SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

13 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 21 – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Komunikazzjoni bit-telefon – Prattika ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni li tikkonsisti f’li jiġi offrut lill-klijenti tiegħu li jkunu diġà kkonkludew kuntratt numru ta’ assistenza speed dial suġġett għal tariffa ogħla mit-tariffa bażika”

Fil-Kawża C‑332/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l‑Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

Starman AS

vs

Tarbijakaitseamet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Malenovský, President tal-Awla, M. Safjan u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Starman AS, minn A. Jõks u C. Ginter, vandeadvokaadid,

għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Cleenewerck de Crayencour, K. Toomus u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn it-Tarbijakaitseamet (L-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi, l-Estonja) u Starman AS, fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni u tal-internet, dwar ordni li permezz tagħha dan l-uffiċċju ordna lill-imsemmija kumpannija li ma tkomplix toffri lill-konsumaturi li jkunu diġà kkonkludew kuntratt magħha numru ta’ assistenza speed dial suġġett għal tariffa ogħla mit-tariffa bażika.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 4, 5 u 7 tad-Direttiva 2011/83 huma fformulati kif ġej:

“(4)

[…] L-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-kuntratti tal-konsumatur mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju hija meħtieġa għall-promozzjoni ta’ suq intern realment tal-konsumatur li jsib l-aħjar bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li jiżgura r-rispett għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

(5)

[…] Għalhekk l-armonizzazzjoni sħiħa tal-informazzjoni tal-konsumatur u d-dritt ta’ reċess f’kuntratt mill-bogħod u dawk li jseħħu lil hinn mill-post tan-negozju se jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għat-tħaddim aħjar tas-suq intern tan-negozju dirett lejn il-konsumatur.

[…]

(7)

L-armonizzazzjoni sħiħa ta’ wħud mill-aspetti regolatorji ewlenin għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti. Kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċjanti għandhom ikunu jistgħu jorbtu fuq qafas regolatorju uniku bbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jirregolaw ċerti aspetti ta’ kuntratti fl-Unjoni tan-negozju dirett lejn il-konsumatur. L-effett ta’ tali armoniżżazzjoni għandu jkun li jinqerdu l-ostakli mnissla mill-frammentazzjoni tar-regoli u biex jitlesta s-suq intern f’dan il-qasam. Dawk l-ostakli jistgħu jinqerdu biss billi jitwaqqfu regoli uniformi fil-livell tal-Unjoni. Barra dan il-konsumaturi għandhom igawdu minn livell komuni għoli ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni kollha.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/83 jiddefinixxi l-għan ta’ din tal-aħħar kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.”

5

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Livell ta’ armonizzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri m’ għandhomx jippreservaw jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, inklużi dispożizzjonijiet iktar jew inqas strinġenti biex jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sakemm din id-Direttiva ma tipprovdix mod ieħor.”

6

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva:

“Il-kummerċjant għandu jagħti rimbors għall-pagamenti kollha li rċieva mingħand il-konsumatur, inklużm jekk ikun il-każ, l-ispejjeż tal-kunsinna mingħajr dewmien mhux dovut u f’kull każ mhux aktar tard minn 14-il jum minn dak li fih ikun infurmat bid-deċiżjoni tal-konsumatur li jirreċedi mill-kuntratt skont l-Artikolu 11.”

7

L-Artikolu 19 tal-istess direttiva, intitolat “Tariffi għall-użu tal-mezz ta’ pagament”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lill-kummerċjanti milli jimponu lill-konsumaturi, fir-rigward tal-użu ta’ mezz speċifiku ta’ pagament, tariffi li jaqbżu dawk imġarrba mill-kummerċjant għall-użu tat-tali mezzi.”

8

L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Komunikazzjoni bit-telefon”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li, fejn il-kummerċjant juża linja telefonika għall-iskop li jikkuntattja lill-konsumatur bit-telefon dwar il-kuntratt konkluż, il-konsumatur mhuwiex marbut iħallas aktar mit-tariffa bażika, meta jikkuntattja lill-kummerċjant.

L-ewwel subparagrafu Dan huwa bla ħsara għad-dritt tal-operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni li japplikaw tariffa għal dawn it-telefonati.”

9

L-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva, intitolat “Natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprevedi:

“Jekk il-liġi applikabbli għall-kuntratt hija l-liġi ta’ Stat Membru, il-konsumaturi ma jistgħux jirrinunzjaw id-drittijiet konferiti fuqhom mill-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

Kwalunkwe klawżola kuntrattwali li teskludi jew tillimita, direttament jew indirettament, id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva, ma għandhiex torbot lill-konsumatur.”

