SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

“Appell – Rikors għad-danni – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE – Tul eċċessiv tal-proċedura fil-kuntest ta’ kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti – Dannu materjali – Spejjeż ta’ garanzija bankarja – Rabta kawżali – Interessi moratorji – Dannu immaterjali”

Fil-Kawża C‑150/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-24 ta’ Marzu 2017,

L‑Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Inghelram u E. Beysen, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Kendrion NV, stabbilita f’Zeist (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn Y. de Vries, T. Ottervanger u E. Besselink, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Urraca Caviedes, S. Noë u F. Erlbacher, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.‑C. Bonichot, E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, l-Unjoni Ewropea titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Frar 2017, Kendrion vs L‑Unjoni Ewropea (T‑479/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:48), li permezz tagħha din, minn naħa, ikkundannat lill-Unjoni Ewropea tħallas lil Kendrion NV kumpens għal ammont ta’ EUR 588 769.18 u ta’ EUR 6000 bħala, rispettivament, danni materjali u immaterjali subiti minn din il-kumpannija minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il‑Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667) (iktar ’il quddiem il-“Kawża T‑54/06”), u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

2

Permezz tal-appell inċidentali tagħha, Kendrion titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza appellata u tagħtiha kumpens għal ammont ta’ EUR 2308 463.98 jew, sussidjarjament, ammont li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis raġonevoli, bħala dannu materjali, kif ukoll kumpens għal ammont ta’ EUR 1700000 jew, sussidjarjament, ammont li l-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi b’ekwità sħiħa, bħala dannu immaterjali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi li:

“Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. […]”

4

Skont l-Artikolu 41 tal-KEDB:

“Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li kien hemm ksur tal-Konvenzjoni jew tal-protokolli tagħha, u jekk id-dritt nazzjonali tal-Parti Kontraenti Għolja jippermetti biss tħassir parzjali tal-konsegwenzi ta’ dan il-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-parti leża, fejn xieraq, sodisfazzjoni ekwu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta

5

It-Titolu VI tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Ġustizzja”, jinkludi l-Artikolu 47, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li jipprovdi:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

6

L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17) jippreċiżaw li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 ta’ din tal-aħħar huwa bbażat fuq l-Artikolu 13 tal-KEDB. It-tieni paragrafu tal-Artikou 47 tal-Karta jikkorrispondi mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

7

L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi:

“[…]

3.   Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

[…]”

L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

8

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi:

“[Appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja] jista’ jitressaq minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha. […]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

9

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Frar 2006, Kendrion ippreżentat rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4634 tat-30 ta’ Novembru 2005 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni C(2005) 4634”). Fir-rikors tagħha, hija talbet, essenzjalment, sabiex il-Qorti Ġenerali tannulla, prinċipalment, totalment jew parzjalment, din id-deċiżjoni jew, sussidjarjament, tannulla l-multa li kienet ġiet imposta fuqha b’dik id-deċiżjoni jew li tnaqqas l-ammont tagħha.

10

Permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il‑Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors.

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2012, Kendrion ippreżentat appell mis-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il‑Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667).

12

Permezz tas-sentenza tagħha tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-appell.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Ġunju 2014, Kendrion ippreżentat rikors ibbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE kontra l-Unjoni Ewropea intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li din il-kumpanija tqis li sofriet minħabba tul eċċessiv tal-proċedura, quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-Kawża T‑54/06.

14

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qatgħet u ddeċidiet:

“1)

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tħallas indennizz ta’ EUR 588769.18 lil [Kendrion] bħala dannu materjali subit minn din il-kumpannija minħabba ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-[Kawża T‑54/06].

2)

[L-Unjoni Ewropea], irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tħallas indennizz ta’ EUR 6000 lil Kendrion għad-dannu immaterjali li din il-kumpannija sofriet minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06.

3)

Kull indennizz imsemmi fil-punti 1) u 2) iktar ’il fuq għandu jiżdied b’interessi moratorji, dekorribbli mill-għoti ta’ din is-sentenza u sakemm isir il-ħlas sħiħ, bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda bi tliet punti u nofs ta’ perċentwali.

