SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta’ Awwissu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett – Tqegħid online fuq sit internet, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-awtur, ta’ ritratt ippubblikat preċedentement, mingħajr restrizzjoni u bl-awtorizzazzjoni tal-imsemmi detentur, fuq sit internet ieħor – Pubbliku ġdid”

Fil-Kawża C-161/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

Land Nordrhein-Westfalen

vs

Dirk Renckhoff,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal, u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Şereş, amministratur,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal-Land Nordrhein-Westfalen, minn M. Rümenapp, Rechtsanwält,

għal D. Renckhoff, minn S. Rengshausen, Rechtsanwält,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Segoin, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. De Luca, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Land Nordrhein-Westfalen (il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) u Dirk Renckhoff, fotografu, dwar l-użu mhux awtorizzat, minn studenta ta’ skola f’dan il-Land, ta’ ritratt li ttieħed minn D. Renckhoff u liberament disponibbli fuq sit internet, għall-finijiet ta’ illustrazzjoni ta’ preżentazzjoni skolastika ppubblikata minn din l-iskola fuq sit internet ieħor.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 3, 4, 9, 10, 23 u 31 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdu:

“(3)

L-armonizzazzjoni proposta tgħin biex timplimenta l-erba’ libertajiet tas-suq intern u għandha x’taqsam mall-konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi u speċjalment tal-proprjetà, inkluża proprjetà intellettwali, u libertà ta’ espressjoni u l-interess pubbliku.

(4)

Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea, sew fil-qasam li jipprovdi kontenut u teknoloġija ta’ l-informazzjoni u aktar ġenerali matul il-firxa tas-setturi industrijali u kulturali. Din tissalvagwardja l-impiegi u tinkuraġġixxi ħolqien ta’ impiegi ġodda.

[…]

(9)

Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)

Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[…]

(23)

Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.

[…]

(31)

Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. […]”

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[…]

3.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

5

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet” jipprovdi, fil-paragrafu 3(a) tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

a)

użu għall-iskop uniku ta’ illustrazzjoni għat-tagħlim jew riċerka xjentifika, kemm-il darba s-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, tkun indikata, sakemm ma jinstabx li jkun impossibbli u sa fejn ikun ġustifikat li jintlaħaq mill-iskop mhux kummerċjali”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

D. Renckhoff, rikorrent quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), huwa fotografu. Stadt Waltrop (il-belt ta’ Waltrop, il-Ġermanja), li inizjalment kienet konvenuta fl-ewwel istanza, iżda li ma għadhiex parti fil-kawża prinċipali, għandha taħt ir-responsabbiltà tagħha l-Gesamtschule ta’ Waltrop (l-Istabbiliment ta’ Edukazzjoni Sekondarja ta’ Waltrop, iktar ’il quddiem l-“iskola”). Il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja), ukoll konvenut fl-ewwel istanza, huwa inkarigat bil-kontroll tal-iskola u huwa l-persuna li timpjega lill-għalliema ta’ din tal-aħħar.

7

Mill-25 ta’ Marzu 2009, fuq is-sit internet tal-iskola kienet disponibbli għall-konsultazzjoni preżentazzjoni miktuba minn waħda mill-istudenti tagħha fil-kuntest ta’ workshop lingwistiku propost minnha, li kien jinkludi, bħala illustrazzjoni, ritratt meħud minn D. Renckhoff (iktar ’il quddiem ir-“ritratt”), li l-imsemmija studenta kienet niżżlet minn fuq sit internet iddedikat għall-ivvjaġġar (iktar ’il quddiem is-“sit internet tal-ivvjaġġar”). Ir-ritratt kien jinsab fuq dan is-sit mingħajr miżura ta’ restrizzjoni li tipprekludi t-tniżżil tiegħu. Taħtu, l-istudent kien indika referenza għas-sit imsemmi.

