Kawża C‑161/17

Land Nordrhein-Westfalen

vs

Dirk Renckhoff

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett – Tqegħid online fuq sit internet, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-awtur, ta’ ritratt ippubblikat preċedentement, mingħajr restrizzjoni u bl-awtorizzazzjoni tal-imsemmi detentur, fuq sit internet ieħor – Pubbliku ġdid”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Awwissu 2015

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Kamp ta’ applikazzjoni – Ritratt – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Kreazzjoni intellettwali tal-awtur li tirrifletti l-personalità tiegħu u li timmanifesta ruħha permezz ta’ għażliet liberi u kreattivi – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 1)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Avviż lill-pubbliku – Kunċett – Tqegħid online fuq sit internet, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-awtur, ta’ ritratt ippubblikat preċedentement, mingħajr restrizzjoni u bl-awtorizzazzjoni tal-imsemmi detentur, fuq sit internet ieħor – Inklużjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 3(1))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 14)

  2.  Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-tqegħid online fuq sit internet ta’ ritratt li kien ippubblikat qabel, mingħajr miżura li tirrestrinġi t-tniżżil tiegħu u bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, fuq sit internet ieħor.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jitqies, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li t-tqegħid online ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur fuq sit internet differenti minn dak li fuqu tkun saret il-komunikazzjoni inizjali bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur għandu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi kklassifikat bħala tqegħid għad-dispożizzjoni lil pubbliku ġdid ta’ tali xogħol. Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, il-pubbliku li ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur meta jkun awtorizza l-komunikazzjoni tax-xogħol tiegħu fuq is-sit internet fejn dan ġie inizjalment ippubblikat jikkonsisti biss mill-utenti tal-imsemmi sit, u mhux mill-utenti tas-sit internet li fuqu x-xogħol tpoġġa ulterjorment online mingħajr il-kunsens tal-imsemmi detentur, jew minn utenti tal-internet oħrajn. Huwa mingħajr effett fuq il-kunsiderazzjonijiet oġġettivi esposti fil-punti 29 sa 35 ta’ din is-sentenza l-fatt li, bħal fil-kawża prinċipali, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma llimitax il-possibbiltajiet għall-użu tar-ritratt mill-utenti tal-internet. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tfakkar li t-tgawdija u l-eżerċizzju tad-dritt previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jistgħu jkunu suġġetti għal ebda formalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke, C‑301/15, EU:C:2016:878, punt 50).

    (ara l-punti 35, 36, 47 u d-dispożittiv)