4)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)

[L-Unjoni Ewropea], irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn Kendrion u li jirrigwardaw l-eċċezzjoni ta’ inammisibbiltà li tat lok għad-digriet tas-6 ta’ Jannar 2015, Kendrion vs L‑Unjoni Ewropea (T‑479/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:2).

6)

Kendrion, minn naħa, u l-Unjoni [Ewropea], irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess relatati mar-rikors li ta lok għal din is-sentenza.

7)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.”

It-talbiet tal-partijiet

15

Permezz tal-appell tagħha, l-Unjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tiċħad bħala infondata t-talba ta’ Kendrion, ifformulata fl-ewwel istanza, intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu materjali allegatament subit jew, b’mod għalkollox sussidjarju, tnaqqas dan il-kumpens għal ammont ta’ EUR 175709 87, u

tikkundanna lil Kendrion għall-ispejjeż.

16

Kendrion titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

17

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ l-appell għal dawn l-elementi kollha.

18

Permezz tal-appell inċidentali tagħha, Kendrion titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punti 1 sa 6 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u, tiddeċiedi mill-ġdid:

li tagħti kumpens ta’ EUR 2308 463.98 jew, sussidjarjament, ammont li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis raġonevoli, bħala dannu materjali, kif ukoll kumpens ta’ EUR 1700000 jew, sussidjarjament, ammont li l-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi b’ekwità sħiħa, bħala dannu immaterjali;

iżżid ma’ kull ammont interessi moratorji li [il-Qorti tal-Ġustizzja] tistabbilixxi b’ekwità sħiħa mis-26 ta’ Novembru 2013;

sussidjarjament, tibgħat lura totalment jew parzjalment il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi konformement mas-sentenza [tal-Qorti tal-Ġustizzja];

tikkundanna lill-Unjoni għall-ispejjeż;

19

L-Unjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell inċidentali u

tikkundanna lil Kendrion għall-ispejjeż.

Fuq l-appell prinċipali

Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

L-argumenti tal-partijiet

20

Kendrion, l-appellata fl-appell prinċipali, issostni li l-appell huwa inammissibbli fl-intier tiegħu għal żewġ raġunijiet.

21

Fl-ewwel lok, jeżisti kunflitt ta’ interess li jirriżulta mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tkun hija stess adita bil-kawża permezz ta’ appell. L-appell għalhekk jikser l-Artikolu 47 tal-Karta, li jiggarantixxi d-dritt għal proċedura quddiem qorti imparzjali u indipendenti.

22

Għalhekk, Kendrion tikkunsidra li l-appellanti kellha tastjeni ruħha milli tippreżenta appell kontra s-sentenza appellata.

23

Barra minn hekk, u, f’kull każ, peress li, minn naħa, sabiex ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, id-deċiżjoni li jiġi ppreżent dan l-appell kif ukoll l-għażla u d-dikjarazzjoni tal-aggravji għandhom jiġu adottati minn korp awtorizzat għal dan il-għan fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li ma jkunx responsabbli milli jeżerċita l-missjoni ġudizzjarja tagħha u li ma jkollu ebda influwenza fuq din tal-aħħar, u li, min-naħa l-oħra, ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward ma tidher fl-appell ippreżentat mill-appellanti, Kendrion tikkunsidra li, sakemm din il-kwistjoni ma hijiex ikkjarifikata, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija inammissibbli fl-appell tagħha.

24

Fit-tieni lok, Kendrion issostni li, fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa mezz ta’ kumpens effettiv, u b’hekk abbandunat il-metodu ta’ tnaqqis tal-multi li kienet applikat sa dik is-sentenza. Issa, il-fatt għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ppreżentat dan l-appell, minkejja l-ispejjeż u d-dewmien li tali azzjoni timplika għal Kendrion fil-prattika jqajjem dubju dwar din il-ġurisprudenza.