8

D. Renckhoff isostni li huwa ta dritt ta’ użu biss lil operaturi tas-sit internet tal-ivvjaġġar, u jsostni li t-tqegħid online tar-ritratt fuq is-sit internet tal-iskola jikser id-drittijiet tal-awtur tiegħu. Dan talab lill-qorti kompetenti fl-ewwel istanza biex tipprojbixxi lil Land Nordrhein-Westfalen, taħt piena ta’ pagament ta’ penalità, milli jirriproduċi jew jippermetti r-riproduzzjoni u/jew milli jqiegħed għad-dispożizzjoni jew jippermetti t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tar-ritratt u, sussidjarjament, milli jippermetti lill-istudenti li jirriproduċu r-ritratt biex ipoġġuh fuq l-internet. Dan talab ukoll għall-ħlas, mill-imsemmi Land, ta’ somma ta’ EUR 400 bħala danni u interessi.

9

Peress li r-rikors ta’ D. Renckhoff ġie parzjalment milqugħ, il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen ġie kkundannat ineħħi r-ritratt mis-sit internet ta’ l-iskola u jħallas somma ta’ EUR 300, flimkien mal-interessi.

10

Iż-żewġ partijiet appellaw minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali tal-Appell ta’ Hamburg, il-Ġermanja), li qieset, b’mod partikolari, li r-ritratt kien protett bid-drittijiet tal-awtur u li t-tqegħid tiegħu online fuq is-sit internet tal-iskola kien kiser id-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku, li kien proprjetarju tagħhom D. Renckhoff. Din il-qorti qieset li l-fatt li r-ritratt kien diġà aċċessibbli għal kulħadd mingħajr restrizzjonijiet fuq l-internet, qabel l-aġir kontenzjuż, kien irrilevanti, peress li r-riproduzzjoni tar-ritratt fuq is-server u t-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku sussegwenti fuq is-sit internet tal-iskola wasslu għal “separazzjoni” mill-pubblikazzjoni inizjali fuq is-sit internet tal-ivvjaġġar.

11

Adita b’appell għal reviżjoni, il-qorti tar-rinviju qieset li d-deċiżjoni ta’ dan l-appell kienet tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. B’mod partikolari, din il-qorti esprimiet dubji dwar jekk ġiex sodisfatt ir-rekwiżit, stabbilit fil-ġurisprudenza, li jgħid li l-komunikazzjoni lill-pubbliku kkonċernat għandha tkun saret lil pubbliku “ġdid”.

12

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-inklużjoni, f’sit internet aċċessibbli mill-pubbliku, ta’ xogħol li huwa liberament disponibbli għall-utenti tal-internet kollha f’sit internet ieħor bl-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur, tikkostitwixxi tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, meta dan ix-xogħol l-ewwel jiġi kkopjat fuq server u sussegwentement, minn hemmhekk, jitniżżel fis-sit internet?”

Fuq id-domanda preliminari

13

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-tqegħid online fuq sit internet ta’ ritratt li kien ippubblikat qabel, mingħajr restrizzjoni u bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, fuq sit internet ieħor.

14

Preliminarjament, għandu jitfakkar li ritratt jista’ jiġi protett mid-dritt tal-awtur, bil-kundizzjoni, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika f’kull każ li jkollha quddiemha, li dan ikun kreazzjoni intellettwali tal-awtur li tirrifletti l-personalità ta’ dan tal-aħħar u li timmanifesta ruħha mill-għażliet liberi u kreattivi tiegħu waqt il-ħolqien ta’ dan ir-ritratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 94).

15

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tqegħid online fuq sit internet ta’ ritratt qabel ma jiġi ppubblikat, mingħajr restrizzjoni u bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, fuq sit tal-internet ieħor jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-Istati Membri jagħtu lill-awturi d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom.

