SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku – Direttiva 2003/98/KE – It-tielet inċiż tal-Artikolu 1(2)(c) – Rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti ta’ investiment – Regolament (UE) Nru 575/2013 – Informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u mid-ditti ta’ investiment – Artikolu 432(2) – Eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ pubblikazzjoni – Informazzjoni kummerċjali meqjusa bħala sensittiva jew kunfidenzjali – Applikabbiltà – Istituzzjonijiet ta’ kreditu li fihom l-Istat għandu sehem maġġoritarju – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi n-natura pubblika ta’ ċerta informazzjoni kummerċjali miżmuma mill-imsemmija istituzzjonijiet”

Fil-Kawża C‑215/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ April 2017, fil-proċedura

Nova Kreditna Banka Maribor d.d.

vs

Republika Slovenija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Nova Kreditna Banka Maribor d.d., minn D. Miklavčič u M. Menard, odvetnici,

għar-Repubblika tas-Slovenja, minn M. Prelesnik, informacijska pooblaščenka,

għall-Gvern Sloven, minn T. Mihelič Žitko u V. Klemenc, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, K.‑Ph. Wojcik u M. Žebre, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 701), kif emendata bid-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 175, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ISP”), kif ukoll tal-Artikolu 432(2) u tal-Artikolu 446 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Nova Kreditna Banka Maribor d.d. (iktar ’il quddiem “NKBM”) u r-Republika Slovenija (ir-Repubblika tas-Slovenja) dwar deċiżjoni tal-Informacijski pooblaščenec (il-Kummissarju għall-Informazzjoni, is-Slovenja) li tobbliga lil NKBM tiżvela informazzjoni lil ġurnalista.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva ISP

3

Il-premessi 5, 6, 9 u 10 tad-Direttiva ISP huma fformulati kif ġej:

“(5)

Waħda mill-miri prinċipali ta’ l-istabbiliment tas-suq intern hija l-ħolqien ta’ kondizzjonijiet li jwasslu għall-iżvilupp ta’ servizzi mal-Komunità kollha. L-informazzjoni tas-settur pubbliku hija materjal primarju importanti għal prodotti u servizzi b’kontenut diġitali u għandha ssir riżors ta’ kontenut ukoll aktar importanti ma’ l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ kontenut mingħajr fil. Il-kopertura wiesa’ ġeografika bejn il-fruntieri għandha ukoll tkun essenzali f’dan il-kuntest. Possibbiltajiet aktar wiesa’ għall-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku għandha fost ħwejjeġ oħra tippermetti lil kumpaniji Ewropew li jutilizzaw il-potenzal tagħha u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ l-impiegi.

(6)

Hemm differenzi konsiderevoli fir-regoli u l-prattiċi ta’ l-Istati Membri li jirreletaw ma l-utilizzazzjoni tar-riżorsi ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku, li joħolqu ostakoli għall-ħruġ sħiħ tal-potenzal ekonomiku ta’ dan ir-riżors prinċipali ta’ dokument. Il-prattika tradizzjonali fil-korpi tas-settur pubbliku fl-utilizzazzjoni tal-informazzjoni tas-settur pubbliku żviluppat f’ħafna modi diversi. Dan għandu jingħata kont tiegħu. L-armonizzazzjoni minima tar-regoli nazzjonali u l-prattiċi dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tas-settur pubbliku għandha għalhekk titwettaq, fil-każi fejn id-differenza fir-regolamenti nazzjonali u l-prattiċi jew in-nuqqas ta’ ċarezza ifixxklu l-iffunzjonar mingħajr xkiel tas-suq intern u l-iżvilupp xieraq tas-soċjetà ta’ informazzjoni fil-Komunità.

[…]

(9)

[…] Din id-Direttiva tibni fuq ir-reħimi [regoli] eżistenti ta’ aċċess fl-Istati Membri u ma tibdilx ir-regoli nazzjonali għall-aċċess għal dokumenti. Hija ma tgħoddx fil-każi fejn ċittadini jew kumpaniji jistgħu, taħt ir-reġim relevanti ta’ aċċess, jiksbu biss dokumenti jekk ikunu jistgħu jagħtu prova ta’ interess partikolari. […]

(10)

It-tifsiriet ta’ ‘korp tas-settur pubbliku’ u ‘korp regolat bil-liġi pubblika’ huma meħuda mid-Direttivi tal-ksib pubbliku [kuntratti pubbliċi] […]. Impriżi pubbliċi ma humiex koperti b’dawn it-tifsiriet.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi sett minimu ta’ regoli li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-mezzi prattiċi għall-iffaċilitar ta’ l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti eżistenti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku ta’ l-Istati Membri.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

