SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali komuni – Dazju antidumping definittiv fuq ċerti prodotti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Dazju antidumping ikkunsidrat inkompatibbli mal-ftehim ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)”

Fil-Kawża C-207/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria di primo grado di Bolzano (il-Kummissjoni fiskali tal-ewwel istanza ta’ Bolzano, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ April 2017, fil-proċedura

Rotho Blaas Srl

vs

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C.G. Fernlund, J.-C. Bonichot, S. Rodin (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M R. Schiano, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Marzu 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Rotho Blaas Srl, minn P. Bellante u B. Bonafini, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn H. Marcos Fraile u E. Rebasti, bħala aġenti, assistiti minn N. Tuominen, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Stancanelli, N. Kuplewatzky u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 tas-26 ta’ Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 29, p. 1), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 924/2012 tal-4 ta’ Ottubru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2009 (ĠU 2012, L 275, p. 1), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/519 tas-26 ta’ Marzu 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2015, L 82, p. 78) (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“regolamenti kkontestati”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Rotho Blaas Srl u l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli (l-Aġenzija tad-dwana u tal-monopolji, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“aġenzija tad-dwana”), dwar il-ġbir, fil-kuntest ta’ rettifika, ta’ dazji doganali, dazji antidumping u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), flimkien mal-interessi u penalitajiet moratorji, għall-importazzjoni ta’ viti għall-injam fl-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

3

Permezz tad-Deċiżjoni 94/800/KE tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80) il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesch fil-15 ta’ April 1994, kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“ftehimiet WTO”), li fihom jinsabu l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi Doganali u l-Kummerċ tal-1994 (ĠU 1994, L 336, p. 11, iktar ’il quddiem il-“GATT tal-1994”) u l-Ftehim dwar l-Implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi Doganali u l-Kummerċ tal-1994 (ĠU 1994, L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“Ftehim anti-dumping tal-WTO”).

4

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru 91/2009, il-Kunsill stabbilixxa dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina.

5

Fit-28 ta’ Lulju 2011, il-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO (iktar ’il quddiem il-“KRT”) adotta r-rapport tal-Korp tal-Appell kif ukoll ir-rapport tal-grupp speċjali mmodifikat permezz tar-rapport tal-Korp tal-Appell fil-każ “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri antidumping definittivi dwar ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina” (WT/DS 397) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-KRT tat-28 ta’ Lulju 2011”). F’dawn ir-rapporti, ġie kkonstatat, b’mod partikolari, li l-Unjoni kienet aġixxiet b’mod inkompatibbli ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim antidumping tad-WTO.

6

Wara d-deċiżjoni tal-KRT tat-28 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta, fl-4 ta’ Ottubru 2012, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 924/2012, li emenda r-Regolament Nru 91/2009 billi adotta, b’mod partikolari, tnaqqis tad-dazju antidumping li kien previst f’dan l-aħħar regolament.

7

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011 tat-18 ta’ Lulju 2011 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU 2011, L 194, p. 6), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 693/2012 tal-25 ta’ Lulju 2012 (ĠU 2012, L 203, p. 23), il-miżuri antidumping ġew estiżi għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar esportati mill-Malasja, kemm jekk iddikkjarati li joriġinaw minn dan il-pajjiż kif ukoll jekk le.

8

Wara eżami mill-ġdid minħabba l-iskadenza tal-miżuri li sar skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51), il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/519 żammet, għal perijodu supplementari ta’ ħames snin, id-dazju antidumping kif stabbilit u emendat, rispettivament bir-Regolament Nru 91/2009 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012.

9

Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2016, il-KRT adotta rapporti ġodda li jsibu nuqqas ta’ konformità tal-miżuri meħuda mill-Unjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012 ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim antidumping tad-WTO (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-WTO tat-12 ta’ Frar 2016”).

10

Wara d-deċiżjoni tal-KRT tat-12 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni adottat, fis-26 ta’ Frar 2016, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/278 li jħassar id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU 2016, L 52, p. 24, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ abrogazzjoni”).

11

Fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, id-dazji antidumping stabbiliti mir-regolamenti kkontestati huma abrogati.

