SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
6 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċedura ta’ insolvenza – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikolu 15 – Effetti tal-proċedura ta’ insolvenza fuq kawżi pendenti marbuta ma’ beni jew ma’ dritt li kienu maqbuda mingħand id-debitur – Kunċett ta’ ‘kawża pendenti’ – Proċedura fil-mertu intiża għar-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ dejn”
Fil-Kawża C-250/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura
Virgílio Tarragó da Silveira
vs
Massa Insolvente da Espírito Santo Financial Group SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, E. Juhász u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal V. Tarragó da Silveira, minn P. de Almeida, L. Mesquita u E. Viveiros, advogados, |
|
– |
għal Massa Insolvente da Espírito Santo Financial Group SA, minn N. Líbano Monteiro, F. da Cunha Matos u S. Estima Martins, advogados, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u P. Lacerda, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso, M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Virgílio Tarragó da Silveira u Massa Insolvente da Espírito Santo Financial Group SA dwar il-ħlas ta’ somma dovuta bħala remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti minn V. Tarragó da Silveira lill-kumpannija Espírito Santo Financial Group SA, qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ din tal-aħħar, kif ukoll ta’ kumpens għad-danni mġarrba minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 8, 23 u 24 tar-Regolament Nru 1346/2000 jiddikjaraw:
[...]
|
|
4 |
L-Artikolu 4(1) u (2)(f) ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “1. Ħlief fejn ipprovdut b’ mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ‘il quddiem imsemmija bħala l-’Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’. 2. Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’ mod partikolari: [...]
[...]” |
|
5 |
L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament jipprovdi: “L-effetti ta' proċedimenti ta' falliment [insolvenza] fuq kawżi pendenti li jikkonċernaw assi jew dritt li jkunu ittieħdu minn għand id-debitur għandhom jiġu regolati biss bil-liġi ta' l-Istat Membru li fiħ il-kawża tkun pendenti.” |
|
6 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tal-istess regolament jipprevedi: “Ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] mogħti minn qorti ta’ Stat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 għandu jkun magħruf fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat li jiftaħ il-proċedimenti.” |
Id-dritt Portugiż
|
7 |
L-Artikolu 277(e) tal-Código do Processo Civil (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) huwa fformulat b’dan il-mod: “Ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni fil-każ: [...]
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
8 |
Fil-25 ta’ Lulju 2008, V. Tarragó da Silveira, residenti f’Londra (ir-Renju Unit), ressaq, quddiem it-Tribunal de Comarca de Lisboa (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona, il-Portugall), azzjoni għall-irkupru ta’ dejn ibbażat fuq kuntratt għall-provvista ta’ servizzi kontra l-kumpannija Espírito Santo Financial Group, li kellha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Lussemburgu. |
|
9 |
Matul din il-proċedura, fl-10 ta’ Ottubru 2014, il-kumpannija Espírito Santo Financial Group ġiet iddikjarata li tinsab fi stat ta’ falliment mit-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu). Għalhekk, b’effett minn dik id-data, kienet il-massa tal-falliment ta’ Espírito Santo Financial Group, irrappreżentata mill-kuratur tal-falliment Lussemburgiż maħtur minn dik il-qorti, li saret il-konvenuta fil-kuntest tal-imsemmija proċedura. |
|
10 |
Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Ġunju 2015, it-Tribunal de Comarca de Lisboa (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona) iddikjarat, fuq il-bażi tal-Artikolu 277(e) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u tas-sentenza li tistabbilixxi l-ġurisprudenza Nru 1/2014, tat-8 ta’ Mejju 2013, tas-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall), li ma kienx hemm lok li tagħti deċiżjoni għaliex qieset li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 kien applikabbli għall-każ ineżami, fid-dawl tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fil-Lussemburgu. |
