SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
14 ta’ Novembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari – Sitwazzjoni purament interna – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi kull attività lukrattiva relatata maż-żamma ta’ urni funebri – Eżami tal-proporzjonalità – Koerenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali”
Fil-Kawża C‑342/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Veneto, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura
Memoria Srl,
Antonia Dall’Antonia
vs
Comune di Padova,
fil-preżenza ta’:
Alessandra Calore,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský (Relatur), L. Bay Larsen, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,
Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ April 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Memoria Srl u A. Dall’Antonia, minn G. Martini, A. Sitzia u P. Piva, avvocati, |
|
– |
għall-Comune di Padova, minn M. Lotto, V. Mizzoni, A. Sartori u P. Bernardi, avvocati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa‑Lacombe u L. Malferrari, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Ġunju 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Memoria Srl u Antonia Dall’Antonia u, min-naħa l-oħra, il-Comune di Padova (il-muniċipalità ta’ Padova, l-Italja) dwar leġiżlazzjoni, adottata minn din tal-aħħar, li għandha bħala effett li tipprojbixxi lid-depożitarji ta’ urna funebri milli jitolbu lil impriża privata żżomm tali urna funebri taħt ħlas. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessa 8 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), tipprevedi:
|
|
4 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2006/123: “Din id-Direttiva ma tkoprix l-abolizzjoni ta’ monopolji li jipprovdu servizzi lanqas l-għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri li huma koperti mir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.” |
Id-dritt Taljan
Il-Liġi Nru 234, tal‑24 ta’ Diċembru 2012
|
5 |
L-Artikolu 53 tal-legge n. 234 - Norme generali sulla partecipazione dell’Italia alla formazione e all’attuazione della normativa e delle politiche dell’Unione europea (il-Liġi Nru 234 li tistabbilixxi regoli ġenerali dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika Taljana fil-formazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki tal-Unjoni Ewropea), tal‑24 ta’ Diċembru 2012 (GURI Nru 3, tal‑4 ta’ Jannar 2013), jipprovdi: “Ir-regoli tal-ordinament ġuridiku Taljan li jipproduċu effetti diskriminatorji fir-rigward tal-kundizzjonijiet u tat-trattament iggarantiti fl-ordinament ġuridiku Taljan liċ-ċittadini tal-Unjoni ma humiex applikabbli fir-rigward taċ-ċittadini Taljani.” |
Il-Liġi Nru 130, tat‑30 ta’ Marzu 2001
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-legge n. 130 - Disposizioni in materia di cremazione e dispersione delle ceneri (il-Liġi Nru 130 dwar il-Kremazzjoni u t-Tixrid tal-Irmied), tat‑30 ta’ Marzu 2001 (GURI Nru 91, tad‑19 ta’ April 2001), jipprovdi: “1. Fis-sitt xhur wara l-promulgazzjoni ta’ din il-liġi, [id-decreto del Presidente della Repubblica n. 285 approvazione del regolamento di polizia mortuaria (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 285 li Japprova r-Regolament Dwar il-Pulizija Mortwarja) tal‑10 ta’ Settembru 1990 (GURI Nru 239, tat‑12 ta’ Ottubru 1990)], jista’ jiġi emendat b’regolament adottat skont l-Artikolu 17(1), tal-Liġi Nru 400, tat‑23 ta’ Awwissu 1998, emendata, fuq proposta tal-Ministeru għas-Saħħa, wara li ġew mismugħa l-Ministeri għall-Intern u għall-Ġustizzja, u wara li tkun inkisbet l-opinjoni tal-kumitati parlamentari kompetenti, fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin: […]
[…]
[…]
[…]