12

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, l-abrogazzjoni tad-dazji antidumping imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan tieħu effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-istess regolament kif stipulat fl-Artikolu 3 u ma sservix ta’ bażi għar-rimbors tad-dazji miġbura qabel dik id-data.

13

Ir-Regolament ta’ abrogazzjoni ġie adottat abbażi tar-Regolament (UE) 2015/476 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Unjoni wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji (ĠU 2015, L 83, p. 6).

14

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, meta l-KRT jadotta rapport dwar miżura meħuda mill-Unjoni abbażi tal-leġiżlazzjoni antidumping tagħha, il-Kummissjoni tista’, skont il-każ, tabroga jew temenda l-miżura inkriminata, jew tadotta miżura oħra partikolari kkunsidrata xierqa f’dan il-każ.

15

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi li “[k]walunkwe miżura adottata skont dan ir-Regolament għandha tieħu effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u ma tipprovdi l-ebda bażi għar-rimborż tad-dazju li nġabar qabel dik id-data, sakemm ma jiġix indikat mod ieħor”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Rotho Blaas hija kumpannija bis-sede tagħha f’Bolzano (l-Italja) u teżerċita attività ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati applikabbli għall-bini bl-injam.

17

Matul il-perijodu bejn it-8 ta’ Settembru 2011 u t-28 ta’ Frar 2014, Rotho Blaas ippreżentat quddiem diversi uffiċċji tad-dwana Taljani diversi dikjarazzjonijiet għall-importazzjoni definittiva, mit-Tajlandja, ta’ viti għall-injam, u pprovdiet ċertifikati ta’ oriġini maħruġa mill-awtoritajiet Tajlandiżi.

18

Abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) dwar tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni frawdolenta, b’mod partikolari mit-Tajlandja, l-uffiċċju tad-dwana ta’ Bolzano wettaq kontrolli a posteriori tat-tranżazzjonijiet ta’ importazzjonijiet li saru minn Rotho Blaas u kkunsidra li, kuntrarjament għaċ-ċertifikati ta’ oriġini mogħtija f’dan ir-rigward, 75 % tal-merkanzija importata kienet fil-verità ta’ oriġini Ċiniża u li għalhekk l-eżenzjonijiet mid-dazji doganali kienu ġew applikati indebitament għall-merkanzija kkonċernata.

19

Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni ta’ rettifika tal-14 ta’ Ottubru 2016, l-aġenzija tad-dwana imponiet fuq Rotho Blaas il-ħlas tad-dazji doganali, id-dazji antidumping u l-VAT, flimkien mal-interessi u l-penalitajiet moratorji.

20

Rotho Blaas ippreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju fejn eċċepiet l-invalidità ex tunc tar-regolamenti kkontestati fid-dawl tal-obbligi li għandha l-Unjoni abbażi tal-Ftehim antidumping tad-WTO u, b’mod partikolari, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-KRT tat-12 ta’ Frar 2016, li permezz tagħha n-nuqqas ta’ konformità tal-miżuri antidumping stabbiliti minn dawn ir-regolamenti ġiet ikkonfermata.

21

F’dan ir-rigward, Rotho Blaas enfasizzat li l-Kummissjoni, wara din id-deċiżjoni, abrogat, permezz tar-regolament ta’ abrogazzjoni, id-dazji antidumping introdotti u emendati bir-regolamenti kkontestati. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja biss li tista’ tiddikkjara l-invalidità ta’ atti tal-Unjoni, bħal dawn ir-regolamenti.

22

L-aġenzija tad-dwana ssostni quddiem il-qorti tar-rinviju li, kuntrarjament għall-argument ta’ Rotho Blaas, bħala regola ġenerali, ir-regolamenti tal-Unjoni għandhom biss effett ex nunc u mhux ex tunc. Ir-retroattività tal-abrogazzjoni li saret bir-regolament ta’ abrogazzjoni timmina l-effettività tar-regolamenti inkwistjoni.

