SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

12 ta’ April 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Unjoni doganali u tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 9021 10 10, 9021 10 90 u 9021 90 90 – Sistema ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1214/2014”

Fil-Kawża C-227/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ April 2017, fil-proċedura

Medtronic GmbH

vs

Finanzamt Neuss,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Levits, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Medtronic GmbH, minn J. Meyer-Burow, Rechtsanwalt, u N. Looks, Steuerberaterin,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u A. Caeiros, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni tas-subintestaturi 9021 10 10, 9021 10 90 u 9021 90 90 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1754 tas-6 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 285, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Medtronic GmbH u l-Finanzamt Neuss (l-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Neuss, il-Ġermanja) (iktar’ il quddiem l- “Uffiċċju tat-Taxxa”) dwar ir-rati ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ applikabbli għall-kunsinna ta’ sistemi tal-iffissar tal-kolonna vertebrali.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni dwar is-SA

3

Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD) u ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti timpenja ruħha sabiex in-nomenklaturi tariffarji u statistiċi jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żidiet jew modifiki, flimkien mal-kodiċijiet numeriċi relatati magħha, u li ssegwi s-segwenza numerika tas-SA. L-istess dispożizzjoni timponi wkoll fuq il-partijiet kontraenti l-obbligu li japplikaw ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA u n-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma jbiddlux il-portata tat-taqsimiet, tal-kapitoli, tal-intestaturi u tas-subintestaturi tagħha.

5

L-ODD għandha tapprova, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA.

6

Il-punt I tan-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 9021 ta’ din is-sistema, intitolat “Apparat ortopediku”, jinkludi fih it-test li ġej:

“L-apparat ortopediku […] għandu jservi:

għall-prevenzjoni jew għall-korrezzjoni ta’ diformitajiet tal-ġisem;

jew għall-irfid jew iż-żamma ta’ partijiet tal-ġisem wara marda, operazzjoni jew korriment.”

7

Il-punt II ta’ dawn in-noti ta’ spjega, intitolat “Qassaba u apparati oħra għall-ksur”, jipprovdi:

“Il-qassaba u apparati oħrja għall-ksur iservu biex jiġu mmobilizzati l-partijiet tal-ġisem affettwati (għall-finijiet ta’ estensjoni jew ta’ protezzjoni) jew biex inaqqsu l-fratturi. Dawn huma wkoll użati fl-ipproċessar ta’ żlugar u korrimenti oħra tal-ġogi.

[…]

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tan-nota 1(f) ta’ dan il-kapitolu, li jaqgħu wkoll taħt din l-intestatura l-pjanċi, pinnijiet, eċċ, introdotti fil-ġisem mill-kirurgi biex iżommu mpoġġija maġenb xulxin iż-żewġ partijiet ta’ għadma miksura jew għat-trattament simili tal-fratturi.”

8

Skont il-punt V tal-imsemmija noti ta’ spjega, jappartjenu għall-grupp “apparat ieħor li jinżamm fl-id, li jintlibes jew jinġarr, jew jitqiegħed fil-ġisem biex jagħmel tajjeb għal difett jew diżabbiltà”, b’mod partikolari:

“1)

L-apparat intiż sabiex jiffaċilita l-pronunzja tal-persuni li tilfu l-użu tal-kordi vokali wara korriment jew intervent kirurġiku. […]

2)

L-apparat tat-tip pacemaker, pereżempju dawk intiżi sabiex jistimulaw il-muskoli tal-qalb, fil-każ ta’ difett fiha. Dan l-apparat […] huwa impjantat taħt il-ġilda tal-pazjent. […] Pacemakers oħra huma użati sabiex jistimulaw organi oħra (pulmun, rektum, bużżieqa tal-awrina, eċċ.).

3)

L-apparat li jippermetti lill-għomja sabiex jiggwidaw lilhom infushom. […]

4)

L-apparat li jiġi impjantat fil-ġisem sabiex isostni jew jissostitwixxi l-funzjoni kimika ta’ ċerti organi (pereżempju, tnixxija ta’ insulina).”

Id-dritt tal-Unjoni

In-NM

9

Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM, li hija bbażata fuq is-SA.

