SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

25 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 5 – Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet tax-xogħol suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri fis-settur ta’ attività tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali”

Fil-Kawża C-331/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte d’appello di Roma (il-Qorti ta’ Appell ta’ Ruma, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

Martina Sciotto

vs

Fondazione Teatro dell’Opera di Roma,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, F. Biltgen (Relatur), u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Sciotto, minn F. Andretta, M. Speranza, V. De Michele u S. Galleano, avvocati,

għall-Fondazione Teatro dell’Opera di Roma, minn D. De Feo, M. Marazza u M. Marazza, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u G. Gattinara, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas dwar Xogħol għal Terminu Fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Martina Sciotto u l-Fondazione Teatro dell’Opera di Roma fir-rigward ta’ talba intiża sabiex il-kuntratti tax-xogħol suċċessivi tagħha għal żmien determinat konklużi għal servizzi pprovduti bejn is-snin 2007 u 2011 jiġu kklassifikati mill-ġdid f’relazzjoni tax-xogħol għal żmien indeterminat.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, l-għan tagħha huwa “li jġib fis-seħħ il-ftehim qafas konkluż [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP)”.

4

It-tieni u t-tielet paragrafi tal-preambolu tal-Ftehim qafas jiddikjaraw kif ġej:

“Il-partijiet għal dal-ftehim jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit [indeterminat] huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss [determinat] jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta' kemm min jimpjega u l-ħaddiema.

Dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta' terminu fiss, waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema.”

5

Il-punti 6 sa 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim Qafas huma redatti kif ġej:

“6.

Billi l-kuntratti ta’ l-impjieg għal żmien indefinit [indeterminat] huma l-forma ġenerali ta’ relazzjonijiet ta’ l-impjieg u jikkontribwixxu għall-kwalità ta’ ħajja tal-ħaddiema kkonċernati u jtejbu l-atteġġjament;

7.

Billi l-użu ta' kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss [determinat] ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi huwa mod kif jiġi pprevenut l-abbuż;

8.

Billi l-kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss huma fattur ta’ l-impjieg f’ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema;

[...]

10.

Billi dan il-ftehim jirreferi lura għall-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għall-arranġamenti għall-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali, tal-ħtiġiet minimi u tad-dispożizzjonijiet tiegħu, sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru u ċ-ċirkostanzi tas-setturi u xogħlijiet partikolari, inklużi l-attivitajiet ta’ natura staġjonali”.

6

Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim Qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jiġi evitat l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat.

7

Il-klawżola 2 tal-Ftehim Qafas, intitolata “L-iskop”, tipprevedi fil-punt 1 tagħha:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss [determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.”

8

Il-klawżola 3 tal-Ftehim Qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tiddisponi:

“1.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]” ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti [ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli]’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. [...]”

9

Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi, fil-punt 1 tagħha:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss [determinat] m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti [ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli] biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

10

Il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tiddikjara, fil-punt 1 tagħha:

“Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat], wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

c)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.”

Id-dritt Taljan

11

L-Artikolu 3 tal-legge n. 426 – Provvedimenti straordinari a sostegno delle attività musicali (il-Liġi Nru 426 li tintroduċi miżuri straordinarji ta’ sostenn għall-attivitajiet mużikali), tat-22 ta’ Lulju 1977 (GURI Nru 206, tat‑28 ta’ Lulju 1977), jipprojbixxi, taħt piena ta’ nullità, “it-tiġdid tar-relazzjonijiet tax-xogħol li, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew kuntrattwali, jagħtu lok għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat”.

12

L-Artikolu 1 tad-decreto legislativo n. 368 – Attuazione della direttiva 1999/70/CE relativa all’accordo quadro sul lavoro a tempo determinato concluso dall’UNICE, dal CEEP e dal CES (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368, li jittrasponi d-Direttiva 1999/70/KE dwar il-Ftehim Qafas CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat, tas‑6 ta’ Settembru 2001 (GURI Nru 235, tad‑9 ta’ Ottubru 2001), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001”), jipprevedi, fil-paragrafu 01 tiegħu, li l-kuntratt tax-xogħol ta’ impjegat għal żmien indeterminat jikkostitwixxi l-forma ordinarja tar-relazzjoni tax-xogħol, fil-paragrafu 1 tiegħu, li jista’ jiġi ffissat terminu għal raġunijiet ta’ natura teknika, marbuta mal-produzzjoni, l-organizzazzjoni jew sostituzzjoni u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu previsti bil-miktub.

