SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

17 ta’ Mejju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Allokazzjoni mingħajr ħlas – Direttiva 2003/87/KE – Artikolu 10a – Anness I – Deċiżjoni 2011/278/UE – Il-punt 2 tal-Anness I – Determinazzjoni tal-parametri referenzjarji tal-prodotti – Produzzjoni tal-idroġenu – Limiti tas-sistema tal-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu – Proċess ta’ separazzjoni tal-idroġenu minn fluss ta’ gass arrikkit li diġà fih l-idroġenu”

Fil-Kawża C‑229/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

Evonik Degussa GmbH

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C.G. Fernlund, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Evonik Degussa GmbH, minn S. Altenschmidt, Rechtsanwalt,

għall-Bundesrepublik Deutschland, minn G. Buchholz, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-F. Brakeland u minn A. C. Becker, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 63, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 130, p. 1), u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE tal-5 ta’ Settembru 2013 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 240, p. 27), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/126, tal-24 ta’ Jannar 2017 (ĠU 2017, L 19, p. 93) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2013/448”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Evonik Degussa GmbH u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), dwar ir-rifjut, mill-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti, li talloka lilha kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra bla ħlas (iktar ’il quddiem il-“kwoti”) fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ implimentazzjoni ta’ proċess ta’ separazzjoni tal-idroġenu minn fluss ta’ gass arrikkit li diġà fih l-idroġenu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2003/87

3

Il-premessa 8 tad-Direttiva 2003/87 hija fformulata kif ġej:

“Meta jallokaw il-kwoti, l-Istati Membri għandhom iqisu l-potenzjal għall-attivitajiet tal-proċess industrijali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet.”

4

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti […] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.”

5

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II.”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jiddefinixxi, fil-punt (b) tiegħu, il-kunċett ta’ “emissjonijiet” bħala “ir-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera minn sorsi ta’ emissjonijiet f’installazzjoni jew ir-rilaxx mill-inġenju tal-ajru waqt li jkun qed iwettaq attività marbuta mal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I tal-gassijiet speċifikati fir-rigward ta’ dik l-attività” u, fil-punt (e) tiegħu, il-kunċett ta’ “istallazzjoni” bħala “unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż”.

7

L-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi:

“Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti msemmija fil-paragrafi 4, 5, 7 u 12 inkluża kwalunkwe dispożizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni armonizzata tal-paragrafu 19 ta’ dan l-Artikolu.

Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju kif stipulat fl-Artikolu 23(3).

Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw punti ta’ riferiment ex ante Komunitarji sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet. […]

Fil-prinċipju, għal kull settur u subsettur, il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti aktar milli għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati kemm jista’ jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat.

[…]”

8

L-Anness I ta’ din id-direttiva jinkludi tabella li telenka l-kategoriji tal-attivitajiet li huwa japplika għalihom. Fost dawn l-attivitajiet hemm il-“produzzjoni tal-idroġenu (H2) u gass sintetiku bl-iffurmar mill-ġdid jew l-ossidazzjoni parzjali b’kapaċità ta’ produzzjoni li taqbeż l-25 tunnellata kuljum”.

Id-Direttiva 2009/29

9

Skont il-premessa 8 tad-Direttiva 2009/29:

“[…] Addizzjonalment, għandha tiġi żgurata aktar prevedibbiltà, u l-ambitu tas-sistema għandu jiġi estiż billi jiddaħlu setturi u gassijiet ġodda bil-għan kemm biex jiġi rinfurzat sinjal tal-prezz tal-karbonju meħtieġ biex jistimola l-investimenti meħtieġa kif ukoll biex jinħolqu opportunitajiet ġodda għal tnaqqis, li jwasslu għal spejjeż ta’ tnaqqis globali aktar baxxi u żieda fl-effiċjenza tas-sistema.”