10

In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

11

L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li tikkonċerna r-regoli ġenerali, is-Sezzjoni A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

3.

Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

a)

l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. […]

[…]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti ta’ subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

12

It-Tieni Parti tan-NM hija maqsuma f’21 taqsima. It-Taqsima XVIII, intitolata “Strumenti u apparat ottiċi, fotografiċi, ċinematografiċi, ta’ kejl, ta’ verifika, ta’ preċiżjoni, mediċi jew kirurġiċi; arloġġi u arloġġi tal-idejn; strumenti mużikali; bċejjeċ u aċċessorji tagħhom”, tinkludi l-Kapitoli 90, 91 u 92 tan-NM. Il-Kapitolu 90, intitolat “Strumenti u apparat ottiċi, fotografiċi, ċinematografiċi, ta’ kejl, ta’ verifika, ta’ preċiżjoni, mediċi jew kirurġiċi; bċejjeċ u aċċessorji tagħhom”, jirrigwarda l-intestaturi 9001 sa 9033 tan-NM.

13

L-intestatura 9021 hija strutturata kif ġej:

“9021

Apparat ortopediku, inklużi krozzi, ċinturini u rfid kirurġiċi; qassab u apparat ieħor għall-ksur; partijiet artifiċjali tal-ġisem; apparat akustiku (hearing aids) u tagħmir ieħor li jintlibes jew jinġarr, jew jiddaħħal fil-ġisem, biex jagħmel tajjeb għal difett jew diżabilità:

9021 10

– Oġġetti u tagħmir tal-ortopedija jew għall-fratturi:

9021 10 10

– – Oġġetti u tagħmir ta’ l-ortopedija

9021 10 90

– – Qassab u tagħmir ieħor għal ksur

 

– Snien u tagħmir dentali artifiċjali:

[…]

 

– Oġġetti u tagħmir ieħor artifiċjali:

[…]

9021 40 00

– Apparat akustiku (hearing aids), ħlief partijiet u aċċessorji

9021 50 00

Pacemakers biex jistimulaw il-muskoli tal-qalb, ħlief partijiet u aċċessorji

9021 90

– Oħrajn:

9021 90 10

– – Partijiet u aċċessorji għal apparat akustiku (hearing aids)

9021 90 90

– – Oħrajn”

14

In-nota 2 tal-Kapitolu 90 tan-NM tipprovdi:

“Suġġett għal nota 1 hawn fuq, partijiet u aċċessorji għal magni, apparat, strumenti jew oġġetti ta’ dan il-kapitlu għandhom ikunu kklassifikati skond dawn ir-regoli:

a)

Bċejjeċ u aċċessorji li huma oġġetti nklużi f’xi wieħed mit-titli ta’ dan il-kapitlu jew ta’ Kapitlu 84, 85 jew 91 (ħlief titlu 8487, 8548 jew 9033) għandhom fil-każi kollha ikunu kklassifikati fit-titli rispettivi tagħhom;

b)

Partijiet u aċċessorji oħrajn, jekk tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ tip partikulari ta’ magna, strument jew apparat, jew ma’ għadd ta’ magni, strumenti jew apparat ta’ l-istess titlu (inkluż magna, strument jew apparat ta’ titlu 9010, 9013 jew 9031) għandhom ikunu kklassifikati mal-magni, strumenti jew apparat ta’ dak it-tip.

[…]”

15

Skont in-nota 3 tal-Kapitolu 90 tan-NM:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ noti 3 u 4 għal Taqsima XVI japplikaw ukoll għal dan il-kapitlu.”

16

In-nota 6 ta’ dan il-kapitolu tipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ titlu 9021, l-espressjoni “tagħmir ortopediku” tfisser tagħmir għal:

prevenzjoni jew korrezzjoni ta’ diformitajiet tal-ġisem; jew

rfid jew żamma ta’ partijiet tal-ġisem wara marda, operazzjoni jew korriment.

[…]”

17

In-nota 3 tat-Taqsima XVI tan-NM hija fformulata kif ġej:

“Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.”