[…]

(c)

dokumenti li huma esklużi mill-aċċess minħabba r-reġimi ta’ aċċess fl-Istati Membri, fosthom minħabba raġunijiet ta’:

protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali (jiġifieri s-sigurtà tal-Istat), id-difiża jew is-sigurtà pubblika,

kunfidenzjalità tal-istatistika,

kunfidenzjalità kummerċjali (eż. sigrieti kummerċjali, professjonali jew tal-kumpaniji);

[…]

3.   Din id-Direttiva tibni fuq u hija bla ħsara għar-reġimi ta’ aċċess fl-Istati Membri.

[…]”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1)

‘korp tas-settur pubbliku’ tfisser l-Istat, awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi regolati bil-liġi pubblika u assoċjazzjonijiet iffurmati minn awtorità waħda jew diversi awtoritajiet bħal dawk regolati bil-liġi pubblika;

2)

‘korp irregolat mil-liġi pubblika’ tfisser korp:

(a)

stabbilit għal fini speċifiku biex iħares il-ħtiġiet fl-interess ġenerali, li ma jkollux karattru industrijali jew kummerċjali; u

(b)

li jkollu personalità ġuridika; u

(ċ)

finanzjat, fil-parti ‘l kbira tiegħu mill-Istat, jew minn awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħra regolati mill-liġi pubblika; jew suġġett għas-sorveljanza maniġerjali minn dawk il-korpi; jew li jkollu bord amministrattiv, maniġerjali jew ta’ sorveljanza, li aktar minn-nofs il-membri tiegħu ikunu maħtura mill-Istat, awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħra regolati mill-liġi pubblika;

[…]

4)

‘użu mill-ġdid’ tfisser l-użu minn persuni jew entitajiet ġuridiċi ta’ dokumenti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku, għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali minbarra l-fini inizjali fi ħdan il-kompitu pubbliku li għalih kienu prodotti d-dokumenti. L-iskambju ta’ dokumenti bejn korpi tas-settur pubbliku purament fit-twettieq tal-kompiti pubbliċi tagħhom ma jikkostitwixxix użu mill-ġdid;

[…]”

Ir-Regolament Nru 575/2013

6

Skont il-premessi 68 u 76 tar-Regolament Nru 575/2013:

“(68)

Mingħajr preġudizzju għad-divulgazzjoni espliċitament meħtieġ minn dan ir-Regolament, l-għan tar-rekwiżiti tad-divulgazzjoni għandu jkun li jipprovdu lill-parteċipanti tas-suq b’informazzjoni preċiża u komprensiva rigward il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet individwali. L-istituzzjonijiet għandhom għaldaqstant ikunu meħtieġa jiżvelaw informazzjoni addizzjonali mhux espliċitament elenkata f’dan ir-Regolament meta tali divulgazzjoni tkun meħtieġa biex ikun issodisfat dan l-għan. Fl-istess waqt, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu l-attenzjoni xierqa lil każijiet fejn jissuspettaw li l-informazzjoni titqies bħala koperta mid-dritt ta’ proprjetà jew kunfidenzjali minn istituzzjoni sabiex jiġi evitat l-iżvelar ta’ tali informazzjoni.

[…]

(76)

Għall-finijiet ta’ tisħiħ tad-dixxiplina tas-suq u t-titjib tal-istabbiltà finanzjarja huwa meħtieġ li jkunu introdotti rekwiżiti aktar dettaljati għall-iżvelar tal-forma u n-natura tal-kapital regolatorju u l-aġġustamenti prudenzjali magħmula sabiex ikun żgurat li l-investituri u d-depożituri jkunu informati tajjeb b’mod suffiċjenti rigward is-solvenza tal-istituzzjonijiet.”

7

Skont il-punt (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, dan jistabbilixxi regoli uniformi li jikkonċernaw ir-rekwiżiti prudenzjali ġenerali li l-istituzzjonijiet kollha ssorveljati skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 1), għandhom josservaw fir-rigward tal-obbligi ta’ pubblikazzjoni.

8

Skont il-punt 3 tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, “istituzzjoni” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta ta’ investiment.

9

L-Artikolu 431 tal-istess regolament, li jinsab fil-Parti Tmienja, intitolat “Żvelar mill-istituzzjonijiet”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu li:

“1.   L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw b’mod pubbliku l-informazzjoni stabbilita fit-Titolu II, soġġett għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 432.