13

L-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 jipprevedi li t-terminu ta’ kuntratt għal żmien determinat jista’ jiġi estiż, bil-kunsens tal-ħaddiem, biss meta t-tul inizzjali tal-kuntratt ikun ta’ inqas minn tliet snin. L-estensjoni hija permessa darba biss u bil-kundizzjoni li din tkun iddettata minn raġunijiet oġġettivi u tkun tirrigwarda l-istess attività. L-oneru tal-prova tar-raġunijiet oġġettivi jaqa’ fuq il-persuna li timpjega.

14

Konformement mal-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, meta, permezz ta’ kuntratti suċċessivi, ir-relazzjoni tax-xogħol globalment teċċedi t-tul ta’ 36 xahar, ir-relazzjoni tax-xogħol titqies li hija għal żmien indeterminat.

15

Bis-saħħa tal-Artikolu 11(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, ir-regoli ddikjarati fl-Artikoli 4 u 5 ta’ dan tal-aħħar ma japplikawx għall-persunal artistiku u tekniku tal-fondazzjonijiet ta’ produzzjoni mużikali.

16

L-Artikolu 3(6) tad-decreto-legge n. 64 – recante disposizioni urgenti in materia di spettacolo e attività culturali (id-Digriet Liġi Nru 64, li jipprovdi dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam tal-ispettaklu u ta’ attivitajiet kulturali), tat‑30 ta’ April 2010 (GURI Nru 100, tat‑30 ta’ April 2010), ikkonvertit f’liġi, wara li ġie emendat, bil-legge n. 100 (il-Liġi Nru 100), tad‑29 ta’ Ġunju 2010 (GURI Nru 150, tat‑30 ta’ Ġunju 2010, p. 2), jipprovdi, minn naħa, li l-Artikolu 3(4) u (5) tal-Liġi Nru 426 tat‑22 ta’ Lulju 1977 li tintroduċi miżuri straordinarji ta’ sostenn għall-attivitajiet mużikali għandha tkompli tapplika għall-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali, minkejja t-trasformazzjoni tagħhom f’persuni rregolati mid-dritt privat, u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(01) u (2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 ma humiex applikabbli għall-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali.

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

M. Sciotto ġiet impjegata bħala żeffiena tal-ballet mill-Fondazione Teatro dell’Opera di Roma bis-saħħa ta’ numru ta’ kuntratti għal żmien determinat li ġew imġedda fil-kuntest ta’ rappreżentazzjonijiet artistiċi pprogrammati għall-perijodu mis‑26 ta’ Ġunju 2007 sat‑30 ta’ Ottubru 2011.

18

Billi qieset li hija kienet tirriżulta b’mod permanenti fost il-persunal tat-teatru u li kienet teżerċita l-istess funzjonijiet bħal dawk attribwiti lill-persunal impjegat għal żmien indeterminat, fl‑20 ta’ April 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem it-Tribunale di Roma (il-Qorti ta’ Ruma, l-Italja), billi sostniet li l-kuntratti tax-xogħol tagħha ma kinux juru l-eżistenza ta’ rekwiżiti tekniċi, ta’ organizzazzjoni jew ta’ produzzjoni speċifiċi li kienu jiġġustifikaw li dawn jiġu konklużi għal żmien determinat. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija talbet il-konstatazzjoni tal-illegalità tat-termini ffissati fl-imsemmija kuntratti, il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-relazzjoni tax-xogħol tagħha f’kuntratt għal żmien indeterminat u l-ħlas għad-dannu mġarrab.

19

Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2013, it-Tribunale di Roma (il-Qorti ta’ Ruma) ċaħdet dan ir-rikors minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika applikabbli għall-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali teskludi l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ regoli dwar il-kuntratti tax-xogħol taħt id-dritt ordinarju u għaldaqstant jostakolaw il-konverżjoni tal-kuntratti tax-xogħol konklużi minn dawn il-fondazzjonijiet f’relazzjoni tax-xogħol għal żmien indeterminat.

20

Fl-appell tagħha ppreżentat quddiem il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti ta’ Appell ta’ Ruma, l-Italja), M. Sciotto ssostni, billi tibbaża lilha nnifisha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑238/14, EU:C:2015:128), li l-leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika applikabbli għall-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

21

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-leġiżlazzjoni li tirrigwarda s-settur ta’ attività tal-organi operistiċi u orkestrali tippreżenta kumplessità kbira u kienet involuta fi tliet perijodi, li matulhom dawn l-organi bidlu n-natura ġuridika tagħhom, suċċessivament minn persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku għal dik ta’ organu pubbliku ekonomiku u sussegwentement għal dik ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat taħt il-forma ta’ fondazzjoni.