[…]” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 5(2) ta’ din il-liġi: “Permezz ta’ digriet tal-Ministeru għall-Intern, b’konsultazzjoni mal-Ministru għas-Saħħa, u wara li jkunu nstemgħu l-Associazione nazionale dei comuni italiani (ANCI) (l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Muniċipalitajiet Taljani), il-Confederazione nazionale dei servizi (Confservizi) (il-Konfederazzjoni Nazzjonali tas-Servizzi) kif ukoll l-assoċjazzjonijiet l-iktar rappreżentattivi li, fost l-objettivi tagħhom, għandhom il-kwistjonijiet ta’ kremazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, it-tariffi applikabbli għall-kremazzjoni tal-katavri, kif ukoll għaż-żamma u għat-tixrid tal-irmied fil-postijiet adatti ġewwa ċ-ċimiterji.” |
Id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 285, tal‑10 ta’ Settembru 1990
|
8 |
Skont l-Artikolu 92(4) tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 285, tal‑10 ta’ Settembru 1990: “Ħadd ma jista’ jagħti rqajja’ art għal oqbra privati lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom l-intenzjoni jagħmlu profitt jew negozju bihom.” |
Il-Liġi Reġjonali Nru 18, tal‑4 ta’ Marzu 2010
|
9 |
Il-legge regionale n. 18 - Norme in materia funeraria, della Regione del Veneto (il-Liġi Reġjonali Nru 18 fil-Qasam Funebru, tar-Reġjun tal-Veneto), tal‑4 ta’ Marzu 2010, fdat lill-muniċipalitajiet il-kompitu li jistabbilixxu r-rekwiżiti dwar iż-żamma u l-karatteristiċi tal-urni funebri. |
Ir-Regolament dwar is-Servizzi Funebri tal-muniċipalità ta’ Padova
|
10 |
L-Artikolu 52 tar-Regolament dwar is-Servizzi Funebri tal-muniċipalità ta’ Padova, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-muniċipalità ta’ Padova Nru 84, tat‑30 ta’ Novembru 2015, jipprovdi: “1. Iż-żamma tal-urna funebri sabiex tiġi kkonservata f’dar għandha tingħata b’osservanza għad-dispożizzjonijiet bil-miktub magħmulin mill-mejjet matul ħajtu. Fin-nuqqas ta’ dawn id-dispożizzjonijiet bil-miktub, iż-żamma tista’ tintalab mill-konjuġi jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-qarib l-iktar viċin stabbilit skont l-Artikoli 74, 75, 76 u 77 tal-Kodiċi Ċivili u, jekk ikun hemm diversi, mill-maġġoranza assoluta tagħhom. 2. Fil-każ ta’ rabtiet affettivi jew ta’ rikonoxximent ipprovati, iż-żamma tal-urna tista’ wkoll tiġi fdata lil persuni oħra għajr dawk imsemmija fit-tieni sentenza tal-paragrafu preċedenti, bla ħsara għall-kunsens minn qabel bil-miktub tal-aventi kawża. 3. Id-depożitarju tal-urna funebri bl-ebda mod ma jista’ jitlob lil terzi jżommuha. Tali projbizzjoni tgħodd ukoll fil-każ ta’ rieda espressa manifestata mill-mejjet matul ħajtu. 4. Id-depożitarju tal-urna għandu jżommha f’daru, f’post protett kontra profanazzjonijiet jew serq possibbli. Ma jistgħux isiru fetħiet jew toqob fl-urna għal kwalunkwe raġuni. 5. Is-servizzi funebri jistgħu jeħtieġu fi kwalunkwe ħin li tiġi ppreżentata l-urna funebri mid-depożitarju, sabiex tiġi vverifikata l-integrità u l-istat ta’ żamma tagħha. […] 9. Fi kwalunkwe ħin jista’ jiġi mitlub li l-urna ddepożitata titqiegħed f’ċimiterju. 10. Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4, iż-żamma tal-urni funebri fl-ebda każ ma tista’ tiġi eżerċitata bi skop ta’ lukru. Konsegwentement, ma humiex awtorizzati attivitajiet ekonomiċi li l-għan tagħhom, anki jekk ma jkunx esklużiv, ikun iż-żamma ta’ urni funebri bi kwalunkwe titolu u għal kwalunkwe żmien. Tali projbizzjoni tgħodd ukoll fil-każ ta’ rieda espressa manifestata mill-mejjet matul ħajtu.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
11 |
Memoria hija kumpannija mwaqqfa fl‑1 ta’ Diċembru 2014, li l-attività tagħha tikkonsisti f’li toffri lill-familji tal-mejtin inċinerati servizz ta’ żamma tal-urni funebri tagħhom abbażi ta’ kuntratti ta’ trasferiment ta’ spazji għaż-żamma ta’ dawn l-urni f’postijiet irriżervati għaż-żamma tagħhom. Dan is-servizz huwa ppreżentat bħala li huwa intiż li jippermetti lill-familji jevitaw li jkollhom iżommu tali urni fi djarhom, filwaqt li joffrilhom aċċess għall-postijiet li fihom jinżammu dawn l-urni iktar faċli milli fil-każ ta’ ċimiterju. Il-postijiet li fihom jinżammu dawn l-urni huma ppreżentati bħala spazji esklużivament intiżi sabiex jinżammu tali urni, f’ambjent estetikament pjaċevoli, kalm, protett u adattat għall-meditazzjoni u għat-talb fil-memorja tal-mejtin. |