|
11 |
V. Tarragó da Silveira appella minn dan id-digriet quddiem it-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona, il-Portugall) li, permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, ikkonfermat id-deċiżjoni tal-ewwel istanza. |
|
12 |
V. Tarragó da Silveira appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema). Insostenn tal-appell tiegħu, huwa jsostni li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 japplika biss għall-kawżi pendenti li jkollhom bħala suġġett beni jew dritt iddeterminati u li l-kawżi li jkollhom bħala suġġett obbligu ta’ natura pekunjarja ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. B’hekk, fil-każ ineżami, l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza miftuħa fil-Lussemburgu fuq il-proċedura pendenti quddiem il-qrati Portugiżi kellhom jiġu rregolati, skont ir-regola ġenerali dwar kunflitt ta’ liġijiet stabbilita fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, mid-dritt tal-Istat Membru fejn infetħet din il-proċedura, f’dan il-każ il-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Issa, għall-kuntrarju tad-dritt Portugiż, id-dritt Lussemburgiż ma jirrikjedix l-estinzjoni tal-kawża pendenti. |
|
13 |
Il-kuratur tal-falliment ta’ Espírito Santo Financial Group isostni li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 japplika għall-proċeduri kollha li jkunu pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru għajr dak fejn tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza, li jkunu jikkonċernaw beni jew drittijiet, iddeterminati jew indeterminati, bil-kundizzjoni li jkunu maqbuda mingħand id-debitur. |
|
14 |
Fid-dawl ta’ dawn il-pożizzjonijiet diverġenti, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-portata tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000. |
|
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 15 tar-[Regolament Nru 1346/2000] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi fid-dispożizzjonijiet tiegħu azzjoni pendenti f’qorti ta’ Stat Membru għall-kundanna ta’ debitur f’obbligu ta’ ħlas ta’ ammont pekunjarju, dovut taħt kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, u għall-kundanna għall-ħlas ta’ kumpens pekunjarju minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-imsemmi obbligu, fid-dawl tal-fatt li: (i) id-debitur ġie ddikjarat insolventi fi proċedura miftuħa f’qorti ta’ Stat Membru ieħor; u (ii) id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza tinkludi l-patrimonju kollu tad-debitur?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
16 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal kawża pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru li jkollha bħala suġġett il-kundanna ta’ debitur għall-ħlas ta’ somma flus, dovuta taħt kuntratt għall-provvista ta’ servizzi, kif ukoll għall-ħlas ta’ kumpens pekunjarju minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-istess obbligu kuntrattwali, fil-każ li dan id-debitur kien iddikjarat insolventi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ieħor u fil-każ li din id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza tkopri l-patrimonju kollu tal-imsemmi debitur. |
|
17 |
Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja f’dan ir-regolament, il-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza u għall-effetti tagħha għandha tkun dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza. Dan l-artikolu jistabbilixxi b’hekk ir-regola ġenerali dwar kunflitt ta’ liġijiet applikabbli għall-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali kif ukoll għall-effetti tagħhom. |
|
18 |
B’eċċezzjoni minn din ir-regola, l-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza fuq kawża pendenti li tikkonċerna beni jew dritt li jkunu maqbuda mingħand id-debitur għandhom ikunu rregolati esklużivament mil-liġi tal-Istat Membru li fih tkun pendenti din il-kawża. |
|
19 |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, kif isostni V. Tarragó da Silveira, l-espressjoni “beni jew dritt li jkunu maqbuda mingħand id-debitur” tillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 għal dawk il-kawżi pendenti li jkunu jikkonċernaw beni jew dritt iddeterminati biss. Fi kliem ieħor, f’din l-ipoteżi dan l-artikolu jkun applikabbli biss għall-kawżi pendenti dwar dritt iddeterminat miżmum mid-debitur jew dwar beni ddeterminat li jkun il-proprjetà ta’ dan tal-aħħar. Issa, dan ma jkunx il-każ meta jkun hemm kawża li tikkonċerna l-ħlas ta’ somma flus dovuta taħt obbligu kuntrattwali. |