22

Issa, skont il-qorti tar-rinviju, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, adottat matul it-tielet perijodu, jipprovdi, fl-Artikolu 11(4) tiegħu, li r-regoli ddikjarati fl-Artikoli 4 u 5 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv ma japplikawx għall-persunal artistiku u tekniku tal-fondazzjonijiet ta’ produzzjoni mużikali. Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tad-decreto‑legge n. 91 – recante Disposizioni urgenti per la tutela, la valorizzazione e il rilancio dei beni e delle attività culturali e del turismo (id-Digriet Liġi Nru 91 li jintroduċi dispożizzjonijiet urġenti għall-protezzjoni, it-titjib u tal-promozzjoni mill-ġdid tal-beni u tal-attivitajiet kulturali u tat-turiżmu) tat‑8 ta’ Awwissu 2013 (GURI Nru 186, tad‑9 ta’ Awwissu 2003, ikkonvertit f’liġi, wara li ġie emendat, bil-legge n. 112 (il-Liġi Nru 112), tas‑7 ta’ Ottubru 2013 (GURI Nru 236, tat‑8 ta’ Ottubru 2013, p. 1), intitolat “Dispożizzjonijiet urġenti għar-ristrutturazzjoni tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali u l-promozzjoni mill-ġdid tas-sistema nazzjonali mużikali ta’ eċċellenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 19 tiegħu, li r-relazzjoni tax-xogħol għal żmien indeterminat mal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali hija stabbilita esklużivament permezz ta’ proċeduri pubbliċi ta’ selezzjoni.

23

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-protezzjoni tal-ħaddiema li jkunu kkonkludew kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat mal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali għal perijodu totali li jeċċedi tliet snin tissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, ġaladarba l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal dan is-settur ma tirrikjedix li jiġu indikati r-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid tal-kuntratti, ma tinkludix indikazzjonijiet dwar it-tul massimu tal-kuntratti, ma tispeċifikax in-numru massimu ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti għal żmien determinat, ma tinkludix miżuri leġiżlattivi ekwivalenti u l-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat fl-imsemmi settur ma hijiex limitata għal raġunijiet ta’ sostituzzjoni.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti ta’ Appell ta’ Ruma) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-leġiżlazzjoni Ewropea (b’mod partikolari l-klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas] tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (jiġifieri l-Artikolu 3(6) tad-Digriet-Liġi Nru 64, tat‑30 ta’ April 2010 [li jintroduċi dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam tal-ispettaklu u ta’ attivitajiet kulturali ], ikkonvertit, b’emendi, fil-Liġi Nru 100, tad‑29 ta’ Ġunju 2010) li, sa fejn hija ma tissuġġettax, b’mod ġenerali, ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tal-impjegati mal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali għar-regola li tipprevedi li l-forma ordinarja tar-relazzjoni ta’ xogħol għandha tkun dik tax-xogħol għal zmien indeterminat, għandha tiġi interpretata fis-sens ta’ liberalizzazzjoni totali ta’ dawn ir-relazzjonijiet, mingħajr ma jkunu previsti, anki fil-każ ta’ tiġdid għal iktar minn tliet snin (jew kull perijodu ieħor), miżuri ta’ konverżjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol (stabilizzazzjoni) u/jew ta’ kumpens għad-danni?”

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha hekk kif ifformulata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar il-konformità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

26

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li din it-talba hija inammissibbli peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata skont dan l-artikolu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir mill-qrati tal-Istati Membri u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti lill-qorti nazzjonali l-gwida kollha għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermetti lill-qorti nazzjonali tevalwa l-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt intern mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Iglesias Gutiérrez u Rion Bea, C‑352/14 u C‑353/14, EU:C:2015:691, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għalkemm huwa minnu li t-tifsira litterali tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni, ma hemm xejn li jwaqqaf lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju billi tipprovdilha l-gwidi għall-interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddeċiedi hija stess dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Iglesias Gutiérrez u Rion Bea, C‑352/14 u C‑353/14, EU:C:2015:691, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għalhekk, jeħtieġ li d-domanda magħmula tinftiehem, effettivament, fis-sens li tixtieq risposta dwar jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha r-regoli tad-dritt ordinarju li jirregolaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol u li huma intiżi sabiex jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat bil-klassifikazzjoni mill-ġdid awtomatika tal-kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat meta r-relazzjoni tax-xogħol tkun damet lil hinn minn data speċifika ma humiex applikabbli għas-settur ta’ attività tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali.

