Kawża C‑295/17

MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia SA

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira

[talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Provvista ta’ servizzi bi ħlas – Distinzjoni bejn danni mhux taxxabbli u provvisti ta’ servizzi taxxabbli pprovduti permezz tal-ħlas ta’ ‘kumpens’”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-22 ta’ Novembru 2018

  1. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Valur taxxabbli – Tnaqqis f’każ ta’ annullament, kanċellazzjoni, xoljiment jew tnaqqis fil-prezz – Nuqqas ta’ rkupru effettiv tal-ammont dovut f’każ ta’ terminazzjoni bikrija tal-kuntratt – Korrezzjoni tat-taxxa dovuta

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 73)

  2. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Provvista ta’ servizzi bi ħlas – Kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jipprevedi perijodu minimu ta’ impenn – Remunerazzjoni tal-provvista ta’ servizzi – Kunċett ta’ remunerazzjoni – Ammont iddeterminat minn qabel, irċevut f’każ ta’ terminazzjoni bikrija, li jikkorrispondi għall-ammont relatat mal-perijodu kuntrattwali li fadal – Inklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 2(1)(ċ))

  3. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Provvista ta’ servizzi bi ħlas – Kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jipprevedi perijodu minimu ta’ impenn – Ammont iddeterminat minn qabel, irċevut f’każ ta’ terminazzjoni bikrija – Kwalifika tal-ammont imsemmi bħala remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi – Għan ta’ dissważjoni u ta’ kumpens – Ammont ogħla minn dak ta’ kuntratt konkluż għal perijodu mhux determinat u meqjus bħala klawżola kriminali fil-liġi nazzjonali – Nuqqas ta’ impatt ta’ dawn l-elementi fuq il-kwalifika msemmija

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 2(1)(ċ))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 53-56)

  2.  L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont predeterminat irċevut minn operatur ekonomiku f’każ ta’ terminazzjoni bikrija mill-klijent tiegħu, jew għal raġuni imputabbli lil dan tal-aħħar, ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jistabbilixxi perijodu minimu ta’ impenn, liema ammont jikkorrispondi għall-ammont li dak l-operatur kien jirċievi matul il-bqija tal-perijodu msemmi fin-nuqqas ta’ tali terminazzjoni, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, għandu jitqies bħala remunerazzjoni għal provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas u suġġetta bħala tali għal din it-taxxa.

    (ara l-punt 57 u d-dispożittiv 1)

  3.  Ma humiex determinanti għall-kwalifika tal-ammont predeterminat fil-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li l-klijent ikollu jħallas f’każ ta’ terminazzjoni bikrija ta’ dan il-kuntratt, il-fatt li l-għan ta’ dan l-ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa huwa intiż biex jiskoraġġixxi lill-klijenti milli ma josservawx il-perijodu minimu ta’ impenn u biex jikkumpensa d-dannu li jsofri l-operatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-perijodu, il-fatt li r-remunerazzjoni rċevuta minn aġent kummerċjali għall-konklużjoni ta’ kuntratti li jistabbilixxu perijodu minimu ta’ impenn tkun ogħla minn dik stabbilita fil-kuntest tal-kuntratti li ma jistabbilixxux tali perijodu u l-fatt li l-ammont imsemmi jiġi kkwalifikat, taħt id-dritt nazzjonali, bħala klawżola kriminali.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jiġi interpretat indipendentement mill-għanijiet u mir-riżultati tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C‑653/11, EU:C:2013:409, punt 41).

    Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie deċiż fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, huwa essenzjali li tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika tat-tranżazzjoni inkwistjoni, li tikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C‑653/11, EU:C:2013:409, punti 42, 4849 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tkun tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri, għandu normalment jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2017, Kozuba Premium Selection, C‑308/16, EU:C:2017:869, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    (ara l-punti 60, 61, 67, 70 u d-dispożittiv 2)