SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2 – Attentat ta’ reat ta’ indeċenza mwettaq minn uffiċjal tas-servizz pubbliku fuq minuri ta’ sess maskili – Sanzjoni dixxiplinari adottata matul is-sena 1975 – Irtirar obbligatorju kmieni flimkien ma’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali – Effetti tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE fuq is-sanzjoni dixxiplinari – Modalitajiet ta’ kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar imħallsa”

Fil-Kawża C‑258/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

E.B.

vs

Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter BVA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, T. von Danwitz, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Mejju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E.B., minn H. Graupner, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse u J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn E.B. u l-Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter BVA (l-Assigurazzjoni għall-Mard tal-Uffiċjali u tal-Aġenti tas-Servizz Pubbliku, l-Awstrija) dwar il-legalità u l-effetti tad-deċiżjoni dixxiplinari imposta fuq E.B., matul is-sena 1975, minħabba attentat ta’ reat ta’ indeċenza mwettaq fuq minuri ta’ sess maskili.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 1 u 11 sa 13 tad-Direttiva 2000/78:

“(1)

Skond l-Artikolu 6 [TUE], l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet umani u għal-libertajiet fundamentali, u wkoll fuq l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950] u kif jirriżultaw mit-traduzzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni].

[…]

(11)

Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat [FUE], speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)

B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti [fl-Unjoni] kollha. […]

(13)

Din id-Direttiva ma tapplikax għas-sigurtà soċjali u għal skemi ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom mhumiex ittrattati bħala qligħ fis-sens mogħti lil dik l-espressjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [157 TFUE], lanqas għal ebda tip ta’ pagament mill-Istat bl-iskop li jipprovdi aċċess għall-impjieg jew li jżomm l-impjieg.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, jistipula:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.”

7

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri kellhom, bħala prinċipju, jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mit‑2 ta’ Diċembru 2003, jew setgħu jafdaw lill-imsieħba soċjali bil-kompitu tal-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet dwar ftehimiet kollettivi, filwaqt li jiżguraw li dawn tal-aħħar jiġu implimentati sal-istess data.

8

Id-Direttiva 2000/78 daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Diċembru 2000, skont l-Artikolu 20 tagħha.

Id-dritt Awstrijak

Id-dritt kriminali

9

Fil‑25 ta’ Frar 1974, l-Artikoli 128 u 129 tal-iStrafgesetz 1945 (il-Liġi Kriminali tal‑1945), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Federali ppubblikata fil-BGBl. Nru 273/1971 (iktar ’il quddiem l-“iStG”), kienu jipprovdu:

“Korruzzjoni

§ 128. Kull persuna li, […] għall-finijiet ta’ gratifikazzjoni sesswali, tabbuża sesswalment tifel jew tifla taħt l-età ta’ 14‑il sena b’mod ieħor għajr dak imsemmi fl-Artikolu 127 jikkommetti r-reat ta’ korruzzjoni, li għandu jkun punibbli b’sentenza ta’ priġunerija ta’ minn 1 sa 5 snin, ta’ mhux iktar minn 10 snin f’każ ta’ ċirkustanzi aggravanti serji, u ta’ mhux iktar minn 20 sena fil-każ ta’ xi waħda mill-konsegwenzi msemmija fil-Paragrafu 126.

Reat ta’ indeċenza

I.

Reat ta’ indeċenza mwettaq fuq żgħażagħ tal-istess sess

§ 129. Dawn il-forom ta’ indeċenza għandhom ikunu punibbli ukoll bħala reat kriminali:

I.

Indeċenza imwettqa minn persuni tal-istess sess minn kwalunkwe persuna tas-sess maskili li għalaq l-età ta’ tmintax-il sena ma’ persuna li għadha ma għalqitx l-età ta’ tmintax-il sena”.

10

L-Artikolu 129 tal-iStG ġie ssostitwit bl-Artikolu 209 tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali, iktar ’il quddiem l-“iStGB”), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 1975. L-imsemmi Artikolu 209 kien ifformulat kif ġej:

“Kull persuna ta’ sess maskili li tkun laħqet l-età ta’ 19‑il sena li tikkommetti att ta’ natura sesswali ma’ persuna tal-istess sess ta’ iktar minn 14‑il sena u li għadha ma għalqitx it-18‑il sena għandha tkun punita b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sitt xhur u ħames snin.”