30

Jeħtieġ li jitfakkar li l-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas għandu bħala għan li jimplimenta wieħed mill-għanijiet li dan tal-aħħar jixtieq jilħaq, jiġifieri li jirregola l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat, meqjusa bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jipprevedi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni minima intiżi li jevitaw li s-sitwazzjoni tal-impjegati tispiċċa fil-prekarjat (sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 63; tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascoli et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 72, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 25).

31

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim Qafas, kif ukoll mill-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-imsemmi ftehim qafas, il-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg huwa kkonċepit bħala element maġġuri tal-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat jistgħu jissodisfaw kemm il-ħtiġijiet tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-ħaddiema (sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 73; tas‑26 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑238/14, EU:C:2015:128, punt 36, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2016, Pérez López, C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 27).

32

Għaldaqstant, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas jobbliga lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, bl-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li din il-klawżola telenka, fil-każ fejn id-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (c) ta’ din il-klawżola, li jammontaw għal tlieta, huma relatati, rispettivament, ma’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet tax-xogħol, mat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet tax-xogħol suċċessivi u man-numru ta’ tiġdid tagħhom (sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 74; tas‑26 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, EU:C:2015:128, punt 37, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 26).

33

F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, peress li huma għandhom l-għażla li jirrikorru għal miżura jew għal numru ta’ miżuri ddikjarati fil-punt 1(a) sa (c) tal-klawżola 5, kif ukoll għal miżuri legali eżistenti ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 75; tas‑26 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑238/14, EU:C:2015:128, punt 38, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 27).

34

B’dan il-mod, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas jagħti lill-Istati Membri għan ġenerali, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbuż, filwaqt li jħallilhom l-għażla tal-mezzi sabiex jaslu għal dan, sakemm huma ma jqegħdux inkwistjoni l-għan jew l-effettività tal-Ftehim Qafas (sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 76; tas‑26 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑238/14, EU:C:2015:128, punt 39, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 28).

35

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas u konformement mat-tielet paragrafu tal-preambolu kif ukoll mal-punti 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-ftehim qafas, huwa fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, sa fejn dan ikun oġġettivament iġġustifikat, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet partikolari relatati mas-setturi ta’ attivitajiet speċifiċi u/jew mal-kategoriji ta’ ħaddiema inkwistjoni (sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑238/14, EU:C:2015:128, punt 40).

36

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti r-reklutaġġ, fis-settur tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali, ta’ ħaddiema permezz ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, mingħajr ma jipprevedu ebda mil-limiti msemmija fil-punt 1(b) u (c) tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas fir-rigward tat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew tan-numru ta’ drabi li jistgħu jiġġeddu. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratti tax-xogħol fl-imsemmi settur huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat lil hinn minn ċertu tul bħala relazzjoni tax-xogħol għal żmien indeterminat.

37

Sa fejn jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali ma tinkludi, fir-rigward tal-persunal impjegat għal żmien determinat fis-settur ta’ attività tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali, ebda miżura legali ekwivalenti għal dawk iddikjarati fil-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-użu, f’dan is-settur, ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat jistax jiġi ġġustifikat permezz ta’ raġuni oġġettiva fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas.

38

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-ftehim qafas, il-partijiet firmatarji f’dan tal-aħħar ikkunsidraw li l-użu ta’ kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat ibbażat fuq raġunijiet oġġettivi huwa mezz ta’ prevenzjoni tal-abbużi (sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑238/14, EU:C:2015:128, punt 43).

39

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” għandu jinftiehem fis-sens li jfisser ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività partikolari u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti ġew konklużi u mill-karatteristiċi intrinsiċi għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑238/14, EU:C:2015:128, punt 44).