Id-Deċiżjoni 2011/278

10

Il-premessi 1, 2, 4, 5 u 8 tad-Deċiżjoni 2011/278 huma fformulati kif ġej:

“(1)

L-Artikolu 10a tad-Direttiva [2003/87] jirrikjedi li l-miżuri ta’ implimentazzjoni mal-Komunità kollha u kompletament armonizzati għall-allokazzjoni ta’ kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ħlas għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw parametri referenzjarji ex-ante sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet isseħħ b’mod li tagħti inċentivi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u għal tekniki effiċjenti fl-użu tal-enerġija, billi jitqiesu t-tekniki l-aktar effiċjenti […]. L-allokazzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti qabel il-perjodu tal-iskambju sabiex is-suq ikun jista’ jiffunzjona sewwa.

(2)

Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-parametri referenzjarji ex-ante f’setturi jew subsetturi individwali, il-punt tal-tluq għandu jkun ir-rendiment medju tal-installazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar installazzjonijiet effiċjenti f’settur jew subsettur fl-UE fis-snin 2007-2008. Il-parametri referenzjarji għandhom jiġu kkalkolati għall-prodotti aktar milli għad-dħul, sabiex ikun immassimizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza tal-enerġija matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat.

[…]

(4)

Safejn huwa fattibbli, il-Kummissjoni żviluppat parametri referenzjarji għall-prodotti, kif ukoll għall-prodotti intermedjarji li huma skambjati bejn l-installazzjonijiet, prodotti minn attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva [2003/87]. […]

(5)

Il-Kummisssjoni qieset li l-istabbiliment ta’ parametru referenzjarju għal prodott kien fattibbli meta, jekk wieħed iqis il-kumplessità tal-proċessi tal-produzzjoni, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tal-prodotti kienu disponibbli biex tkun tista’ ssir verifika tad-dejta tal-produzzjoni u applikazzjoni uniformi tal-parametru referenzjarju tal-prodott madwar l-Unjoni kollha għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet. Ma sar l-ebda divrenzjar fuq il-bażi tal-ġeografija jew fuq il-bażi tat-teknoloġiji, materja prima jew fjuwils użati, sabiex ma jkunux imxekkla l-vantaġġi komparattivi fl-effiċjenza tal-karbonju mifruxa fl-ekonomija tal-Unjoni, u biex tisseddaq l-armonizzazzjoni tal-allokazzjoni transizzjonali mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet.

[…]

(8)

[…] Barra minn hekk, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva [2003/87], analizzat għas-setturi kollha, li għalihom huwa stipulat fl-Anness I parametru referenzjarju ta’ prodott, fuq il-bażi ta’ informazzjoni addizzjonali li waslet mingħand diversi sorsi u fuq il-bażi ta’ studju ddedikat li janalizza t-tekniki l-aktar effiċjenti u l-potenzjal ta’ tnaqqis fil-livell Ewropew u internazzjonali […]”

11

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

“Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet taħt id-Direttiva [2003/87] mill-2013 ’il quddiem.”

12

L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)

‘subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott’ tfisser id-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet korrispondenti relatati mal-produzzjoni ta’ prodott li għalih kien stipulat parametru referenzjarju fl-Anness I;

c)

‘subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana’ tfisser id-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet korrispondenti mhux koperti minn subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott relatata mal-produzzjoni, l-importazzjoni minn installazzjoni jew entità oħra koperta mill-iskema tal-Unjoni, jew mit-tnejn li huma, ta’ sħana li:

hija kkunsmata fil-konfini tal-installazzjoni għall-produzzjoni ta’ prodotti, għall-produzzjoni tal-enerġija mekkanika li mhix użata għall-produzzjoni tal-elettriku, għat-tisħin jew għat-tkessiħ bl-eċċezzjoni tal-konsum għall-produzzjoni tal-elettriku, jew

esportati lejn installazzjoni jew entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni bl-eċċezzjoni tal-esportazzjoni għall-produzzjoni tal-elettriku;

[…]”

13

Skont l-Artikolu 10 tal-istess deċiżjoni:

“1.   Fuq il-bażi tad-dejta miġbura skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom, għal kull sena, jikkalkolaw in-numru ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mill-2013 ’il quddiem lil kull installazzjoni eżistenti fit-territorju tagħhom skont il-paragrafi 2 sa 8.