11

Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2002, il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija) iddeċidiet li l-Artikolu 209 tal-iStGB ma kienx konformi mal-Kostituzzjoni u annullat din id-dispożizzjoni.

12

Il-Liġi Federali ppubblikata fil-BGBl. I, Nru 134/2002, emendat, b’effett mit‑13 ta’ Awwissu 2002, l-iStGB u ħassret l-Artikolu 209 tiegħu, qabel ma sar effettiv l-annullament iddikjarat mill-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali).

13

Ir-Repubblika tal-Awstrija ġiet ikkundannata diversi drabi mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minħabba l-applikazzjoni li kienet saret tal-Artikolu 209 tal-iStGB qabel it-tħassir tiegħu (ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 9 ta’ Jannar 2003, L. u V. vs L‑Awstrija, CE:ECHR:2003:0109JUD003939298; il-Qorti EDB, 9 ta’ Jannar 2003, S.L. vs L‑Awstrija, CE:ECHR:2003:0109JUD004533099, kif ukoll il-Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2004, Woditschka u Wilfling vs L‑Awstrija, CE:ECHR:2004:1021JUD006975601).

Id-dritt dwar is-servizz pubbliku

14

Fir-rigward tad-drittijiet għall-pensjoni tal-uffiċjali tas-servizz pubbliku fl-Awstrija, l-Artikolu 13(1) tal-Beamten-Dienstrechtsgesetz 1979 (il-Liġi tal‑1979 dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Servizz ta’ Uffiċjali tas-Servizz Pubbliku), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Federali ppubblikata fil-BGBl. I, Nru 119/2002, kien jipprevedi li, sat‑30 ta’ Diċembru 2016, l-uffiċjali tas-servizz pubbliku kienu jirtiraw fi tmiem il-65 sena tagħhom.

15

L-Artikolu 24 tad-Dienstpragmatik (ir-Regolament dwar is-Servizz), fil-verżjoni tiegħu ppubblikata fir-RGBl. Nru 15/1914 (iktar ’il quddiem id-“DP”), applikabbli għas-servizzi tal-pulizija, kien jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Uffiċjal tas-servizz pubbliku għandu, fi ħdan u barra s-servizz tiegħu, iżomm ir-reputazzjoni tal-professjoni, iġib ruħu f’kull ħin skont ir-regoli tar-rekwiżiti tal-imġiba u jevita kwalunkwe ħaġa li tista’ tippreġudika l-istima u l-kunfidenza meħtieġa mill-pożizzjoni tiegħu.”

16

L-Artikolu 87 tad-DP kien jipprovdi:

“L-uffiċjali tas-servizz pubbliku li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi uffiċjali u professjonali tagħhom għandhom ikunu suġġetti, bla ħsara għar-responsabbiltà kriminali tagħhom, għal sanzjonijiet amministrattivi jew dixxiplinari, skont jekk il-ksur ta’ dover jikkostitwixxix sempliċi ksur tar-regoli amministrattivi jew jekk, minħabba d-dannu jew il-ksur tal-interessi tal-Istat, in-natura jew is-serjetà tal-ksur, ir-reċidiva jew ċirkustanzi aggravanti oħra, dan il-ksur huwiex kkunsidrat bħala ksur tal-obbligi tas-servizz.”

17

L-Artikolu 93 tad-DP kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Is-sanzjonijiet dixxiplinari huma dawn li ġejjin:

(a)

ċanfira

(b)

esklużjoni taż-żieda fis-salarju,

(c)

tnaqqis tas-salarju mensili, bl-esklużjoni tal-allowance tad-dar,

(d)

irtirar obbligatorju bi tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet,

(e)

tneħħija mill-post tal-impjieg.”

18

L-Artikolu 97 tad-DP kien ifformulat kif ġej:

“1.   L-irtirar obbligatorju bħala sanzjoni dixxiplinari jista’ jiġi impost kemm għal perijodu ddeterminat kif ukoll b’mod permanenti. It-tnaqqis tal-ammont normalment riċevut bħala pensjoni (bħala allowance) ma jistax jeċċedi l‑25 %.

