-kontaminazzjoni kkawżata mill-materja fekali, iżda wkoll il-kontaminazzjoni kkawżata mill-kontenut tal-ħawsla u mill-bili.

Fuq l-ewwel, it-tielet u l-ħames domanda

46

Bl-ewwel u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li karkassa tat-tjur ma għandux ikun jibqa’ fiha kontaminazzjoni viżibbli wara l-istadju tat-tindif u li dan l-istadju għandu jsir qabel dak tat-tkessiħ. Jekk jingħad li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li hija ma teżiġix assenza ta’ kontaminazzjoni viżibbli, il-qorti tar-rinviju, permezz tal-ħames domanda tagħha, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-imsemmija dispożizzjoni, meta tinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 852/2004, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ggarantit l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, il-kontroll tal-awtoritajiet kompetenti għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tan-normi HACCP mill-biċċeriji.

47

L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-fatt, jekk il-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004 jipprevedux regola ta’ tolleranza żero, jiġifieri li l-karkassi tat-tjur ma għandu jkun fihom l-ebda kontaminazzjoni, kemm jekk tkun viżibbli jew inviżibbli, immedjatament wara l-istadju tat-tneħħija tal-interjuri. Sussegwentement, hija tistaqsi jekk, fil-każ li din ir-regola tapplika, l-applikazzjoni tagħha għandhiex issir fl-aħħar tal-linja tal-qatla, jiġifieri qabel l-istadju tat-tkessiħ.

48

Għandu jiġi osservat li la d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kontaminazzjoni” fl-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 852/2004 u lanqas il-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004 ma jiddistingwu l-kontaminazzjoni viżibbli mill-kontaminazzjoni inviżibbli.

49

Madankollu, mill-punti 39 sa 41 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “kontaminazzjoni” fis-sens tal-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004 huwa ddefinit b’mod wiesa’. Għaldaqstant huwa ma jistax ikun limitat biss għall-kunċett ta’ kontaminazzjoni viżibbli.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb li jagħmel distinzjoni bejn id-diversi speċi ta’ annimali, b’mod partikolari billi jiddistingwi bejn il-laħam tal-ungulati domestiċi u l-laħam tat-tjur u tal-lagomorfi. Issa, fil-Kapitolu IV tas-Sezzjoni I tal-Anness III, ta’ dan ir-regolament, iddedikat għall-iġjene matul il-qatla fir-rigward tal-laħam ta’ ungulati domestiċi, huwa indika b’mod espliċitu, fil-punt 10, li l-karkassi li jaqgħu taħt din il-kategorija “ma għandux ikun fihom kontaminazzjoni fekali li tidher” u li “[k]ull kontaminazzjoni li tidher għandha titneħħa mingħajr dewmien billi tintraqam jew mezz alternattiv b’effett ekwivalenti”.

51

Għandu jiġi kkonstatat li tali preċiżjoni ma tidhirx fil-kapitolu ddedikat għall-iġjene matul il-qatla tal-laħam tat-tjur u tal-lagomorfi. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq iżomm definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ kontaminazzjoni fil-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004, li tiġbor kemm il-kontaminazzjoni viżibbli kif ukoll il-kontaminazzjoni inviżibbli.

52

Għaldaqstant, skont il-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004, il-kunċett ta’ “kontaminazzjoni” jirreferi kemm għall-kontaminazzjoni viżibbli kif ukoll għall-kontaminazzjoni inviżibbli.

53

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema stadju hija meħtieġa l-assenza ta’ kull kontaminazzjoni, kemm jekk tkun viżibbli jew le, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, b’mod partikolari, li huwa impossibbli li tiġi ssodisfatta regola ta’ tolleranza żero u li l-eventwali kontaminazzjonijiet preżenti fuq il-karkassa fl-istadju tal-katina tal-“lest għat-tisjir” jiġu eliminati matul il-proċess ta’ tkessiħ jew matul it-tqattigħ kif ukoll l-ippakkjar. Il-biċċeriji għandhom għalhekk sempliċi obbligu tal-aħjar sforzi rigward l-assenza ta’ kontaminazzjoni matul il-proċess tal-qatla.

54

Tali argument ma jistax jintlaqa’.

55

Mill-formulazzjoni tal-punt 5 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 jirriżulta li, fl-istadju tal-qatla, għandha tittieħed kull miżura sabiex tiġi evitata kontaminazzjoni, b’mod partikolari bit-tixrid tal-apparat diġestiv matul it-tneħħija tal-interjuri. L-użu tal-verb “evitat” juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jimponi obbligu ta’ riżultat f’dan l-istadju tal-proċess, iżda, min-naħa l-oħra, ħajjar lill-biċċeriji jimplimentaw il-miżuri kollha possibbli sabiex jiżguraw ruħhom li ma jikkontaminawx il-karkassi. Fil-fatt, l-assenza ta’ kull kontaminazzjoni viżibbli f’dan l-istadju tkun tqiegħed obbligu mhux raġonevoli fuq il-biċċeriji.