40

Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni nazzjonali li tillimita ruħha li tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt permezz ta’ norma leġiżlattiva jew regolamentari, l-użu ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, ma tkunx konformi mar-rekwiżiti kif ippreċiżati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, tali dispożizzjoni, ta’ natura purament formali, ma tippermettix li jiġu identifikati kriterji oġġettivi u trasparenti sabiex jiġi vverifikat jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti jissodisfax effettivament bżonn veru, jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex u jekk huwiex neċessarju għal dan l-iskop. Għaldaqstant dispożizzjoni bħal din tikkomporta riskju reali li jkun hemm użu abbużiv ta’ dan it-tip ta’ kuntratti u, għalhekk, ma hijiex kompatibbli mal-għan u mal-effettività tal-Ftehim Qafas (sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑238/14, EU:C:2015:128, punt 45).

41

Il-Gvern Taljan iqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistabbilixxix awtorizzazzjoni ġenerali u astratta ta’ użu ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, iżda tinkludi, għall-kuntrarju, dispożizzjonijiet speċifiċi u preċiżi f’dan il-qasam.

42

Qabel kollox il-Gvern Taljan jenfasizza, essenzjalment, li l-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, minkejja l-fatt li huma kkostitwiti taħt il-forma ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat, huma simili għal entitajiet pubbliċi. Sussegwentement huwa jistrieħ fuq il-fatt li l-kuntratti tax-xogħol fis-settur ta’ attività ta’ dawn il-fondazzjonijiet huma tradizzjonalment konklużi għal żmien determinat, u b’mod partikolari, f’dan il-kuntest, jesponi l-għan, kostituzzjonalment protett, tal-iżvilupp tal-kultura Taljana u tas-salvagwardja tal-patrimonju storiku u artistiku Taljan. Barra minn hekk, huwa jindika partikolaritajiet inerenti għal dan is-settur, peress li kull rappreżentazzjoni artistika tippreżenta karattru partikolari u l-kuntratti tax-xogħol konklużi għall-finijiet ta’ rappreżentazzjoni artistika neċessarjament jiddistingwu lilhom innifishom minn dawk konklużi għall-finiiet ta’ rappreżentazzjonijiet artistiċi preċedenti. Fl-aħħar nett, il-Gvern Taljan jispjega li l-projbizzjoni legali li kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat jiġu mibdula f’relazzjoni tax-xogħol għal żmien indeterminat fl-imsemmi settur hija mmotivata b’żewġ kunsiderazzjonijiet strettament marbuta man-natura intrinsikament pubblika ta’ entitajiet bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, waħda marbuta mal-ħtieġa li jiġu llimitati l-ispejjeż pubbliċi marbuta mal-finanzjament ta’ tali entitajiet, u l-oħra intiża sabiex ma tiġix evitata r-regola li r-reklutaġġ ta’ ħaddiema għal żmien indeterminat hija suġġetta għall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni. Il-Gvern Taljan iqis li l-protezzjoni tal-ħaddiema tinsab żgurata suffiċjentement bit-tqegħid inkwistjoni tar-responsabbiltà tad-diriġenti tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali meta jirrikorru għal kuntratti kuntrarji għad-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

43

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument dwar in-natura pubblika tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li tali natura hija mingħajr effett fuq il-protezzjoni li minnha jgawdi ħaddiem taħt il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim Qafas huma intiżi sabiex japplikaw ukoll għall-kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat konklużi mal-amministrazzjonijiet u l-entitajiet l-oħra tas-settur pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler etC‑212/04, EU:C:2006:443, punt 54, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 32), id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiema għal żmien determinat” fis-sens tal-Ftehim Qafas, iddikjarat fil-punt 1 tal-klawżola 3 tiegħu, jinkludi l-ħaddiema kollha, mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega li miegħu jkollhom relazzjoni kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler etC‑212/04, EU:C:2006:443, punt 56; tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 67, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2016, Pérez López, C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 24).

44

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-kuntratti tax-xogħol fis-settur ta’ attività tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali huma tradizzjonalment konklużi għal żmien determinat, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-fatt li Stat Membru jitħalla jinvoka kontinwità tar-regoli matul iż-żmien sabiex ikun jista’ jevita l-osservanza tal-obbligu ġenerali li huwa għandu taħt il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, jiġifieri l-adozzjoni effettiva u restrittiva ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri elenkati fih intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, mhux biss ma għandu ebda bażi legali fid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim qafas, iżda barra minn hekk imur kjarament kontra wieħed mill-għanijiet li dan tal-aħħar jixtieq jilħaq, imfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-istabbiltà tal-impjieg, ikkonċepit bħala element maġġuri tal-protezzjoni tal-ħaddiema, u jnaqqas, għalhekk, b’mod importanti l-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri ta’ protezzjoni previsti minn din il-klawżola.