|
20 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata preċedenza fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ, C-294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
21 |
F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni ma humiex inekwivoki. Fil-fatt, il-verżjonijiet bl-Ingliż, bil-Franċiż u bit-Taljan, b’mod partikolari, jużaw rispettivament l-espressjonijiet “an asset or a right of which the debtor has been divested”, “un bien ou un droit dont le débiteur est dessaisi” u “un bene o a un diritto del quale il debitore è spossessato”. Mill-banda l-oħra, il-verżjonijiet bl-Ispanjol, biċ-Ċek, bid-Daniż u bil-Ġermaniż, b’mod partikolari, jużaw rispettivament l-espressjonijiet “un bien o un derecho de la masa”, “majetku nebo práva náležejícího do majetkové podstaty”, “et aktiv eller en rettighed i massen” u “einen Gegenstand oder ein Recht der Masse”. |
|
22 |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 ta’ din is-sentenza kif ukoll tad-diverġenzi li jirriżultaw mid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000, l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu ma tistax tkun ibbażata biss fuq il-formulazzjoni tiegħu. |
|
23 |
Għalkemm il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu ma hijiex mingħajr ambigwità, il-kuntest u l-għanijiet tal-imsemmi artikolu jeżiġu, min-naħa tagħhom, interpretazzjoni fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma jistax ikun limitat biss għall-kawżi pendenti li jikkonċernaw beni jew dritt iddeterminati li jkunu maqbuda mingħand id-debitur. |
|
24 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntest, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu, minn naħa, jinqara flimkien mal-Artikolu 4(2)(f) tal-istess regolament li jagħmel distinzjoni bejn il-“kawżi pendenti” u l-proċeduri l-oħra mressqa minn kredituri individwali (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, ENEFI, C-212/15, EU:C:2016:841, punt 32). Issa, din id-dispożizzjoni tal-aħħar bl-ebda mod ma tindika li kawża pendenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tikkonċerna beni jew dritt iddeterminati. Għall-kuntrarju, l-użu tal-espressjoni ġenerali “kawża pendenti” jikkonferma li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 japplika għall-kawżi pendenti li jikkonċernaw mhux biss dritt jew beni ddeterminati, iżda li jikkonċernaw, b’mod iktar wiesa’, beni jew dritt li jagħmlu parti mill-massa tal-insolvenza. |
|
25 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-beni jew id-drittijiet “maqbuda mingħand id-debitur” fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 huma dawk li jkunu maqbuda mingħandu minħabba l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Issa, konformement mal-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament, kull deċiżjoni li tiftaħ tali proċedura ta’ insolvenza għandha tkun irrikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra kollha, hekk kif tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istat tal-ftuħ. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “beni jew drittijiet maqbuda mingħand id-debitur” ma jkoprix biss il-beni jew id-drittijiet iddeterminati tad-debitur iżda jkopri pjuttost il-massa tal-insolvenza tad-debitur li tirriżulta mill-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. |
|
26 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1346/2000, għandu jiġi osservat li jkun kuntrarju għall-għan segwit minn dan ir-regolament, kif jirriżulta mill-premessa 8 tiegħu, jiġifieri li jtejjeb u li jħaffef il-proċeduri ta’ insolvenza li jkollhom effetti transkonfinali, jekk il-qorti li tieħu konjizzjoni tal-kawża tkun obbligata, fir-rigward tal-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw obbligu pekunjarju, tapplika, fil-mori tal-kawża, liġi barranija bis-sempliċi għan li tiddetermina l-effetti tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fi Stat Membru ieħor fuq din il-kawża. Dan jista’ jwassal għal dewmien fid-deċiżjoni ta’ dik il-qorti dwar il-konstatazzjoni u l-iffissar tal-ammont ta’ eventwali dejn, u, jekk ikun il-każ, jista’ jipprekludi lill-kreditur milli jiddikjara fil-ħin il-kreditu tiegħu fost il-passiv tal-massa fformata fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ insolvenza. |