23

Il-qorti tar-rinviju tqis, għaldaqstant, li għandhom isiru domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar, l-ewwel nett, il-validità tar-regolamenti kkontestati fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-KRT tat-28 ta’ Lulju 2011 u tat-12 ta’ Frar 2016 li kkonstataw l-inkompatibbiltà tal-miżuri antidumping stabbiliti minn dawn ir-regolamenti mal-ftehim antidumping tal-WTO u l-GATT tal-1994.

24

It-tieni nett, fl-ipoteżi ta’ tali invalidità, tqum il-kwistjoni dwar jekk din l-invalidità għandhiex effett ex tunc, jiġifieri mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolamenti kkontestati jew, għall-kuntrarju, effett ex nunc, fejn l-abrogazzjoni tagħhom ikollha effett biss mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ abrogazzjoni.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Commissione tributaria di primo grado di Bolzano (il-Kummissjoni fiskali tal-ewwel istanza ta’ Bolzano, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Ir-Regolament […] Nru 91/2009 […], ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni […] Nru 924/2012 […] u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni […] 2015/519 […] huma invalidi/illeġittimi/inkompatibbli mal-Artikolu VI tal-ftehim ġenerali dwar it-tariffi doganali u dwar il-kummerċ tal-1994 u [ma’ din d-deċiżjoni]?

2)

Jekk ir-Regolament Nru 91/2009 li jimponi dazju anti-dumping u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012 u Nru 519/2015 li huma marbuta miegħu, jiġu ddikjarati invalidi/illeġittimi/inkompatibbli, it-tħassir tad-dazji antidumpung stabbiliti abbażi tal-miżuri kkontestati jkollu effetti legali mill-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 278/2016, jew inkella mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura kkontestata, jiġifieri tar-Regolament “bażiku” (KE) Nru 91/200?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

Fuq l-ammissibbiltà

26

Fl-osservazzjonijiet tiegħu mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Taljan jesprimi dubji f’dak li jikkonċerna d-dritt ta’ Rotho Blaas li teċċepixxi l-invalidità tar-regolamenti kkontestati quddiem il-qorti tar-rinviju u, konsegwentement, dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda, peress li din il-kumpannija setgħet perfettament, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994TWD Textilwerke Deggendorf (C-188/92, EU:C:1994:90), titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja l-annullament tagħhom abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

27

Rotho Blaas tosserva li ma setgħetx hi stess tikkontesta l-legalità tar-regolamenti kkontestati, peress li regolament, min-natura tiegħu, ma jistax ikun is-suġġett, fil-fatt jew fid-dritt, ta’ rikors individwali għal annullament ippreżentat minn individwu, sakemm dan ma jurix li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernah individwalment u direttament b’mod li tpoġġih f’pożizzjoni differenti mill-operaturi kollha (sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17).

28

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita l-prinċipju ġenerali li jiggarantixxi lil kull parti fil-kawża d-dritt li teċċepixxi, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra miżura nazzjonali li tikkawżalha preġudizzju, l-invalidità tal-att tal-Unjoni li jservi ta’ bażi għal din il-miżura ma jipprekludix li tali dritt ikun suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata ma kellhiex id-dritt li titlob direttament l-annullament tiegħu lill-qorti tal-Unjoni, skont l-Artikolu 263 TFUE. Madankollu, huwa biss fl-ipoteżi fejn jista’ jiġi kkunsidrat li persuna setgħet tkun, mingħajr ebda dubju, ammessa titlob l-annullament tal-att inkwistjoni li din il-persuna ma tistax teċċepixxi l-invalidità tiegħu quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C-188/92, EU:C:1994:90, punt 23; tat-18 ta’ Settembru 2014, Valimar, C-374/12, EU:C:2014:2231, punti 28 u 29, kif ukoll tas-16 ta’ April 2015, TMK Europe, C-143/14, EU:C:2015:236, punt 18).

29

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun irrikonoxxuta l-locus standi, li tirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni jekk dan jikkonċernaha direttament (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punti 59 u 91, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, C-244/16 P, EU:C:2018:177, punt 39).

30

Għaldaqstant, l-ewwel nett, huwa fil-każ li jista’ jitqies li persuna ġuridika bħal Rotho Blaas hija, mingħajr ebda dubju, direttament u individwalment ikkonċernata mir-regolamenti kkontestati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li din tista’ tiġi pprojbita milli teċċepixxi l-invalidità tagħhom quddiem il-qrati tar-rinviju (sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C-659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74, punt 57).