25

Fl-aħħar nett, għalkemm l-appell kellu jkun ammissibbli, Kendrion issostni li l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Qorti tal-Ġustizzja jeħtieġu li, f’din il-kawża, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja jkun limitat esklużivament għall-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx ksur manifest tar-regoli applikabbli jew jekk wettqitx applikazzjoni jew interpretazzjoni vvizzjati, mingħajr ebda dubju raġonevoli, minn żball ta’ liġi.

26

L-Unjoni Ewropea, l-appellanti fl-appell prinċipali, tikkontesta l-argumenti invokati mill-appellata fl-appell prinċipali sabiex isostni l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

27

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument ta’ Kendrion ibbażat fuq il-fatt li jeżisti kunflitt ta’ interessi li jirriżulta mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tkun adita hija stess bil-kawża permezz ta’ appell, tali kunflitt jikkostitwixxi l-ksur tad-dritt fundamentali ta’ Kendrion għal qorti indipendenti u imparzjali, kif stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 13(1) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, tinkludi diversi qrati, jiġifieri “l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati”.

28

L-Artikolu 13(2) TUE jipprovdi li kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-finijiet previsti minnhom.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 268 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċidi tilwim li għandu x’jaqsam mal-kumpens għad-danni previsti fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

30

L-Artikolu 256(1) TFUE jippreċiża li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tar-rikorsi previsti fl-Artikolu 268 TFUE u li d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ tali rikorsi jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

31

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi ppreżentat minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għalkollox, fit-talbiet tagħha.

32

Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta li tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha f’terminu raġonevoli, għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li tali rikors jikkostitwixxi rimedju effettiv. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza ma setgħetx titressaq direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, iżda kellha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali stess (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fl-aħħar nett, ir-rikorsi għad-danni, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għandhom jiġu diretti kontra l-Unjoni Ewropea, li għandha tiġi rrappreżentata mill-istituzzjoni tal-Unjoni li l-aġir tagħha allegatament ikkawża d-dannu invokat.

34

Minn dak li ntqal jirriżulta, l-ewwel nett, li, fil-kuntest tar-rikorsi għad-danni intiżi sabiex jinkiseb, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu tagħha li tiddeċiedi f’terminu raġonevoli, bħal dak inkwistjoni, hemm lok li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-istituzzjoni “Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” li, bħala istituzzjoni tal-Unjoni hija meqjusa bħala fl-oriġini tad-dannu allegat, u għalhekk għandha l-kwalità ta’ konvenuta fl-ewwel istanza u, skont il-każ, ta’ appellanti, u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, li huma l-qrati li jikkomponuha u li huma kompetenti sabiex jiddeċiedu, rispettivament, dawn ir-rikorsi.

35

B’hekk, iċ-ċirkustanza li, f’dan il-każ, l-appellanti fl-appell prinċipali hija l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-istituzzjoni “Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”, u fl-istess ħin, il-qorti adita mill-appell hija l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirriżultax minn għażla ta’ din l-appellanti, iżda mill-applikazzjoni stretta tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam.

36

It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni Kendrion, tali ċirkustanza ma tikkompromettix id-dritt fundamentali tal-persuna allegatament leża min-nuqqas ta’ osservanza mill-Qorti Ġenerali tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza għal qorti indipendenti u imparzjali, hekk kif stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, fejn tali dritt fundamentali huwa ggarantit kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell.

37

Fil-fatt, fir-rigward tal-proċedura fl-ewwel istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-Qorti Ġenerali, li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 256(1) TFUE, u adita b’talba għad-danni intiża sabiex jiġi kkumpensat l-allegat dannu li jirriżulta mill-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, hija obbligata li tagħti deċiżjoni dwar din it-talba f’kompożizzjoni differenti minn dik li biha tkun ħadet konjizzjoni tat-tilwima li tat lok għall-proċedura li t-tul tagħha huwa kkritikat (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dak li jikkonċerna l-appell, id-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tippreżenta, bħal f’dan il-każ, appell kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikors għad-danni taqa’ esklużivament taħt il-President ta’ din l-istituzzjoni, li jirrappreżentaha. Barra minn hekk, peress li l-President ta’ din l-istituzzjoni huwa wkoll il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala qorti adita b’dan l-appell, huwa ma jintervjenix fit-trattament ġudizzjarju tal-kawża, u jiġi ssostitwit fil-funzjonijiet tiegħu mill-Viċi President.