2.   Mal-iskadenza tal-perijodu ddeterminat fid-deċiżjoni, l-uffiċjal tas-servizz pubbliku għandu jiġi ttrattat daqs li kieku kien fuq irtirar obbligatorju temporanju, konformement mal-Artikolu 76, fid-data li fiha d-deċiżjoni dixxiplinari saret definittiva.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

E.B., ta’ sess maskili, imwieled fl‑1942, huwa uffiċjal irtirat tal-pulizija federali.

20

Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Settembru 1974, il-Landesgericht für Strafsachen Wien (il-Qorti Reġjonali Kriminali ta’ Vjenna, l-Awstrija), abbażi tal-punt I tal-Artikolu 129 tal-iStG, ikkundannat lil E.B., li f’dak iż-żmien kien jaqdi l-funzjonijiet ta’ uffiċjal tal-pulizija, għal piena ta’ priġunerija sospiża għal tliet snin, għal attentat ta’ reat ta’ indeċenza ta’ natura omosesswali mwettaq fil‑25 ta’ Frar 1974 fuq żewġ minuri.

21

E.B. appella minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), li ċaħdet l-appell tiegħu.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ġunju 1975 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975”), il-Kumitat Dixxiplinari tal-Bundespolizeidirektion Wien (il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija Federali ta’ Vjenna, l-Awstrija) issanzjona lil E.B. talli naqas mill-obbligi tal-etika tiegħu meta ordna lil żewġ minuri ta’ sess maskili, tal-età ta’ 14‑il sena u ta’ 15‑il sena rispettivament, li jipparteċipaw miegħu f’atti ta’ natura sesswali, għal liema raġuni huwa ġie kkundannat, konformement mal-Artikolu 8 u mal-punt I tal-Artikolu 129 tal-iStG, li wettaq ir-reat ta’ attentat ta’ reat ta’ indeċenza ta’ natura omosesswali ma’ żgħażagħ. Skont il-kliem tal-imsemmija deċiżjoni, “[b’]dan il-mod huwa ħati ta’ mġiba professjonali ħażina […], għal liema raġuni huwa, bħala sanzjoni dixxiplinari, għandu jirtira b’mod obbligatorju bi tnaqqis tal-ammont normali tal-pensjoni tiegħu, li ser titnaqqas b’25 % (ħamsa u għoxrin fil-mija) (Artikolu 93(1)(d), moqri flimkien mal-Artikolu 97(1) tad-DP).”

23

E.B. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Kummissjoni Għolja għad-Dixxiplina tal-Bundesministerium für Inneres (il-Ministeru Federali għall-Intern, l-Awstrija), li ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Marzu 1976 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dixxiplinari konfermattiva tal‑24 ta’ Marzu 1976”). Konsegwentement, E.B. irtira b’mod obbligatorju b’effett mill‑1 ta’ April 1976. Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, fl-assenza ta’ din id-deċiżjoni dixxiplinari, E.B. kien ikollu pensjoni, konformement mal-leġiżlazzjoni Awstrijaka, sa mill‑1 ta’ Jannar 2008.

24

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Mejju 1976, l-ammont tal-pensjoni ta’ E.B. ġie kkalkolat abbażi tal-irtirar obbligatorju tiegħu b’effett mill‑1 ta’ April 1976 u b’applikazzjoni tat-tnaqqis ta’ 25 % ordnat mill-awtorità dixxiplinari.

25

Fit‑2 ta’ Ġunju 2008, E.B. appella quddiem l-awtorità dixxiplinari sabiex, b’mod partikolari, din tannulla d-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 u tissospendi l-proċedura dixxiplinari miftuħa kontrih.

26

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni Għolja għad-Dixxiplina tal-Bundeskanzleramt (il-Kanċellerija Federali, l-Awstrija) ċaħdet dan l-appell.

27

Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2012, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) ċaħdet bħala infondat ir-rikors li E.B. kien ippreżenta kontra din id-deċiżjoni.