|
12 |
Mix-xahar ta’ Settembru 2015, Memoria inawgurat postijiet maħsuba biss għaż-żamma ta’ urni funebri, li hija ssejjaħ “postijiet ta’ tfakkir”, li jinsabu f’kwartieri differenti tal-muniċipalità ta’ Padova. L-aċċess tal-membri tal-familja tal-mejjet għal dawn il-postijiet huwa suġġett għall-aċċettazzjoni ta’ kodiċi intern ta’ kondotta, li jimponi, b’mod partikolari, l-osservanza ta’ regoli ta’ edukazzjoni tajba, ta’ manjieri tajbin u ta’ dinjità, il-projbizzjoni ta’ konsum ta’ xorb alkoħoliku u l-obbligu li jintlibes ilbies xieraq. |
|
13 |
A. Dall’Antonia hija klijenta potenzjali ta’ Memoria, peress li hija kienet qiegħda tippjana li tinċinera l-ġisem tar-raġel tagħha u li tieħu l-irmied tiegħu f’wieħed minn dawn il-postijiet. |
|
14 |
Madankollu, il-muniċipalità ta’ Padova adottat id-Deċiżjoni Nru 84, tat‑30 ta’ Novembru 2015, li emendat ir-Regolament dwar is-Servizzi Funebri ta’ din il-muniċipalità. L-emendi li saru kellhom l-effett li jeskludu b’mod espliċitu l-possibbiltà li d-depożitarju ta’ urna funebri jirrikorri għas-servizzi ta’ impriża privata, iġġestita indipendentement mid-Dipartiment Muniċipali taċ-Ċimiterji, għall-finijiet taż-żamma ta’ din l-urna barra mill-kuntest domestiku. |
|
15 |
Fil‑15 ta’ Frar 2016, Memoria u A. Dall’Antonia ppreżentaw quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Veneto, l-Italja), rikors intiż għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni u, fir-rigward ta’ Memoria, għall-kumpens għad-dannu subit minħabba din l-istess deċiżjoni. Insostenn tar-rikors tagħhom, huma jsostnu, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar preċiż, mal-prinċipji ta’ libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
|
16 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li għandha dubji rigward l-invokabbiltà ta’ dawn il-prinċipji, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tapplikax għat-territorju nazzjonali kollu, iżda biss għall-muniċipalità ta’ Padova. Min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmija prinċipji kellhom jitqiesu li huma invokabbli, din l-istess qorti tqis li hemm għaldaqstant raġunijiet sabiex tiġi ddubitata l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fir-rigward tagħhom, peress li din il-leġiżlazzjoni ma hija ġġustifikata minn ebda raġuni ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. |
|
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Veneto) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet segwenti tal-Artikolu 52 tar-Regolament dwar is-servizzi funebri tal-Comune di Padova (l-Italja)[, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Muniċipalità ta’ Padova Nru 84, tat‑30 ta’ Novembru 2015, li jipprevedu li]: ‘Id-depożitarju tal-urna funebri bl-ebda mod ma jista’ jitlob lil terzi jżommuha. Tali projbizzjoni tgħodd ukoll fil-każ ta’ rieda espressa manifestata mill-mejjet matul ħajtu’ (it-tielet paragrafu). ‘L-urna għandha tinżamm esklużivament fl-abitazzjoni tad-depożitarju […]’ (ir-raba’ paragrafu). ‘[…] Iż-żamma tal-urni funebri fl-ebda każ ma tista’ tiġi eżerċitata bi skop ta’ lukru u, konsegwentement, ma humiex awtorizzati attivitajiet ekonomiċi li l-għan tagħhom, anki jekk ma jkunx esklużiv, ikun iż-żamma ta’ urni funebri bi kwalunkwe titolu u għal kwalunkwe żmien. Tali projbizzjoni tgħodd ukoll fil-każ ta’ rieda espressa manifestata mill-mejjet matul ħajtu’ (l-għaxar paragrafu)[?]” |
|
18 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑31 ta’ Lulju 2017, it-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet miċħuda. |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
19 |
Il-Gvern Taljan isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domanda magħmula, peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba ma japplikawx għall-kawża prinċipali, peress li din tal-aħħar tirrigwarda sitwazzjoni purament interna. |
|
20 |
Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja kif, minkejja n-natura tagħha purament interna, it-tilwima pendenti quddiemha għandha element ta’ rabta mal-Artikoli 49 u 56 TFUE li jirrendi l-interpretazzjoni tagħhom neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 55). |
|
21 |
Fin-nuqqas ta’ tali indikazzjonijiet, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. |
|
22 |
Għaldaqstant għandha tiġi eżaminata l-oġġezzjoni mqajma mill-Gvern Taljan fil-kuntest tal-verifika tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
|
23 |
Għandu jitfakkar li tilwima, għalkemm tkun bejn ċittadini tal-istess Stat Membru, għandha titqies bħala li għandha element ta’ rabta mal-Artikoli 49 u 56 TFUE li tista’ tirrendi l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, meta d-dritt nazzjonali jimponi lill-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi lill-imsemmija ċittadini l-istess drittijiet li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jinsabu fl-istess sitwazzjoni jiksbu mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2013, Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia et, C‑111/12, EU:C:2013:100, punt 35, kif ukoll tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 52) |
|
24 |
F’dan il-każ, it-tilwima fil-kawża prinċipali ċertament tinvolvi, minn naħa, kumpannija rregolata mid-dritt Taljan u ċittadina Taljana u, min-naħa l-oħra, muniċipalità li tinsab fit-territorju tal-Italja, iżda l-qorti tar-rinviju tindika li, skont l-Artikolu 53 tal-Liġi Nru 234, tal‑24 ta’ Diċembru 2012, hija għandha l-obbligu tapplika fir-rigward ta’ din il-kumpannija u ta’ din iċ-ċittadina l-Artikoli 49 u 56 TFUE. |
|
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat, li l-qorti tar-rinviju wriet kif, minkejja n-natura purament interna tagħha, it-tilwima pendenti quddiemha għandha element ta’ rabta mal-Artikoli 49 u 56 TFUE li jirrendi l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima u, għaldaqstant, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta li hija, f’dan ir-rigward, ammissibbli. |
|
26 |
Barra minn hekk, il-muniċipalità ta’ Padova u l-Gvern Taljan isostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli wkoll għal raġunijiet oħra. |
|
27 |
L-ewwel nett, skonthom, din it-talba ma tinkludix l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju ma indikatx l-argumenti tal-muniċipalità ta’ Padova intiżi li jenfasizzaw l-interessi pubbliċi li għall-protezzjoni tagħhom ġew adottati d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 94(b) u (c) tar-Regoli tal-Proċedura, kull talba għal deċiżjoni preliminari għandha tindika l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża prinċipali kif ukoll ir-rabta li l-qorti tar-rinviju tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba. |
|
29 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ċċitat id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar is-Servizzi Funebri tal-muniċipalità ta’ Padova, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-muniċipalità ta’ Padova Nru 84, tat‑30 ta’ Novembru 2015, u ppreċiżat li l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE kienet mitluba sa fejn il-legalità ta’ dan ir-regolament kienet ikkontestata minħabba l-allegata inkompatibbiltà tiegħu mal-prinċipji ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment. |
|
30 |
Minn dan isegwi li l-qorti tar-rinviju ssodisfat, suffiċjentement skont il-liġi, l-obbligu tagħha li tindika l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll ir-rabta eżistenti bejn dawn id-dispożizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba. |
|
31 |
Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-muniċipalità ta’ Padova u mill-Gvern Taljan għandha tiġi miċħuda. |
|
32 |