2.   Għall-fini ta’ din il-kalkolazzjoni, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jiddeterminaw in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull subinstallazzjoni separatament kif ġej:

a)

għal kull subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott, in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal sena partikolari għandu jikkorrispondi mal-valur ta’ dan il-parametru referenzjarju ta’ prodott hekk kif imsemmi fl-Anness I immultiplikat bil-livell storiku ta’ attività relatat mal-prodott rilevanti;

[…]”

14

Il-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278 huwa intitolat “Id-definizzjoni ta’ parametri referenzjarji ta’ prodott u l-konfini tas-sistema b’kunsiderazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ skambju tal-fjuwil u l-elettriku”. Il-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu huwa ddefinit fih kif ġej:

“Parametru referenzjarju ta’ prodott

Definizzjoni tal-prodotti koperti

Definizzjoni tal-proċessi u l-emissjonijiet koperti (konfini tas-sistema)

[…]

Valur tal-parametru referenzjarju

(kwoti/t)

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Idroġenu

Idroġenu pur u taħlitiet ta’ idroġenu u monossidu tal-karbonju b’kontenut ta’ idroġenu >=60 %

L-elementi ta’ proċess rilevanti kollha, marbuta direttament jew indirettament mal-produzzjoni tal-idroġenu u s-separazzjoni tal-idroġenu u l-monossidu tal-karbonju huma inklużi. […]

[…]

8.85

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]”

15

Il-punt 3 tal-Anness I ta’ din id-deċiżjoni jistabbilixxi l-parametri referenzjarji tas-sħana u l-fjuwil kif ġej:

“Parametru referenzjarju

Valur tal-parametru referenzjarju (kwoti/TJ)

Parametru referenzjarju tas-sħana

62.3

Parametru referenzjarju tal-fjuwil

56.1”

Id-Deċiżjoni 2013/448

16

Skont il-premessa 13 tad-Deċiżjoni 2013/448:

“Il-Kummissjoni tinnota li għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet, il-valuri referenzjarji tal-prodotti huma stabbiliti fid-Deċiżjoni [2011/278] fejn tqiesu d-definizzjonijiet tal-prodotti u l-kumplessità tal-proċessi tal-produzzjoni li jippermettu l-verifika tad-dejta tal-produzzjoni u applikazzjoni uniformi tal-valuri referenzjarji għall-prodotti madwar l-Unjoni. Għall-applikazzjoni tal-valuri referenzjarji tal-prodotti, l-installazzjonijiet huma maqsumin f’installazzjonijiet sekondarji, fejn l-installazzjonijiet sekondarji ta’ valur referenzjarju ta’ prodott jiġu ddefiniti bħala inputs, outputs u l-emissjonijiet korrispondenti marbutin mal-produzzjoni ta’ prodott li għalih ġie stabbilit valur referenzjarju fl-Anness I mad-Deċiżjoni [2011/278]. B’hekk, il-valuri referenzjarji huma stabbiliti għall-prodotti u mhux għall-proċessi. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Evonik Degussa topera installazzjoni għall-ġenerazzjoni ta’ idroġenu fi ħdan park industrjali f’Marl (il-Ġermanja), fejn hemm impriżi tal-industrija kimika u l-installazzjonijiet tagħhom. Għall-ġenerazzjoni ta’ idroġenu pur, Evonik Degussa tuża proċessi industrijali differenti. Wieħed minn dawn il-proċessi huwa alimentat permezz ta’ fluss ta’ “gass arrikkit” li huwa kompost minn gass residwu rrilaxxat minn installazzjonijiet differenti tal-park industrijali. Dan il-gass arrikkit fih madwar 85 % sa 95 % idroġenu, iżda fih ukoll il-monossidu tal-karbonju, id-dijossidu tal-karbonju kif ukoll xi idrokarburi gassużi.