28

Barra minn hekk, fil‑11 ta’ Frar 2009, E.B. indirizza talba lill-awtorità tal-pensjonijiet għall-kalkolu u għall-ħlas b’lura ta’ salarji kif ukoll għall-għoti ta’ pensjoni ogħla. Huwa argumenta, prinċipalment, li, sabiex titwaqqaf id-diskriminazzjoni eżistenti, huwa kellu jitqies, fir-rigward tas-salarju u tal-pensjoni tiegħu, daqslikieku kien baqa’ attiv fis-servizz sal-età legali tal-irtirar. Sussidjarjament, huwa argumenta li huwa kellu dritt, għall-inqas, għall-ammont kollu tal-pensjoni tiegħu, mingħajr ebda tnaqqis.

29

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2013, il-Ministeru Federali għall-Intern ċaħad it-talba ta’ E.B. intiża li jikseb il-ħlas b’lura tas-salarji. Huwa qies, essenzjalment, li E.B. ma kien sofra ebda dannu peress li d-dħul li huwa kien għamel fis-settur privat wara li telaq mis-servizz pubbliku federali kien ogħla minn dak li huwa kien jagħmel li kieku żamm postu bħala uffiċjal federali.

30

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ġunju 2015, l-assigurazzjoni għall-mard tal-uffiċjali u tal-aġenti tas-servizz pubbliku ċaħdet it-talbiet ta’ E.B., li sadanittant huwa kien emenda parzjalment, sabiex jingħata pensjoni ogħla.

31

Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2016, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) ċaħdet bħala infondat ir-rikors li E.B. kien ippreżenta kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar.

32

E.B. ippreżenta rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva). Fil-motivi tat-talba għall-ammissjoni tar-rikors tiegħu, huwa b’mod partikolari qajjem il-kwistjoni dwar jekk l-effetti legali tad-deċiżjoni dixxiplinari konfermattiva tal‑24 ta’ Marzu 1976 kinux waqfu milli japplikaw, minħabba l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, sa fejn jirrigwarda d-drittijiet għal pensjoni li din id-deċiżjoni tirrigwarda.

33

Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) qieset li l-proċedura għal reviżjoni mibdija minn E.B. kienet leċita, sa fejn, fil-motivi tat-talba għall-ammissjoni tiegħu, huwa qajjem il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78.

34

Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) titlaq, barra minn hekk, mill-prinċipju li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Għolja għad-Dixxiplina tas-Servizzi tal-Kanċellerija Federali tas‑17 ta’ Ġunju 2009 ma ddeċidietx b’mod definittiv, b’effett vinkolanti, il-kwistjoni tal-limitazzjoni tal-effetti legali tad-deċiżjoni dixxiplinari konfermattiva tal‑24 ta’ Marzu 1976.

35

Skont il-qorti tar-rinviju, huwa stabbilit li, meta ġew adottati d-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 u d-deċiżjoni dixxiplinari konfermattiva tal‑24 ta’ Marzu 1976, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma kienet tipprekludi s-sanzjonijiet imposti kontra E.B. għall-motivi li kienu ngħataw dak iż-żmien.

36

Hija żżid madankollu li, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/78, sanzjoni dixxiplinari paragunabbli ma tistax tingħata iktar fl-Awstrija. Fil-fatt, ma huwiex iktar permess li ssir distinzjoni, anki għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-liġi li tirregola azzjoni dixxiplinari, bejn ir-reati ta’ indeċenza mwettqa fuq il-persuna ta’ minuri tal-età ta’ bejn l‑14-il sena u t‑18-il sena ta’ natura omosesswali maskili, minn naħa, u dawk ta’ natura eterosesswali jew leżbjani, min-naħa l-oħra. Issa, id-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 hija bbażata manifestement fuq tali distinzjoni, peress li din hija essenzjalment ibbażata fuq il-fatt li, dak iż-żmien, l-aġir li bih ġie akkużat E.B. kien reat kriminali minħabba n-natura omosesswali maskili tiegħu. Anki jekk ma setax jiġi eskluż li inċitament paragunabbli sabiex jitwettqu atti eterosesswali jew leżbjani kien jiġi interpretat bħala att li jippreġudika l-moralità, li seta’ jwassal għal azzjonijiet dixxiplinari meta seħħew il-fatti, is-sanzjoni dixxiplinari li kienet eventwalment tiġi imposta fuq l-uffiċjal magħruf bħala ħati ta’ reat ta’ indeċenza, fl-assenza tal-elementi kostituttivi previsti fil-punt I tal-Artikolu 129 tal-iStG, kienet tkun kunsiderevolment inqas severa. Skont il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, l-atti mwettqa minn E.B. ma setgħux ikunu ta’ natura li jiġġustifikaw is-sanzjoni dixxiplinari li tikkonsisti fl-irtirar obbligatorju.

