Kawża C‑229/17
Evonik Degussa GmbH
vs
Bundesrepublik Deutschland
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Allokazzjoni mingħajr ħlas – Direttiva 2003/87/KE – Artikolu 10a – Anness I – Deċiżjoni 2011/278/UE – Il‑punt 2 tal-Anness I – Determinazzjoni tal-parametri referenzjarji tal-prodotti – Produzzjoni tal-idroġenu – Limiti tas-sistema tal-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu – Proċess ta’ separazzjoni tal-idroġenu minn fluss ta’ gass arrikkit li diġà fih l-idroġenu”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-17 ta’ Mejju 2018
Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Direttiva 2003/87 – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas – Allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni tal-idroġenu – Attivitajiet inklużi fil-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu – Inklużjoni – Attivitajiet ta’ iżolament tal-idroġenu diġà inkluż f’taħlita gassuża – Esklużjoni
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 10a(1); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278, Anness I)
Il-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li proċess, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jippermettix il-produzzjoni, permezz ta’ sinteżi kimika, tal-idroġenu, iżda li jippermetti biss l-iżolament ta’ din is-sustanza li hija diġà inkluża f’taħlita gassuża ma jidħolx fil-limiti tas-sistema tal-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu. Is-sitwazzjoni tkun differenti kieku dan il-proċess, minn naħa, kien relatat mal-“produzzjoni tal-idroġenu”, fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 u, min-naħa l-oħra, kieku kien teknikament marbut miegħu.
(ara l-punt 47 u d-dispożittiv)