|
27 |
B’hekk, konformement mal-għan imsemmi fil-punt preċedenti, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 mogħtija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza tippermetti lill-qorti adita b’kawża pendenti tiddetermina l-effetti tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fuq din il-kawża skont id-dritt nazzjonali tagħha. |
|
28 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma jistax jiġi llimitat biss għall-proċeduri pendenti li jikkonċernaw beni jew dritt iddeterminati maqbuda mingħand id-debitur. |
|
29 |
Madankollu, għandu jiġi speċifikat li dan l-artikolu ma jistax japplika mingħajr distinzjoni għall-kawżi pendenti kollha li jikkonċernaw beni jew dritt li jagħmlu parti mill-massa tal-insolvenza. |
|
30 |
Kif diġà osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, ikun kontradittorju jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għall-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata, bil-konsegwenza li l-effetti tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza jkunu b’hekk jaqgħu taħt il-liġi tal-Istat Membru fejn tkun pendenti tali proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, meta, fl-istess ħin, l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, billi jimponi espliċitament ir-restituzzjoni lil-likwidatur ta’ dak kollu li jkun inkiseb permezz ta’ “infurzar”, iċaħħad għalhekk lil dan l-Artikolu 15 mill-effett utli tiegħu (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, ENEFI, C‑212/15, EU:C:2016:841, punt 34). |
|
31 |
Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1346/2000 huwa bbażat fuq il-prinċipju li r-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri, li jservi ta’ bażi, mutatis mutandis, għal kull proċedura ta’ insolvenza, jipprekludi, bħala regola ġenerali, il-proċeduri individwali permezz ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata li jitressqu u li jiżvolġu meta tkun pendenti proċedura ta’ insolvenza kontra d-debitur (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, ENEFI, C-212/15, EU:C:2016:841, punt 33). |
|
32 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, ENEFI, C-212/15, EU:C:2016:841, punt 35). |
|
33 |
Mill-banda l-oħra, l-azzjonijiet għal konstatazzjoni ta’ obbligi pekunjarji li jkunu intiżi biss li jiġu ddeterminati d-drittijiet u l-obbligi tad-debitur, mingħajr ma jimplikaw l-implimentazzjoni tagħhom, u li għalhekk ma jkollhomx ir-riskju, b’differenza mill-proċeduri individwali ta’ eżekuzzjoni forzata, li jippreġudikaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri kif ukoll is-soluzzjoni kollettiva tal-proċedura ta’ insolvenza, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 15. |
|
34 |
B’hekk, qabel kwalunkwe applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk l-azzjoni ta’ V. Tarragó da Silveira hijiex azzjoni fil-mertu li s-suġġett tagħha huwa preċiżament talba għall-ħlas ta’ dejn u jekk, bħala tali, hijiex differenti mill-proċedura għall-irkupru forzat ta’ dan id-dejn. |
|
35 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal kawża pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru li jkollha bħala suġġett il-kundanna ta’ debitur għall-ħlas ta’ somma flus, dovuta taħt kuntratt għall-provvista ta’ servizzi, kif ukoll għall-ħlas ta’ kumpens pekunjarju minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-istess obbligu kuntrattwali, fil-każ li dan id-debitur kien iddikjarat insolventi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ieħor u fil-każ li din id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza tkopri l-patrimonju kollu tal-imsemmi debitur. |
Fuq l-ispejjeż
|
36 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment [insolvenza], għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal kawża pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru li jkollha bħala suġġett il-kundanna ta’ debitur għall-ħlas ta’ somma flus, dovuta taħt kuntratt għall-provvista ta’ servizzi, kif ukoll għall-ħlas ta’ kumpens pekunjarju minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-istess obbligu kuntrattwali, fil-każ li dan id-debitur kien iddikjarat insolventi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ieħor u fil-każ li din id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza tkopri l-patrimonju kollu tal-imsemmi debitur. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.