16

Minn dan jirriżulta li, mingħajr ħsara għall-eċċezzjonijiet u għal-limitazzjonijiet previsti, b’mod eżawrjenti, fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, kull użu ta’ xogħol imwettaq minn terz, mingħajr tali kunsens minn qabel, għandu jitqies li jikser id-drittijiet tal-awtur ta’ dan ix-xogħol (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke, C‑301/15, EU:C:2016:878, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

17

Peress li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jispeċifikax il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, għandhom jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva u fid-dawl tal-kuntest li fih tidħol id-dispożizzjoni interpretata (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-premessi 4, 9 u 10 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li din id-direttiva għandha l-għan prinċipali li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-awturi, li jippermettilhom jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” għandu jinftiehem fis-sens wiesa’, hekk kif tiddikjara espliċitament il-premessa 23 ta’ din id-direttiva (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C-610/15, EU:C:2017:456, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil “pubbliku” (sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2017, AKM, C‑138/16, EU:C:2017:218, punt 22, u tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

Fir-rigward tal-ewwel minn dawn l-elementi, jiġifieri l-eżistenza ta’ “att ta’ komunikazzjoni”, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, sabiex ikun hemm tali att, huwa biżżejjed, b’mod partikolari, li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku b’tali mod li l-persuni li jikkostitwixxu dan il-pubbliku jkun jista’ jkollhom aċċess għalih, mingħajr ma jkun determinanti jekk jużawx din il-possibbiltà jew le (sentenzi tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 19, u tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

F’dan il-każ, it-tqegħid online, fuq sit internet, ta’ ritratt li qabel kien ippubblikat fuq sit internet ieħor, wara li dan ikun ġie kkupjat qabel fuq server privat, għandu jiġi kkwalifikat bħala “tqegħid għad-dispożizzjoni” u, konsegwentement, bħala “att ta’ komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, tali tqegħid online jagħti lill-viżitaturi tas-sit internet li fuqu jsir dan it-tqegħid online l-opportunità li jkollhom aċċess għal dan ir-ritratt fuq dan is-sit internet.

22

F’dak li jirrigwarda t-tieni wieħed mill-elementi msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri li x-xogħol protett ikun ikkomunikat lil “pubbliku”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “pubbliku” jkopri numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni (sentenzi tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 21, u tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan il-każ, jidher li att ta’ komunikazzjoni, bħal dak imsemmi fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, huwa dirett lejn l-utenti potenzjali kollha tas-sit internet fejn isir dan it-tqegħid online, jiġifieri numru indeterminat u ferm kbir ta’ destinatarji, u għandu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jitqies bħala komunikazzjoni lil “pubbliku”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar’ il fuq.

24

Madankollu, hekk kif jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi kklassifikata bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, hemm bżonn li l-komunikazzjoni tax-xogħol protett issir skont teknika speċifika, differenti minn dawk użati sa dak il-mument jew, fin-nuqqas ta’ dan, lil “pubbliku ġdid”, jiġifieri pubbliku li ma jkunx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur, meta dan ikun awtorizza l-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tiegħu lill-pubbliku (sentenzi tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 24; tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 37, kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 28).

25

F’dan il-każ, huwa stabbilit li kemm il-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol fuq sit internet kif ukoll il-komunikazzjoni sussegwenti ta’ dan ix-xogħol fuq sit internet ieħor saru skont l-istess mezz tekniku.

26

Madankollu, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, ma jaqblux dwar jekk ir-ritratt ġiex ikkomunikat lil “pubbliku ġdid”.

27

Fil-fatt, il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen u l-Gvern Taljan isostnu, b’mod partikolari billi jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), li ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-komunikazzjoni ta’ xogħol permezz tat-tqegħid online fuq sit internet u, min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni ta’ tali xogħol permezz tal-inklużjoni, fuq sit internet, ta’ hyperlink li tirreferi għal sit internet ieħor li fuqu dan ix-xogħol kien inizjalment ġie kkomunikat, mingħajr miżura ta’ restrizzjoni u bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur. Għalhekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ix-xogħol ma jkunx ġie kkomunikat lil pubbliku ġdid.