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping, bħar-regolamenti kkontestati, għandhom natura normattiva, sa fejn japplikaw għall-ġeneralità tal-operaturi ekonomiċi interessati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1984, Allied Corporation et vs Il-Kummissjoni, 239/82 u 275/82, EU:C:1984:68, punt 11, kif ukoll tas-16 ta’ April 2015, TMK Europe, C-143/14, EU:C:2015:236, punt 18).

32

Għaldaqstant mill-ġurisprudenza jirriżulta li regolament li jistabbilixxi dazji antidumping jista’ jikkonċerna individwalment diversi tipi ta’ operaturi ekonomiċi, bla ħsara għall-possibbiltà għal operaturi oħra li jkunu individwalment ikkonċernati minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom u li jikkaratterizzawhom meta mqabbla ma’ persuni oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C-358/89, EU:C:1991:214, punt 16, u tas-16 ta’ April 2015, TMK Europe, C-143/14, EU:C:2015:236, punt 22).

33

Fl-ewwel lok, jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati dawk fost il-produtturi u l-esportaturi tal-prodott inkwistjoni li lilhom ġew imputati l-prattiki ta’ dumping bl-użu ta’ data relatata mal-attività kummerċjali tagħhom (sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Valimar, C-374/12, EU:C:2014:2231, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fit-tieni lok, dan jista’ wkoll ikun il-każ għall-importaturi ta’ dan il-prodott li l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tagħhom ittieħdu inkunsiderazzjoni għall-formulazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni u li għalhekk huma kkonċernati mill-konstatazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 1990, Nashua Corporation et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C-133/87 u C-150/87, EU:C:1990:115, punt 15; tal-14 ta’ Marzu 1990, Gestetner Holdings vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-156/87, EU:C:1990:116, punt 18, kif ukoll tas-16 ta’ April 2015, TMK Europe, C-143/14, EU:C:2015:236, punt 20).

35

Fit-tielet lok, dan jista’ wkoll barra minn hekk ikun il-każ għall-importaturi assoċjati ma’ esportaturi tal-prodott inkwistjoni, b’mod partikolari fil-każ li l-prezz għall-esportazzjoni jkun ġie kkalkolat abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni pprattikati minn dawn l-importaturi u f’dak li fih id-dazju antidumping innifsu jkun ġie kkalkolat abbażi ta’ dawn il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1990, Neotype Techmashexport vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C-305/86 u C-160/87, EU:C:1990:295, punti 19 u 20, kif ukoll tas-16 ta’ April 2015, TMK Europe, C-143/14, EU:C:2015:236, punt 21).

36

Issa, xejn ma jindika, f’dan il-każ, li r-regolamenti kkontestati ġew adottati b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali ta’ Rotho Blaas bħala waħda mill-kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi identifikati fil-punti 33 sa 35 ta’ din is-sentenza jew li hija għal raġunijiet oħra affettwata minn dawn ir-regolamenti b’mod li jiddistingwiha minn iportaturi ta’ prodotti oħra li kienu affettwati mill-miżuri antidumping ikkonċernati.

37

Minn dan isegwi li ma jistax jiġi kkunsidrat li Rotho Blaas kienet, mingħajr ebda dubju, individwalment ikkonċernata mill-imsemmija regolamenti, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

38

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk Rotho Blaas setgħetx manifestament tippreżenta rikors skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kontra r-regolamenti kkontestati sa fejn jikkostitwixxu atti leġiżlattivi li jikkonċernawhom direttament u li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li huwa abbażi ta’ atti meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li l-ħlas tad-dazji antidumping stabbiliti mir-regolamenti kkontestati huwa impost fuq l-operaturi kkonċernati, bħal, fil-fatt, fuq Rotho Blaas fil-kawża prinċipali.

