SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

5 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ismijiet ta’ fibri tat-tessut u rekwiżiti korrispondenti dwar l-ittikkettjar u l-immarkar – Regolament (UE) Nru 1007/2011 – Artikoli 7 u 9 – Prodotti tat-tessut puri – Prodotti tat-tessut komposti minn diversi fibri – Modalitajiet ta’ ttikkettjar jew ta’ mmarkar”

Fil-Kawża C‑339/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

Verein für Aufrechterhaltung lauteren Wettbewerb eV

vs

Princesport GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet (Relatur), M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Verein für lauteren Wettbewerb eV, minn I. Siegfried, Rechtsanwältin,

għal Princesport GmbH, minn M. Liesen, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u S. Eisenberg, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Kasalická, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Petersen u D. Kukovec, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1007/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2011, dwar l-ismijiet ta’ fibri ta’ tessuti u t-tikkettar u l-immarkar relatati tal-kompożizzjoni tal-fibri ta’ prodotti tat-tessut u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 73/44/KEE u d-Direttivi 96/73/KE u 2008/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 272, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Verein für Aufrechterhaltung lauteren Wettbewerb eV, assoċjazzjoni li għandha l-għan li tiġġieled kontra l-kompetizzjoni żleali, u Princesport GmbH dwar ir-rekwiżiti ta’ ttikkettjar jew ta’ mmarkar waqt il-promozzjoni u d-distribuzzjoni, minn Princesport, ta’ prodotti tat-tessut fuq l-internet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1007/2011 tispeċifika li:

“It-tikkettar jew l-immarkar tal-kompożizzjoni tal-fibri għandu jkun obbligatorju biex ikun żgurat li tkun disponibbli informazzjoni korretta u uniformi lill-konsumaturi kollha fl-Unjoni. Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux jipprevjeni lill-operaturi ekonomiċi milli jindikaw, addizzjonalment, il-preżenza ta’ kwantitajiet żgħar ta’ fibri li jeħtieġu attenzjoni partikolari biex tinżamm il-kwalità oriġinali tal-prodott tat-tessut. Fejn huwa teknikament diffiċli li tiġi speċifikata l-kompożizzjoni tal-fibri ta’ prodott tat-tessut fiż-żmien tal-manifattura, għandu jkun possibbli li jitniżżel, fuq it-tikketta u l-immarkar, dawk il-fibri biss li huma magħrufa fiż-żmien tal-manifattura kemm-il darba dawn ikunu jifformaw ċertu perċentwali tal-prodott lest.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw l-użu ta’ ismijiet ta’ fibri tat-tessut u t-tikkettar u l-immarkar relatati tal- kompożizzjoni tal-fibri tal-prodotti tat-tessut, […] bil-ħsieb li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u li tingħata informazzjoni preċiża lill-konsumaturi.”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rekwiżit ġenerali dwar id-disponibbiltà fis-suq ta’ prodotti tat-tessut”, jipprevedi:

“Il-prodotti tat-tessut għandhom ikunu disponibbli biss fis-suq sakemm prodotti bħal dawn huma ttikkettati, immarkati jew akkumpanjati minn dokumenti kummerċjali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.”

6

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1007/2011:

“[…] L-ismijiet tal-fibri tat-tessut elenkati fl-Anness I biss għandhom jintużaw għad-deskrizzjoni tal-kompożizzjonijiet tal-fibri fuq it-tikketti u l-immarkar tal-prodotti tat-tessut.”

7

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prodotti ta’ tessuti puri”, jipprevedi:

“1.   Prodotti tat-tessut komposti esklużivament mill-istess fibra biss jistgħu jiġu ttikkettjati jew immarkati bħala ‘100 %’, ‘puri’ jew ‘kollu/ha’.

Dawn it-termini jew oħrajn simili m’għandhomx jintużaw għal prodotti tat-tessut oħra.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3), prodott tat-tessut li ma jkunx fih aktar minn 2 % tal-piż ta’ fibri estranji jista’ wkoll jiġi ttrattat bħala esklużivament kompost mill-istess fibra, sakemm din il-kwantità tkun iġġustifikata bħala teknikament inevitabbli fil-prattika tajba tal-manifattura u ma tkunx miżjuda bħala rutina.