[…]

3.   L-istituzzjonijiet għandhom jadottaw politika formali sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni stabbiliti f’din il-Parti, u jkollhom politiki sabiex jivvalutaw l-adegwatezza tad-divulgazzjonijiet tagħhom, fosthom il-verifikazzjoni u l-frekwenza tagħhom. L-istituzzjonijiet għandu jkollhom ukoll politiki sabiex jivvalutaw jekk id-divulgazzjonijiet tagħhom iwassalx il-profil tar-riskju tagħhom b’mod li jiftiehem lill-parteċipanti tas-suq.

Fejn dawn id-divulgazzjonijiet ma jwasslux il-profil tar-riskju b’mod li jiftiehem lill-parteċipanti tas-suq, l-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw b’mod pubbliku l-informazzjoni meħtieġa flimkien ma’ dik mitluba skont il-paragrafu 1. […]”

10

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 432(2) tar-Regolament Nru 575/2013:

“L-istituzzjonijiet jistgħu jħallu barra wkoll element wieħed jew aktar mill-informazzjoni inkluża fid-divulgazzjonijiet elenkati fit-Titoli II u III jekk dawk l-elementi jinkludu informazzjoni li tkun meqjusa bħala proprjetarja jew kunfidenzjali skont it-tieni u t-tielet subparagrafi, għajr għad-divulgazzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 437 u 450.”

11

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 433 ta’ dan ir-regolament, l-istituzzjonijiet għandhom jippubblikaw id-divulgazzjonijiet meħtieġa fil-Parti Tmienja tiegħu mill-inqas darba fis-sena.

12

L-Artikolu 446 tal-imsemmi regolament jipprevedi li:

“L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-approċċi għall-valutazzjoni tar-rekwiżiti tal-fondi proprji għar-riskju operattiv li jikkwalifikaw għalihom; deskrizzjoni tal-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 312(2), jekk użata mill-istituzzjoni, inkluża diskussjoni dwar il-fatturi interni u esterni rilevanti kkunsidrati fl-approċċ ta’ kalkolu tal-istituzzjoni, u f’każ ta’ użu parzjali, l-ambitu u l-kopertura tal-metodoloġiji differenti użati.”

Id-dritt Sloven

13

L-Artikolu 1a taż-Zakon o dostopu do informacij javnega značaja (il-Liġi dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni Pubblika, iktar ’il quddiem iz-“ZDIJZ”) jistabbilixxi li:

“(1)   Il-liġi preżenti tirregola wkoll il-proċedura li tippermetti lil kulħadd ikollu aċċess liberu għal informazzjoni ta’ importanza pubblika miżmuma minn kumpanniji kummerċjali u entitajiet oħra irregolati mid-dritt privat li jaqgħu taħt l-influwenza dominanti, kemm direttament jew indirettament, individwalment jew konġuntament, tar-Repubblika tas-Slovenja, entitajiet territorjali lokali awtonomi jew entitajiet oħra irregolati mid-dritt pubbliku (iktar ’il quddiem l-‘impriżi taħt l-influwenza dominanti ta’ entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku’) u juża mill-ġdid din l-informazzjoni.

(2)   Għandu jitqies li jkun hemm influwenza dominanti fis-sens tal-paragrafu preċedenti meta r-Repubblika tas-Slovenja, l-entitajiet territorjali lokali awtonomi, jew entitajiet oħra irregolati mid-dritt pubbliku, individwalment jew kollettivament:

ikunu jistgħu jeżerċitaw influwenza dominanti fuq il-bażi ta’ sehem maġġoritarju fil-kapital sottoskritt, jew ikollhom, fir-rigward ta’ kumpannija kummerċjali, id-dritt li jikkontrollaw il-maġġoranza jew is-setgħa li jaħtru iktar minn nofs il-membri tal-organu amministrattiv jew korp superviżorju, direttament jew indirettament permezz ta’ kumpanniji kummerċjali oħra jew entitajiet oħra irregolati mid-dritt privat,

[…]

(3)   Bank li jibbenefika minn miżuri meħuda taħt il-liġi li tirregola l-miżuri meħuda mir-Repubblika tas-Slovenja biex isaħħaħ l-istabbiltà tal-banek għandu wkoll jitqies li huwa taħt influwenza dominanti fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

(4)   Impriża għandha wkoll titqies li tkun suġġetta għall-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għal perijodu ta’ ħames snin wara li l-influwenza dominanti tkun intemmet, fil-każ ta’ informazzjoni ta’ importanza pubblika li tmur lura għall-perijodu li matulu dik l-impriża kienet taħt influwenza dominanti.

(5)   Impriża taħt l-influwenza dominanti ta’ entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku għandha tkun suġġetta għall-obbligu li tipprovdi aċċess għal informazzjoni ta’ importanza pubblika fis-sens tal-Artikolu 4a ta’ din il-liġi li toriġina fi kwalsiasi mument meta l-impriża kienet taħt l-influwenza dominanti ta’ persuna rregolata mid-dritt pubbliku.