39

Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-regolamenti kkontestati ma jinkludux manifestament miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

40

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jiġi kkonstatat li Rotho Blaas setgħet, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, mingħajr ebda dubju titlob l-annullament tar-regolamenti kkontestati abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE b’mod li hija pprojbita teċċepixxi l-invalidità ta’ dawn ir-regolamenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

41

Minn dan jirriżulta li l-ewwel domanda preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

42

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regolamenti kkontestati humiex invalidi fid-dawl tal-Artikolu VI tal-GATT tal-1994 u tad-deċiżjoni tal-KRT tat-28 ta’ Lulju 2011.

43

Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li l-Unjoni hija parti tiegħu, jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors għal annullament ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jew ta’ eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità ta’ tali att biss bil-kundizzjoni doppja li, minn naħa, in-natura u l-istruttura tal-ftehim ikkonċernat ma jipprekludux dan u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet, mil-lat tal-kontenut tagħhom, jidhru inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C-401/12 P sa C-403/12 P, EU:C:2015:4, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, huwa biss meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti kumulattivament li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati tal-Unjoni biex iservu bħala kriterju sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ att tal-Unjoni.

44

Issa, f’dak li jikkonċerna l-ftehimiet WTO, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, dawn, bħala prinċipju, ma humiex fost ir-regoli li fir-rigward tagħhom il-legalità tal-att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tista’ tiġi mistħarrġa (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C-149/96, EU:C:1999:574, punt 47; tal-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C-377/02, EU:C:2005:121, punt 39, kif ukoll tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C-659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74, punt 85).

45

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod partikolari li jekk jiġi ammess li l-kompitu li tiġi żgurata l-konformità tad-dritt tal-Unjoni mar-regoli tad-WTO huwa tal-qrati tal-Unjoni, dan iċaħħad lill-korpi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-Unjoni mill-marġni diskrezzjonali li jgawdu minnu korpi simili tal-imsieħba kummerċjali tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa paċifiku li wħud mill-partijiet kontraenti, inklużi l-imsieħba l-iktar importanti tal-Unjoni mil-lat kummerċjali, ikkonkludew, fid-dawl tas-suġġett u tal-iskop tal-Ftehimiet WTO, li dawn ma humiex fost ir-regoli applikabbli mill-qrati tagħhom meta jistħarrġu l-legalità tar-regoli tagħhom tad-dritt nazzjonali. Tali nuqqas ta’ reċiproċità, jekk jiġi rikonoxxut, jista’ jwassal għal żbilanċ fl-applikazzjoni tar-regoli tad-WTO (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C-149/96, EU:C:1999:574, punti 43 sa 46; tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, EU:C:2008:476, punt 119, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, LVP, C-306/13, EU:C:2014:2465, punt 46).

46

Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod iktar partikolari, diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li l-possibbiltà għal operatur ekonomiku li jinvoka quddiem il-qorti tal-Unjoni li leġiżlazzjoni ta’ din hija inkompatibbli ma’ deċiżjoni tal-KRT, bħal, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-KRT tat-28 ta’ Lulju 2011, lanqas ma tista’ tintlaqa’. Fil-fatt, ir-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet tal-KRT li jikkonstataw in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tad-WTO ma jistgħux bħala regola, u tkun xi tkun il-portata ġuridika tagħhom, ikunu fondamentalment distinti mir-regoli materjali li jikkonkretizzaw l-obbligi kkontrattati minn membru fil-kuntest tad-WTO. Għalhekk, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni tal-KRT li tikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija regoli ma tistax bħala regola, l-istess bħar-regoli materjali li jinkludu l-ftehimiet WTO, tiġi invokata quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex jiġi stabbilit jekk leġiżlazzjoni ta’ din hijiex inkompatibbli ma’ din ir-rakkomandazzjoni jew din id-deċiżjoni (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, X u X BV, C-319/10 u C-320/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:720, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Huwa biss f’żewġ sitwazzjonijiet eċċezzjonali, li jirriflettu l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita hu stess il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fl-applikazzjoni tar-regoli tad-WTO, li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li hija l-qorti tal-Unjoni, skont il-każ, li tistħarreġ il-legalità ta’ att tal-Unjoni u atti meħuda għall-applikazzjoni tiegħu fid-dawl tal-ftehimiet WTO jew ta’ deċiżjoni tal-KRT li tikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-ftehimiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal, C-21/14 P, EU:C:2015:494, punt 40).