Sussegwentement, il-Gvern Taljan jallega li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija prematura. Fil-fatt, skont dan il-gvern, qabel ma għamlet id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju kien imissha eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprojbixxix jew tawtorizzax l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li għandha bħala għan iż-żamma u l-konservazzjoni ta’ urni funebri u, f’din l-okkażjoni, kien imissha identifikat l-għanijiet li din il-leġiżlazzjoni trid tilħaq. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qrati nazzjonali għandhom diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jikkunsidraw li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom u li, b’mod partikolari, huma liberi li jeżerċitaw din id-diskrezzjoni f’kull stadju tal-proċedura li huma jqisu xieraq (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Konsegwentement, talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli għar-raġuni biss li din saret fi stadju bikri tal-proċedura fil-kawża prinċipali. |
|
35 |
Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Taljan għandha tiġi miċħuda. |
|
36 |
Fl-aħħar nett, il-muniċipalità ta’ Padova tqis li, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-istatus tad-drittijiet l-iktar personali tal-individwu, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu, fi kwalunkwe każ, li din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi kkontestata. |
|
37 |
Madankollu, anki jekk ma huwiex neċessarjament eskluż li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jistgħu jkunu rilevanti, l-interazzjoni eventwali tagħhom mal-libertajiet ta’ moviment tikkostitwixxi kwistjoni ta’ mertu. Għaldaqstant, peress li s-sempliċi invokazzjoni tagħhom ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li talba għal deċiżjoni preliminari hija nieqsa minn kull effettività, ir-risposta għaliha tibqa neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha. Għalhekk, tali talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex inammissibbli. |
|
38 |
Konsegwentement, hemm lok li l-eċċeżżjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-muniċipalità ta’ Padova tiġi miċħuda. |
|
39 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
Osservazzjonijiet preliminari
|
40 |
L-ewwel nett, matul is-seduta, il-Kummissjoni Ewropea sostniet li ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet fundamentali, peress li hija d-Direttiva 2006/123 li tapplika fil-kawża prinċipali. |
|
41 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-impriżi privati milli jipprovdu servizz ta’ żamma ta’ urni funebri, għandha bħala effett, hekk kif jirriżulta minn dak indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, li tagħti lis-servizzi muniċipali monopolju fuq il-provvista tas-servizz ta’ żamma ta’ dawn l-urni. Issa, mill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2006/123, moqri fid-dawl tal-premessa 8 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li din tal-aħħar ma tirrigwardax it-tneħħija tal-monopolji li jipprovdu servizzi. |
|
42 |
Konsegwentement, tali leġiżlazzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 u għalhekk għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. |
|
43 |
It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju rreferiet, fid-domanda tagħha, kemm għall-Artikolu 49 TFUE kif ukoll għall-Artikolu 56 TFUE. |
|
44 |
Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel waħda biss minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hija applikabbli fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, meta operatur ikollu l-intenzjoni jeżerċita, b’mod effettiv, l-attività ekonomika tiegħu permezz ta’ organizzazzjoni stabbli u għal żmien indeterminat, is-sitwazzjoni tiegħu għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment, kif iddefinita fl-Artikolu 49 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑387/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:625, punt 22, u tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punti 148 sa 150). |
|
45 |