45

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li, anki jekk l-iżvilupp tal-kultura Taljana kif ukoll is-salvagwardja tal-patrimonju storiku u artistiku Taljan jistgħu jitqiesu bħala għanijiet denji ta’ protezzjoni kostituzzjonali, il-Gvern Taljan ma jesponix fiex it-tiftix ta’ dawn l-għanijiet jirrikjedi li l-persuni li jimpjegaw li jaqgħu taħt is-settur kulturali u artistiku jimpjegaw biss persunal għal żmien determinat. Fil-fatt, ma jidhirx li dan is-settur, kuntrarjament għal servizzi oħra ta’ utilità pubblika, bħas-saħħa jew l-edukazzjoni nazzjonali, jirrikjedi konkordanza kostanti bejn in-numru ta’ ħaddiema impjegati fih u n-numru ta’ utenti potenzjali, jew li għandu jieħu ħsieb servizzi ta’ kustodja li jkollhom jiġu żgurati b’mod permanenti jew fatturi oħra diffiċilment prevedibbli.

46

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument dwar il-partikolaritajiet inerenti għas-settur ta’ attività tal-fondazzjonijiet operistiċi jew orkestrali, huwa minnu li l-programmazzjoni annwali ta’ spettakli artistiċi neċessarjament tagħti lok, għall-persuna li timpjega, għal ħtiġijiet provviżorji fil-qasam tar-reklutaġġ.

47

B’hekk, l-impjieg temporanju ta’ ħaddiem sabiex jiġu ssodisfatti ħtiġijiet provviżorji u speċifiċi tal-persuna li timpjega f’termini ta’ persunal tista’, bħala prinċipju, tikkostitiwixxi “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 91, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2016, Pérez López, C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 44).

48

Fil-fatt, ir-rekwiżiti artistiċi jew tekniċi marbuta mar-rappreżentazzjoni ta’ spettaklu jistgħu jkunu tali li jkun neċessarju impjieg temporanju. L-istess jirriżulta meta jkunu meħtieġa miżuri għas-sostituzzjoni ta’ artist jew ta’ persunal tekniku indispost, b’mod partikolari, minħabba mard jew maternità.

49

Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi aċċettat li kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat jistgħu jiġu mġedda għall-finijiet tat-twettiq, b’mod permanenti u fit-tul, ta’ kompiti fl-istabbilimenti kulturali inkwistjoni li jaqgħu taħt l-attività normali tas-settur ta’ attività tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali.

50

F’dan ir-rigward, l-osservanza tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas tirrikjedi li jiġi vverifikat konkretament li t-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat ikun intiż li jkopri ħtiġijiet provviżorji.

51

Issa, minn naħa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissuġġetta għal ebda kundizzjoni ta’ din in-natura d-deroga li hija tintroduċi għar-regoli tad-dritt ordinarju applikabbli għall-kuntratti tax-xogħol u intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti suċċesssivi għal żmien determinat.

52

Min-naħa l-oħra, il-konklużjoni tal-kuntratti tax-xogħol suċċessivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li ssodisfat sempliċi ħtiġijiet provviżorji tal-persuna li timpjega, iżda tidher li pjuttost għamlet tajjeb għan-neċessitajiet tal-programmazzjoni normali tagħha.

53

Għalkemm il-programmazzjoni annwali ta’ spettakli differenti tista’ tirrikorri għall-impjieg ta’ ħaddiema partikolari jew supplimentari, madankollu ma jirriżultax mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fiex ir-rappreżentazzjonijiet artistiċi li għalihom ġew konklużi l-kuntratti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu speċifiċi u lanqas għal liema raġuni huma taw lok għal ħtieġa provviżorja biss f’termini ta’ persunal.

54

Barra minn hekk, il-kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat differenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti ġiet impjegata taw lok għat-twettiq ta’ kompiti simili matul numru ta’ snin, fejn għalhekk din ir-relazzjoni tax-xogħol tista’ tkun issodisfat ħtieġa li ma kinitx provviżorja, iżda, għall-kuntrarju, fit-tul, liema fatt madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

55

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argumenti relatati mal-kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja, jeħtieġ li jitfakkar li, filwaqt li tali kunsiderazzjonijiet jistgħu jagħtu lok għal għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jistgħu jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li dan ikun jixtieq jadotta, madankollu dawn ma jikkostitwixxux fihom innifishom għan li din il-politika tixtieq tilħaq u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġġustifikaw l-assenza ta’ kull miżura li tipprevjeni l-użu abbużiv ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 110, kif ukoll id-digriet tal‑21 ta’ Settembru 2016, Popescu, C‑614/15, EU:C:2016:726, punt 63).