Id-dritt Estonjan

10

L-Artikolu 281 tal-Võlaõigusseadus (il-Liġi dwar id-Dritt tal-Obbligi) tas‑26 ta’ Settembru 2001 (RT I 2001, 81,487, iktar ’il quddiem il-“VÕS”), intitolat “Limitazzjonijiet fil-qasam ta’ fatturazzjoni fir-rigward ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur”, jistipula, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

“(3)   Jekk il-kummerċjant jippermetti lill-konsumatur jikkuntattjah sabiex jibgħatlu messaġġi jew dikjarazzjonijiet ta’ rieda marbuta ma’ kuntratt, jew dwar ċirkustanzi oħrajn marbuta mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, billi jċempel numru tat-telefon li huwa indika, l-imsemmi kummerċjant ma jistax jeżiġi mill-konsumatur li dan iħallas prezz addizzjonali għal dan l-għan.

(4)   Kwalunkwe ftehim li jidderoga mir-rekwiżiti previsti f’dan l-artikolu b’detriment għall-konsumatur huwa invalidu.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Starman hija fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni u tal-internet. Din il-kumpannija tpoġġi fid-dispożizzjoni tal-konsumaturi li jkunu diġà kkonkludew kuntratt magħha, għall-kwistjonijiet marbuta ma’ dan il-kuntratt, minn naħa, numru tat-telefon fiss suġġett għal tariffa bażika, u, min-naħa l-oħra, numru speed dial suġġett għal tariffa ogħla mit-tariffa bażika fil-każ ta’ telefonata minn telefon ċellulari. Dan in-numru tat-telefon speed dial jinġieb għall-attenzjoni tal-konsumaturi kollha, b’mod partikolari fuq il-homepage tas-sit tal-internet ta’ Starman, fil-kuntratti u fil-kundizzjonijiet ġenerali relatati ma’ dawn il-kuntratti.

12

Fil‑15 ta’ Ġunju 2015, l-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi indirizza ordni lil Starman, ibbażata fuq il-konstatazzjoni li tipprovdi li t-tpoġġija f’dispożizzjoni ta’ numru speed dial suġġett għal tariffa ogħla mit-tariffa bażika, għal konsumaturi li jkunu diġà kkonkludew kuntratt ma’ din il-kumpannija, huwa kuntrarju għall-Artikolu 281(3) tal-VÕS u għall-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, li din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali hija bbażata fuqu.

13

L-imsemmi uffiċċju ordna lil Starman tieqaf milli toffri lill-konsumaturi tali numru tat-telefon speed dial u li toffrilhom biss numru tat-telefon fiss jew tal-mowbajl suġġett għal tariffa bażika. Konformement ma’ din l-ordni, numru tat-telefon speed dial jista’ jintuża biss jekk l-ispejjeż addizzjonali relatati miegħu jkunu bi spiża tal-kummerċjant.

14

Starman ippreżentat rikors intiż għall-annullament tal-imsemmija ordni quddiem it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallin, l-Estonja). Din il-kumpannija targumenta, għall-kuntrarju, li l-Artikolu 281(3) tal-VÕS u l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 ma jipprekludux li jiġi offrut ukoll lill-konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratt, numru tat-telefon speed dial suġġett għal tariffa ogħla mit-tariffa bażika jekk il-kummerċjant ma jagħmilx profitt minnu u sa fejn huwa offrut, b’mod parallel, numru tat-telefon fiss suġġett għat-tariffa bażika, lill-konsumaturi, b’mod komprensibbli u faċilment aċċessibbli. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-imsemmi konsumatur ikun jista’ jagħżel b’mod liberu, fost iż-żewġ numri tat-telefon proposti, dak li huwa biħsiebu juża. Skont Starman, l-istess ordni testendi l-effett ta’ din id-direttiva, peress li din tipprojbixxi, essenzjalment, l-użu ta’ numri tat-telefon speed dial u, għaldaqstant, tmur lil hinn mill-obbligi imposti mill-imsemmija direttiva u mill-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li din tfittex.

15

Peress li r-rikors għal annullament ta’ Starman ġie miċħud kemm mit-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallin) kif ukoll mit-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallin), Starman appellat fil-kassazzjoni quddiem ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja).

16

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, sabiex tiġi riżolta t-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa neċessarju li jiġi interpretat il-kliem “il-konsumatur mhuwiex marbut iħallas”, li jinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83. Dik il-qorti tqis li dan il-kliem jista’ jiġi interpretat fis-sens li konsumatur li jkun diġà kkonkluda kuntratt ma għandux ikollu bħala l-unika għażla raġonevoli, sabiex jikkuntattja lill-kummerċjant, l-użu ta’ numru suġġett għal tariffa ogħla mit-tariffa bażika. Din l-interpretazzjoni ma teskludix il-possibbiltà li wieħed jeżiġi mill-imsemmi konsumatur li huwa jbati l-ispejjeż addizzjonali meta huwa, fuq għażla tiegħu stess, juża n-numru suġġett għal tali tariffa ogħla.