18

In-Noti ta’ Spjega għan-NM, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (ĠU 2011, C 137, p. 1), dwar l-intestatura 9021 tan-NM, jipprevedu:

“Għall-għanijiet ta’ dan it-titlu, l-espressjoni ‘biex jagħmel tajjeb għal difett jew diżabbiltà’ tfisser biss apparat li attwalment jagħmel jew jissostitwixxi l-funzjoni tal-parti difettuża jew diżabbli tal-ġisem.

Dan it-titlu ma jinkludix apparat, li sempliċiment itaffi l-effetti tad-difett jew diżabbiltà.

Huma wkoll esklużi minn din l-intestatura apparat għall-użu ta’ l-osteotomija (subtitlu 3006 91 00).”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1214/2014

19

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1214/2014 tal-11 ta’ Novembru 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2014, L 329, p. 8), jinkludi, fl-anness tiegħu, tabella bi tliet kolonni fejn l-ewwel waħda tiddeskrivi kull merkanzija kkonċernata, it-tieni waħda tindika l-klassifikazzjoni fin-NM li ġiet attribwita lill-merkanzija u t-tielet waħda tipprovdi r-raġunijiet għal din il-klassifikazzjoni.

20

Minn dan l-anness jirriżulta li taqa’ taħt il-kodiċi 9021 10 90 tan-NM il-merkanzija li tikkorrispondi mad-deskrizzjoni li ġejja:

“Prodott solidu, ċilindriku, bil-kamin (l-hekk imsejjaħ ‘pangea dual core screw’) magħmul minn liga tat-titanju iebsa ħafna, b’tul bejn 20 sa 45 mm.

[Ix-xikel huwa kollu] bil-kamin u kamin ‘dual core’ li fih żona ta’ tranżizzjoni għal bidla fil-qalba tad-dijametru. Għandu dijametru ta’ barra kostanti ta’ 4,0 mm, bi profil self-tapping u ponta bil-kamin li ma taqtax.

Il-prodott għandu ras ta’ forma poliaxjali (mobbli), forma ta’ ‘U’ u bil-kamin intern li toffri angolu ta’ 25° madwar l-assi tiegħu li jippermetti l-aġġustament tagħha.

Il-prodott għandu sarġ speċjalizzat fl-għatu tal-qfil għall-iffissar ta’ virga (ippreżentata separatament) f’rasu.

Il-prodott jikkorrispondi mal-istandards ISO/TC 150 għal viti għat-trapjanti u huwa ppreżentat għal użu fil-kirurġija tat-trawmi bħala parti minn sistema għall-istabbilizzazzjoni ta’ wara tax-xewka tad-dahar. Huwa installat bl-użu ta’ għodda speċifiċi.

Waqt l-importazzjoni, mhuwiex ippreżentat f’ippakkjar sterilizzat. Il-prodott jiġi mmarkat b’numru u huwa għalhekk traċċabbli tul il-produzzjoni u d-distribuzzjoni.”

21

Fil-kolonna relatata mar-raġunijiet tal-klassifikazzjoni magħżula, hemm indikat, b’mod partikolari, li din tal-aħħar “hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NM], in-Nota [2(b)] tal-Kapitolu 90 kif ukoll bil-kliem tal-kodiċijiet NM 9021, 9021 10 u 9021 10 90”.

Id-dritt Ġermaniż

22

L-Artikolu 12 tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UStG”), jipprovdi:

“(1)   Ir-rata applikabbli għal tranżazzjonijiet taxxabbli tammonta għal 19 % tal-bażi ta’ stima […].

(2)   Ir-rata hija mnaqqsa għal 7 % għat-tranżazzjonijiet li ġejjin:

1.

il-kunsinna, l-importazzjoni jew l-akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti msemmija fl-Anness 2, bl-eċċezzjoni ta’ prodotti msemmija fin-Nru 49(f), u fin-Nri 53 u 54; […]”

23

Il-punt 52 tal-Anness 2 tal-UStG huwa fformulat kif ġej:

“Proteżi, apparat ortopediku u apparat ieħor biex jagħmel tajjeb għal difett jew diżabbiltà, għall-użu mill-bniedem, bħal