56

Fil-ħames lok, jeħtieġ li jitfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tiġdid ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat sabiex jiġi ssostitwit persunal fl-istennija tal-eżitu ta’ proċeduri ta’ kompetizzjoni organizzati għall-finijiet tar-reklutaġġ ta’ ħaddiema għal żmien indeterminat fiha nnifisha ma hijiex kuntrarja għall-Ftehim Qafas u tista’ tiġi ġġustifikata permezz ta’ raġuni oġġettiva.

57

L-applikazzjoni konkreta ta’ din ir-raġuni madankollu għandha, fid-dawl tan-natura partikolari tal-attività kkonċernata u tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha, tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Ftehim Qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 9199, kif ukoll id-digriet tal‑21 ta’ Settembru 2016, Popescu, C‑614/15, EU:C:2016:726, punt 64).

58

Issa, f’dan il-każ, il-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda informazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħet tipparteċipa fi proċeduri ta’ kompetizzjoni organizzati mill-persuna li timpjega tagħha, jew saħansitra fir-rigward tal-eżistenza nnifisha ta’ tali proċeduri.

59

Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-projbizzjoni ddikjarata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, fis-settur tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali, il-kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat jiġu mibdula f’relazzjoni tax-xogħol għal żmien indeterminat, jeħtieġ li jitfakkar li l-Ftehim Qafas ma jiddikjarax obbligu ġenerali tal-Istati Membri sabiex jipprevedu t-tibdil ta’ kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat. Fil-fatt, il-punt 2 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas iħalli bħala prinċipju lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat jitqiesu li huma konklużi għal żmien indeterminat. Minn dan jirriżulta li l-Ftehim Qafas ma jippreskrivix il-kundizzjonijiet li għalihom jistgħu jintużaw kuntratti għal żmien determinat (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 80, kif ukoll id-digriet tal‑11 ta’ Diċembru 2014, León Medialdea, C‑86/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2447, punt 47).

60

Madankollu, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, fis-settur tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali, it-tibdil ta’ sensiela ta’ kuntratti għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat, tkun tista’ titqies li hija konformi mal-Ftehim Qafas, is-sistema legali interna tal-Istat Membru kkonċernat għandha tinkludi, f’dan is-settur, miżura effettiva oħra sabiex jevita u, jekk ikun il-każ, jissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López, C‑184/15 u C‑197/15, EU:C:2016:680, punt 41, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 34).

61

Issa, huwa paċifiku li l-ħaddiema tas-settur tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali ma għandhomx dritt, anki fil-każ ta’ abbuż, għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratti tax-xogħol tagħhom għal żmien determinat f’relazzjoni tax-xogħol għal żmien indeterminat u lanqas ma jgawdu minn forom oħra ta’ protezzjoni, bħall-iffissar ta’ limitu għall-possibbiltà li persuna li timpjega tirrikorri għall-kuntratt għal żmien determinat.

62

Minn dan jirriżulta li s-sistema legali Taljana ma tinkludi, fis-settur tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali, ebda miżura effettiva, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, li tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat, u dan filwaqt li l-persunal ta’ dan is-settur, kuntrarjament għall-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166, punti 3536), ma jistax jippretendi l-għoti ta’ indennizz bħala kumpens għad-dannu mġarrab.

63

Fir-rigward tat-tqegħid inkwistjoni tar-responsabbiltà tad-diriġenti, invokat mill-Gvern Taljan bħala miżura effettiva, jeħtieġ li jitfakkar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tobbliga lill-amministrazzjonijiet jirkupraw, mingħand id-diriġenti responsabbli, l-ammonti mħallsa lill-ħaddiema bħala kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-ksur tad-dispożizzjonijiet relatati mar-reklutaġġ u mal-impjieg, meta l-imsemmi ksur ikun ta’ natura intenzjonali jew jirriżulta minn nuqqas serju. Issa, dan l-obbligu li għandhom l-amministrazzjonijiet jikkostitwixxi biss miżura minn fost oħrajn intiżi sabiex jipprevjenu u jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk it-tqegħid inkwistjoni ta’ din ir-responsabbiltà huwiex ta’ natura suffiċjentement effettiva u dissważiva sabiex jiggarantixxi l-effikaċja sħiħa tar-regoli adottati b’applikazzjoni tal-Ftehim Qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punti 5253).

