Kawża C-216/17
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust u Coopservice Soc. coop. arl
vs
Azienda Socio-Sanitaria Territoriale della Vallecamonica – Sebino (ASST) et
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 1(5) – Artikolu 32(2) – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Ftehimiet qafas – Klawżola ta’ estensjoni tal-ftehim qafas għal awtoritajiet kontraenti oħra – Prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi – Assenza ta’ determinazzjoni tal-kwantità tal-kuntratti pubbliċi sussegwenti jew determinazzjoni b’riferiment għall-bżonnijiet ordinarji tal-awtoritajiet kontraenti li ma humiex firmatarji tal-ftehim qafas – Projbizzjoni”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2018
Dritt tal-Unjoni Ewropea – Azzjoni ġudizzjarja quddiem il-qorti nazzjonali – Tqajjim ex officio ta’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni – Obbligu għall-qorti nazzjonali – Assenza – Limiti
(Artikolu 4(3) TUE)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Għoti ta’ kuntratti – Konklużjoni mill-awtorità kontraenti ta’ ftehim qafas ma’ diversi offerenti magħżula għall-kuntratt – Stabbiliment ta’ klawżola li tipprevedi l-estensjoni tal-ftehim qafas għal awtoritajiet kontraenti oħra – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, premessa 11 u Artikolu 32(2) u (4))
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Għoti ta’ kuntratti – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u ta’ trasparenza – Portata – Obbligu ta’ formulazzjoni ċara, preċiża u univokali tal-kundizzjonijiet u modalitajiet tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt
(Artikoli 49 u 56 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 2)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Għoti ta’ kuntratti – Konklużjoni mill-awtorità kontraenti ta’ ftehim qafas ma’ diversi offerenti magħżula għall-kuntratt – Estensjoni tal-ftehim qafas għal awtoritajiet kontraenti oħra li ma humiex parti għalih – Possibbiltà li l-awtoritajiet kontraenti ma jiddeterminawx il-kwantità tal-kuntratti pubbliċi sussegwenti jew li jiddeterminaw il-kwantità b’riferiment għall-bżonnijiet ordinarji tagħhom – Esklużjoni – Ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(5) u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 32(2))
Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jqajmu ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, meta l-eżami ta’ dan il-motiv jobbligahom jirrinunzjaw l-passività li huma għandu jkollhom, billi joħorġu mil-limiti tal-kawża hekk kif ġiet delimitata mill-partijiet u billi jibbażaw ruħhom fuq fatti u ċirkustanzi oħra barra dawk li fuqhom il-parti li għandha interess fl-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet ibbażat it-talba tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen, C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punti 21 u 22).
(ara l-punt 40)
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(4) tad-Direttiva 2004/18, moqri fid-dawl tal-premessa 11 ta’ din id-direttiva, jipprovdi li, fil-każ ta’ ftehim qafas konkluż ma’ diversi offerenti magħżula, il-kuntratti sussegwenti għandhom jiġu konklużi wara li l-partijiet għall-ftehim qafas jintalbu jikkompetu dwar it-termini mhux stabbiliti. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-rekwiżit li parti tkun oriġinarjament parti għall-ftehim qafas tapplika biss għall-operaturi ekonomiċi, peress li ma huwiex possibbli li l-awtoritajiet kontraenti jintalbu jikkompetu bejniethom.
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18 huwa intiż li jippermetti li awtorità kontraenti tagħti aċċess, lil awtoritajiet kontraenti oħra, għal ftehim qafas li hija tkun fil-proċess li tikkonkludi mal-operaturi ekonomiċi li ser ikunu inizjalment partijiet għalih. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18 għalhekk ma jeħtieġx li awtorità kontraenti “sekondarja”, bħall-ASST Valcamonica fil-kawża prinċipali, tkun ipparteċipat fl-iffirmar tal-ftehim qafas sabiex tkun tista’, iktar ’il quddiem, tagħti kuntratt sussegwenti. Huwa suffiċjenti li tali awtorità kontraenti tidher bħala benefiċjarja potenzjali ta’ dan il-ftehim qafas mid-data tal-konklużjoni tiegħu, billi tkun indikata b’mod ċar fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti permezz ta’ indikazzjoni espliċita li tkun ta’ natura tali li tgħarraf b’din il-possibbiltà kemm lill-awtorità kontraenti “sekondarja” innifisha kif ukoll lil kwalunkwe operatur interessat. Din l-indikazzjoni tista’ tidher fil-ftehim qafas innifsu jew f’dokument ieħor, bħal klawżola ta’ estensjoni li tidher fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kemm il-darba r-rekwiżiti ta’ pubbliċità u ta’ ċertezza legali u, għaldaqstant, ta’ trasparenza huma osservati.
(ara l-punti 51, 52, 55, 56)
Issa, kemm il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, UNIS u Beaudout Père et Fils, C‑25/14 u C‑26/14, EU:C:2015:821, punt 38) jimplikaw li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod, l-ewwel nett, li jippermetti li l-offerenti raġonevolment informati u normalment diliġenti kollha jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, it-tieni nett, li jqiegħed lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika effettivament jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Ingsteel u Metrostav, C-76/16, EU:C:2017:549, punt 34).
(ara l-punt 63)
L-Artikolu 1(5) u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
– |
awtorità kontraenti tista’ taġixxi f’isimha stess u għan-nom ta’ awtoritajiet kontraenti oħra indikati b’mod ċar u li ma humiex direttament partijiet fi ftehim qafas, kemm il-darba r-rekwiżiti ta’ pubbliċità u ta’ ċertezza legali u, għaldaqstant, ta’ trasparenza huma osservati u, |
|
– |
huwa eskluż li l-awtoritajiet kontraenti mhux firmatarji ta’ dan il-ftehim qafas ma jiddeterminawx il-kwantità tas-servizzi li tista’ tintalab meta jikkonkludu kuntratti b’eżekuzzjoni tiegħu jew li jiddeterminawha b’riferiment għall-bżonnijiet ordinarji tagħhom, taħt piena ta’ ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi interessati fil-konklużjoni tal-imsemmi ftehim qafas. |
(ara l-punt 70 u d-dispożittiv)