(6)   Minbarra l-għan stabbilit fl-Artikolu 2(1), il-liġi preżenti għandha jkollha l-għan li ttejjeb it-trasparenza u t-tmexxija responsabbli tal-fondi pubbliċi u l-finanzi ta’ impriżi taħt l-influwenza dominanti ta’ entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku.”

14

L-Artikolu 4a(1) ta’ din il-liġi jgħid li:

“Fil-każ ta’ impriżi taħt l-influwenza dominanti ta’ entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku, informazzjoni ta’ importanza pubblika tfisser:

informazzjoni dwar tranżazzjoni konkluża li tinvolvi l-akkwist, it-tneħħija jew il-ġestjoni tal-assi tanġibbli tal-impriża jew in-nefqa tal-impriża b’relazzjoni mal-ordnijiet ta’ provvisti, xogħlijiet, servizzi ta’ aġenzija, konsulenza jew servizzi oħra, kif ukoll finanzjament, sponsorizzazzjoni, konsulenza u ftehimiet ta’ awtur, jew tranżazzjonijiet oħra li jipproduċu riżultat simili;

[…]”

15

L-Artikolu 6a tal-imsemmija liġi jistabbilixxi li:

“(1)   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 tal-artikolu preċedenti, aċċess mitlub għal informazzjoni ta’ importanza pubblika fuq impriżi taħt l-influwenza dominanti ta’ entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku għandu jingħata fir-rigward tad-data prinċipali li tikkonċerna t-tranżazzjonijiet magħluqin imsemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4a(1) ta’ din il-liġi, jiġifieri:

informazzjoni dwar it-tip ta’ tranżazzjoni;

lis-sieħeb kuntrattwali, fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-isem tal-kumpannija jew tan-negozju, l-uffiċċju rreġistrat, l-indirizz tan-negozju u l-kont tal-persuna ġuridika jew, fil-każ ta’ persuna fiżika, l-isem tal-persuna u l-post ta’ residenza;

il-valur tal-kuntratt u l-ammonti tad-diversi pagamenti magħmula;

id-data li fiha jkun ġie konkluż il-kuntratt u t-tul tat-tranżazzjoni; u

ċerta informazzjoni li tinsab fl-annessi għal dawn il-kuntratti.

[…]

(3)   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, fejn l-informazzjoni ta’ importanza pubblika ma tkunx aċċessibbli permezz tal-internet skont l-Artikolu 10a(4) ta’ din il-liġi, persuna meħtieġa li tipprovdi aċċess tista’ tirrifjuta aċċess għad-data prinċipali relatata ma’ tranżazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jekk dik il-persuna turi li d-divulgazzjoni tkun ser tippreġudika serjament il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq, sakemm dik id-data ma tikkonċernax tranżazzjonijiet li jinvolvu l-provvista ta’ servizzi minn finanzjaturi, sponsorizzanti, konsulenti, awturi jew servizzi oħra ta’ natura intellettwali jew tranżazzjonijiet oħra li jipproduċu riżultat simili.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

NKBM hija bank Sloven.

17

Fl‑2014, NKBM intalbet minn ġurnalista sabiex tipprovdilu informazzjoni dwar il-kuntratti li hija kienet ikkonkludiet ma’ kumpanniji ta’ konsulenza u ta’ avukati kif ukoll ma’ kumpanniji li jipprovdu servizzi intellettwali matul il-perijodu mill‑1 ta’ Ottubru 2012 sas‑17 ta’ April 2014 u, b’mod iktar speċifiku, fuq l-informazzjoni, li tinsab f’dawn il-kuntratti u l-annessi tagħhom, dwar it-tipi ta’ tranżazzjonijiet, l-imsieħba kuntrattwali, il-valur tal-kuntratti, l-ammonti tad-diversi ħlasijiet imwettqa għal dawn is-servizzi, id-data li fiha ġew konkluż il-kuntratti u t-tul tat-tranżazzjonijiet.

18

Matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, NKBM kienet tinsab taħt l-influwenza dominanti ta’ persuna rregolata mid-dritt pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 1a(2) u (3) taz-ZDIJZ, peress li r-Repubblika tas-Slovenja kellha, direttament jew indirettament, sehem maġġoritarju fil-kapital tagħha u li NKBM kienet is-suġġett ta’ rikapitalizzazzjoni sostanzjali minnha. Fil‑21 ta’ April 2016, NKBM saret kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt privat. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, hija xorta waħda għandha l-obbligu li tipprovdi l-informazzjoni mitluba, skont l-Artikolu 1a(4) taz-ZDIJZ.