Prodott tat-tessut li jkun għadda minn proċess ta’ tqardix jista’ wkoll jiġi ttrattat bħala esklużivament magħmul mill-istess fibra jekk ma jkunx fih aktar minn 5 % tal-piż ta’ fibri estranji, sakemm din il-kwantità tkun iġġustifikata bħala teknikament inevitabbli fil-prattika tajba tal-manifattura u ma tkunx miżjuda bħala rutina.”

8

L-Artikolu 9(1) u (5) tal-imsemmi regolament, intitolat “Prodotti tat-tessut multifibri” jistipula:

“1.   Prodott tat-tessut għandu jkun ittikkettat jew immarkat bl-isem u l-perċentwali skont il-piż tal-fibri kostitwenti kollha f’ordni dixxendenti.

[…]

5.   Bħala deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-fibri mhux inklużi fl-Anness I jistgħu jiġu identifikati bit-terminu ‘fibri oħrajn’, preċedut jew segwit immedjatament mill-perċentwali totali tagħhom skont il-piż.”

9

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 jindika:

“Il-prodotti tat-tessut għandhom jiġu ttikkettati jew immarkati biex tiġi indikata l-kompożizzjoni tal-fibri tagħhom kull meta jsiru disponibbli fis-suq.

It-tikkettar u l-immarkar tal-prodotti tat-tessut għandu jkun dejjiemi, jinqara faċilment, viżibbli u aċċessibbli u, fil-każ ta’ tikketta, imwaħħal sew.”

10

L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Meta prodott tat-tessut isir disponibbli fis-suq, id-deskrizzjonijiet tal-kompożizzjoni tal-fibri tat-tessut imsemmija fl-Artikoli 5, 7, 8, u 9 għandhom jiġu indikati fil-katalogi u fil-letteratura kummerċjali, fuq l-imballaġġ, it-tikketti u l-immarkar b’mod li jkunu jinqara faċilment, viżibbli, ċar u stampat b’mod li jkun uniformi fir-rigward tad-daqs, l-istil u t-tipa. Din l-informazzjoni għandha tkun viżibbli b’mod ċar għall-konsumatur qabel ma jixtri, inkluż f’każijiet meta x-xiri jsir b’mezz elettroniku.

2.   It-trademarks jew l-isem tal-intrapriża jistgħu jidhru immedjatament qabel jew wara d-deskrizzjonijiet tal-kompożizzjoni tal-fibra tat-tessut imsemmija fl-Artikoli 5, 7, 8, u 9.

[…]

Informazzjoni oħra għandha dejjem tidher separatament.

3.   It-tikkettar jew l-immarkar għandhom jingħataw fil-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-prodotti tat-tessut ikunu disponibbli għall-konsumatur sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jipprevedix mod ieħor.

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

11

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Verein für Aufrechterhaltung lauteren Wettbewerb tinvoka ksur ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali; iktar ’il quddiem l-“UWG”), kemm fil-verżjoni fis-seħħ sal-10 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem il-“verżjoni preċedenti”) kif ukoll f’dik fis-seħħ wara din id-data (iktar ’il quddiem il-“verżjoni ġdida”).

12

L-Artikolu 4(11) tal-UWG (verżjoni preċedenti) kien jipprevedi:

“Iwettaq att ta’ kompetizzjoni żleali, b’mod partikolari, kull min

[…]

11.   jikser dispożizzjoni legali li hija, fost oħrajn, intiża li tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-operaturi tas-suq”.

13

Dan l-Artikolu 4(11) tal-UWG ġie ssostitwit bl-Artikolu 3a tal-UWG (verżjoni ġdida). Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi:

“Iwettaq att żleali min jikser dispożizzjoni legali intiża, b’mod partikolari, li tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-atturi tagħha peress li dan il-ksur jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-konsumaturi, ta’ parteċipanti oħra tas-suq jew ta’ kompetituri.”