64

F’dan ir-rigward, meta d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix sanzjonijiet speċifiċi fil-każ li jiġu madankollu kkonstatati abbużi, huwa l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali li jadottaw miżuri li għandhom mhux biss ikunu proporzjonati, iżda wkoll suffiċjentement effettivi u dissważivi sabiex jiggarantixxu l-effikaċja sħiħa tar-regoli adottati bl-applikazzjoni tal-Ftehim Qafas (sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 29).

65

Għalhekk, meta jkun sar użu abbużiv minn kuntratti jew minn relazzjonijiet tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tagħti garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema sabiex tissanzjona b’mod xieraq dan l-abbuż u tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 31).

66

Għalhekk, li kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma teżisti ebda miżura effettiva oħra sabiex jiġu evitati u ssanzjonati l-abbużi eventwalment ikkonstatati fir-rigward tal-persunal tas-settur tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali, tali sitwazzjoni tkun tali li tippreġudika l-għan u l-effettività tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas.

67

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha, kif ukoll id-dmir tagħhom, skont l-Artikolu 4 TUE, li jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, adattati sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan l-obbligu, huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López, C‑184/15 u C‑197/15, EU:C:2016:680, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68

Għalhekk, huma l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jiżguraw l-osservanza tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, billi jiżguraw li l-ħaddiema li ġarrbu abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat ma jiġux dissważi, fit-tama li jkomplu jiġu impjegati fis-settur speċifiku, milli jinvokaw quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, inklużi dawk ġudizzjarji, id-drittijiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-miżuri preventivi kollha previsti fil-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López, C‑184/15 u C‑197/15, EU:C:2016:680, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69

B’mod iktar partikolari, hija l-qorti adita li għandha tagħti lid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni interna, b’kull mod possibbli u meta jseħħ użu abbużiv ta’ kuntratti tax-xogħol suċċessivi għal żmien determinat, interpretazzjoni u applikazzjoni tali li jiġi ssanzjonat debitament dan l-abbuż u li jitħassru l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (digriet tal‑11 ta’ Diċembru 2014, León Medialdea, C‑86/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2447, punt 56).

70

F’dan il-każ, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi regoli applikabbli għall-kuntratti tax-xogħol irregolati mid-dritt ordinarju li jkunu intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, billi tipprevedi l-klassifikazzjoni mill-ġdid awtomatika ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat meta r-relazzjoni tax-xogħol tkompli lil hinn minn data preċiża, applikazzjoni ta’ din ir-regola fil-kawża prinċipali b’dan il-mod tkun tista’ tikkostitwixxi miżura li tipprevjeni tali abbuż, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas.

71

Fi kwalunkwe każ, hekk kif issostni l-Kummissjoni, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-ebda każ ma tippermetti, fis-settur ta’ attività tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali, it-tibdil tal-kuntratti tax-xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat, hija tista’ tintroduċi diskriminazzjoni bejn ħaddiema għal żmien determinat fl-imsemmi settur u ħaddiema għal żmien determinat fis-setturi l-oħra, inkwantu dawn tal-aħħar jistgħu jsiru, wara klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt tax-xogħol tagħhom fil-każ ta’ ksur tar-regoli relatati mal-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat, ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas.

72

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha r-regoli tad-dritt ordinarju li jirregolaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol u li huma intiżi sabiex jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat bil-klassifikazzjoni mill-ġdid awtomatika tal-kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat meta r-relazzjoni tax-xogħol tkun damet lil hinn minn data speċifika ma humiex applikabbli għas-settur ta’ attività tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali, meta ma teżisti ebda miżura oħra effettiva fis-sistema legali interna li tissanzjona l-abbużi kkonstatati f’dan is-settur.

Fuq l-ispejjeż

73

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas dwar Xogħol għal Terminu Fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha r-regoli tad-dritt ordinarju li jirregolaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol u li huma intiżi sabiex jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat bil-klassifikazzjoni mill-ġdid awtomatika tal-kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat meta r-relazzjoni tax-xogħol tkun damet lil hinn minn data speċifika ma humiex applikabbli għas-settur ta’ attività tal-fondazzjonijiet operistiċi u orkestrali, meta ma teżisti ebda miżura oħra effettiva fis-sistema legali interna li tissanzjona l-abbużi kkonstatati f’dan is-settur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.