37

Issa, id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/78 jista’ jkun li biddel is-sitwazzjoni legali fil-kawża prinċipali fis-sens li, għall-perijodi wara d-data ta’ dan id-dħul fis-seħħ, l-ammont tal-pensjoni mħallsa lil E.B. kellu jiġi kkalkulat mingħajr ebda diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ April 1999, Ciola (C‑224/97, EU:C:1999:212).

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2000/78] jipprekludi ż-żamma ta’ effetti legali ta’ deċiżjoni amministrattiva finali fil-qasam tal-liġi li tirregola d-dixxiplina tal-uffiċjali (deċiżjoni dixxiplinari) li tordna l-irtirar ta’ uffiċjal flimkien ma’ tnaqqis fil-pensjoni, meta fil-mument tal-adozzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva [2000/78], ma kinux applikabbli għal din id-deċiżjoni amministrattiva, iżda deċiżjoni (ipotetika) komparabbli tikser din id-direttiva li kieku ġiet adottata fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, sabiex terġa’ tiġi stabbilita sitwazzjoni ħielsa minn kull diskriminazzjoni,

a)

id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li għall-finijiet tal-kalkolu tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni, l-uffiċjal għandu jitqies, bejn id-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni amministrattiva u l-okkorrenza tal-età tal-irtirar, mhux bħala li kien irtirat iżda f’sitwazzjoni ta’ servizz attiv jew

b)

huwa suffiċjenti għal dan il-għan li jiġi rikonoxxut li huwa għandu dritt għal pensjoni sħiħa bir-rata applikabbli minħabba l-irtirar tiegħu fil-mument indikat fid-deċiżjoni amministrattiva?

3)

Ir-risposta għad-domanda 2 tiddependi fuq jekk, qabel l-età tal-irtirar, l-uffiċjal de facto talab fuq inizjattiva tiegħu stess xogħol attiv fis-servizz pubbliku federali?

4)

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dritt tal-Unjoni jeħtieġ biss l-annullament tat-tnaqqis perċentwali tal-ammont tal-pensjoni (u, skont il-każ, skont iċ-ċirkustanzi msemmija fid-domanda 3):

il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni imposta mid-direttiva [2000/78] tista’ tiġġustifika s-supremazija ta’ din fuq kwalunkwe dispożizzjoni kunfliġġenti tad-dritt nazzjonali u li l-qorti nazzjonali għandha tosservaha fil-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni, anki għal perijodi qabel mad-Direttiva saret direttament applikabbli [fl-Istati Membri]?

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 4: f’liema mument iseħħ tali ‘effett retroattiv’?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

39

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-effetti legali ta’ deċiżjoni dixxiplinari definittiva, adottata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, li tordna l-irtirar kmieni obbligatorju ta’ uffiċjal, flimkien ma’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tiegħu.

40

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-għan tad-Direttiva 2000/78, jirriżulta li din hija intiża li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiżgura lil kull persuna l-ugwaljanza fit-trattament “fl-impjieg u fix-xogħol”, billi toffri protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom huwa inkluż l-orjentament sesswali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Hütter, C‑88/08, EU:C:2009:381, punt 33, u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi, C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 28).

41

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat, qabelxejn, jekk sitwazzjoni bħal dik ikkreata bid-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/78.

42

F’dan ir-rigward, qabelxejn, mill-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi kkonferiti lill-Unjoni, “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi”, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga” (sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 20, u tal‑24 ta’ Novembru 2016, Parris, C‑443/15, EU:C:2016:897, punt 32).