14

Skont l-Artikolu 8 tal-UWG:

“(1)   Kull prattika kummerċjali illeċita skont l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 7 tista’ twassal għal ordni ta’ waqfien u, f’każ ta’ riskju ta’ reċidiviżmu, għal ordni ta’ astinenza jew projbizzjoni. Id-dritt li tintalab il-projbizzjoni huwa disponibbli f’każ li jkun hemm ir-riskju li jkun hemm prattika illeċita fis-sens tal-Artikoli 3 jew 7.

[…]

(3)   L-ordnijiet previsti fil-paragrafu 1 jistgħu jintalbu:

[…]

2

mill-assoċjazzjonijiet li għandhom personalità ġuridika u li jippromwovu l-interessi professjonali kummerċjali jew indipendenti, sa fejn dawn jistgħu jinkludu numru kbir ta’ imprendituri li jqassmu prodotti jew servizzi identiċi jew simili fl-istess suq jekk ikunu f’pożizzjoni, b’mod partikolari minħabba r-riżorsi materjali, finanzjarji jew tal-persunal tagħhom, li jwettqu b’mod effettiv il-kompiti statutorji tagħhom li jiddefendu interessi professjonali kummerċjali jew indipendenti u sa fejn il-ksur jippreġudika l-interessi tal-membri tagħhom;

3

mill-entitajiet ikkwalifikati li jipproduċu l-prova li huma jinsabu fil-lista ta’ entitajiet ikkwalifikati, konformement mal-Artikolu 4 tal-Unterlassungsklagengesetz (il-Liġi Ġermaniża dwar l-Inġunzjonijiet) jew fil-lista tal-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU 2009, L 110, p. 30.);

[…]”

15

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja) tispeċifika li mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1007/2011, li jirregolaw l-ittikkettjar tal-prodotti tat-tessut, għandhom l-għan li jipproteġu lill-konsumaturi u b’hekk jikkostitwixxu dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aġir fis-suq, fis-sens tal-Artikolu 3a tal-UWG (verżjoni ġdida) u l-Artikolu 4(11) tal-UWG (verżjoni preċedenti).

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Peress li qieset li Princesport ma osservatx ir-rekwiżiti ta’ ttikkettjar jew ta’ immarkar matul il-promozzjoni u d-distribuzzjoni, fuq l-internet, tal-prodotti tat-tessut tagħha komposti esklużivament mill-istess fibra u, għaldaqstant, tikser ċerti dispożizzjonijiet tal-UWG kif ukoll l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1007/2011, Verein für Aufrechterhaltung lauteren Wettbewerb ippreżentat rikors kontra din il-kumpannija.

17

Fit-5 ta’ Lulju 2016, ingħatat sentenza fil-kontumaċja kontra Princesport. Din tal-aħħar appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dan il-kuntest, Princesport issostni, essenzjalment, li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1007/2011 ma jimponix li jindikaw il-prodotti tat-tessut puri bit-termini “puri” jew “kollu/ha”, iżda jispeċifika biss li dawn biss jistgħu jiġu indikati b’dawn it-termini.

18

Il-Verein für Aufrechterhaltung lauteren Wettbewerb tqis, għall-kuntrarju, li huwa essenzjali li jiġu identifikati l-prodotti tat-tessut puri bħala tali. Għal dan il-għan, ikun biss possibbli li jagħżel bejn it-tliet alternattivi ta’ preżentazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1007/2011, jiġifieri “100 %”, “puri” jew “kollu/ha”. Barra minn hekk, l-obbligu, li jinsab fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1007/2011, li tipprevedi li għandu jiġi indikat il-perċentwali fil-piż ta’ fibri tat-tessut użati fi prodott ikun applikabbli wkoll għal prodotti komposti mill-istess fibra. Barra minn hekk, il-kelma “puri” ma għandhiex tintuża mhux flimkien ma’ “100 %”, iżda biss minfloku.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1007/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu neċessarjament jiġi kkjarifikat li l-prodott tat-tessut pur huwa esklużivament kompost mill-istess fibra?

2)

L-użu ta’ wieħed mit-tliet termini msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1007/2011, jiġifieri ‘100 %’, ‘puri’ jew ‘kollu/ha’, huwa neċessarju jew huwa sempliċement għażla u mhux obbligu, għal tali prodotti?