18

Evonik Degussa twettaq l-idroġenizzazzjoni tal-gass arrikkit u tittrattah suċċessivament fil-kuntest ta’ proċess ta’ assorbiment permezz ta’ inverżjoni ta’ pressjoni. B’dan il-mod, hija tissepara l-idroġenu mis-sustanzi l-oħra inklużi fil-gass arrikkit sabiex tikseb gass b’volum tal-idroġenu ta’ mill-inqas 99.95 %.

19

B’deciżjoni tas-17 ta’ Frar 2014, l-awtoritajiet Ġermaniżi ddeċidew li jallokaw lil Evonik Degussa kwoti għas-snin 2013-2020. Din id-deċiżjoni tispeċifika li l-attività li tikkonsisti fl-estrazzjoni tal-idroġenu mill-gass arrikkit ma ttieħditx inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-allokazzjoni.

20

B’deciżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2015, l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw id-deċiżjoni inizjali tagħhom għar-raġuni li, b’mod partikolari, peress li l-idroġenu kien diġà inkluż fil-fluss ta’ gass arrikkit, huwa ma kienx ir-riżultat ta’ produzzjoni minn Evonik Degussa. L-iskema tal-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu, inkluża fil-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278 u li tippermetti l-istabbiliment tal-kwoti li għandhom jiġu allokati, issemmi biss l-idroġenu prodott bl-iffurmar mill-ġdid, bl-ossidazzjoni parzjali, bir-reazzjoni tal-gass għall-ilma jew bi proċessi oħra ta’ trasformazzjoni f’idroġenu.

21

Fir-rikors li hija ppreżentat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), Evonik Degussa ssostni, essenzjalment, li l-ġenerazzjoni ta’ idroġenu bil-purifikazzjoni tal-gassijiet arrikkiti kellha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-allokazzjoni tal-kwoti. Għal dan il-għan, hija tibbaża ruħha fuq il-formulazzjoni tal-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu u d-definizzjoni ta’ dan il-prodott, li jinsab fil-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278. Fil-fatt, minn din id-definizzjoni ma jirriżultax li sabiex jitqies li huwa “idroġenu”, fis-sens ta’ dan il-parametru referenzjarju, huwa neċessarju li l-gass ikkonċernat ma jkunx ir-riżultat ta’ proċess ta’ assorbiment jew ta’ purifikazzjoni, iżda ta’ reazzjoni kimika diretta.

22

Il-premessa 13 tad-Deciżjoni 2013/448 u l-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2011/278, li minnhom jirriżulta li l-parametri referenzjarji ta’ produtt huma stabbiliti għal prodott iddeterminat u mhux abbażi ta’ proċessi implimentati għall-kisba tiegħu, jikkorroboraw din l-interpretazzjoni. Barra minn hekk, dokument maħruġ mid-dipartimenti tal-Kummissjoni Ewropea jindika li l-proċessi ta’ assorbiment u ta’ purifikazzjoni tal-gassijiet jinsabu fil-limiti tal-iskema stabbilita mill-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu, inklużi fil-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278. Għaldaqstant, it-teknika ta’ assorbiment b’inverżjoni ta’ pressjoni, użata minn Evonik Degussa għall-estrazzjoni tal-idroġenu inkluż f’taħlita ta’ gass arrikkit, għandha titqies li hija proċess analogu għas-sinteżi kimika tal-idroġenu.

23

Barra minn hekk, f’kull proċess ta’ produzzjoni tal-idroġenu, din is-sustanza teżisti diġà fis-sustanzi kimiċi inizjali. Madankollu, l-allokazzjoni ta’ kwoti għall-produzzjoni tal-idroġenu ma hijiex eskluża minħabba dan il-fatt, peress li huwa biss il-prodott pur li huwa determinanti għall-applikazzjoni tal-parametru referenzjarju ta’ prodott li jikkonċernah, b’tali mod li allokazzjoni doppja għall-prodott oriġinali, jiġifieri l-gass arrikkit, u l-prodott finali, jiġifieri l-idroġenu, ma huwiex possibbli.

