Kawża C‑234/17

XC et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Kooperazzjoni leali – Awtonomija proċedurali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi dritt ta’ rimedju li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali fil-każ ta’ ksur tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – Obbligu li dawn il-proċeduri jiġu estiżi għall-każ ta’ ksur allegat tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni – Assenza”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta’ Ottubru 2018

  1. Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli

  2. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Effett dirett – Drittijiet individwali – Salvagwardja mill-qrati nazzjonali – Azzjoni ġudizzjarja – Prinċipju ta’ awtonomija proċedurali – Determinazzjoni kemm tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-modalitajiet proċedurali li jirregolaw ir-rikors – Limiti – Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Verifika mill-qorti nazzjonali

    (Artikolu 4(3) TUE)

  3. Stati Membri – Obbligi – Awtorità ta’ res judicata – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Rimedju ġudizzjarju tad-dritt intern li jippermetti li jinkiseb, fil-każ ta’ ksur tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa b’deċiżjoni nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata – Obbligu tal-qorti nazzjonali li testendi dan ir-rimedju għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni – Assenza

    (Artikolu 4(3) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50; Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, Artikolu 54)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 16-18)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 21-24, 27, 49)

  3.  Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil qorti nazzjonali testendi għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-ksur tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995, rimedju ġudizzjarju previst mid-dritt intern li jippermetti li jinkiseb, fil-każ biss ta’ ksur tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 jew ta’ wieħed mill-Protokolli tagħha, il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa b’deċiżjoni nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

    Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rimedju eċċezzjonali previst fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali huwa ġġustifikat min-natura stess tal-KEDB u, bil-mod ta’ kif ġie previst mil-leġiżlatur Awstrijak, huwa marbut b’rabta funzjonali mill-qrib mal-proċedura quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-fatt, dan ir-rimedju ġie introdott sabiex jimplimenta s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, peress li l-Gvern Awstrijak enfasizza l-fatt li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni, b’dan il-mod, li jikkonforma ruħu mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 46 tal-KEDB.

    Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 35(1) tal-KEDB, li jgħid li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tista’ tittratta kwistjoni biss wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali interni, jimplika l-eżistenza ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza li jkollha l-awtorità ta’ res judicata.

    Kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, huwa preċiżament sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni u tiġi żgurata l-applikazzjoni fl-ordinament ġuridiku intern tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li ġiet stabbilita l-proċedura prevista fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li tippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li jkollha l-awtorità ta’ res judicata.

    Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Awstrijak jirriżulta li r-rabta funzjonali mill-qrib bejn il-proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni u l-proċedura quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma titqegħedx inkwistjoni mill-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-ewwel proċedura mwettqa mis-sentenza ta’ prinċipju tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tal-1 ta’ Awwissu 2007. Fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, rikors ippreżentat skont din l-istess dispożizzjoni qabel kwalunkwe konstatazzjoni mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għal konstatazzjoni ta’ ksur tal-KEDB jew ta’ wieħed mill-protokolli tagħha huwa suġġett għall-istess kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà bħal rikors ippreżentat quddiem din il-qorti tal-aħħar u, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, għandu l-uniku skop li jantiċipa tali konstatazzjoni.

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, fid-dawl tas-suġġett tagħha, tal-kawża tagħha u tal-elementi ewlenin tagħha kif ġew esposti, ma tistax titqies li hija simili għal rikors intiż għall-protezzjoni ta’ dritt fundamentali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Karta, u dan minħabba l-karatteristiċi speċifiċi marbuta man-natura stess ta’ dan id-dritt.

    (ara l-punti 31-35, 59, u d-dispożittiv)