39

It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li tallega Kendrion, ma jistax jiġi validament sostnut li l-Unjoni Ewropea kellha tastjeni ruħha milli tippreżenta dan ir-rikors. Fil-fatt, peress li tilfet fit-talbiet tagħha, fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għanda dritt tippreżenta appell kontra s-sentenza appellata. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tillimita d-dritt tal-partijiet li jippreżentaw appell, dejjem jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti, inkluż meta l-parti kkonċernata tkun l-Unjoni Ewropea u li din tal-aħħar hija rrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bħala istituzzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, tali limitazzjoni hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu.

40

L-ewwel argument invokat minn Kendrion bħala bażi għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minnha għandu għalhekk jiġi miċħud.

41

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument ta’ Kendrion ibbażat fuq li, meta ppreżentat dan l-appell, l-appellanti fl-appell prinċipali qajmet dubju dwar il-konstatazzjoni li r-rikors għad-danni huwa mezz ta’ kumpens effettiv, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet hija stess applikat fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771), minbarra l-fatt li dan l-argument ma josservax id-distinzjoni evokata fil-punti 27 u 34 ta’ din is-sentenza, bejn, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkwantu istituzzjoni, appellanti fl-appell prinċipali, u, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala qorti, li tat din is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771), huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-fatt li, f’diversi sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-rikors għad-danni huwa mezz ta’ kumpens effettiv bl-ebda mod ma jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkwantu istituzzjoni li tirrappreżenta l-Unjoni li kontriha huwa ppreżentat rikors għad-danni, li tippreżenta appell kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ttemm dan ir-rikors, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huma ssodisfatti, u konsegwentement, lanqas ma jagħmel tali appell inammissibbli.

42

Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

43

Fl-aħħar nett, l-argument ta’ Kendrion dwar il-kriterju ta’ stħarriġ li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika fil-kuntest ta’ dan l-appell għandu wkoll jiġi miċħud. Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma hemm xejn fid-dritt tal-Unjoni li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-istħarriġ li għandu jiġi eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ippreżentat mill-Unjoni Ewropea kontra sentenza ta’ Qorti Ġenerali mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għad-danni bbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jkun xi ftit jew wisq wiesa’ skont l-istituzzjoni li tirrappreżenta lill-Unjoni.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appell huwa ammissibbli. Madankollu, din il-konstatazzjoni b’ebda mod ma tippreġudika l-eżami tal-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti kkunsidrati separatament (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, RFA International vs Il‑Kummissjoni, C‑239/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:337, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq il-mertu

45

Insostenn tal-appell tagħha, l-Unjoni Ewropea tqajjem tliet aggravji.

L-argumenti tal-partijiet

46

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-Unjoni Ewropea ssostni li, peress li qieset li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 u t-telf subit minn Kendrion minħabba l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-qbiż ta’ dan it-terminu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”.

47

B’mod partikolari, l-Unjoni Ewropea tqis li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-premessa żbaljata li l-għażla li tiġi kkostitwita garanzija bankarja ssir biss f’mument partikolari, jiġifieri fil-mument tal-“għażla inizjali” li tiġi kkostitwita din il-garanzija. Issa, peress li l-obbligu li titħallas il-multa kien jeżisti matul il-proċedura kollha quddiem il-qrati tal-Unjoni, u anki lil hinn minn dan il-perijodu, peress li l-multa ma ġietx annullata, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kellha l-possibbiltà li tħallas il-multa u b’hekk teżegwixxi l-obbligu tagħha f’dan ir-rigward. Billi kellha l-possibbiltà li f’kull mument tħallas il-multa, l-għażla stess imwettqa minn din ir-rikorrenti li tissostitwixxi dan il-ħlas permezz ta’ garanzija bankarja hija għażla kontinwa, li hija twettaq matul il-proċedura kollha. Għaldaqstant, ir-raġuni determinanti tal-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja hija l-għażla tagħha stess li ma tħallasx il-multa u li tissostitwixxi dan il-ħlas permezz ta’ garanzija bankarja u mhux il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza.