24

Il-qorti tar-rinviju tqis li r-rikors ippreżentat minn Evonik Degussa jqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk l-attività ta’ “produzzjoni tal-idroġenu”, imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87, tinkludix iż-żieda tal-parti relattiva ta’ idroġenu f’taħlita gassuża sabiex jinkiseb prodott li jista’ jinbiegħ. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, ikun hemm lok li r-rikors ta’ Evonik Degussa jintlaqa’ u li lil din l-impriża jiġi allokat suppliment ta’ kwoti.

25

Tali suppliment ikun dovut ukoll jekk żewġ kundizzjonijiet oħra jkunu ssodisfatti, jiġifieri, minn naħa, li, l-użu ta’ proċess ta’ “separazzjoni tal-idroġenu u l-monossidu tal-karbonju”, fih innifsu, fis-sens tal-Anness I tad-Deciżjoni 2011/278, jidħol fid-definizzjoni tal-proċessi msemmija mill-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu, u, min-naħa l-oħra, li dan il-proċess jinkludi l-purifikazzjoni tal-gassijiet arrikiti bl-assorbiment b’inverżjoni tal-pressjoni.

26

Jekk il-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu jkun japplika għall-produzzjoni tal-idroġenu permezz tal-purifikazzjoni tal-gassijiet arrikiti, ikollha tiġi stabbilita l-kwantità ta’ kwoti supplimentari li jkollhom jiġu allokati lil Evonik Degussa. F’dan il-kuntest, iqumu kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni uniformi transsettorjali, previst fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 (iktar ’il quddiem il-“fattur ta’ korrezzjoni”).

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Hemm ‘produzzjoni tal-idroġenu’ fis-sens tal-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni [2011/278] biss meta molekula ta’ idroġenu […] tiġi prodotta permezz ta’ sinteżi kimika minn żewġ atomi ta’ idroġenu H, jew il-kunċett ta’ ‘produzzjoni’ ikopri wkoll il-każ fejn, f’taħlita ta’ gass idroġenu, il-parti relattiva tal-idroġenu […] f’din it-taħlita tiżdied, mingħajr sinteżi, bit-tneħħija tal-komponenti tal-gass l-oħra, kemm fiżikament kif ukoll kimikament, sabiex jinkiseb ‘prodott […] imfisser bħala produzzjoni (netta) li tista’ tinbiegħ u għal purità ta’ 100 % tas-sustanza kkonċernata’ fis-sens tal-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni [2011/278]?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li l-kunċett ta’ produzzjoni ma jinkludix iż-żieda tal-parti relattiva ta’ idroġenu […] fit-taħlita tal-gass, għandha ssir id-domanda segwenti:

Il-formulazzjoni ‘elementi ta’ proċess rilevanti kollha, marbuta direttament jew indirettament mal-produzzjoni tal-idroġenu u s-separazzjoni tal-idroġenu u l-monossidu tal-karbonju’ għandha tiġi interpretata fis-sens li huma biss iż-żewġ elementi tal-proċess flimkien (‘u’) li huma koperti mil-limiti tas-sistema tal-parametru referenzjarju tal-prodott għall-idroġenu deskritti fil-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni [2011/278] jew inkella il-proċess ta’ ‘separazzjoni tal-idroġenu u l-monossidu tal-karbonju’ jista’ jopera, fih innifsu, anki indipendentement bħala element uniku tal-proċess fi ħdan il-limiti tas-sistema?

3)

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fis-sens li l-element tal-proċess ta’ ‘separazzjoni tal-idroġenu u l-monossidu tal-karbonju’ jista’ jopera, fih innifsu, anki indipendentement bħala element uniku tal-proċess fi ħdan il-limiti tas-sistema, għandha ssir id-domanda segwenti:

L-element tal-proċess ‘separazzjoni tal-idroġenu u l-monossidu tal-karbonju’ huwa preżenti biss meta l-idroġenu […] jiġi sseparat esklużivament mill-monossidu tal-karbonju […], jew l-l-element tal-proċess ‘separazzjoni tal-idroġenu u l-monossidu tal-karbonju’ huwa preżenti wkoll meta l-idroġenu jiġi sseparat mhux biss mill-monossidu tal-karbonju iżda wkoll minn sustanzi oħra, bħad-dijossidu tal-karbonju […]?