19

Billi NKBM ċaħdet it-talba għal aċċess għad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Kummissarju għall-Informazzjoni obbliga lill-bank, abbażi taz-ZDIJZ, jilqa’ din it-talba. Ir-rikors ippreżentat minn NKBM kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-qorti tal-ewwel istanza.

20

NKBM ippreżentat appell għal reviżjoni quddiem il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja), billi invokat ksur tal-Kostituzzjoni Slovena kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, NKBM ippreċiżat li l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tinkludi data li kienet taqa’ taħt is-sigriet kummerċjali. Il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) ressqet talba għall-evalwazzjoni tal-kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet taz-ZDIJZ inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali, is-Slovenja), li ddikjarat li dawn id-dispożizzjonijiet kienu konformi mal-Kostituzzjoni Slovena.

21

Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont id-dispożizzjonijiet taz-ZDIJZ, persuni taħt l-influwenza ta’ persuna rregolata mid-dritt pubbliku għandhom l-obbligu li jagħtu aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk l-interess pubbliku involut fl-iżvelar tagħhom ma jkunx superjuri għall-interess ta’ dawn il-persuni li jillimitaw l-aċċess għall-imsemmija informazzjoni. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni jekk it-tielet inċiż tal-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva ISP kif ukoll l-Artikolu 432(2) tar-Regolament Nru 575/2013 jipprekludux tali dritt ta’ aċċess għall-imsemmija informazzjoni.

22

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll għall-libertajiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE. F’dan ir-rigward, għalkemm din il-qorti tesprimi d-dubji tagħha fir-rigward tan-natura transkonfinali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, hija tistaqsi madankollu dwar l-applikabbiltà ta’ dawn il-libertajiet fundamentali, minħabba, minn naħa, l-allegazzjoni ta’ NKBM li tgħid li hija għandha sussidjarja fl-Awstrija u li din inxtrat, wara li qamet it-tilwima, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-aċċess għad-data tal-banek taħt l-influwenza dominanti ta’ persuna rregolata mid-dritt pubbliku, mogħti miz-ZDIJZ, tista’ tiskoraġġixxi lil ċerti fornituri ta’ servizzi li joriġinaw minn Stati Membri oħra milli jipprovdu servizzi lil bank, bħal NKBM, kif ukoll lil investituri potenzjali fi Stati Membri oħra milli jixtru ishma f’tali bank.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-tielet inċiż tal-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva [ISP], b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ approċċ ta’ armonizzazzjoni minima, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tippermetti aċċess illimitat (assolut) għall-informazzjoni kollha li tirriżulta minn kuntratti li jikkonċernaw id-drittijiet tal-awtur u minn kuntratti ta’ konsulenza, anki jekk dawn jiġu ddefiniti bħala sigriet tan-negozju, u l-imsemmija leġiżlazzjoni tipprevedi dan biss f’rabta mal-persuni suġġetti għal influwenza dominanti tal-Istat, iżda mhux ukoll għall-persuni obbligati l-oħra, u, l-interpretazzjoni tiġi influwenzata wkoll mir-Regolament [Nru 575/2013] b’rabta mar-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni, u b’mod partikolari fis-sens li l-aċċess għall-informazzjoni ta’ natura pubblika fis-sens tad-Direttiva [ISP] ma jistax ikun iktar wiesa’ minn dak previst mir-regoli uniformi fil-qasam tal-iżvelar ta’ data previsti mill-imsemmi regolament?

2)

Ir-Regolament Nru 575/2013, meqjus taħt il-profil tar-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni fir-rigward tal-attività kummerċjali tal-banek, u b’mod iktar preċiż l-Artikoli 446 u 432(2), li jinsabu fil-Parti Tmienja ta’ tali regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali regoli jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li timponi fuq bank li jinsab jew li kien jinsab taħt l-influwenza dominanti ta’ entità rregolata mid-dritt pubbliku jiżvela informazzjoni dwar il-kuntratti konklużi għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza, ta’ servizzi ta’ avukati, ta’ servizzi ta’ awturi ta’ xogħlijiet intellettwali u ta’ servizzi oħra ta’ natura intellettwali, u iktar preċiżament l-informazzjoni dwar it-tip ta’ negozju konkluż, il-partner kuntrattwali (għall-persuni ġuridiċi: l-isem kummerċjali, is-sede, l-indirizz kummerċjali), il-valur tal-kuntratt, l-ammont tal-pagamenti individwali, id-data ta’ konklużjoni tal-kuntratt, it-tul tar-relazzjoni tan-negozju u data analoga li tirriżulta mill-annessi tal-kuntratti – informazzjoni li hija kollha datata fil-perijodu tal-issuġġettar għall-influwenza dominanti –, mingħajr previżjoni ta’ kwalunkwe eċċezzjoni għal tali obbligu u mingħajr il-possibbiltà ta’ bbilanċjar bejn l-interess tal-pubbliku li jkollu aċċess għad-data u l-interess tal-bank għaż-żamma tas-sigriet tan-negozju, meta ma jkunx każ li jinvolvi elementi transkonfinali?”