43

F’dan il-każ, E.B., uffiċjal tal-pulizija, ġie ordnat, bħala sanzjoni dixxiplinari, jirtira kmieni u tnaqqaslu wkoll l-ammont tal-pensjoni b’25 %. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975, sa fejn din tinvolvi rtirar obbligatorju kmieni, affettwat il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78.

44

B’dan premess, sabiex jiġi evalwat jekk pensjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita dan il-kamp ta’ applikazzjoni għandu jinftiehem, fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(ċ) u (3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 13 tagħha, fis-sens li ma jkoprix l-iskemi ta’ sigurtà soċjali u ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom ma humiex meqjusa bħala paga, fis-sens mogħti lil din il-kelma għall-applikazzjoni tal-Artikolu 157(2) TFUE (sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Dittrich et, C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11, EU:C:2012:771, punt 31, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi, C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 30).

45

F’dan ir-rigward, huwa biss il-kriterju bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-pensjoni titħallas lill-ħaddiem minħabba r-relazzjoni ta’ xogħol li torbtu mal-persuna li kienet timpjegah preċedentement, jiġifieri, il-kriterju tal-impjieg, ibbażat fuq il-kliem stess tal-imsemmi artikolu, li jista’ jkun ta’ natura determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 1994, Beune, C‑7/93, EU:C:1994:350, punt 43, kif ukoll tal‑1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan il-kuntest, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu l-pensjoni li taffettwa biss kategorija partikolari ta’ ħaddiema, li hija direttament relatata mal-perijodu ta’ servizz imwettaq u li l-ammont tagħha huwa kkalkolat abbażi tal-aħħar salarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punti 4748, kif ukoll tal‑24 ta’ Novembru 2016, Parris, C‑443/15, EU:C:2016:897, punt 35).

47

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jekk il-pensjoni tal-irtirar imħallsa lil E.B. taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE u, b’mod partikolari, jekk din il-pensjoni titqiesx, fid-dritt nazzjonali, bħala paga li tkompli titħallas fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ servizz li tkompli wara li l-uffiċjal jibda jingħata l-benefiċċji tal-irtirar, bħall-pensjoni tas-servizz pubbliku inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2015, Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20).

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u sakemm il-pensjoni mħallsa lil E.B. taqa’ taħt il-kunċett ta’ “paga”, fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE u, għaldaqstant, tad-Direttiva 2000/78, sitwazzjoni bħal dik ikkreata bid-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva.

49

Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk tali sitwazzjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmija direttiva.

50

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni legali ġdida tapplika sa mid-dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha u jekk hija ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li nħolqu u li saru definittivi taħt il-liġi preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti ġuridiċi, is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata b’dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et, C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 32, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 32).

51

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 wasslet għal sitwazzjoni legali li saret definittiva qabel l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

52

Deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għaldaqstant ma tistax, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet partikolari f’dan is-sens fid-Direttiva 2000/78, tiġi marbuta mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-perijodu ta’ qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2011, Römer, C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 61).

53

Għaldaqstant, huwa biss mal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, jiġifieri sa mit‑3 ta’ Diċembru 2003, li din kellha l-effett li ddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni l-effetti tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2011, Römer, C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 63).

54

Issa, minkejja li l-Istat Awstrijak beda jħallas pensjoni tal-irtirar b’mod perjodiku lil E.B. sa mis-sena 1976, konformement mad-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975, huwa kompla jħallas din il-pensjoni wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78.

55

Għaldaqstant, minħabba li komplew isiru l-ħlasijiet tal-pensjoni lil E.B., din id-deċiżjoni, minkejja li, ċertament, saret definittiva qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, min-naħa l-oħra ma eżawrietx l-effetti legali tagħha kollha qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu, iżda, għall-kuntrarju, tkompli tipproduċi l-effetti tagħha perjodikament, matul il-perijodu kollu tal-irtirar tal-persuna kkoċernata, wara l-imsemmija skadenza.

56

Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjoni kkreata bid-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 tikkostitwixxi sitwazzjoni mnissla qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/78, iżda li l-effetti futuri tagħha huma rregolati bl-imsemmija direttiva sa mill-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, konformement mal-prinċipju li jipprovdi li r-regoli ġodda japplikaw immedjatament għal tali effetti futuri.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika, wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri sa mit‑3 ta’ Diċembru 2003, għall-effetti futuri ta’ deċiżjoni dixxiplinari definittiva, adottata qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, li tordna l-irtirar obbligatorju kmieni ta’ uffiċjal, kif ukoll tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni tiegħu.