3)

L-obbligu taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1007/2011, li prodotti tat-tessut jiġu ttikkettjati jew immarkati bl-isem u bil-perċentwali tal-piż tal-fibri kostitwenti kollha japplika wkoll għal prodotti tat-tessut puri li jaqgħu taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1007/2011?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

20

Għandu jiġi rrilevat li sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-prodotti tat-tessut ikkonċernati jinbiegħu permezz ta’ katalgu online, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1007/2011.

21

Fil-fatt, l-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament isemmi espliċitament li, meta prodott tat-tessut ikun disponibbli fis-suq, id-deskrizzjonijiet dwar il-kompożizzjoni tal-fibri tat-tessut msemmija fl-Artikoli 5, 7, 8 u 9 tal-imsemmi regolament għandhom jiġu speċifikati, b’mod partikolari f’katalgi, b’mod li jkunu faċilment leġġibbli, viżibbli u ċari. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tispeċifika li din l-informazzjoni għandha tkun viżibbli b’mod ċar għall-konsumatur qabel ma jixtri, inkluż fil-każ meta x-xiri jitwettaq b’mezz elettroniku.

22

Minn dan jirriżulta li r-rekwiżiti tal-ittikkettjar u tal-immarkar, kif speċifikati, b’mod partikolari, fl-Artikoli 7 u 9 tar-Regolament Nru 1007/2011, japplikaw matul il-promozzjoni u l-bejgħ tal-prodotti tat-tessut fuq l-internet.

Fuq l-ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi, fuq it-tikketta jew l-immarkar ta’ prodott tat-tessut, bħal dawk ikkummerċjalizzati fil-kawża prinċipali, li dan huwa prodott tat-tessut pur magħmul esklużivament mill-istess fibra.

24

Din il-kwistjoni tirrigwarda l-eżistenza ta’ obbligu ġenerali ta’ ttikkettjar jew ta’ mmarkar ta’ prodotti tat-tessut puri sabiex tiġi indikata l-kompożizzjoni tal-fibri tagħhom.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1007/2011, li jgħid li “prodotti tat-tessut komposti esklużivament mill-istess fibra biss jistgħu jiġu ttikkettjati jew immarkati bħala ‘100 %’, ‘puri’ jew ‘kollu/ha’”, lanqas ma jinkludi, fil-formulazzjoni tiegħu, tali obbligu ġenerali u, għaldaqstant, ma jagħtix risposta għall-ewwel domanda. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, minn naħa, tispeċifika dak li jiddetermina prodott tat-tessut pur, jiġifieri l-fatt li jkun esklużivament magħmul mill-istess fibra, u, min-naħa l-oħra, tindika l-mod ta’ mmarkar jew ta’ ttikkettjar ta’ tali prodott.

26

Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk ir-Regolament Nru 1007/2011 jissuġġettax il-prodotti tat-tessut puri għal obbligu ġenerali ta’ ttikkettjar jew ta’ mmarkar sabiex tiġi indikata l-kompożizzjoni tal-fibri.

27

Fil-fatt, għalkemm, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat l-ewwel domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1007/2011, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domanda tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2016, Lesar,C‑159/15, EU:C:2016:451, punt 22, u tat-18 ta’ Jannar 2017, Wortmann,C‑365/15, EU:C:2017:19, punt 33).

28

Għandu jiġi speċifikat, fl-ewwel lok, li obbligu ġenerali ta’ ttikkettjar jew ta’ immarkar għall-prodotti tat-tessut, inklużi prodotti tat-tessut puri, sabiex tiġi indikata l-kompożizzjoni tal-fibri tagħhom, jirriżulta mingħajr ekwivoku mill-Artikolu 4 u mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1007/2011, moqrija flimkien mal-premessa 10 tiegħu.

29

Fil-fatt, qabel kollox, l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprevedi li huma biss il-prodotti tat-tessut li huma ttikkettjati, immarkati jew akkumpanjati minn dokumenti kummerċjali konformement ma’ dan l-istess regolament li jistgħu ikunu disponibbli fis-suq.