4)

Fil-każ li l-qorti ġudizzjarja tirrikonoxxi fil-konfront ta’ [Evonik Degussa] d-dritt għall-allokazzjoni supplimentari ta’ kwoti ta’ emissjoni gratwiti, it-tielet punt tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ April [2016], [Borealis Polyolefine et] (C-191/14, C-192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14, EU:C:2016:311), għandu jiġi interpretat fis-sens li:

(a)

il-[fattur ta’ korrezzjoni] pprovdut fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni [2013/448], fil-verżjoni oriġinali tagħha, huwa applikabbli għal allokazzjonijiet għas-snin 2013 sa 2020 li ġew stabbiliti qabel l-1 ta’ Marzu 2017 mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru; u

(b)

il-[fattur ta’ korrezzjoni] pprovdut fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni [2013/448], fil-verżjoni oriġinali tagħha, huwa applikabbli għal allokazzjonijiet supplimentari għas-snin 2013 sa 2017 li ngħataw ġudizzjarjament wara l-1 ta’ Marzu 2017 u

(c)

il-[fattur ta’ korrezzjoni] pprovdut fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni [2013/448], […] li daħlet fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Marzu 2017, japplika għal allokazzjonijiet supplimentari għas-snin 2018 sa 2020 li ngħataw ġudizzjarjament wara l-1 ta’ Marzu 2017?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

28

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278 għandux jiġi interpretat fis-sens li proċess li ma jippermettix il-produzzjoni, permezz ta’ sinteżi kimika, tal-idroġenu, iżda li jippermetti biss l-iżolament ta’ din is-sustanza li hija diġà inkluża f’taħlita gassuża jidħolx fil-limiti tas-sistema tal-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu.

29

Għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni 2011/278 ġiet adottata mill-Kummissjoni, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1 tagħha, sabiex jiġu stabbiliti, skont l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, ir-regoli tranżitorji għall-Unjoni kollha dwar l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti. Għalkemm il-miżuri stabbiliti b’dan il-mod huma intiżi, kif tipprovdi din l-aħħar dispożizzjoni, li jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2003/87 billi jikkompletuha, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni kellha, f’dan il-kuntest, tosserva l-kuntest ġuridiku stabbilit permezz ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni, C-696/15 P, EU:C:2017:595, punt 51), li jinkludi, b’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Minn dan isegwi, barra minn hekk, li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2011/278 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tar-rekwiziti li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/87.

30

L-Artikolu 10a(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, għal kull settur u subsettur, bħala prinċipju, il-parametru referenzjarju għandu jiġi kkalkolat għall-prodotti u mhux għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-kisbiet ta’ effiċjenza enerġetika matul il-proċess kollu ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat.

31

Konsegwentement, kif jirriżulta mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2011/278, il-Kummissjoni elaborat, sa fejn kien possibbli, parametri referenzjarji ta’ prodotti. Kif tispeċifika din l-istess premessa, il-prodotti koperti minn dawn il-parametri referenzjarji huma dawk “prodotti minn attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87”.

32

Dan l-approċċ huwa konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, din tapplika, skont l-Artikolu 2(1) tagħha, għall-emissjonijiet li jirriżultaw minn attivitajiet indikati fl-Anness I tagħha. Kif jirriżulta mill-Artikolu 3(b) u (e) tagħha, l-emissjonijiet li jirriżultaw minn attivitajiet li huma direttament relatati ma’ attività inkluża f’dan l-Anness I, u li għandhom konnessjoni teknika magħha, huma wkoll inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

33

Fir-rigward tal-produzzjoni tal-idroġenu, l-Anness I tad-Direttiva 2003/87 jiddefinixxi din l-attività bħala “produzzjoni tal-idroġenu (H2) […] bl-iffurmar mill-ġdid jew l-ossidazzjoni parzjali”. Minn dan isegwi li jaqgħu biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-produzzjoni tal-idroġenu permezz ta’ tali proċessi kif ukoll, skont l-Artikolu 3(b) u (e) tal-imsemmija direttiva, l-attivitajiet li huma direttament relatati ma’ din il-forma ta’ produzzjoni tal-idroġenu, sakemm ikollhom konnessjoni teknika ma’ din il-produzzjoni.