Fuq it-tieni sal-ħames domanda

58

Permezz tat-tieni sal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, jekk, u sa liema punt, id-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li timponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li teżamina mill-ġdid l-effetti legali tad-deċiżjoni dixxiplinari definittiva li tordna l-irtirar obbligatorju kmieni ta’ uffiċjal flimkien ma’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tiegħu.

59

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Awstrijak jargumenta li r-regoli tal-etika applikabbli għal E.B., li kienu jimponu fuq l-uffiċjali l-obbligu li jżommu r-reputazzjoni tal-professjoni tagħhom kemm waqt kif ukoll barra mill-ħin tas-servizz tagħhom, kienu jissanzjonaw bl-istess mod il-persuni omosesswali u l-persuni eterosesswali li jkunu wettqu reat. Konsegwentement, dawn ir-regoli bl-ebda mod ma wasslu għal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-orjentament sesswali.

60

Madankollu, bħalma rrilevat il-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-riviju tagħha, u bħalma jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975, ikkonfermata bid-deċiżjoni dixxiplinari konfermattiva tal‑24 ta’ Marzu 1976, kienet essenzjalment ibbażata fuq in-natura kriminali ssanzjonata mil-liġi, f’dak iż-żmien, tal-aġir li bih ġie akkużat E.B. skont dispożizzjoni tad-dritt Awstrijak li kienet tissanzjona r-reati ta’ indeċenza mwettqa minn persuna ta’ sess maskili fuq persuna tal-istess sess ta’ età ta’ inqas minn 18‑il sena, iżda li ma kinitx tissanzjona r-reati ta’ indeċenza mwettqa minn persuna eterosesswali jew minn persuna omosesswali ta’ sess femminili fuq persuna ta’ età ta’ inqas minn 18-il sena. Il-qorti tar-rinviju enfasizzat ukoll li eventwali sanzjoni dixxiplinari imposta fl-ipoteżi li l-elementi kostituttivi ta’ reat ta’ indeċenza ta’ natura omosesswali maskili, previsti minn din id-dispożizzjoni tad-dritt kriminali Awstrijak, ma jkunux issodisfatti, kienet tkun kunsiderevolment inqas severa.

61

Minn dan isegwi li sitwazzjoni bħal dik li tirriżulta mid-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975, li hija bbażata fuq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-orjentament sesswali, twassal għal diskriminazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

62

Wara li saret din il-konstatazzjoni, għandu jiġi rrilevat li s-sanzjoni dixxiplinari li kkonsistiet f’li E.B. jirtira kmieni b’mod obbligatorju ħadet effett fl‑1 ta’ April 1976. Din is-sanzjoni saret definittiva qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 u eżawriet l-effetti kollha tagħha meta daħlet fis-seħħ. Għaldaqstant, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, hija ma għadhiex tista’ tiġi kkontestata abbażi ta’ din id-direttiva. Il-fatt li l-qorti tar-rinviju tindika li E.B. ma setax jirtira b’mod obbligatorju bħala sanzjoni dixxiplinari fl-assenza tan-natura kriminalment issanzjonata, dak iż-żmien, tal-aġir li huwa ġie akkużat bih, ma huwiex ta’ natura li jbiddel din il-konstatazzjoni.

63

F’dawn il-kundizzjonijiet, persuna bħal E.B. ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 sabiex tikseb l-istabbiliment mill-ġdid tal-karriera professjonali li kien ikollha li kieku d-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 ma kinitx ġiet adottata.

64

Għaldaqstant, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni ta’ persuna bħal E.B., din ma tistax titqies li tinsab, għall-perijodu mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni dixxiplinari tal‑10 ta’ Ġunju 1975 sa meta għalqet l-età legali ta’ rtirar, f’sitwazzjoni ta’ servizz attiv bħala uffiċjal. Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix il-ħlas, mill-Istat Awstrijak, ta’ paga jew tar-rikonoxximent ta’ dritt għal pensjoni għal dan il-perijodu.