48

Il-Kummissjoni taderixxi mal-argumenti invokati mill-appellanti fl-appell prinċipali.

49

Kendrion issostni li dak li huwa essenzjali f’din il-kawża, u li jiddistingwiha mill-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (T‑28/03, EU:T:2005:139, punti 121 sa 123), kif ukoll mid-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni (T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punti 39 u 40), huwa li, hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat fil-punti 87 sa 89 tas-sentenza appellata, fid-data meta hija kkostitwixxiet garanzija bankarja, l-appellata fl-appell prinċipali ma setgħetx u ma kellhiex raġonevolment tipprevedi li l-Qorti Ġenerali taġixxxi illegalment kontriha billi tiddeċiedi fi tmiem terminu straordinarjament twil.

50

Barra minn hekk, filwaqt li tirrikonoxxi li hija fil-fatt kellha d-dritt li tagħżel b’awtonomija sħiħa, għal raġunijiet tagħha stess, li tikkostitwixxi jew le garanzija bankarja, Kendrion tippreċiża li, il-fatt li teżerċita dan id-dritt ma jfissirx li hija jkollha ssostni l-effetti dannużi kollha ta’ ċirkustanzi li jaqgħu għalkollox taħt l-isfera ta’ riskju tal-appellanti fl-appell prinċipali. Fl-aħħar nett, Kendrion issostni li l-għażla bejn il-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja u l-ħlas ta’ multa hija għażla serja li ma tistax tiġi riveduta kontinwament biex ma jingħadx ukoll kuljum, u dan sa fejn hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni ftehimiet finanzjarji fit-tul, ftehimiet konklużi mal-fornituri tal-garanzija bankarja, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża kif ukoll ir-relazzjoni mal-azzjonisti u detenturi ta’ ishma oħrajn.

51

Kendrion titlob, għalhekk, li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

52

Għandu jitfakkar li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali magħmula mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u d-dannu, rabta li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tagħha, b’tali mod li l-aġir ikkritikat għandu jkun ir-raġuni determinanti tad-dannu (digriet tal-31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il‑Kummissjoni, C‑433/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:204, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T-54/06 huwiex ir-raġuni determinanti tad-dannu li jirriżulta mill-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir ikkritikat lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u d-dannu allegat.

54

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni ppreżentat kontra l-Kummissjoni, għall-finijiet, b’mod partikolari, ta’ rimbors tal-ispejjeż ta’ garanzija magħmula mir-rikorrenti sabiex tinkiseb is-sospensjoni tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru tal-ħlasijiet lura inkwistjoni, deċiżjonijiet li sussegwentement ġew irtirati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta deċiżjoni li timponi l-ħlas ta’ multa tinkludi l-fakultà li jsir depożitu ddestinat li jiggarantixxi dan il-ħlas u l-interessi moratorji, sakemm ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni jasal fi tmiem, id-dannu li jikkonsisti fl-ispejjeż ta’ garanzija ma jirriżultax minn din id-deċiżjoni, iżda mill-għażla stess tal-persuna kkonċernata li tikkostitwixxi garanzija pjuttost milli teżegwixxi immedjatament l-obbligu ta’ rimbors. F’dawn ir-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li ma kienet teżisti ebda rabta kawżali diretta bejn l-aġir li l-Kummissjoni ġiet ikkritikata bih u d-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il‑KummissjoniC‑460/09 P, EU:C:2013:111, punti 118 u 120).