34

Kif jirriżulta, b’mod partikolari mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, il-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu, kif huwa ddefinit fil-punt 2 tal-Anness I tad-Deciżjoni 2011/278, ma jistax jinkludi proċessi oħra barra dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan il-parametru referenzjarju jkopri “l-elementi ta’ proċess rilevanti kollha, marbuta direttament jew indirettament mal-produzzjoni tal-idroġenu u s-separazzjoni tal-idroġenu u l-monossidu tal-karbonju”.

36

F’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-kunċett ta’ “produzzjoni tal-idroġenu”, dan għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kliem tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 bħala li jinkludi l-produzzjoni tal-idroġenu bl-iffurmar mill-ġdid jew bl-ossidazzjoni parzjali.

37

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda s-“separazzjoni tal-idroġenu u l-monossidu tal-karbonju”, tali proċess ma jinvolvix il-produzzjoni tal-idroġenu permezz ta’ sinteżi kimika, iżda biss l-estrazzjoni ta’ idroġenu diġà inkluż f’taħlita gassuża.

38

Konsegwentement, dan il-proċess, fih innifsu, ma huwiex kopert mill-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu, kif iddefinit fil-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278. Dan il-proċess jaqa’, madankollu, taħt il-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu bil-kundizzjoni li jkun relatat mal-“produzzjoni tal-idroġenu”, fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll tal-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278, u jkun teknikament marbut ma’ din il-produzzjoni.

39

Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li attività bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sa fejn hija tikkonsisti biss fis-separazzjoni tal-idroġenu minn taħlita ta’ gass arrikkit – li tinkludi madwar 85 % sa 95 % ta’ idroġenu – ma tistax titqies li hija “produzzjoni tal-idroġenu” fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 u tal-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278.

40

Barra minn hekk, tali attività, li fil-kuntest tagħha taħlita ta’ gass arrikkit, li ma jkunx inkiseb permezz ta’ proċess ta’ “produzzjoni tal-idroġenu”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tiġi ppurifikata sabiex jiġi estratt minnha l-idroġenu, ma hijiex relatata mal-“produzzjoni tal-idroġenu”, iżda tikkostitwixxi attività distinta li, konsegwentement, ma taqax taħt il-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu inkluż fil-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278.

41

Din l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278 hija kkorroborata mill-għan tas-sistema ta’ skambju tal-kwoti, imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, li huwa l-promozzjoni tat-tnaqqis tal-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika.

42

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-Direttiva 2003/87, mill-premessa 8 tad-Direttiva 2009/29 u mill-premessa 8 tad-Deciżjoni 2011/278, it-twettiq ta’ dan il-għan jimplika l-inklużjoni, f’din l-iskema, tal-attivitajiet li għandhom ċertu potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Kif jikkonfermaw l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-“produzzjoni tal-idroġenu”, fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, għandu tali potenzjal minħabba l-intensità tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ġġenerati minn din l-attività. Għall-kuntrarju, dan ma huwiex il-każ ta’ proċess ta’ separazzjoni tal-idroġenu inkluż f’taħlita ta’ gass arrikkit, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa intiż biss sabiex iġib żieda tal-parti relattiva ta’ idroġenu f’taħlita gassuża.