48

Din hija, fl-ewwel lok, l-ipoteżi fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet u, fit-tieni lok, fejn l-att tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehimiet stess (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal, C-21/14 P, EU:C:2015:494, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Huwa għalhekk abbażi ta’ dawn il-kriterji li għandu jiġi ddeterminat, f’dan il-każ, jekk il-validità tar-regolamenti kkontestati tistax tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu VI tal-GATT tal-1994 u tad-deċiżjoni tal-KRT tat-28 ta’ Lulju 2011.

50

Fir-rigward, qabelxejn, tar-Regolament Nru 91/2009 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li dan l-att ma jirreferix espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Artikolu VI tal-GATT tal-1994 u lanqas ma jirriżulta minnu li, billi adotta dan ir-regolament, il-Kunsill kellu l-intenzjoni li jimplementa obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta’ dan il-ftehim jew, b’mod iktar ġenerali, tal-ftehimiet WTO.

51

Sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod iktar partikolari, dwar il-validità tal-imsemmi regolament fid-dawl tad-deċiżjoni tal-KRT tat-28 ta’ Lulju 2011, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni hija posterjuri u ma tistax, għaldaqstant, tikkostitwixxi l-bażi legali tagħha.

52

Fir-rigward, sussegwentement, tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 924/2012 u 2015/519, għalkemm dawn ir-regolamenti jfissru sa ċertu punt il-volontà tal-Unjoni li ssegwi d-deċiżjoni tal-KRT tat-28 ta’ Lulju 2011, dan ma jistax, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjonijiet li jippermettu stħarriġ tal-legalità fid-dawl tar-regoli li jirriżultaw mid-WTO, kif tfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, ikun biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li, bl-adozzjoni tal-imsemmija regolamenti, l-Unjoni kellha l-intenzjoni li timplimenta obbligu partikolari assunt fil-kuntest tad-WTO, li jista’ jiġġustifika eċċezzjoni għall-impossibbiltà li jiġu invokati regoli tad-WTO quddiem il-qorti tal-Unjoni u li jippermetti l-eżerċizzju minn din tal-aħħar tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl ta’ dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C-377/02, EU:C:2005:121, punti 42 sa 48, kif ukoll tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C-659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74, punti 93 sa 98).

53

Fil-fatt, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/519 sempliċement jikkonferma għal perijodu supplementari ta’ ħames snin l-impożizzjoni tad-dazju antidumping wara investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid ta’ dan id-dazju qabel l-iskadenza tiegħu mingħajr ma jsemmi d-deċiżjoni tal-KRT tat-28 ta’ Lulju 2011. Barra minn hekk, lanqas ma jinvoka speċifikatament obbligi li jirriżultaw mir-regoli tad-WTO.

54

Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012, huwa minnu li ċerti premessi tiegħu jirreferu għall-imsemmija deċiżjoni billi jsemmu l-konklużjonijiet ifformulati fiha. Madankollu, ma toħroġx il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jikkonforma ruħu preċiżament ma’ dawn il-konklużjonijiet pjuttost milli jsir, fid-dawl ta’ dawn, eżami mill-ġdid tad-dazji antidumping ikkonċernat filwaqt li jżomm il-marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tar-regoli tad-WTO f’dan ir-rigward.

55

Barra minn hekk, huwa fl-istess spirtu li dan ir-regolament isemmi b’mod globali, b’mod partikolari, il-ftehim antidumping tad-WTO.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-legalità tar-regolamenti kkontestati tista’ tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu VI tal-GATT tal-1994 jew fid-dawl tad-deċiżjoni tal-KRT tat-28 ta’ Lulju 2011.

57

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-ewwel domanda ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità ta’ dawn ir-regolamenti.

Fuq it-tieni domanda

58

Peress li t-tieni domanda saret għall-każ fejn ir-regolamenti kkontestati huma invalidi, ma hemmx lok li tingħatalha risposta.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tal-ewwel domanda ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 tas-26 ta’ Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 924/2012 tal-4 ta’ Ottubru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2009 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/519 tas-26 ta’ Marzu 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.