Fuq id-domandi preliminari

24

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet inċiż tal-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva ISP u l-Artikolu 432(2) tar-Regolament Nru 575/2013 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq bank li kien taħt l-influwenza dominanti ta’ persuna rregolata mid-dritt pubbliku l-obbligu li jiżvela d-data dwar il-kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza, ta’ servizzi ta’ avukati, ta’ servizzi ta’ awturi ta’ xogħlijiet intellettwali u ta’ servizzi oħra ta’ natura intellettwali li huwa kkonkluda fil-perijodu li matulu huwa kien taħt din l-influwenza dominanti, mingħajr ebda eċċezzjoni ammessa sabiex jinżammu s-sigrieti kummerċjali ta’ dan il-bank.

25

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi vverifikat jekk talba għal aċċess għal informazzjoni, bħal dik indirizzata lil NKBM abbażi taz-ZDIJZ, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ISP u tar-Regolament Nru 575/2013.

Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva ISP

26

Għal dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva ISP, mill-Artikolu 1(1) tagħha jirriżulta li din tistabbilixxi sett minimu ta’ regoli li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-mezzi prattiċi sabiex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti eżistenti miżmuma minn “korpi tas-settur pubbliku ta’ l-Istati Membri”. Din id-direttiva tapplika għalhekk għall-“korpi tas-settur pubbliku ta’ l-Istati Membri”. Skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku u l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew minn wieħed jew iktar minn dawn il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku jaqgħu taħt dan il-kunċett.

27

Barra minn hekk, skont il-punti (a) sa (ċ) tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, jikkostitwixxi “korp regolat bil-liġi pubblika” kull korp li, l-ewwel nett, ikun ġie stabbilit sabiex jissodisfa speċifikament bżonnijiet ta’ interess ġenerali li ma jkollhomx natura industrijali jew kummerċjali, it-tieni nett, ikollu personalità ġuridika, u, it-tielet nett, l-attività tiegħu tkun iffinanzjata fil-parti ’l kbira mill-Istat, minn awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mid-dritt pubbliku, jew il-ġestjoni tiegħu tkun suġġetta għal kontroll minn dawn tal-aħħar, jew ikollu bord amministrattiv, maniġerjali jew ta’ sorveljanza li iktar minn nofs il-membri tiegħu jinħatru mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħra rregolati mid-dritt pubbliku.

28

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni huma ta’ natura kumulattiva, b’tali mod li korp ma jkunx jista’ jiġi kklassifikat bħala korp irregolat mid-dritt pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta. Barra minn hekk, il-premessa 10 tad-Direttiva ISP tippreċiża li dan il-kunċett ta’ “korp irregolat mid-dritt pubbliku” huwa bbażat fuq id-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi u ma jkoprix l-impriżi pubbliċi. Għalhekk ma huwiex suffiċjenti li impriża tkun inħolqot mill-Istat jew minn korp ieħor irregolat mid-dritt pubbliku jew li l-attivitajiet tagħha jkunu ffinanzjati minnhom sabiex din titqies bħala “korp irregolat mid-dritt pubbliku”. Jeħtieġ ukoll, fil-fatt, li hija tkun inħolqot bil-għan speċifiku li tissodisfa bżonnijiet ta’ interess ġenerali li ma jkollhomx natura industrijali jew kummerċjali (ara, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda d-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, LitSpecMet, C‑567/15, EU:C:2017:736, punti 3436 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li NKBM hija bank kummerċjali li jipprovdi servizzi bankarji, b’mod partikolari, fis-suq bankarju Sloven, f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ banek oħra li joperaw fl-istess suq. Barra minn hekk, skont l-istess indikazzjonijiet, NKBM tidher li kienet suġġetta għall-influwenza dominanti ta’ persuna rregolata mid-dritt pubbliku b’mod temporanju biss, jiġifieri matul il-perijodu li beda jiddekorri mid-data tar-rikapitalizzazzjoni tagħha mill-Istat Sloven sat-trasformazzjoni tagħha f’kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt privat. Fl-aħħar nett, il-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi l-ebda element li jippermetti li jitqies li NKBM inħolqot sabiex tissodisfa speċifikament bżonnijiet ta’ interess ġenerali li ma għandhomx natura industrijali jew kummerċjali.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li NKBM ma tissodisfax l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza u, għaldaqstant, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva ISP, liema fatt, madankollu, għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