43

Barra minn hekk, minħabba dan il-fatt, l-applikazzjoni tal-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu għal proċess ta’ separazzjoni tal-idroġenu minn fluss ta’ gass arrikkit li fih diġà l-idroġenu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, twassal għal allokazzjoni żejda ta’ kwoti. Fil-fatt, dan il-parametru referenzjarju ġie stabbilit, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 31 sa 34 ta’ din is-sentenza, skont emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni tal-idroġenu bl-iffurmar mill-ġdid jew bl-ossidazzjoni parzjali. Kieku l-Kummissjoni riedet tqis li tali proċess ta’ separazzjoni kien jikkostitwixxi, fih innifsu, proċess ta’ produzzjoni tal-idroġenu li jidħol fil-limiti ta’ din is-sistema, hija kienet tistabbilixxi l-valur tal-parametru referenzjarju ta’ prodott f’livell kunsiderevolment iktar baxx, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

44

Barra minn hekk, sa fejn Evonik Degussa ssostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li hija għandha tirċievi kwoti għat-twettiq tal-attività tagħha ta’ implimentazzjoni ta’ proċess ta’ separazzjoni tal-idroġenu inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba li s-sustanzi sseparati tal-idroġenu inkluż fil-gass arrikkit jinħarqu f’forn, għandu jiġi rrilevat li l-emissjonijiet iġġenerati b’dan il-mod jistgħu jkunu diġà koperti minn parametru referenzjarju. Dan ikun, b’mod partikolari, il-każ jekk dan il-forn jipprovdi s-sħana neċessarja għall-“produzzjoni tal-idroġenu” jew jekk parametru referenzjarju tas-sħana, fis-sens tal-Artikolu 3(c), u tal-punt 3 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278, kellu jiġi applikat. F’każ bħal dan, l-allokazzjoni tal-kwoti għal proċess ta’ separazzjoni tal-idroġenu twassal għal allokazzjoni doppja.

45

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għandu jiġi evitat li l-emissjonijiet ta’ installazzjoni ma jittiħdux inkunsiderazzjoni darbtejn waqt l-allokazzjoni tal-kwoti, peress li d-Direttiva 2003/87 u d-Deciżjoni 2011/278 jipprekludu l-għadd doppju tal-emissjonijiet u l-allokazzjoni doppja tal-kwoti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et, C-180/15, EU:C:2016:647, punti 70 sa 73).

46

Fi kwalunkwe każ, l-allokazzjoni, fuq din il-bażi, ta’ kwoti ta’ emissjoni lil installazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss ċerti forom ta’ rkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet residwi fid-definizzjoni tal-parametri referenzjarji ta’ prodott.

47

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/278 għandu jiġi interpretat fis-sens li proċess, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jippermettix il-produzzjoni, permezz ta’ sinteżi kimika, tal-idroġenu, iżda li jippermetti biss l-iżolament ta’ din is-sustanza li hija diġà inkluża f’taħlita gassuża ma jidħolx fil-limiti tas-sistema tal-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu. Is-sitwazzjoni tkun differenti kieku dan il-proċess, minn naħa, kien relatat mal-“produzzjoni tal-idroġenu”, fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, u, min-naħa l-oħra, kieku kien teknikament marbut miegħu.

Fuq it-tielet domanda

48

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq ir-raba’ domanda

49

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta s-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C-191/14, C 192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14, EU:C:2016:311), fil-każ li hija kellha tirrikonoxxi lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali d-dritt għal suppliment ta’ kwoti.

50

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li suppliment ta’ kwoti għandu jiġi allokat lil Evonik Degussa biss jekk proċess, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti biss fis-separazzjoni tal-idroġenu inkluż f’taħlita ta’ gass arrikkit, jidħol fil-limiti tas-sistema tal-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu.

51

Għaldaqstant, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li proċess, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jippermettix il-produzzjoni, permezz ta’ sinteżi kimika, tal-idroġenu, iżda li jippermetti biss l-iżolament ta’ din is- sustanza li hija diġà inkluża f’taħlita gassuża ma jidħolx fil-limiti tas-sistema tal-parametru referenzjarju ta’ prodott għall-idroġenu. Is-sitwazzjoni tkun differenti kieku dan il-proċess, minn naħa, kien relatat mal-“produzzjoni tal-idroġenu”, fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 u, min-naħa l-oħra, kieku kien teknikament marbut miegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.