28

Min-naħa l-oħra, D. Renckhoff u l-Gvern Franċiż, fis-seduta, kif ukoll il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sostnew, essenzjalment, li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma hijiex applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, il-komunikazzjoni ta’ xogħol, mhux permezz ta’ hyperlink, iżda permezz ta’ tqegħid online ġdid ta’ dan ix-xogħol fuq sit internet differenti mis-sit li fuqu dan ix-xogħol diġà ġie kkomunikat bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, għandha tiġi kkwalifikata bħala “komunikazzjoni ġdida lill-pubbliku”, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li, b’riżultat ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni l-ġdid, l-imsemmi detentur ma jibqax f’pożizzjoni li jeżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tiegħu fuq il-komunikazzjoni inizjali tal-imsemmi xogħol.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, kull att ta’ riproduzzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol minn terz jeħtieġ il-kunsens minn qabel tal-awtur tiegħu u li l-awturi għandhom, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, dritt ta’ natura preventiva li jippermettilhom li jindaħlu bejn l-eventwali utenti tax-xogħol tagħhom u l-komunikazzjoni lill-pubbliku li dawn l-utenti jistgħu jikkunsidraw li jwettqu, u dan sabiex jipprojbixxu li din issir (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 30; tas-16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke, C‑301/15, EU:C:2016:878, punt 33, u tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Issa, tali dritt ta’ natura preventiva jiċċaħħad minn kull effett utli fil-każ li jkollu jitqies li t-tqegħid online fuq sit internet ta’ xogħol ippubblikat preċedentement fuq sit internet ieħor u bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lil pubbliku ġdid. Fil-fatt, tali tqegħid online, fuq sit internet differenti minn dak li fuqu tkun saret il-komunikazzjoni inizjali, jista’ jkollu l-effett li jirrendi impossibbli jew, tal-inqas, kunsiderevolment iktar diffiċli l-eżerċizzju mid-detentur tad-dritt tiegħu, ta’ natura preventiva, li jeżiġi li tintemm il-komunikazzjoni tax-xogħol, jekk ikun il-każ, billi dan ix-xogħol jiġi rtirat minn fuq dan is-sit internet li fuqu dan ġie kkomunikat bl-awtorizzazzjoni tiegħu jew billi tiġi rrevokata l-awtorizzazzjoni li ngħatat qabel lil parti terza.

31

Għalhekk, minn dan ikun jirriżulta li anki fil-każ fejn id-detentur tad-dritt tal-awtur jiddeċiedi li ma jibqax iktar jikkomunika x-xogħol tiegħu fuq is-sit internet fejn dan ġie inizjalment ikkomunikat bl-awtorizzazzjoni tiegħu, dan ix-xogħol jibqa’ disponibbli fuq is-sit internet li fuqu sar it-tqegħid online ġdid. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li l-awtur ta’ xogħol għandu jkun jista’ jtemm l-eżerċizzju, minn terz, tad-drittijiet ta’ użu taħt forma diġitali li huwa għandu fuq dan ix-xogħol, u b’dan il-mod iċaħħdu minn kull użu futur f’tali forma, mingħajr ma jkollu għalfejn preliminarjament jissuġġetta ruħu għal formalitajiet oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke, C-301/15, EU:C:2016:878, punt 51).

32

Fit-tieni lok, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi b’mod speċifiku li d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ma huwiex eżawrit b’att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

33

Madankollu, jekk jitqies li t-tqegħid online fuq sit internet ta’ xogħol li kien preċedentement ikkomunikat fuq sit internet ieħor bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma jikkostitwixxix tqegħid għad-dispożizzjoni lil pubbliku ġdid ta’ dan ix-xogħol, dan ikun iwassal għal regola li teżawrixxi d-dritt ta’ komunikazzjoni.

34

Minbarra li din tkun tmur kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29, din ir-regola ċċaħħad lil dan id-detentur mill-possibbiltà li jeżiġi kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tiegħu, imfakkar fil-premessa 10 ta’ din id-direttiva, u dan minkejja li, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan speċifiku tal-proprjetà intellettwali huwa b’mod partikolari li jiżgura lid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati l-protezzjoni tal-possibbiltà li jkun sfruttat kummerċjalment it-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-oġġetti protetti, billi jingħataw liċenzji permezz tal-pagament ta’ remunerazzjoni xierqa għal kull użu tal-oġġetti protetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 107108).