Issa, jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, Memoria tixtieq tipprovdi fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Padova servizz ta’ żamma ta’ urni funebri permezz ta’ organizzazzjoni stabbli u għal żmien indefinit. Minn dan jirriżulta li d-domanda preliminari għandha tiġi meqjusa bħala li tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE. |
|
46 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, id-domanda magħmula għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, anki minkejja r-rieda espliċita tal-mejjet, lid-depożitarju ta’ urna funebri milli jafda l-kustodja tagħha lil terz, li tobbligah iżommha f’daru, bl-eċċezzjoni li jagħtiha lil ċimiterju muniċipali, u, barra minn hekk, li tipprojbixxi kull attività eżerċitata bi skop ta’ lukru li għandha bħala għan, anki jekk mhux esklużiv, iż-żamma ta’ urni funebri, fuq kwalunkwe bażi u għal kwalunkwe żmien. |
Fuq id-domanda
|
47 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi kwalunkwe miżura nazzjonali li tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, ħlief jekk tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Venturini et, C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punti 30 u 37). |
|
48 |
Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita, għandha titqies li tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tipprojbixxi, tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C‑375/14, EU:C:2016:60, punt 21). |
|
49 |
F’dan il-każ, fid-dawl tal-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni milli jipprovdu servizz ta’ żamma ta’ urni funebri fl-Istat Membru kkonċernat timpedixxi lil dawn iċ-ċittadini milli jistabbilixxu ruħhom fih sabiex jeżerċitaw tali servizz ta’ żamma u li, għaldaqstant, din tista’ tostakola l-eżerċizzju minn dawn iċ-ċittadini tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat. |
|
50 |
Konsegwentement, tali leġiżlazzjoni tistabbilixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE. |
|
51 |
Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tkun iġġustifikata, bil-kundizzjoni li din tapplika mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm din tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Piringer, C‑342/15, EU:C:2017:196, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
B’mod iktar partikolari, għandu jitfakkar ukoll li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat biss jekk tkun fil-verità tissodisfa x-xewqa li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55, u tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler, C‑293/14, EU:C:2015:843, punt 65). |
|
53 |
F’dan il-każ, il-muniċipalità ta’ Padova u l-Gvern Taljan isostnu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fir-rigward tagħha huwa paċifiku li din tapplika mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, mal-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett dovut għall-memorja tal-mejtin kif ukoll mal-protezzjoni tal-valuri morali u reliġjużi prevalenti fl-Italja, fejn dawn tal-aħħar jipprekludu l-eżistenza ta’ attivitajiet kummerċjali u soċjali relatati maż-żamma tal-irmied tal-mejtin u għalhekk jipprekludu li l-attivitajiet ta’ żamma tal-fdalijiet mortali jkollhom għan lukrattiv. |
|
54 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta ċertament li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tinsab fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni u li l-Istati Membri għandhom f’dan il-qasam marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punti 44, 68 u 106). |
|
55 |
Madankollu, tali għan ma jistax jiġġustifika r-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn l-irmied funebri, bid-differenza tal-fdalijiet mortali, huwa materja inerta minn perspettiva bijoloġika, inkwantu jiġi sterilizzat bis-sħana, b’tali mod li ż-żamma tiegħu ma tistax tirrappreżenta restrizzjoni imposta minn kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika. |
|
56 |
Għaldaqstant, l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika invokat mill-muniċipalità ta’ Padova u mill-Gvern Taljan ma jistax jiġġustifika r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