55

Issa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li r-rabta bejn l-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 u l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li kien jikkorrispondi ma’ din l-iskadenza ma setgħetx ġiet miksura minħabba l-għażla inizjali ta’ Kendrion li ma tħallasx immedjatament il-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2005) 4634 u li tikkostitwixxi garanzija bankarja.

56

B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-punti 87 u 88 tas-sentenza appellata, iż-żewġ ċirkustanzi li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sabiex tasal għall-konklużjoni stabbilita fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, huma, minn naħa, li, fil-mument meta Kendrion ippreżentat ir-rikors tagħha fil-Kawża T‑54/06, u fil-mument meta hija kkostitwixxiet garanzija bankarja, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza kien imprevedibbli u li din il-kumpannija setgħet leġittimament tistenna li dan ir-rikors jiġi ttrattat f’terminu raġonevoli u, min-naħa l-oħra, li l-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza seħħet wara l-għażla inizjali ta’ Kendrion li tikkostitwixxi din il-garanzija.

57

Issa, iż-żewġ ċirkustanzi evokati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 87 u 88 tas-sentenza appellata ma jistgħux ikunu rilevanti sabiex jiġi kkunsidrat li r-rabta kawżali bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, fil-kuntest tal-Kawża T‑54/06, u d-dannu subit minn Kendrion, minħabba l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu korrispondenti mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, ma setgħetx ġiet miksura minħabba l-għażla ta’ din l-impriża li tikkostitwixxi din il-garanzija.

58

Fil-fatt, dan ikun il-każ biss jekk iż-żamma tal-garanzija bankarja jkollha natura obbligatorja, b’tali mod li l-impriża li tkun ippreżentat rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa, u li tkun għażlet li tikkostitwixxi garanzija bankarja sabiex ma teżegwixxix immedjatament din id-deċiżjoni, ma kellhiex id-dritt, qabel id-data meta ngħatat is-sentenza fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li tħallas din il-multa u li twaqqaf il-garanzija bankarja li hija kienet ikkostitwixxiet (sentenza tal-lum, C‑138/17 P u C‑146/17 P, L‑Unjoni Ewropea vs Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, punt 28).

59

Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 57, 69 u 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, u hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, bħal fil-każ tal-kostituzzjoni tal-garanzija bankarja, iż-żamma tagħha taqa’ taħt l-evalwazzjoni libera tal-impriża kkonċernata fir-rigward tal-interessi finanzjarji tagħha. Fil-fatt, ma hemm xejn fid-dritt tal-Unjoni li jipprekludi din l-impriża li, fi kwalunkwe mument, twaqqaf il-garanzija bankarja li hija kkostitwixxiet u li tħallas il-multa imposta, meta, b’kunsiderazzjoni tal-iżvilupp taċ-ċirkustanzi meta mqabbla ma’ dawk eżistenti fid-data tal-kostituzzjoni ta’ din il-garanzija, din l-impriża tqis li din l-għażla hija aktar vantaġġuża għaliha. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jwassal lill-impriża inkwistjoni sabiex tikkunsidra li s-sentenza ser tingħata f’data sussegwenti għal dik li kienet inizjalment ipprevediet u li, konsegwentement, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja ser ikunu ogħla minn dawk li hija kienet inizjalment ipprevediet, waqt il-kostituzzjoni ta’ din il-garanzija (sentenza tal-lum, C‑138/17 P u C‑146/17 P, L‑Unjoni Ewropea vs Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, punt 29).