65

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tas-sanzjoni li tikkonsisti fit-tnaqqis ta’ 25 % tal-ammont tal-pensjoni ta’ E.B. abbażi tal-irtirar obbligatorju tiegħu sa mill‑1 ta’ April 1976, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li l-effetti li din is-sanzjoni pproduċiet qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 ma jistgħux, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, jiġu kkontestati abbażi ta’ din id-direttiva, din il-pensjoni mnaqqsa b’dan il-mod għadha madankollu titħallas perjodikament lil E.B. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 sa mid-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha timplika, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, li, sa mill-imsemmija data, it-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni ta’ E.B. ikun eżaminat mill-ġdid, sabiex titwaqqaf id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali. Il-kalkolu li għandu jsir fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid għandu jsir abbażi tal-ammont tal-pensjoni li E.B. kien ikollu dritt għaliha fid-dawl tal-irtirar tiegħu sa mill‑1 ta’ April 1976.

66

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika sa liema punt uffiċjal li, fl-istess żmien, ikun kiser l-obbligi tal-etika tiegħu paragunabbli għal dawk ta’ E.B. kien ikun is-suġġett ta’ sanzjoni dixxiplinari li kieku kellha titneħħa n-natura omosesswali maskili ta’ dan il-ksur.

67

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju indikat li, minkejja li ma setax jiġi eskluż li inċitament paragunabbli ta’ minuri sabiex jitwettqu atti ta’ natura eterosesswali jew leżbjana kienet titqies u tiġi ssanzjonata bħala ksur tal-obbligi tal-etika imposti fuq l-uffiċjali tal-pulizija, is-sanzjoni dixxiplinari imposta fuq E.B. kienet tkun kunsiderevolment inqas severa fil-każ li l-elementi kostituttivi previsti mid-dispożizzjoni tad-dritt kriminali Awstrijak inkwistjoni ma kinux issodisfatti. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa l-kompitu tagħha li tiddetermina jekk l-imsemmi ksur wassalx għal sanzjoni dixxiplinari li tinvolvi tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar u, jekk ikun il-każ, kemm kien ikun it-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni li kien ikun impost fuq E.B. bħala sanzjoni dixxiplinari fl-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali, u huwa mifhum li tali tnaqqis għandu, preżumibbilment, ikun ta’ inqas minn 25 %.

68

Fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, u peress li l-kwistjoni hija li tiġi rrimedjata diskriminazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi tiġi ddeterminata l-perċentwali rilevanti ta’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni ta’ E.B., huwa irrilevanti l-fatt li, qabel laħqet l-età legali tal-irtirar, il-persuna kkonċernata spontanjament għamlet ħilitha jew le sabiex twettaq attività fis-settur pubbliku jew li, matul l-irtirar kmieni tagħha, hija ħadmet fis-settur privat.

69

Il-qorti tar-rinviju għandha għaldaqstant tiddetermina l-ammont tal-pensjoni li għandha titħallas lil E.B. għall-perijodu li jibda fit‑3 ta’ Diċembru 2003.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni sal-ħames domanda għandha tkun li d-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, hija timponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li teżamina mill-ġdid, għall-perijodu li jibda fit‑3 ta’ Diċembru 2003, mhux is-sanzjoni dixxiplinari definittiva li tordna l-irtirar obbligatorju kmieni tal-uffiċjal ikkonċernat, iżda t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tiegħu, sabiex tiddetermina l-ammont li huwa kien jirċievi fl-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika, wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri sa mit‑3 ta’ Diċembru 2003, għall-effetti futuri ta’ deċiżjoni dixxiplinari definittiva, adottata qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, li tordna l-irtirar obbligatorju kmieni ta’ uffiċjal, kif ukoll tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni tiegħu.

 

2)

Id-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, hija timponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li teżamina mill-ġdid, għall-perijodu li jibda fit‑3 ta’ Diċembru 2003, mhux is-sanzjoni dixxiplinari definittiva li tordna l-irtirar obbligatorju kmieni tal-uffiċjal ikkonċernat, iżda t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tiegħu, sabiex tiddetermina l-ammont li huwa kien jirċievi fl-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali .

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.