30

Sussegwentement, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 jipprevedi, b’mod espliċitu, li “il-prodotti tat-tessut għandhom jiġu ttikkettati jew immarkati biex tiġi indikata l-kompożizzjoni tal-fibri tagħhom kull meta jsiru disponibbli fis-suq”.

31

Fl-aħħar nett, il-premessa 10 ta’ dan ir-regolament tenfasizza li l-ittikkettjar jew l-immarkar relatati tal-kompożizzjoni tal-fibri “għandu jkun obbligatorju”.

32

Fit-tieni lok, l-obbligu li jiġi indikat fuq it-tikketta jew l-immarkar, il-fibra li tikkomponi l-prodott tat-tessut ikkonċernat jagħmilha possibbli li jiġi żgurat li informazzjoni korretta u preċiża tkun disponibbli għall-konsumaturi. Issa, li tali informazzjoni tingħata lill-konsumaturi kollha fl-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1007/2011, moqri flimkien mal-premessa 10 tiegħu, wieħed mill-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1007/2011, moqrija flimkien mal-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jimponu obbligu ġenerali ta’ ttikkettjar jew ta’ immarkar sabiex jindikaw il-kompożizzjoni tal-fibri tal-prodotti tat-tessut kollha, inklużi l-prodotti tat-tessut kif iddefiniti fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament.

Fuq it-tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li jintuża, fuq it-tikketta jew l-immarkar ta’ prodott tat-tessut pur, wieħed mit-tliet termini msemmija hemmhekk, jiġifieri “100 %”, “puri” jew “kollu/ha”.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 jipprevedi li “prodotti tat-tessut komposti esklużivament mill-istess fibra biss jistgħu jiġu ttikkettjati jew immarkati bħala ‘100 %’, ‘puri’ jew ‘kollu/ha’”. B’hekk, huma biss il-prodotti tat-tessut puri, komposti esklużivament mill-istess fibra, li “jistgħu” jkollhom immarkar jew tikkettjar li jkun fiha wieħed mit-tliet termini msemmija f’din id-dispożizzjoni.

36

L-użu tal-kelma “tista’”, f’din id-dispożizzjoni, jindika b’mod ċar li l-użu tat-termini “100 %”, “puri” jew “kollu/ha” jikkostitwixxi, mhux obbligu, iżda sempliċi għażla. B’hekk, din id-dispożizzjoni tagħmilha possibbli li jissemma, fuq it-tikketta jew l-immarkar tal-prodott tat-tessuti pur inkwistjoni, l-isem tal-fibra tat-tessut li minnha jkun magħmul mingħajr ma jindika xi wieħed minn dawn it-tliet termini.

37

Barra minn hekk, minn qari a contrario tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 jirriżulta li termini “simili” għal dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jistgħu jintużaw għal prodotti tat-tessut puri. Għaldaqstant, it-termini “100 %”, “puri” u “kollu/ha” huma sempliċi eżempji ta’ termini li jistgħu jidhru fuq it-tikkettjar jew l-immarkar sabiex jiġi ċċarat li l-prodott tat-tessut inkwistjoni huwa kompost mill-istess fibra.

38

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 tikkorrispondi għall-għan imfittex minn dan ir-regolament, hekk kif imsemmi fil-punt 32 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, tikketta jew immarkar li fihom l-isem ta’ fibra tat-tessut waħda tagħmilha possibbli li l-konsumatur ikollu l-informazzjoni korretta u preċiża dwar il-kompożizzjoni tal-fibri tal-prodott tat-tessut inkwistjoni.

39

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-possibbiltà li jintużaw it-tliet termini, li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, b’mod konġunt.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-formulazzjoni stess tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 ma tostakolax l-użu konġunt ta’ dawn it-termini. Min-naħa l-oħra, tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tikkorrispondi wkoll mal-għan imfittex minn dan ir-regolament, hekk kif imsemmi fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

41

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà li jiġu indikati b’mod konġunt it-tliet termini li jinsabu fl-imsemmija dispożizzjoni, fuq it-tikketta jew l-immarkar tal-prodotti tat-tessut pur ikkonċernat tibqa’ limitata sa fejn dawn it-termini, użati sabiex jiġi speċifikat li dan il-prodott tat-tessut huwa kompost esklużivament mill-istess fibra, huma sinonimi li probabbilment jagħmlu kwalunkwe duplikazzjoni superfluwa.