60

F’dan il-każ, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li, minn naħa, fix-xahar ta’ Settembru 2008, jiġifieri 2 snin u 6 xhur wara l-preżentata tar-rikors fil-kuntest tal-Kawża T‑54/06, il-ftuħ tal-proċedura orali f’din il-kawża ma kienx għadu seħħ, hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 48 tas-sentenza appellata, u li, min-naħa l-oħra, it-terminu li Kendrion ikkunsidrat hija stess, kemm fir-rikors fl-ewwel istanza tagħha kif ukoll fl-appell inċidentali tagħha, bħala t-terminu normali għat-trattament tar-rikorsi għal annullament fil-qasam tal-kompetizzjoni, huwa preċiżament ta’ 2 snin u 6 xhur, għandu jiġi kkonstatat li, mhux iktar tard minn dan ix-xahar ta’ Settembru 2008, Kendrion ma setgħetx tinjora li t-tul tal-proċedura f’din il-kawża kien ser jaqbeż sew dak li hija kienet inizjalment ipprevediet, u li hija setgħet tikkunsidra mill-ġdid l-opportunità li żżomm il-garanzija bankarja, fir-rigward tal-ispejjeż supplimentari li ż-żamma ta’ din il-garanzija tista’ timplika.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 ma jistax ikun ir-raġuni determinanti tad-dannu subit minn Kendrion minħabba l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali dannu jirriżulta mill-għażla stess ta’ Kendrion li żżomm il-garanzija bankarja matul il-proċedura kollha f’din il-kawża, minkejja konsegwenzi finanzjarji li dan jimplika.

62

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li qieset li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06 u t-telf subit minn Kendrion minħabba l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”.

63

Konsegwentement, billi dan il-motiv għandu jintlaqa’, hemm lok li jiġi annullat il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni u t-tielet aggravju invokat mill-Unjoni Ewropea insostenn tal-appell tagħha.

Fuq l-appell inċidentali

64

Insostenn tal-appell inċidentali tagħha, Kendrion tinvoka erba’ aggravji.

Fuq it-tielet aggravju

65

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Kendrion tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet nuqqas ta’ motivazzjoni kif ukoll żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”, fid-definizzjoni tal-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, u fl-evalwazzjoni tad-dannu materjali li jirriżulta mill-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja.

66

Peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 63 ta’ din is-sentenza, il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata ġie annullat, ma hemmx iktar lok għalfejn jiġi eżaminat dan it-tielet aggravju.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

67

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Kendrion issostni li, billi qieset li tul ta’ 26 xahar (15-il xahar flimkien ma’ 11-il xahar) bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura kien xieraq sabiex tiġi ttrattata l-Kawża T‑54/06, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni fid-determinazzjoni tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza u, konsegwentement, tat-tul tal-iskadenza ta’ dan it-terminu.

68

Fl-ewwel lok, Kendrion issostni li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul totali tal-proċedura. Sussegwentement, abbażi kemm tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif uikoll tar-rapport iddettaljat tal-Kummissjoni Ewropea tal-2012 “Sistemi ġudizzjarji Ewropej” għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-2012 taċ-CEPEJ”), u fid-dawl tal-kumplessità li tirriżulta min-natura internazzjonali tal-Qorti Ġenerali, din kellha tistabbilixxi għal 2 snin u 6 xhur it-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kellha tqis, fl-aħħar nett, li t-tul tal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza kien ta’ 3 snin u 3 xhur.

69

Kendrion tippreċiża li tul ta’ iktar minn sentejn u nofs jista’ wkoll ikun raġonevoli sabiex tiġi ttrattata kawża bħal dik inkwistjoni sa fejn ikun hemm ġustifikazzjoni partikolari. Issa, skont Kendrion, f’dan il-każ, ebda waħda miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża ma tista’ tiġġustifika tul ta’ proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali iktar minn sentejn u nofs, u wisq inqas tul ta’ 26 xahar bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub u l-ftuħ tal-fażi orali ta’ din il-proċedura.

70

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 58 tas-sentenza appellata u lanqas f’dak li jikkonċerna t-tul ta’ 15-il xahar u lanqas f’dak li jikkonċerna t-tul supplimentari ta’ xahar għal kull kawża. Barra minn hekk, hemm kontradizzjoni sa fejn dan l-approċċ huwa bbażat fuq l-idea li l-kumplessità tiżdied man-numru ta’ kawżi filwaqt li din il-kumplessità kienet diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-perijodu ta’ inattività ta’ 15-il xahar meqjus bħala ammissibbli f’kull kawża dwar akkordju, u li, fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 104), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat li l-motivi invokati minn Kendrion “ma kinux jippreżentaw livell ta’ diffikultà partikolarment għoli”.