56

Din l-analiżi hija kkonfermata, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punti 62 u 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, bil-fatt li l-ispezzjoni postmortem, intiża sabiex teskludi l-karkassi kkontaminati u mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem, isseħħ wara l-istadju tat-tneħħija tal-interjuri, skont kif jirriżulta minn qari flimkien tal-punti 6 u 7 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004 u tal-punt 1 tal-parti B tal-Kapitolu V tat-Taqsima IV tal-Anness I, tar-Regolament Nru 854/2004. B’mod partikolari, dan l-aħħar punt jipprevedi li t-tjur kollu għandu jkun suġġett għal spezzjoni postmortem b’mod konformi mat-Taqsimiet I u III tal-Anness I, tar-Regolament Nru 854/2004 u li, minbarra dan, il-veterinarju uffiċjali għandu jwettaq huwa nnifsu spezzjoni ta’ kuljum tal-vixxri u tal-kavitajiet tal-ġisem ta’ kampjun rappreżentattiv tat-tjur. F’dan ir-rigward, il-veterinarju uffiċjali għandu jiżgura ruħu, b’mod konformi mal-punt 2 tal-Kapitolu I tat-Taqsima I tal-Anness I, ta’ dan ir-regolament, li l-proċeduri tal-operaturi jiggarantixxu, sa fejn huwa possibbli, li l-laħam ma jkunx fih kontaminazzjoni, fekali jew ta’ tip ieħor.

57

L-ispezzjoni postmortem hija intiża preċiżament sabiex tagħżel bejn il-partijiet li ma humiex xierqa għall-konsum mill-bniedem u l-partijiet l-oħra li jistgħu jgħaddu għall-istadju tat-tindif, sabiex jitneħħa l-ħmieġ residwali kollu, bħad-demm jew il-kontenut tal-budellat. Dan l-istadju jidher għaldaqstant għalkollox superfluwu jekk limitu ta’ tolleranza żero jiġi applikat immedjatament wara l-istadju tat-tneħħija tal-interjuri, li ma jittollera l-ebda kontaminazzjoni viżibbli.

58

Min-naħa l-oħra, mill-ordni tal-istadji ta’ pproċessar adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-punt 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004 jirriżulta li t-tindif għandu jsir qabel it-tkessiħ u għaldaqstant qabel it-tqattigħ, l-ippakkjar u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-konsumatur. Wara l-istadju tat-tindif, ma għandu jkun fadal l-ebda kontaminazzjoni viżibbli.

59

Għalhekk, fl-istadju tat-tindif, is-superviżjoni mwettqa mill-veterinarju uffiċjali diġà ppermettiet li jiġu implimentati l-miżuri neċessarji sabiex il-perikolu jinġab għal livell aċċettabbli, billi jitnaddfu l-partijiet li jkunu għadhom jistgħu jitnaddfu, u, meta ma jkunx possibbli li l-perikolu jinġab għal livell aċċettabbli, li jiġu adottati l-miżuri korrettivi xierqa sabiex jiġi eliminat dan il-perikolu, jiġifieri li l-partijiet ikkonċernati jiġu ddikjarati mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem, u dan b’mod konformi mal-“prinċipji HACCP”, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 852/2004.

60

Minbarra dan, il-fatt li jiġi kkontrollat l-istadju tat-tindif billi tiġi ppreżentata karkassa bla ebda kontaminazzjoni viżibbli fl-istadju tat-tkessiħ, dak tat-tqattigħ u u dak tal-ippakkjar huwa iktar u iktar importanti għaliex dawn l-istadji jikkostitwixxu diġà minnhom infushom punt kritiku minħabba l-bosta kuntatti tal-laħam mal-uċuħ jew mal-materjali maħmuġa. Jekk il-perikolu tal-istadju preċedenti ma jiġix ikkontrollat, dan għandu mnejn jgħaddi għall-istadju ta’ wara jew saħansitra jikber fl-istadju ta’ wara. L-għan intiż sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jiġi, għaldaqstant, kompromess b’mod serju minħabba f’hekk.

61

B’dan il-mod, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-istadju tat-tkessiħ ma huwiex intiż sabiex inaddaf il-karkassi sabiex tiġi eliminata kull kontaminazzjoni viżibbli, iżda huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex iwaqqaf il-multiplikazzjoni tal-ġermi u jikkonserva l-laħam sabiex jitkompla l-istadju tat-tqattigħ u tal-ippakkjar fl-aħjar kundizzjonijiet.

62

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel u t-tielet domanda għandha tkun li l-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li karkassa tat-tjur ma għandux jibqa’ jkun fiha kontaminazzjoni viżibbli wara l-istadju tat-tindif u qabel l-istadju tat-tkessiħ.

63

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u t-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda.

Fuq ir-raba’ domanda

64

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-parti D tal-Kapitolu II tat-Taqsima I tal-Anness I, tar-Regolament Nru 854/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li l-awtorità kompetenti, għall-finijiet tal-ispezzjoni tal-karkassi tat-tjur, tneħħi dawn tal-aħħar mil-linja tal-qatla u tagħmel eżami kemm estern kif ukoll intern ta’ dawn il-karkassi, jekk hemm bżonn billi terfa’ t-tessut adipuż ta’ dawn le.