 

a) ġogi artifiċjali, ħlief partijiet u aċċessorji

subintestatura 9021 31 00

b) apparat ortopediku, inklużi l-krozzi, ċ-ċinturini tal-kirurġija, ħlief partijiet u aċċessorji

subintestatura 9021 10

a) proteżijiet, ħlief partijiet u aċċessorji

subintestaturi 9021 21, 9021 29 00 u 9021 39

d) apparat intiż sabiex jiffaċilita s-smigħ tal-persuni torox, pacemakers kardijaċi u apparati oħra maħsuba biex jikkumpensaw għal difett jew diżabbiltà, li jinżamm fl-id, li jintlibes fuq il-persuna jew li jiġi impjantat fl-organiżmu, ħlief partijiet u aċċessorji

subintestaturi 9021 40 00, 9021 50 00 u subintestatura 9021 90”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

24

Medtronic għandha bħala attività, b’mod partikolari, il-provvista lill-isptarijiet u lit-tobba liberali ta’ sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali tat-trade mark CD Horizon SOLERA, ikkostitwiti, inter alia, minn:

Viti mono-axial tat-titanju u viti multi-axial tat-titanju jew tal-kromju-kobalt/titanju, rispettivament, b’varjetà ta’ dijametri u tul, ikkodifikati bil-kulur, bi ħjut self-cutting, ilkoll, f’kull każ, b’viti tal-għeluq tat-titanju korrispondenti,

vireg ċilindriċi f’materjali differenti (liga tat-titanju jew kromju-kobalt), mgħawġa jew dritti, b’dijametru ta’ 4.75 mm, b’tul differenti (bejn 30 mm u 500 mm),

pjanċi Crosslink CD Horizon X10 tat-titanju, b’tul differenti (fissi jew aġġustabbli), inkluż vit tal-għeluq,

ganċijiet kkodifikati bil-kulur b’erba’ qisien u mudelli differenti, magħmulin minn lega tat-titanju, u

konnetturi tal-ġenb tal-liga tat-titanju b’dijametru ta’ 4.75 mm.

25

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, dawn is-sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali huma b’mod permanenti impjantati fil-ġisem tal-pazjent li għalih dawn huma speċifikament mibnija.

26

Jirriżulta wkoll mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li tali sistemi huma maħsuba għat-trattament ta’ mard deġenerattiv tad-diski intervertebrali, stenożi u diżlokazzjonijiet tal-kolonna vertebrali jew fużjonijiet vertebrali preċedenti li fallew, tumuri, skoljosi jew ksur tal-għadam.

27

Fuq il-bażi ta’ informazzjoni tariffarja mhux vinkolanti li kienet ngħatatilha fid-19 ta’ Ġunju 2013 u li skontha s-sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali li hija tipprovdi jaqgħu taħt is-subintestatura 9021 90 90 tan-NM, Medtronic applikat, fir-rigward tat-tassazzjoni fuq id-dħul mill-bejgħ tat-tranżazzjonijiet tagħha ta’ konsenja, ir-rata mnaqqsa prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 12(2) tal-UStG.

28

Wara żewġ kontrolli fuq il-post, l-Uffiċċju tat-Taxxa qies li l-imsemmija sistemi kellhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 9021 10 90 tan-NM. Medtronic qablet ma’ din l-evalwazzjoni u, fid-dikjarazzjoni preliminari tagħha għax-xahar ta’ Mejju 2016, applikat għat-tranżazzjonijet tagħha ta’ konsenja r-rata ta’ tassazzjoni prevista fl-Artikolu 12(1) tal-UStG.

29

Madankollu Medtronic ippreżentat quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) azzjoni kontra din id-dikjarazzjoni preliminari, fejn hija ssostni li l-iskemi inkwistjoni jaqgħu taħt is-subintestatura 9021 90 90 tan-NM u li l-kunsinna tagħhom għandha għaldaqstant tkun suġġetta għar-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni, skont il-punt 1 tal-Artikolu 12(2) tal-UStG. Fil-fehma tagħha, dawn is-sistemi huma ddisinjati sabiex jibqgħu b’mod permanenti fil-ġisem tal-pazjent, filwaqt li l-oġġetti u l-apparat għall-ksur, imsemmija fis-subintestatura 9021 10 90 tan-NM, jibqgħu fil-ġisem biss għal żmien temporanju. Medtronic issostni wkoll li, billi s-sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali ma humiex użati biss għat-trattament ta’ ksur, il-klassifikazzjoni tagħhom taħt is-subintestatura 9021 90 90 tan-NM hija iktar xierqa.

