Kawża C‑191/17
Bundeskammer für Arbeiter und Angestellte
vs
ING-DiBa Direktbank Austria Niederlassung der ING-DiBa AG
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof)
“Direttiva 2007/64/KE – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Kunċett ta’ ‘kont ta’ ħlas’ – Inklużjoni eventwali ta’ kont ta’ tfaddil li jippermetti lill-utent tiegħu jagħmel trasferimenti u ġbid ta’ flus permezz ta’ kont kurrenti miftuħ f’ismu”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2018
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64 – Kont ta’ ħlas – Kunċett – Kont ta’ tfaddil li jippermetti d-depożitu ta’ ammonti a vista – Operazzjonijiet ta’ ħlas u ta’ rtirar li jistgħu jsiru permezz ta’ kont kurrenti – Esklużjoni
(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/64, Artikolu 4(14) u 2014/92, Artikoli 1(6) u 2(3))
L-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” kont ta’ tfaddil li jippermetti l-użu ta’ ammonti ddepożitati a vista u li minnu operazzjonijiet ta’ ħlas u ta’ rtirar jistgħu jsiru biss permezz ta’ kont kurrenti.
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas”, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li d-definizzjoni prevista fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar il-kontijiet tal-ħlas hija kważi identika għal dik li tinsab fl-Artikolu 4(14) tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-ħlas.
Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-premessa 12 tad-Direttiva dwar il-kontijiet tal-ħlas tipprovdi, b’mod partikolari, li l-kontijiet tat-tfaddil huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva peress li ma humiex kontijiet tal-ħlas, sakemm ma jkunux jistgħu jintużaw għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas ta’ kuljum.
Għalhekk, għalkemm il-kontijiet ta’ tfaddil ma jaqgħux, fil-prinċipju, fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas”, madankollu, tali esklużjoni ma hijiex assoluta. Fil-fatt, mill-imsemmija premessa 12 jirriżulta, minn naħa, li s-sempliċi isem ta’ kont bħala “kont ta’ tfaddil” ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jeskludi l-klassifikazzjoni bħala “kont tal-ħlas” u, min-naħa l-oħra, li l-kriterju determinanti għall-finijiet ta’ din l-aħħar klassifikazzjoni jinsab fil-fakultà li jiġu eżegwiti transazzjonijiet ta’ ħlas ta’ kuljum minn tali kont.
F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 1(6) tad-Direttiva dwar il-kontijiet tal-ħlas, li jipprovdi li din tapplika għall-kontijiet tal-ħlas li jippermettu lill-konsumaturi jwettqu mill-inqas l-operazzjonijiet li jikkonsistu fit-tqegħid ta’ fondi f’kont tal-ħlas, fil-ġbid f’kontanti minn kont tal-ħlas kif ukoll fl-eżekuzzjoni ta’ transazzjonijiet ta’ ħlas, inklużi trasferimenti, favur partijiet terzi, u li dawn il-konsumaturi jkunu l-benefiċjarji ta’ tali transazzjonijiet imwettqa minn terzi.
Minn dan jirriżulta li l-possibbiltà li, minn kont, isiru tranżazzjonijiet ta’ ħlas favur terzi jew li persuna tibbenefika minn tali tranżazzjonijiet magħmula minn terzi tikkostitwixxi element kostituttiv tal-kunċett ta’ “kont tal-ħlas”.
Għalhekk, kont li minnu tali tranżazzjonijiet ta’ ħlas ma jistgħux isiru direttament, iżda li għat-twettiq tagħhom huwa meħtieġ l-użu ta’ kont intermedjarju ma jistax jitqies bħala “kont tal-ħlas” fis-sens tad-Direttiva dwar il-kontijiet tal-ħlas u, għalhekk, fis-sens tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas.
ara l-punti 27-33 u d-dispożittiv)