17

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk huwiex possibbli li l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-użu ta’ numru tat-telefon speed dial suġġett għal tariffa ogħla mit-tariffa bażika jiġu imposti fuq il-konsumatur li jkun diġà kkonkluda kuntratt, meta huwa jkun għażel dan il-metodu ta’ komunikazzjoni, minkejja li, b’mod parallel, tkun ġiet offruta l-possibbiltà lilu li juża numru suġġett għat-tariffa bażika. Fil-fatt, jekk dawn l-ispejjeż addizzjonali kellhom jiġu imposti fuq il-kummerċjant, tista’ tirriżulta minn dan, skont il-qorti tar-rinviju, sitwazzjoni li fiha l-kummerċjanti ma jibqgħux joffru n-numri tat-telefon speed dial għall-konsumaturi kollha, li jkun imur lil hinn mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 u mill-għan imfittex minn din tal-aħħar. Barra minn hekk, ma tkunx deċiża l-kwistjoni dwar sa liema punt il-kummerċjant għandu jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza ta’ numru suġġett għat-tariffa bażika u bid-differenzi fil-prezz bejn it-telefonati, meta dan juża numru tat-telefon speed dial suġġett għal tariffa ogħla għal kwistjonijiet mhux marbuta mal-kuntratt konkluż.

18

Il-qorti tar-rinviju tinvoka s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main (C‑568/15, EU:C:2017:154), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar il-kunċett ta’ “tariffa bażika”, fis-sens tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83. Issa, dik il-qorti tqis li, peress li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u dawk fl-oriġini tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza huma differenti, din tal-aħħar bl-ebda mod ma twieġeb il-mistoqsijiet tagħha. L-imsemmija qorti targumenta b’mod partikolari li f’din is-sentenza tal-aħħar, il-konsumaturi ma kellhomx, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, l-għażla bejn diversi numri tat-telefon.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 21 tad-Direttiva [2011/83], għandu jiġi interpretat fis-sens li fornitur jista’ jagħmel disponibbli numru tat-telefon li għalih tapplika tariffa ogħla mit-tariffa normali jekk il-fornitur, flimkien man-numru tat-telefon b’tariffa ogħla, joffri wkoll lill-konsumaturi, b’mod li jista’ jinftiehem sewwa u faċilment aċċessibbli, numru tat-telefon b’linja fissa bit-tariffa normali sabiex huwa jikkuntattja lil fornitur fir-rigward ta’ kuntratt konkluż?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 21 tad-Direttiva [2011/83] jipprekludi sitwazzjoni fejn konsumatur li juża volontarjament numru tat-telefon b’tariffa ogħla sabiex jikkuntattja lil fornitur fir-rigward ta’ kuntratt konkluż, minkejja l-provvista mill-fornitur ta’ numru tat-telefon bit-tariffa normali b’mod li jista’ jinftiehem sewwa u faċilment aċċessibbli, huwa obbligat iħallas l-ogħla tariffa sabiex jikkuntattja lill-fornitur?

3)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, il-limitazzjoni fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 tobbliga lill-fornitur, flimkien ma’ numru qasir, jippreżenta kullimkien ukoll numru tat-telefon b’linja fissa bit-tariffa normali u informazzjoni dwar id-differenzi fil-prezz?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

20

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, jekk kummerċjant ikun poġġa fid-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu kollha numru tat-telefon speed dial wieħed jew diversi suġġetti għal tariffa ogħla mit-tariffa bażika, il-konsumaturi li jkunu diġà kkonkludew kuntratt ma’ dan il-kummerċjant iħallsu iktar mit-tariffa bażika meta jikkuntattjaw lill-imsemmi kummerċjant, bit-telefon, dwar dan il-kuntratt.

21

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-kummerċjant jopera linja tat-telefon biex jiġi kkuntattjat dwar kuntratt konkluż mal-konsumatur, dan tal-aħħar ma jkollux iħallas iktar mit-tariffa bażika għat-telefonati lejn din il-linja.

22

Madankollu, il-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma tippermettix, waħedha, li jiġi ddeterminat jekk, meta l-kummerċjant jopera diversi linji tat-telefon, fost liema hemm ukoll linji aċċessibbli permezz ta’ numri speed dial, dawn il-linji kollha għandhom ikunu suġġetti għal tariffa li ma taqbiżx it-tariffa bażika.

23

Għaldaqstant, fl-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest li jidħol fih u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main, C‑568/15, EU:C:2017:154, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest li tidħol fih l-imsemmija dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill-Artikoli 13 u 19 tad-Direttiva 2011/83 li, bħala prinċipju, ma huwiex il-konsumatur li għandu jbati spejjeż minbarra l-ispejjeż abitwali, jekk jeżerċita d-drittijiet tiegħu stabbiliti minn din id-direttiva, u li spejjeż addizzjonali eventwali għandhom, konsegwentement, jaqgħu fuq il-kummerċjant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main, C‑568/15, EU:C:2017:154, punti 24 sa 26).