30

B’mod kuntrarju, l-Uffiċċju tat-Taxxa jsostni li l-kunsinni ta’ sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali għandhom ikunu suġġetti għar-rata tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ prevista fl-Artikolu 12(1) tal-UStG. Fil-fatt, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1214/2014 jirriżulta li tali sistemi jaqgħu taħt is-subintestatura 9021 10 90 tan-NM sa fejn il-viti multi-axial li jikkomponuhom huma komparabbli mal-“pangea dual core screw” li dan ir-regolament jikklassifika taħt din is-subintestatura skont in-nota 2(b) tal-Kapitolu 90 tan-NM.

31

Peress li kellha dubji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tas-sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt is-subintestatura xierqa tan-NM, il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“In-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li s-sistemi ta’ ffissar tas-sinsla tad-dahar tat-tip deskritt f’iktar dettall fid-deċiżjoni għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 9021 90 90?”

Fuq id-domanda preliminari

32

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk sistema ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mibnija speċifikament għall-pazjent li fil-ġisem tiegħu din hija impjantata u intiża għat-trattament ta’ mard deġenerattiv tad-diski intervertebrali, stenożi u diżlokazzjonijiet tal-kolonna vertebrali jew fużjonijiet vertebrali preċedenti li fallew, tumuri, skoljosi jew ukoll ksur tal-għadam, taqax taħt is-subintestatura 9021 90 90 tan-NM.

33

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, il-funzjoni tagħha hija li tiggwida lill-qorti nazzjonali fir-rigward tal-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni taħt in-NM iktar milli tagħmel hija stess din il-klassifikazzjoni, u dan iktar u iktar minħabba li hija ma jkollhiex neċessarjament għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Minħabba f’hekk, il-qorti tar-rinviju tinsab, fi kwalunkwe każ, f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel il-klassifikazzjoni inkwistjoni (sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, Madaus, C‑441/15, EU:C:2017:103, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-faċilità tal-verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu, b’mod ġenerali, jitfittex fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitolu tagħha (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Konformement mar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija taħt is-subintestaturi tal-istess intestatura hija legalment iddeterminata skont it-termini ta’ dawn is-subintestaturi u tan-noti tas-subintestaturi, tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, il-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli meqjusa li għandhom biss valur indikattiv.

36

Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita wkoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu intiż tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall-klassifikazzjoni sakemm dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, liema inerenza għandha tkun tali li tkun tista’ tiġi evalwata fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C-198/15, EU:C:2016:362, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li n-Noti ta’ Spjega tas-SA, minkejja li ma għandhomx saħħa vinkolanti, jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha. L-istess japplika għan-Noti ta’ Spjega tan-NM (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Lukoyl Neftohim Burgas, C-330/13, EU:C:2014:1757, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Konformement mal-kliem tal-intestatura 9021 tan-NM, din tinkludi l-“[a]pparat ortopediku […] qassab u apparat ieħor għall-ksur; partijiet artifiċjali tal-ġisem; apparat akustiku (hearing aids) u tagħmir ieħor li jintlibes jew jinġarr, jew jiddaħħal fil-ġisem, biex jagħmel tajjeb għal difett jew diżabilità”.

39

Kif jirriżulta mill-kliem tal-imsemmija intestatura, il-funzjoni tal-oġġett jew l-apparat ikkonċernat hija determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu taħt waħda mis-subintestaturi tagħha.

40

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif deskritti fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, jissodisfaw diversi funzjonijiet. Fil-fatt, dawn huma użati għat-trattament ta’ ksur tal-għadam kif ukoll ta’ mard deġenerattiv tad-diski intervertebrali, stenożi u diżlokazzjonijiet tal-kolonna vertebrali jew fużjonijiet vertebrali preċedenti li fallew, tumuri jew skoljosi.

