Kawża C‑335/17

Neli Valcheva

vs

Georgios Babanarakis

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Varhoven kasatsionen sad)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘dritt ta’ aċċess’ – Artikolu 1(2)(a) u punti (7) u (10) tal-Artikolu 2 – Dritt ta’ aċċess tan-nanniet”

Werrej – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal‑31 ta’ Mejju 2018

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘dritt ta’ aċċess’ – Dritt ta’ aċċess tan-nanniet fil-konfront tan-neputijiet tagħhom – Inklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 1(2)(a) u punti (7) u (10) tal-Artikolu 2)

Il-kunċett ta’ “dritt ta’ aċċess”, ikkontemplat fl-Artikolu 1(2)(a) u fil-punti (7) u (10) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li jestendi għad-dritt ta’ aċċess tan-nanniet fil-konfront tan-neputijiet tagħhom.

Dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kliem, tal-istruttura u tal-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, fid-dawl b’mod partikolari tax-xogħlijiet preparatorji ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll ta’ atti oħra tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali.

Skont il-premessa 5 tal-imsemmi regolament, dan ikopri “kull” deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Fost dawn u skont il-premessa 2 tal-istess regolament, id-dritt ta’ aċċess huwa meqjus bħala prijorità.

Issa, jirriżulta mid-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni dwar ir-Rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, (COM(2001) 166 finali), tas‑27 ta’ Marzu 2001, li l-leġiżlatur tal-Unjoni qajjem il-kwistjoni dwar liema huma l-persuni li jistgħu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew jibbenefikaw mid-dritt ta’ aċċess. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq l-għażla skont liema l-ebda dispożizzjoni ma għandha tirrestrinġi n-numru ta’ persuni li jistgħu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew ta’ dritt ta’ aċċess.

Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok li jitqies, fid-dawl tax-xogħlijiet preparatorji relatati mar-Regolament Nru 2201/2003, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jwessa l-ambitu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 1, p. 209), li kien limitat għal tilwim li jirrigwarda l-ġenituri u li huwa ppreveda d-deċiżjonijiet kollha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u, għalhekk, id-dritt ta’ aċċess, indipendentement mill-kwalità tal-persuni li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt u mingħajr ma jiġu esklużi nanniet.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li jekk id-dritt ta’ aċċess ma kienx ikopri dawk il-persuni, id-domandi dwar dan id-dritt tista’ tiġi ddeterminata mhux biss mill-qorti magħżula skont ir-Regolament Nru 2201/2003, iżda wkoll minn qrati oħra, li jikkunsidraw lilhom infushom li għandhom ġurisdizzjoni abbażi tad-dritt internazzjonali privat. Jeżisti riskju li deċiżjonijiet konfliġġenti, jew saħansitra irrikonċiljabbli jiġu adottati, peress li d-dritt ta’ aċċess mogħti lil xi qarib tal-wild jista’ jippreġudika dak mogħti lil benefiċjarju tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

Għalhekk huwa importanti, sabiex jiġi evitat li jittieħdu miżuri kunfliġġenti u fl-aħjar interess tat-tfal, li l-istess qorti, fil-prinċipju, dik tar-residenza abitwali tal-wild, għandha tiddeċiedi dwar id-drittijiet ta’ aċċess.

(ara l-punti 19, 29 sa 32, 35 sa 37, u d-dispożittiv)