25

Għaldaqstant, mill-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 jirriżulta li l-kummerċjant jista’ jattribwixxi lill-konsumatur, li jeżerċita d-drittijiet li huma mogħtija lilu minn din id-direttiva, biss l-ispejjeż li ma jeċċedux l-ispiża li tikkorrispondi mat-tariffa bażika.

26

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għan imfittex mid-Direttiva 2011/83, mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

27

Sabiex jintlaħaq dan l-għan, id-Direttiva 2011/83 twettaq, bħalma jirriżulta mill-premessi 4, 5 u 7, armonizzazzjoni kompleta ta’ ċerti aspetti essenzjali tal-kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-kummerċjanti. Din l-armonizzazzjoni għandu jkollha l-effett li telimina l-ostakoli kkawżati mill-frammentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, sabiex tippermetti lill-konsumaturi jgawdu minn livell komuni għoli ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha.

28

Barra minn hekk, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/83 jirriżulta li l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi żgurat mid-dispożizzjonijiet nazzjonali previsti mill-Istati Membri ma jistax jinjora dak stabbilit minn din id-direttiva, ħlief jekk din tipprovdi mod ieħor. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 ma jikkostitwixxix eċċezzjoni għall-obbligu impost b’dan il-mod fuq l-Istati Membri, li ma jinjorawx il-livell ta’ protezzjoni stabbilit minn din id-direttiva.

29

Konsegwentement, l-għan imfittex mid-Direttiva 2011/83 ta’ livell komuni għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fl-Unjoni kollha jkun imminat jekk il-konsumatur ikollu jħallas iktar mit-tariffa bażika meta jċempel in-numru speed dial tal-kummerċjant li jkun ikkonkluda kuntratt miegħu, b’mod partikolari fis-sitwazzjoni meta dan il-konsumatur jikkuntattja lil dan il-kummerċjant sabiex jikkjarifika kwistjonijiet dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt jew sabiex jargumenta dwar drittijiet iggarantiti.

30

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li kummerċjant ikun jista’ jġiegħel lill-konsumatur li jkun diġà kkonkluda kuntratt miegħu jħallas tariffa ogħla mit-tariffa bażika, meta dan tal-aħħar jikkuntattjah bit-telefon dwar dan il-kuntratt, ikun xi jkun il-format tan-numri tat-telefon proposti mill-imsemmi kummerċjant.

31

Din l-interpretazzjoni bl-ebda mod ma hija mminata miċ-ċirkustanza li l-kummerċjant informa lill-konsumatur b’mod li jinftiehem u faċilment aċċessibbli bl-eżistenza ta’ numru tat-telefon suġġett għat-tariffa bażika. Fil-fatt, din l-informazzjoni ma tistax tneħħi lill-kummerċjant mill-obbligu tiegħu li ma jġiegħelx lill-konsumatur li jkun diġà kkonkluda kuntratt miegħu jħallas iktar mit-tariffa bażika, meta dan jikkuntattjah bit-telefon dwar dan il-kuntratt.

32

Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza li, sabiex jikkuntattja lill-kummerċjant, il-konsumatur ikun għażel volontarjament li juża n-numru tat-telefon speed dial suġġett għal tariffa ogħla mit-tariffa bażika hija irrilevanti għall-imsemmija interpretazzjoni. Fil-fatt, minn qari flimkien tal-Artikoli 21 u 25 tad-Direttiva 2011/83 jirriżulta li l-konsumatur ma jistax jirrinunċja volontarjament għad-drittijiet li huma mogħtija lilu minn din id-direttiva u jħallas iktar mit-tariffa bażika meta huwa jikkuntattja kummerċjant bit-telefon.

33

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, jekk kummerċjant ikun poġġa fid-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu kollha numru tat-telefon speed dial wieħed jew diversi suġġetti għal tariffa ogħla mit-tariffa bażika, il-konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratt ma’ dan il-kummerċjant iħallsu iktar mit-tariffa bażika meta huma jikkuntattjaw lill-imsemmi kummerċjant, bit-telefon, dwar dan il-kuntratt.

Fuq it-tielet domanda

34

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, jekk kummerċjant ikun poġġa fid-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu kollha numru tat-telefon speed dial wieħed jew diversi suġġetti għal tariffa ogħla mit-tariffa bażika, il-konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratt ma’ dan il-kummerċjant iħallsu iktar mit-tariffa bażika meta huma jikkuntattjaw lill-imsemmi kummerċjant, bit-telefon, dwar dan il-kuntratt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.