35

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jitqies, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li t-tqegħid online ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur fuq sit internet differenti minn dak li fuqu tkun saret il-komunikazzjoni inizjali bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur għandu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi kklassifikat bħala tqegħid għad-dispożizzjoni lil pubbliku ġdid ta’ tali xogħol. Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, il-pubbliku li ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur meta jkun awtorizza l-komunikazzjoni tax-xogħol tiegħu fuq is-sit internet fejn dan ġie inizjalment ippubblikat jikkonsisti biss mill-utenti tal-imsemmi sit, u mhux mill-utenti tas-sit internet li fuqu x-xogħol tpoġġa ulterjorment online mingħajr il-kunsens tal-imsemmi detentur, jew minn utenti tal-internet oħrajn.

36

Huwa mingħajr effett fuq il-kunsiderazzjonijiet oġġettivi esposti fil-punti 29 sa 35 ta’ din is-sentenza l-fatt li, bħal fil-kawża prinċipali, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma llimitax il-possibbiltajiet għall-użu tar-ritratt mill-utenti tal-internet. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tfakkar li t-tgawdija u l-eżerċizzju tad-dritt previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jistgħu jkunu suġġetti għal ebda formalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke, C‑301/15, EU:C:2016:878, punt 50).

37

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ikkunsidrat, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 2526), u fid-digriet tagħha tal-21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International (C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315, punt 16), fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet protetti permezz ta’ link li tikklikkja fuqu li jirreferi lejn sit internet ieħor li fuqu kienet saret il-komunikazzjoni inizjali, li l-pubbliku fil-mira tal-imsemmija komunikazzjoni inizjali kienu l-viżitaturi potenzjali kollha tas-sit ikkonċernat, peress li, bl-għarfien li l-aċċess għax-xogħlijiet, fuq dan is-sit, ma kien suġġett għal ebda miżura restrittiva, l-utenti tal-internet kollha kellhom aċċess għalihom liberament. Għalhekk, din iddeċidiet li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet ikkonċernati permezz ta’ link li tikklikkja fuqu, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi, ma kienx iwassal għall-komunikazzjoni tax-xogħlijiet inkwistjoni lil pubbliku ġdid.

38

Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi applikata f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39

Fil-fatt, l-ewwel nett, din il-ġurisprudenza ngħatat fil-kuntest speċifiku ta’ hyperlinks li, fuq l-Internet, jirreferu lejn xogħlijiet protetti, preċedentement ikkomunikati bl-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-dritt.

40

Madankollu, b’differenza mill-hyperlinks li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkontribwixxu b’mod partikolari għall-funzjonament tajjeb tal-internet billi jippermettu t-tixrid ta’ informazzjoni f’din in-network ikkaratterizzata mid-disponibbiltà ta’ kwantitajiet immensi ta’ informazzjoni (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 45), it-tqegħid online fuq sit internet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol preċedentement ikkomunikat fuq sit internet ieħor bil-kunsens tal-imsemmi detentur ma jikkontribwixxix, bl-istess mod, għal tali għan.

41

Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ta’ tali tqegħid online, mingħajr ma d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ikun jista’ jinvoka d-drittijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, tikser il-bilanċ ġust, imsemmi fil-premessi 3 u 31 ta’ din id-direttiva, li għandu jinżamm, fl-ambjent diġitali, bejn, minn naħa, l-interess tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tagħhom, iggarantit mill-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet fundamentali tal-utenti ta’ oġġetti protetti, b’mod partikolari tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tagħhom, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-interess ġenerali.