57 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-għan ta’ protezzjoni tar-rispett dovut għall-memorja tal-mejtin, dan ukoll jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. |
|
58 |
Barra minn hekk, ċertament, jista’ jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-impriżi privati milli jeżerċitaw attività ta’ żamma ta’ urni funebri hija adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ dan l-għan. Fil-fatt, minn naħa, tali projbizzjoni tista’ tiggarantixxi li ż-żamma ta’ dawn l-urni tkun fdata lil strutturi suġġetti għal obbligi u għal verifiki speċifiċi intiżi sabiex jiġi żgurat ir-rispett dovut għall-memorja tal-mejtin. Min-naħa l-oħra, din hija adatta sabiex tiggarantixxi li, fil-każ ta’ waqfien, mill-impriżi kkonċernati, tal-attivitajiet tagħhom ta’ żamma tal-urni funebri, l-urni inkwistjoni ma jiġux abbandunati jew il-kontenut tagħhom ma jiġix imxerred b’mod u f’postijiet inadatti. |
|
59 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li jeżistu miżuri inqas restrittivi li jippermettu li jintlaħaq dan il-għan, bħal, b’mod partikolari, l-obbligu li tiġi żgurata ż-żamma tal-urni funebri f’kundizzjonijiet simili għal dawk taċ-ċimiterji muniċipali u, fil-każ ta’ waqfien tal-attività, li dawn l-urni jiġu ttrasferiti f’ċimiterju pubbliku jew li dawn jingħataw lura lill-qraba tal-mejjet. |
|
60 |
Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tar-rispett dovut għall-memorja tal-mejtin. |
|
61 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment introdotti mill-imsemmija leġiżlazzjoni ma jistgħux jiġu ġġustifikati fid-dawl tal-protezzjoni tar-rispett dovut għall-memorja tal-mejtin. |
|
62 |
Fir-rigward, it-tielet nett, tal-valuri morali u reliġjużi prevalenti fl-Istat Membru kkonċernat, il-Gvern Taljan isostni li dawn jipprekludu li l-attivitajiet ta’ żamma ta’ fdalijiet mortali jistgħu jkollhom skop lukrattiv. |
|
63 |
Madankollu, mingħajr ma hemm il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq il-valur ta’ tali għan, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem stess tal-Artikolu 5(2) tal-Liġi Nru 130, tat‑30 ta’ Marzu 2001, jirriżulta li l-attività ta’ żamma tal-irmied tal-mejtin hija suġġetta, f’dan l-Istat Membru, għall-ħlas ta’ tariffa stabbilita mill-Ministeru għall-Intern, wara konsultazzjoni mal-Ministeru għas-Saħħa u ma’ ċerti assoċjazzjonijiet. |
|
64 |
Issa, il-ftuħ tal-attivitajiet ta’ żamma ta’ fdalijiet mortali għall-operaturi privati seta’ jkun suġġett għal dan l-istess qafas tariffarju li, fih innifsu, ma huwiex evidentement meqjus, mill-Istat Membru kkonċernat, bħala kuntrarju għall-valuri morali u reliġjużi tiegħu. |
|
65 |
Għalhekk, fin-nuqqas ta’ dan, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan invokat, u, konsegwentement, din ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun iġġustifikata fid-dawl tiegħu. |
|
66 |
Minn dan li ntqal jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, anki minkejja r-rieda espliċita tal-mejjet, lid-depożitarju ta’ urna funebri milli jafda l-kustodja tagħha lil terz, li tobbligah iżommha f’daru, bl-eċċezzjoni li jagħtiha lil ċimiterju muniċipali, u, barra minn hekk, li tipprojbixxi kull attività eżerċitata bi skop ta’ lukru li għandha bħala għan, anki jekk mhux esklużiv, iż-żamma ta’ urni funebri, fuq kwalunkwe bażi u għal kwalunkwe żmien. |
Fuq l-ispejjeż
|
67 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, anki minkejja r-rieda espliċita tal-mejjet, lid-depożitarju ta’ urna funebri milli jafda l-kustodja tagħha lil terz, li tobbligah iżommha f’daru, bl-eċċezzjoni li jagħtiha lil ċimiterju muniċipali, u, barra minn hekk, li tipprojbixxi kull attività eżerċitata bi skop ta’ lukru li għandha bħala għan, anki jekk mhux esklużiv, iż-żamma ta’ urni funebri, fuq kwalunkwe bażi u għal kwalunkwe żmien. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.