41

L-imsemmija qorti tiddeduċi li, skont id-diversi funzjonijiet li huma jiżguraw, dawn is-sistemi jistgħu a priori jaqgħu taħt is-subintestatura 9021 90 90 tan-NM bħala apparat ieħor li jinżamm fl-id, li jintlibes fuq il-persuna jew li jiġi impjantat fl-organiżmu, biex jagħmel tajjeb għal xi defiċjenza jew diżabbiltà, jew taħt is-subintestatura 9021 10 90 tan-NM, bħala qassab u tagħmir ieħor għal ksur, jew ukoll taħt is-subintestatura 9021 10 10 tan-NM, bħala apparat ortopediku.

42

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-subintestatura 9021 10 10 tan-NM, il-qorti tar-rinviju tqis li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk is-sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jiġu kklassifikati bħala apparat ortopediku fis-sens ta’ din tal-aħħar, sa fejn dawn jikkorrispondu, skont kull probabbiltà, għat-tip ta’ apparati deskritti taħt is-subintestatura 9021 90 90 tan-NM.

43

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-istruttura tal-intestatura 9021 u mill-formulazzjoni tas-subintestatura 9021 90 90 tan-NM, din tal-aħħar hija ta’ natura residwa meta mqabbla ma’ subintestaturi oħrajn tal-istess livell, sa fejn hija tirrigwarda l-oġġetti u l-apparati li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mis-subintestaturi l-oħra tal-intestatura 9021.

44

B’kekk, klassifikazzjoni taħtha tista’ tkun prevista biss jekk is-sistemi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jkunu jaqgħu taħt ebda waħda mis-subintestaturi l-oħra tal-intestatura 9021 tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Uroplasty, C-514/04, EU:C:2006:464, punt 56).

45

Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, qabelxejn, jekk is-sistemi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jiġu kklassifikati, inter alia, bħala oġġetti jew apparati tal-ortopedija, fis-sens tas-subintestatura 9021 10 10 tan-NM. Għal dan il-għan, l-imsemmija qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-nota 6 tal-Kapitolu 90 tan-NM, li tipprovdi li l-oġġetti u l-apparati ortopediċi għandhom iservu jew sabiex jipprevjenu jew jikkoreġu diformitajiet tal-ġisem, jew sabiex isostnu jew iżommu partijiet tal-ġisem wara marda, operazzjoni jew korriment.

46

F’dan ir-rigward, l-oġġetti u l-apparati intiżi għat-trattament ta’ mard deġenerattiv tad-diski intervertebrali, stenożi, diżlokazzjonijiet tal-kolonna vertebrali u fużjonijiet vertebrali preċedenti li fallew, tumuri jew skoljosi jistgħu jaqgħu taħt is-subintestatura 9021 10 10 tan-NM, bla ħsara madankollu għall-verifika mill-qorti tar-rinviju.

47

F’dan il-kuntest, għandu jiġi speċifikat li ma jirriżultax la min-NM, la min-Noti ta’ Spjega tan-NM u lanqas min-Noti ta’ Spjega tas-SA li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jeskludi minn din is-subintestatura l-oġġetti jew l-apparati intiżi li jiġu impjantati fil-ġisem uman.

48

Fir-rigward, fit-tieni lok, tas-subintestatura 9021 10 90 tan-NM, għandu jitfakkar li n-Noti ta’ Spjega tas-SA relatati mal-intestatura 9021 jistipulaw li l-“oġġetti u tagħmir għall-fratturi jservu biex jiġu mmobilizzati l-partijiet tal-ġisem affettwati (għall-finijiet ta’ estensjoni jew ta’ protezzjoni) jew biex inaqqsu l-fratturi”, u jispeċifikaw li “[dawn l-oġġetti u apparati] huma wkoll użati fl-ipproċessar ta’ żlugar u korrimenti oħra tal-ġogi”.

49

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi miċħud l-argument ta’ Medtronic li s-sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jaqgħu taħt din is-subintestatura sa fejn, kuntrarjament għall-oġġetti u għall-apparati għall-ksur koperti minnha, dawn huma ddisinjati sabiex jibqgħu b’mod permanenti fil-ġisem tal-pazjent.