65

Mill-premessa 4 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-kontrolli uffiċjali tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom isiru fuq l-aspetti kollha li huma ta’ importanza għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

66

Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jindika li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw lil-operaturi ta’ negozji fl-ikel joffru l-assistenza kollha biex jiġi żgurat li l-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtorità kompetenti ikunu jistgħu jitwettqu b’mod effettiv”.

67

Għandu wkoll jitfakkar li l-punt 1 tal-parti D tal-Kapitolu II tat-Taqsima I tal-Anness I, tal-imsemmi regolament jipprevedi li, għall-finijiet tal-ispezzjoni postmortem, “[l]-uċuħ ta’ barra kollha għandhom ikunu eżaminati” u, “[g]ħal dan l-għan jisgħtu jinħtieġu manipulazzjoni minima tal-karkassi u l-ġewwieni jew faċilitajiet tekniċi speċjali”, “[i]l-ħeffa tal-kju għall-qatla u n-numru ta’ personal li jagħmel l-ispezzjonijiet li jrid ikun preżenti, għandhom ikunu tali mod li jippermettu spezzjoni bir-reqqa”. Barra minn hekk, skont il-punt 1(a) tal-parti B tal-Kapitolu V tat-Taqsima IV ta’ dan l-istess regolament, barra l-ispezzjoni postmortem prevista għal-laħam frisk kollu, “l-veterinarju uffiċjali għandu personalment iwettaq […] [l-i]spezzjoni ta’ kull jum tal-vixxri u l-kavitajiet tal-ġisem ta’ kampjun rappresentattiv ta’ l-għasafar”.

68

Minbarra dan, il-punt 2 tal-parti D tal-Kapitolu II tat-Taqsima I tal-Anness I, tar-Regolament Nru 854/2004 jipprevedi li l-awtorità kompetenti tista’ twettaq eżamijiet supplimentari, bħall-mess jew l-inċiżjoni ta’ ċerti partijiet tal-karkasa u l-ġewwieni, kif ukoll testijiet fil-laboratorju, jekk dan jitqies meħtieġ.

69

Minn dan li ntqal hawn fuq jirriżulta li, sabiex jasal għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda normi ta’ kontroll minimi f’dak li jirrigwarda l-laħam tat-tjur, jiġifieri l-eżami estern tal-karkassi kif ukoll l-eżami intern fuq kampjun ta’ karkassi, filwaqt li ħalla lill-awtorità kompetenti marġni wiesa’ ta’ manuvra sabiex twettaq kontrolli iktar stretti, bħala analiżi, jekk hija tqis li dan huwa meħtieġ.

70

F’dan ir-rigward, it-tneħħija ta’ karkassa tat-tjur mil-linja ta’ qatla sabiex jiġi eżaminat it-tessut adipuż tista’, b’mod partikolari, tirriżulta meħtieġa sabiex tinstab patoloġija ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem, bħall-influwenza tat-tjur, u proporzjonata fid-dawl tal-importanza li għandu l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

71

F’kull każ, hija l-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-elementi sottomessi quddiemha, li għandha tistabbilixxi jekk il-mezzi implimentati għall-finijiet tal-ispezzjoni tal-karkassi tat-tjur kinux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit b’mod leġittimu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u kinux imorru lil hinn minn dak li kien meħtieġ biex l-għan jintlaħaq.

72

Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-parti D tal-Kapitolu II tat-Taqsima I tal-Anness I, tar-Regolament Nru 854/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li l-awtorità kompetenti, għall-finijiet tal-ispezzjoni tal-karkassi tat-tjur, tneħħi dawn tal-aħħar mil-linja tal-qatla u twettaq eżami kemm estern kif ukoll intern ta’ dawn il-karkassi, jekk hemm bżonn billi terfa’ t-tessut adipuż ta’ dawn, bil-kundizzjoni li dan l-eżami ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi ggarantit li dan il-kontroll ikun effettiv, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

73

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “kontaminazzjoni” jiġbor mhux biss il-kontaminazzjoni kkawżata mill-materja fekali, iżda wkoll il-kontaminazzjoni kkawżata mill-kontenut tal-ħawsla u mill-bili.

 

2)

Il-punti 5 u 8 tal-Kapitolu IV tas-Sezzjoni II tal-Anness III, tar-Regolament Nru 853/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li karkassa tat-tjur ma għandux jibqa’ jkun fiha kontaminazzjoni viżibbli wara l-istadju tat-tindif u qabel l-istadju tat-tkessiħ.

 

3)

Il-punt 1 tal-parti D tal-Kapitolu II tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 739/2011 tas-27 ta’ Lulju 2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li l-awtorità kompetenti, għall-finijiet tal-ispezzjoni tal-karkassi tat-tjur, tneħħi dawn tal-aħħar mil-linja tal-qatla u twettaq eżami kemm estern kif ukoll intern ta’ dawn il-karkassi, jekk hemm bżonn billi terfa’ t-tessut adipuż ta’ dawn, bil-kundizzjoni li dan l-eżami ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi ggarantit li dan il-kontroll ikun effettiv, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.