42

Barra minn hekk, ma jirriżultax mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li prattika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali jew qarrieqa pprojbita mid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22).

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrikjedix li jintuża, fuq it-tikketta jew l-immarkar ta’ prodott tat-tessut pur, wieħed mit-tliet termini msemmija hemmhekk, jiġifieri “100 %”, “puri” jew “kollu/ha”. Fejn dawn it-termini huma użati, dawn jistgħu jintużaw b’mod konġunt.

Fuq it-tielet domanda

44

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jiġi indikat, fuq it-tikketta jew l-immarkar, l-isem u l-perċentwali skont il-piż tal-fibri kollha li jikkostitwixxu l-prodott tat-tessut inkwistjoni, japplikax ukoll għal prodott tat-tessut pur.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1007/2011 japplika għall-“[p]rodotti tat-tessut multifibri”, filwaqt li l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jirrigwarda l-“[p]rodotti ta’ tessuti puri”. B’hekk, kull wieħed minn dawn l-artikoli jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal kategorija speċifika ta’ prodotti tat-tessut. Minn dan jirriżulta li l-prodotti tat-tessut puri ma jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, b’tali mod li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma għandhomx ikunu applikabbli għal tali prodotti.

46

Barra minn hekk, peress li prodott tat-tessut pur huwa kompost, mid-definizzjoni tiegħu stess, esklużivament mill-istess fibra, l-obbligu li jiġi indikat il-perċentwali skont il-piż tal-“fibri kostitwenti kollha f’ordni dixxendenti”, ma jistax japplika għal tali prodott.

47

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, jekk l-obbligu li jiġi indikat bħala perċentwal skont il-piż tal-fibri kollha li jiffurmaw il-prodott tat-tessut, kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1007/2011, kien japplika għal prodotti tat-tessut puri, l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, li, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tat-termini “100 %”, “puri” jew “kollu/ha” jikkostitwixxi sempliċiment għażla, ma kien ikollu l-ebda għan.

48

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 ma tippreġudikax l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur imfittex minn dan ir-regolament konformement mal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-premessa 10 ta’ dan tal-aħħar.

49

Fil-fatt, mill-punt 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-indikazzjoni, fuq it-tikketta jew l-immarkar, tal-fibra li tikkomponi l-prodott tat-tessut pur inkwistjoni tibqa’, fi kwalunkwe każ, obbligatorja.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jiġi indikat, fuq it-tikketta jew l-immarkar, l-isem u l-perċentwali skont il-piż tal-fibri kollha li jiffurmaw il-prodott tat-tessut inkwistjoni ma japplikax għal prodott tat-tessut pur.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1007/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2011, dwar l-ismijiet ta’ fibri ta’ tessuti u t-tikkettar u l-immarkar relatati tal-kompożizzjoni tal-fibri ta’ prodotti tat-tessut u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 73/44/KEE u d-Direttivi 96/73/KE u 2008/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, moqrija flimkien mal-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jimponu obbligu ġenerali ta’ ttikkettjar jew ta’ immarkar sabiex jindikaw il-kompożizzjoni tal-fibri tal-prodotti tat-tessut kollha, inklużi l-prodotti tat-tessut kif iddefiniti fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament.

 

2)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrikjedix li jintuża, fuq it-tikketta jew l-immarkar ta’ prodott tat-tessut pur, wieħed mit-tliet termini msemmija hemmhekk, jiġifieri “100 %”, “puri” jew “kollu/ha”. Fejn dawn it-termini huma użati, dawn jistgħu jintużaw b’mod konġunt.

 

3)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1007/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li jiġi indikat, fuq it-tikketta jew l-immarkar, l-isem u l-perċentwali skont il-piż tal-fibri kollha li jiffurmaw il-prodott tat-tessut inkwistjoni ma japplikax għal prodott tat-tessut pur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.