50

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżultax la mill-kliem tal-imsemmija subintestatura u lanqas min-Noti ta’ Spjega tan-NM dwar l-intestatura 9021 li huma biss l-oġġetti u l-apparati għall-ksur iddisinjati sabiex jibqgħu b’mod temporanju fil-ġisem tal-pazjent li huma koperti minnha.

51

Minn dan isegwi li oġġett jew apparat għall-ksur ma jistax jiġi eskluż mis-subintestatura 9021 10 90 tan-NM għar-raġuni biss li huwa ġie ddisinjat sabiex jibqa’ b’mod permanenti fil-ġisem tal-bniedem.

52

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-trattament ta’ ksur huwa biss wieħed minn diversi użi tas-sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li għaldaqstant ma jistax jitqies li huwa l-funzjoni prinċipali, b’tali mod li ma hemmx lok li dawn jiġu kklassifikati fis-subintestatura 9021 10 90 tan-NM b’applikazzjoni, b’analoġija, tan-nota 3 tat-Taqsima XVI tan-NM.

53

Konformement ma’ din in-nota, applikabbli għall-Kapitolu 90 tan-NM skont in-nota 3 ta’ dan il-kapitolu, hemm lok, sa fejn dawn l-imsemmija sistemi jistgħu jaqgħu taħt diversi subintestaturi tan-NM minħabba din il-pluralità ta’ funzjonijiet, li dawn is-sistemi jiġu klassifikati “skont il-funzjoni prinċipali li tikkaratterizza t-totalità”.

54

Minn dan isegwi, kif il-qorti tar-rinviju ġustament ikkonstatat, li s-sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux ikunu suġġetti għal klassifikazzjoni fis-subintestatura 9021 10 90 tan-NM fil-każ fejn ikun stabbilit li dawn ma humiex prinċipalment intiżi għat-trattament ta’ ksur.

55

Barra minn hekk, jekk il-klassifikazzjoni taħt is-subintestatura 9021 10 10 tan-NM issir bħala riżultat tal-verifika magħmula mill-qorti tar-rinviju skont il-punt 46 ta’ din is-sentenza, ikun hemm lok li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija sistemi humiex prinċipalment intiżi għal użu ortopediku.

56

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk is-sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati fis-subintestatura 9021 10 90 tan-NM għar-raġuni li dawn is-sistemi huma parzjalment magħmula minn viti multi-axial li, skont l-Uffiċċju tat-Taxxa, huma komparabbli mal-pangae dual core screws previsti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1214/2014 u li dan jikklassifika taħt din is-subintestatura.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, in-nota 2(b) tal-Kapitolu 90 tan-NM tipprevedi li, “[b]ċejjeċ u aċċessorji oħrajn, jekk tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ tip partikulari ta’ magna, strument jew apparat, jew ma’ għadd ta’ magni, strumenti jew apparat ta’ l-istess titlu (inkluż magna, strument jew apparat ta’ titlu 9010, 9013 jew 9031) għandhom ikunu kklassifikati mal-magni, strumenti jew apparat ta’ dak it-tip.”

58

Madankollu, anki jekk jitqies li ċerti elementi tas-sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkorrispondu għad-deskrizzjoni tal-apparat previst fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1214/2014, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija sistemi huma intiżi prinċipalment għall-użu fil-qasam tal-kirurġija tat-trawma, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

59

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, jekk l-applikazzjoni b’analoġija ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni għall-prodotti analogi għal dawk koperti minn dan ir-regolament tiffavorixxi interpretazzjoni koerenti tan-NM kif ukoll l-ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi, tali applikazzjoni b’analoġija ma hijiex neċessarja u lanqas possibbli peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tar-risposta tagħha għal domanda preliminari, ipprovdiet lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha neċessarji għall-klassifikazzjoni ta’ prodott taħt l-intestatura xierqa tan-NM (sentenza tal-26 ta’ April 2017, Stryker EMEA Supply Chain Services, C-51/16, EU:C:2017:298, punti 61 u 62).