31

Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk talba għal aċċess għal data, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva, mill-Artikolu 1(1) tagħha jirriżulta, kif ġie espost fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmija direttiva tikkonċerna l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku tal-Istati Membri. Skont il-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din l-istess direttiva, “użu mill-ġdid” għandha tinftiehem bħala l-użu ta’ tali dokumenti minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali minbarra l-għan inizjali tal-missjoni ta’ servizz pubbliku li għalih ġew prodotti d-dokumenti.

32

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li d-Direttiva ISP ma fiha l-ebda obbligu fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(3) tagħha, moqri flimkien mal-premessa 9 tagħha, din id-direttiva tibni fuq ir-regoli ta’ aċċess fis-seħħ fl-Istati Membri u ma tibdilx ir-regoli nazzjonali fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2)(c) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li din ma tapplikax għal dokumenti li għalihom l-aċċess huwa eskluż skont ir-regoli ta’ aċċess fis-seħħ fl-Istati Membri. Għalhekk, id-Direttiva ISP ma tistabbilixxix dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku, iżda tippresupponi l-eżistenza ta’ tali dritt fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istati Membri, b’tali mod li l-modalitajiet u l-proċeduri ta’ aċċess għal din l-informazzjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

33

Għaldaqstant, talba għal aċċess għal informazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva ISP. Din id-direttiva, għalhekk, ma għandha l-ebda effett fuq it-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 575/2013

34

Id-dispożizzjonijiet taz-ZDIJZ inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistabbilixxu dritt individwali ta’ aċċess għall-informazzjoni ta’ importanza pubblika miżmuma, b’mod partikolari, mill-impriżi li jinsabu taħt l-influwenza dominanti ta’ persuni rregolati mid-dritt pubbliku, bil-għan, kif stipulat fl-Artikolu 1a(6) taz-ZDIJZ, li tissaħħaħ t-trasparenza flimkien ma’ ġestjoni responsabbli tal-fondi pubbliċi u tal-finanzi ta’ dawn l-impriżi. Għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet li jinvolvu l-provvista ta’ servizzi minn finanzjaturi, sponsorizzanti, konsulenti, awturi jew tranżazzjonijiet oħra li jipproduċu riżultat simili, dawn l-impriżi huma obbligati, skont l-Artikolu 6a(3) taz-ZDIJZ, li jagħtu dan l-aċċess mingħajr eċċezzjoni.

35

Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament Nru 575/2013, b’mod partikolari l-Artikolu 432(2) tiegħu, huwiex ta’ natura li jifforma l-bażi ta’ dritt ta’ oppożizzjoni għal talba għal aċċess għal informazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Parti Tmienja ta’ dan ir-regolament, inkluż l-Artikolu 432(2), ma jistabbilixxux dritt individwali ta’ aċċess għal informazzjoni, iżda jipprevedu l-obbligu li l-informazzjoni msemmija fit-Titolu II ta’ din il-Parti Tmienja tiġi ppubblikata, indipendentement minn kull talba f’dan is-sens.

36

Fil-fatt, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 431(1) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 433 tar-Regolament Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment huma meħtieġa li jippubblikaw din l-informazzjoni mhux fuq talba, iżda fuq inizjattiva tagħhom stess mill-inqas darba fis-sena. Barra minn hekk, l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata fil-kuntest ta’ dan l-obbligu għandha tiġi ddeterminata skont dan l-istess regolament u tkopri, bħala prinċipju, skont l-Artikolu 431(1) u (3), kif ukoll l-Artikolu 432 tal-imsemmi regolament, l-informazzjoni kollha msemmija fit-Titolu II tal-Parti Tmienja tiegħu.

37

Għandu jingħad ukoll li, kif l-Avukat Ġenerali osserva, essenzjalment, fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sistema ta’ pubblikazzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 575/2013 għandha għan differenti minn dak tas-sistema tad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni stabbilita miz-ZDIJZ.