42

F’dan il-kuntest, il-Land ta’ Rheinland-Westfalen jesponi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, id-dritt għall-edukazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. B’mod partikolari, l-azzjoni tal-istudenta kkonċernata taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt, peress li r-ritratt tqiegħed, għall-finijiet ta’ illustrazzjoni, fl-ewwel paġna tal-preżentazzjoni imħejjija minnha fil-kuntest ta’ sessjoni ta’ ħidma lingwistika. Madankollu, f’dan ir-rigward, biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, dwar il-kunċett ta’ “pubbliku ġdid”, huma bbażati mhux fuq in-natura edukattiva jew le tal-illustrazzjoni, mill-istudent, tal-preżentazzjoni skolastika tiegħu, iżda fuq iċ-ċirkustanza li t-tqegħid online ta’ dan ix-xogħol fuq is-sit internet tal-iskola ta aċċess għal dan ix-xogħol lill-viżitaturi kollha ta’ dan is-sit.

43

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, fir-rigward tat-tfittxija ta’ bilanċ bejn id-dritt għall-edukazzjoni u l-protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29, possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet previsti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva, sakemm dan ikun użu esklussivament għal finijiet ta’ illustrazzjoni fil-kuntest tat-tagħlim jew tar-riċerka xjentifika, fil-limitu ġġustifikat għall-finijiet mhux kummerċjali mfittxija.

44

It-tieni nett, hekk kif tfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, id-drittijiet iggarantiti lill-awturi skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 huma ta’ natura preventiva. Issa, fir-rigward tal-att ta’ komunikazzjoni li tikkostitwixxi l-inklużjoni, fuq sit internet, ta’ hyperlink li jirreferi lejn xogħol li kien preċedentement ikkomunikat bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, in-natura preventiva tad-drittijiet tad-detentur tinżamm, peress li huwa mixtieq li l-awtur, fl-ipoteżi li ma jibqax beħsiebu li jikkomunika x-xogħol tiegħu fuq is-sit internet ikkonċernat, jirtira dan ix-xogħol minn fuq is-sit internet li fuqu dan kien ġie inizjalment ikkomunikat, u b’hekk irendi obsolet kull hyperlink li jirreferi lejh. Min-naħa l-oħra, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tqegħid online ta’ xogħol fuq sit internet ieħor iġib miegħu komunikazzjoni ġdida, indipendenti mill-komunikazzjoni inizjalment awtorizzata. B’konsegwenza ta’ dan it-tqegħid online, tali xogħol jista’ jibqa’ disponibbli fuq dan is-sit, indipendentement mill-kunsens minn qabel tal-awtur u minkejja kull azzjoni li biha d-detentur tad-drittijiet jiddeċiedi li ma jibqax jikkomunika x-xogħol tiegħu fuq is-sit internet li fuqu dan ix-xogħol kien inizjalment ikkomunikat bl-awtorizzazzjoni tiegħu.

45

Finalment, it-tielet nett, fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 2728), il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet li jitqies li l-komunikazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza ma kinitx saret lil pubbliku ġdid, enfasizzat in-nuqqas ta’ intervent mill-amministratur tas-sit li fuqu kien tqiegħed link li tikklikkja fuqu, li kien jippermetti aċċess għax-xogħlijiet ikkonċernati fuq is-sit li fuqu dawn tal-aħħar kienu ġew ikkomunikati inizjalment, bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

46

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-utenti tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali għamel riproduzzjoni ta’ dan ix-xogħol fuq server privat, segwita minn tqegħid online tiegħu fuq sit internet differenti minn dak li fuqu twettqet il-komunikazzjoni inizjali. B’dan il-mod, din l-utenti kellha rwol deċiżiv fil-komunikazzjoni ta’ dan ix-xogħol lil pubbliku li ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtur tiegħu meta dan awtorizza l-komunikazzjoni inizjali.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-tqegħid online fuq sit internet ta’ ritratt li kien ippubblikat qabel, mingħajr miżura li tirrestrinġi t-tniżżil tiegħu u bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, fuq sit internet ieħor.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-tqegħid online fuq sit internet ta’ ritratt li kien ippubblikat qabel, mingħajr miżura li tirrestrinġi t-tniżżil tiegħu u bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, fuq sit internet ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.