Kawża C‑160/17
Raoul Thybaut et
vs
Région wallonne
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Direttiva 2001/42/KE — Artikolu 2(a) — Kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” — Artikolu 3 — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Żona ta’ rikompożizzjoni urbana — Possibbiltà li ssir deroga mir-rekwiżiti tal-ippjanar — Bidla fil-‘pjanijiet u programmi’”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2018
Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttiva 2001/42 – Pjan u programm – Kunċett – Żona ta’ konsolidazzjoni urbana adottata minn digriet li jistabbilixxi żona ġeografika għal proġett ta’ żvilupp urban u li jippermetti derogi minn ċerti rekwiżiti tal-ippjanar – Inklużjoni
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/42, Artikoli 2(a) u 3(1) u (2)(a))
L-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, għandhom jiġu interpretati fis-sens li digriet legali li jadotta żona ta’ konsolidazzjoni urbana, li għandu l-uniku għan li jiddetermina żona ġeografika li fiha jista’ jsir proġett ta’ ppjanar urban intiż għat-tiġdid u għall-iżvilupp ta’ funzjonijiet urbani u li jeħtieġ il-ħolqien, il-modifika, it-tħassir jew aċċess għat-toroq permezz tal-art u ta’ spazji pubbliċi, li għar-realizzazzjoni tiegħu ser ikun permess li ssir deroga minn ċerti rekwiżiti urbanistiċi, jidħol, minħabba din il-fakultà ta’ deroga, taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, li jistgħu jkollhom impatt sinjifikanti fuq l-ambjent, fis-sens ta’ din id-direttiva, li jeħtieġ stima ambjentali.
Fl-ewwel lok, l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA jiddefinixxi l-“pjanijiet u programmi” li tikkonċerna bħala dawk li jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, ikunu ġew ippreparati u/jew adottati minn awtorità fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew ippreparati minn awtorità sabiex jiġu adottati mill-parlament jew mill-gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva u, min-naħa l-oħra, ikunu meħtieġa minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi.
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESA, huma suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali sistematika dawk il-pjanijiet u l-programmi li, minn naħa, huma mfassla għal ċerti setturi u li, min-naħa l-oħra, jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva EIE tista’ tiġi awtorizzata fil-futur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie, C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355, punt 43).
Fir-rigward tal-ewwel minn dawn il-kundizzjonijiet, mill-kliem tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESA jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirrigwarda b’mod partikolari s-settur “tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-art”.
Fir-rigward tal-punt dwar jekk att, bħall-att ikkontestat, jiddefinixxix il-qafas li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” huwa relatat ma’ kull att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll applikabbli għas-settur ikkonċernat, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet” għandha tinftiehem b’mod kwalitattiv u mhux kwantitattiv. Fil-fatt, għandhom jiġu evitati strateġiji possibbli ta’ evażjoni tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva ESA li jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom minn frammentazzjoni ta’ miżuri, li għalhekk inaqqsu l-effett utli ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
Minn dan isegwi li, għalkemm tali att ma fihx u ma jistax ikun fih dispożizzjonijiet pożittivi, il-fakultà li huwa jistabbilixxi li tippermetti li jinkisbu iktar faċilment derogi mir-rekwiżiti tal-ippjanar urban fis-seħħ temenda l-awtorizzazzjoni legali u għandha l-effett li tpoġġi liż-ŻKU inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva ESA.
(ara l-punti 42, 46, 47, 54, 55, 58, 67 u d-dispożittiv)