Kawża C‑152/17

Consorzio Italian Management
u
Catania Multiservizi SpA

vs

Rete Ferroviaria Italiana SpA,

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali – Direttiva 2004/17/KE – Obbligu ta’ reviżjoni tal-prezz wara l-għoti tal-kuntratt – Assenza ta’ tali obbligu fid-Direttiva 2004/17/KE jew li jirriżulta mill-prinċipji ġenerali li fuqhom huma bbażati l-Artikolu 56 TFUE u d-Direttiva 2004/17/KE – Servizzi ta’ tindif u ta’ manutenzjoni marbuta mal-attività ta’ trasport ferrovjarju – Artikolu 3(3) TUE – Artikoli 26, 57, 58 u 101 TFUE – Assenza ta’ speċifikazzjonijiet suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll ir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ risposta għad-domandi preliminari – Inammissibbiltà – Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ma jimplimentawx id-dritt tal-Unjoni Ewropea – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-19 ta’ April 2018

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali u ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi–Direttivi 2004/17 u 2004/18–Kamp ta’ applikazzjoni–Awtorità kontraenti fis-sens tad-Direttiva 2004/17–Kuntratti li għandhom rabta mal-eżerċizzju ta’ attivitajiet f’settur wieħed jew iktar tad-Direttiva 2004/17–Applikabbiltà tal-proċeduri previsti minnha–Kuntratti mogħtija inkonnessjoni mal-eżerċizzju ta’ attivitijiet oħra–Applikabbiltà tal-proċeduri previsti mid-Direttiva 2004/18

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17, kif emendata bir-Regolament Nru 1251/2011, Artikoli 3 sa 7, u 2004/18)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet–Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali–Direttiva 2004/17–Għoti ta’ kuntratti–Obbligu ta’ reviżjoni tal-prezz wara l-għoti tal-kuntratt–Assenza

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17, kif emendata bir-Regolament Nru 1251/2011)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 26)

  2.  Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, kif emendata bir-Reglament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1251/2011 tat-30 ta’ Novembru 2011, u l-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jipprevedux ir-reviżjoni perijodika tal-prezzijiet wara l-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi msemmija f’din id-direttiva.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva li din għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali, bħall-Artikoli 115 u 206 flimkien tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, li ma jipprevedux r-reviżjoni perijodika tal-prezzijiet wara l-għoti tal-kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi msemmija mill-istess direttiva, peress li din tal-aħħar ma timponi l-ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri sabiex huma jipprevedu dispożizzjonijiet li jeżiġu li l-entità kontraenti tagħti lill-parti kontraenti tagħha reviżjoni ’l fuq tal-prezz wara l-għoti ta’ kuntratt. Bl-istess mod, lanqas il-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata d-Direttiva 2004/17, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu, stabbiliti fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, ma jipprekludu tali dispożizzjonijiet. Għall-kuntrarju, ma jistax jiġi eskluż li reviżjoni tal-prezz wara l-għoti tal-kuntratt tista’ tikser dan il-prinċipju u dan l-obbligu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, Finn Frogne, C-549/14, EU:C:2016:634, punt 40). Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-prezz tal-kuntratt jikkostitwixxi element importanti ħafna fl-evalwazzjoni tal-offerti minn entità kontraenti, kif ukoll fid-deċiżjoni tagħha li tagħti l-kuntratt lil operatur. Din l-importanza tirriżulta barra minn hekk mill-fatt li l-prezz jissemma fiż-żewġ kriterji għall-għoti tal-kuntratti inklużi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2004/17. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li ma jipprevedux ir-reviżjoni perijodika tal-prezzijiet wara l-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi msemmija minn din id-direttiva huma minflok iktar ta’ natura li jiffavorixxu l-osservanza tal-imsemmija prinċipji.

    (ara l-punti 29, 30, 36 u d-dispożittiv)