60

Minn dan isegwi li, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tasal għall-konklużjoni li s-sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif ukoll meta jitqies l-użu li għalih huma intiżi u dak li fil-fatt sar minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2015, Oliver Medical, C-547/13, EU:C:2015:139, punti 5152, kif ukoll tal-25 ta’ Frar 2016, G. E. Security, C-143/15, EU:C:2016:115, punt 55), ma għandhomx bħala funzjoni prinċipali t-trattament ta’ ksur, ma jkunx hemmx lok li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1214/2014 jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex dawn jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura xierqa tan-NM.

61

Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li s-sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali la jaqgħu taħt is-subintestatura 9021 10 10 u lanqas taħt is-subintestatura 9021 10 90, il-klassifikazzjoni ta’ dawn is-sistemi taħt is-subintestatura 9021 90 90 tan-NM tippreżupponi li dawn huma intiżi mhux biss sabiex jiġu impjantati fl-organiżmu iżda wkoll sabiex jikkumpensaw għal defiċjenza jew diżabbiltà, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika fid-dawl tan-Noti ta’ Spjega tan-NM u tas-SA relatati mal-intestatura 9021.

62

Skont in-Noti ta’ Spjega tan-NM dwar l-intestatura 9021, huma biss l-apparati li fil-fatt jassumu jew jissostitwixxu l-funzjoni tal-parti defiċjenti jew diżabbli tal-ġisem li jistgħu jitqiesu bħala intiżi sabiex jikkumpensaw għal difett jew diżabbiltà, filwaqt li l-apparati li sempliċement iservu sabiex itaffu l-effetti tad-defiċjenza jew diżabbiltà huma fihom infushom esklużi minn din id-definizzjoni.

63

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, bħala eżempji ta’ apparati intiżi sabiex jikkumpensaw għal defiċjenza jew diżabbiltà, in-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 9021 jinkludu l-apparat intiż sabiex jiffaċilita l-pronunzja tal-persuni li tilfu l-użu tal-kordi vokali, l-apparat tat-tip pacemaker, bħal dak intiż sabiex jistimula l-muskolu tal-qalb fil-każ ta’ defiċjenza, l-apparat li jippermetti lill-għomja jiggwidaw lilhom infushom, jew ukoll dak maħsub sabiex isostni jew jissostitwixxi l-funzjoni kimika ta’ ċerti organi, bħas-sekrezzjoni tal-insulina.

64

Fir-rigward ta’ sistemi ta’ fissar tal-kolonna vertebrali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk ikun meħtieġ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika l-parti tal-ġisem defiċjenti jew diżabbli u l-funzjoni li dawn is-sistemi huma intiżi li jissostitwixxu.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għad-domanda preliminari għandha tingħata r-risposta li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-klassifikazzjoni ta’ sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali bħal dawn inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt is-subintestatura 9021 90 90 tan-NM hija eskluża ladarba dawn is-sistemi jistgħu jiġu kklassifikati taħt subintestatura oħra tal-intestatura 9021 tan-NM. L-eventwali klassifikazzjoni ta’ dawn is-sistemi taħt is-subintestatura 9021 10 10 jew taħt is-subintestatura 9021 10 90 tan-NM tiddependi mill-funzjoni prinċipali li tikkaratterrizzahom, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina billi tqis l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi ta’ dawn is-sistemi kif ukoll l-użu li għalihom huma mfassla u l-użu li fil-fatt isir minnhom.

Fuq l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1754 tas-6 ta’ Ottubru 2015 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-klassifikazzjoni ta’ sistemi ta’ ffissar tal-kolonna vertebrali bħal dawn inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt is-subintestatura 9021 90 90 tan-Nomenklatura Magħquda hija eskluża ladarba dawn is-sistemi jistgħu jiġu kklassifikati taħt subintestatura oħra tal-intestatura 9021 tan-NM. L-eventwali klassifikazzjoni ta’ dawn is-sistemi taħt is-subintestatura 9021 10 10 jew taħt is-subintestatura 9021 10 90 tagħha tiddependi mill-funzjoni prinċipali li tikkaratterrizzahom, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina billi tqis l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi ta’ dawn is-sistemi kif ukoll l-użu li għalihom huma mfassla u l-użu li fil-fatt isir minnhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.