38

Fil-fatt, skont il-premessi 68 u 76 tiegħu, dan ir-regolament għandu l-għan li jsaħħaħ id-dixxiplina tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja, billi jipprovdi lill-parteċipanti tas-suq informazzjoni preċiża u komprensiva dwar il-profil ta’ riskju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ditti ta’ investiment. Min-naħa l-oħra, kif ġie espost fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-għan tas-sistema tad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni stabbilita miz-ZDIJZ huwa li tissaħħaħ it-trasparenza, flimkien ma’ ġestjoni responsabbli tal-fondi pubbliċi u tal-finanzi ta’ impriżi li jinsabu taħt l-influwenza dominanti ta’ persuni rregolati mid-dritt pubbliku.

39

Għaldaqstant, talba għal aċċess għal informazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 575/2013, b’tali mod li l-Artikolu 432(2) tiegħu ma jistax jifforma l-bażi ta’ dritt ta’ oppożizzjoni għal tali talba. Dan ir-regolament, għalhekk, ma għandu l-ebda effett fuq it-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 16 tal-Karta u tal-libertajiet fundamentali

40

Fid-dawl tal-konklużjonijiet misluta fil-punti 33 u 39 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet taz-ZDIJZ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ISP jew tar-Regolament Nru 575/2013.

41

Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-kawża prinċipali tikkonċerna sitwazzjoni fejn l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss, sitwazzjoni li fiha l-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE ma japplikawx (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2018, Fremoluc, C‑343/17, EU:C:2018:754, punt 18).

42

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata miċ-ċirkustanzi, imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, li NKBM għandha sussidjarja fl-Awstrija u li hija ġiet akkwistata minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, minn din id-deċiżjoni ma jirriżultax li n-natura u l-portata tal-informazzjoni li hija s-suġġett tat-talba għal aċċess għal informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippreżentaw xi rabta mas-sussidjarja Awstrijaka ta’ NKBM jew mal-impriża li akkwistat dan il-bank. Barra minn hekk, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, dan l-akkwist ta’ NKBM sar biss wara li qamet it-tilwima fil-kawża prinċipali.

43

Għal dak li jirrigwarda l-eventwali effett dissważiv li l-aċċess għad-data tal-banek taħt l-influwenza dominanti ta’ persuna rregolata mid-dritt pubbliku, mogħti miz-ZDIJZ, jista’ jkollu fuq il-fornituri ta’ servizzi jew fuq l-investituri minn Stati Membri oħra, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem mistoqsijiet dwar tali effett ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward ta’ “ċerti” fornituri ta’ servizzi u “ta’” investituri potenzjali, madankollu hija ma tinkludi l-ebda element konkret li jippermetti li jiġi kkonstatat li dawn l-ipoteżijiet jistgħu jinqalgħu fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

44

Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali talba għandha tidentifika elementi konkreti, jiġifieri indizji mhux ipotetiċi iżda ċerti, bħalma huma l-ilmenti jew ir-rikorsi ppreżentati minn operaturi li jinsabu fi Stati Membri oħra jew li jinvolvu ċittadini ta’ dawn l-Istati, sabiex tiġi stabbilita, b’mod pożittiv, l-eżistenza ta’ interess ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra sabiex jagħmlu użu minn dawn il-libertajiet fundamentali fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 5455, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2018, Fremoluc, C‑343/17, EU:C:2018:754, punti 2829).

45

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet taz-ZDIJZ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jitqiesu li jimplimentaw d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li l-Artikolu 16 tagħha ma huwiex applikabbli fil-kuntest ta’ tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li t-tielet inċiż tal-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva ISP u l-Artikolu 432(2) tar-Regolament Nru 575/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq bank li kien taħt l-influwenza dominanti ta’ persuna rregolata mid-dritt pubbliku l-obbligu li jiżvela d-data dwar il-kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza, ta’ servizzi ta’ avukati, ta’ servizzi ta’ awturi ta’ xogħlijiet intellettwali u ta’ servizzi oħra ta’ natura intellettwali li huwa kkonkluda fil-perijodu li matulu huwa kien taħt din l-influwenza dominanti, mingħajr ebda eċċezzjoni ammessa sabiex jinżammu s-sigrieti kummerċjali ta’ dan il-bank u, għalhekk, ma jipprekludux tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tielet inċiż tal-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku u l-Artikolu 432(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq bank li kien taħt l-influwenza dominanti ta’ persuna rregolata mid-dritt pubbliku l-obbligu li jiżvela d-data dwar il-kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza, ta’ servizzi ta’ avukati, ta’ servizzi ta’ awturi ta’ xogħlijiet intellettwali u ta’ servizzi oħra ta’ natura intellettwali li huwa kkonkluda fil-perijodu li matulu huwa kien taħt din l-influwenza dominanti, mingħajr ebda eċċezzjoni ammessa sabiex jinżammu s-sigrieti kummerċjali ta’ dan il-bank u, għalhekk, ma jipprekludux tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Sloven.