Kawża C‑248/17 P
Bank Tejarat
vs
Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Annullament ta’ inklużjoni mill-Qorti Ġenerali – Inklużjoni mill-ġdid – Raġuni għall-inklużjoni relatata mal-appoġġ finanzjarju mogħti lill-Gvern Iranjan u mal-involviment fl-akkwist ta’ beni u ta’ teknoloġiji pprojbiti – Portata – Finanzjament ta’ proġetti fis-settur taż-żejt u tal-gass – Provi li jmorru lura għal data preċedenti għall-ewwel inklużjoni – Fatti magħrufa qabel l-ewwel inklużjoni – Artikolu 266 TFUE – Awtorità ta’ res judicata – Portata – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad‑29 ta’ Novembru 2018
Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Interess li għandu jiġi evalwat fid-data tal-preżentata tar-rikors – Rikors ippreżentat kontra att li jimponi miżuri restrittivi fir-rigward tal-appellanti – Tħassir tal-att fil-mori tal-kawża – Dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni – Inammissibbiltà – Żamma tal-interess tal-appellanti li tikseb ir-rikonoxximent tal-illegalità tal-att ikkontestat
(Artikolu 263 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 56; Regolament tal-Kunsill 2015/549; Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/556)
Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament – Aggravju bbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti – Neċessità li jiġu indikati b’mod preċiż l-elementi żnaturati u li jiġu murija l-iżbalji ta’ analiżi li wasslu għal dan l-iżnaturament
(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)
L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Miżuri meħuda fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari – Portata tal-istħarriġ
(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill 2015/549; Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/556)
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Apoġġ għall-attivitajiet nukleari tal-Iran ta’ natura sensittiva fir-rigward tal-proliferazzjoni – Kunċett – Appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju – Importanza kwantitattiva jew kwalitattiva tal-appoġġ – Portata
(Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikolu 20(1)(c), emendata bid-Deċiżjoni 2012/635/PESK;Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, Artikolu 23(2)(d) emendat bir-Regolament Nru 1263/2012)
Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Annullament ta’ atti li jirrigwardaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran – Adozzjoni ta’ att li jikkonsisti fl-inklużjoni mill-ġdid ta’ rikorrent abbażi ta’ raġunijiet oħra għajr dawk indikati fl-atti annullati – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Portata – Stħarriġ ġudizzjarju – Ksur tal-prinċipji ta’ awtorità ta’ res judicata u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Assenza
(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, Artikolu 266 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill 2015/549;Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/556)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 28, 29)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 37, 44)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 38, 39, 60)
Il-kriterju tal-appoġġ lill-Gvern Iranjan indikat fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2012/635, u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, kif emendat bir-Regolament Nru 1263/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri attivitajiet speċifiċi għall-persuna jew għall-entità kkonċernata u li, anki jekk dawn, bħala tali, ma għandhomx rabta diretta jew indiretta mal-proliferazzjoni nukleari, madankollu jistgħu jiffavorixxuha, billi jipprovdu lill-Gvern Iranjan riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika li jippermettulu jkompli l-attivitajiet ta’ proliferazzjoni.
Barra minn hekk, dan il-kriterju, moqri fid-dawl tal-għanijiet li l-Kunsill irid jilħaq, jirrigwarda l-forom ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan li, permezz tal-importanza kwantitattiva jew kwalitattiva tagħhom, jikkontribwixxu sabiex jitkomplew l-attivitajiet nukleari Iranjani.
Għaldaqstant, il-kwistjoni rilevanti hija dik dwar jekk l-attività speċifika għall-persuna jew għall-entità kkonċernata tistax tiffavvorixxi l-proliferazzjoni nukleari, minħabba l-importanza kwantitattiva jew kwalitattiva tagħha, billi tipprovdi lill-Gvern Iranjan riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika li jippermettulu jkompli l-attivitajiet ta’ proliferazzjoni.
(ara l-punti 52, 54, 55)
Ir-regola li abbażi tagħha, skont l-Artikolu 266 TFUE, fil-każ fejn att jiġi annullat jew iddikjarat invalidu, l-istituzzjonijiet li jkunu adottaw dak l-att għandhom biss l-obbligu li jadottaw il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza, timplika li dawn l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedu dwar il-mezzi li għandhom jiġu implimentati sabiex tiġi rrimedjata l-illegalità kkonstatata, filwaqt li dawn il-mezzi għandhom ikunu kompatibbli mad-dispożittiv tas-sentenza inkwistjoni u mal-motivi li jikkostitwixxu l-appoġġ neċessarju għalih.
Fir-rigward ta’ sentenza li permezz tagħha l-qorti tal-Unjoni annullat atti li jipprevedu l-inklużjoni inizjali ta’ rikorrent f’lista ta’ persuni li fir-rigward tagħhom japplikaw miżuri restrittivi minħabba n-nuqqas ta’ provi prodotti mill-Kunsill sabiex tiġi ssostanzjata l-bażi fattwali tagħhom, il-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill jistax jipproċedi għal inklużjoni mill-ġdid abbażi ta’ raġunijiet oħra għajr dawk indikati fl-atti annullati, li teħtieġ li jiġi stabbilit jekk is-sentenza ta’ annullament tillimitax l-għażla tal-Kunsill li jadotta atti ta’ inklużjoni mill-ġdid, tista’ tiġi evalwata fid-dawl tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. Abbażi ta’ dan il-prinċipju, is-sentenzi ta’ annullament mogħtija mill-qrati tal-Unjoni jgawdu, minn meta jsiru finali, mill-awtorità ta’ res judicata. Din ma tkoprix biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament, iżda wkoll il-motivi li jikkostitwixxu l-appoġġ neċessarju għad-dispożittiv u huma, minħabba f’hekk, indissoċjabbli. Issa, l-awtorità ta’ res judicata tapplika biss għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. F’dan ir-rigward ma jistax jiġi dedott mill-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ provi prodotti mill-Kunsill, li magħha hija marbuta l-awtorità ta’ res judicata, li l-Kunsill ma setax, sussegwentement, jieħu inkunsiderazzjoni provi oħra intiżi li jikkonfermaw il-veraċità tar-raġunijiet invokati, jew li qatt ma jista’ juri li l-appellanti tipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari jew tgħin lil persuni jew entitajiet oħra sabiex jiksru l-miżuri restrittivi li jikkonċernawhom jew sabiex jevitawhom.
Barra minn hekk, lanqas il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt, li fil-preżent huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jista’ jimpedixxi lill-Kunsill milli jinkludi mill-ġdid lil persuna jew lil entità fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet li l-assi tagħhom għandhom jiġu ffriżati, abbażi ta’ raġunijiet oħra għajr dawk li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni inizjali ta’ dik il-persuna jew ta’ dik l-entità. Fil-fatt, dan il-prinċipju għandu l-għan li jiżgura li att li jikkawża preġudizzju jista’jiġi kkontestat quddiem il-qorti, u mhux li att ġdid li jikkawża preġudizzju, ibbażat fuq raġunijiet differenti, ma jistax jiġi adottat. Għaldaqstant, meta deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li tkun is-suġġett ta’ rikors tiġi annullata, din hija meqjusa bħala li qatt ma eżistiet u din l-istituzzjoni, li jkollha l-intenzjoni tieħu deċiżjoni ġdida, tista’ twettaq eżami mill-ġdid sħiħ u tinvoka raġunijiet oħra għajr dawk li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni annullata.
(ara l-punti 68‑71, 73, 79‑81)