71

L-Unjoni Ewropea tikkunsidra li l-argumenti ta’ Kendrion huma inammissibbli, u, fi kwalunkwe każ, infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument ibbażat fuq żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li tħalli x’jinftiehem Kendrion, mis-sentenza appellata jirriżulta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, u, konsegwentement, tat-tul tal-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni t-tul kollu tal-proċedura fil-Kawża T‑54/06.

73

Fil-fatt, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-eżami tal-proċess ta’ din il-kawża ma żvela ebda ċirkustanza li kienet tippermetti li jiġi konkluż li jeżisti perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikat, minn naħa, bejn id-data tal-preżentata tar-rikors u d-data tal-preżentata tal-kontroreplika u, min-naħa l-oħra, bejn il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura u l-għoti tas-sentenza li ttemm din il-kawża. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali vverifikat li t-tul tal-ewwel u tal-aħħar fażijiet tal-proċedura fil-Kawża T‑54/06 kien xieraq sabiex tiġi ttrattata din il-kawża, billi kien biss it-tul tal-fażi intermedjarja tal-proċedura, jiġifieri dak inkluż bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub u l-ftuħ tal-fażi orali, li ġie kkunsidrat mill-Qorti Ġenerali bħala irraġonevoli. Din iċ-ċirkustanza kellha bħala effett, konsegwentement, li jiżdied indebitament it-tul totali tal-proċedura, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

74

It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li tallega Kendrion, xejn fid-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxi li, fir-rigward tat-trattament ta’ kawżi fil-qasam tal-kompetizzjoni imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, bħal dawk inkwistjoni, tul ta’ 2 snin u 6 xhur għandu jitqies bħala raġonevoli, għall-finijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

75

F’dan ir-rigward, Kendrion tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll għar-rapport tal-2012 taċ-CEPEJ sabiex tibbaża l-argument tagħha.

76

Issa, f’dak li jikkonċerna l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għalkemm, fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-prinċipji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza fir-rigward tad-dritt ta’ kull persuna sabiex il-kawża tagħha tiġi deċiża f’terminu raġonevoli, previst fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ppreċiżata l-portata u t-tifsira tad-dritt korrispondenti previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 146 tal-konklużjonijiet tiegħu, Kendrion ma ċċitat ebda sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li minnha jirriżulta li, fi proċeduri ta’ akkordji quddiem il-Qorti Ġenerali, bħal dik inkwistjoni, tul ta’ 2 snin u 6 xhur għandu jitqies bħala raġonevoli.

77

Fir-rigward tar-rapport tal-2012 taċ-CEPEJ, minbarra l-fatt li dan ma jinkludix regoli ta’ dritt, għandu jiġi rrilevat li minn dan ir-rapport jirriżulta analiżi mhux tat-termini ta’ trattament ta’ kawżi quddiem il-qrati tal-Unjoni, iżda tat-termini ġudizzjarji fl-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa. Għaldaqstant, ma jistax jiġi validament sostnut, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 147 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan ir-rapport jissuġġerixxi li t-tul ta’ proċedura li tikkonċerna kawża fil-qasam tal-kompetizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, bħal dik inkwistjoni, ma għandux jaqbeż is-sentejn u nofs.

78

B’hekk, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li tul ta’ 26 xahar, jiġifieri 15-il xahar kif ukoll 11-il xahar, bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura kien xieraq sabiex tiġi ttrattata l-Kawża T‑54/06.

79

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ta’ Kendrion evokat fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti, fir-realtà, li jiġu kkontestati l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward taċ-ċirkustanzi proprji tal-Kawża T‑54/06, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti fl-appell inċidentali ma tistax tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja li hija tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess ma’ dik tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali biss għandha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi prodotti. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturamnet tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (digriet tat-3 ta’ Settembru 2013, Idromacchine et vs Il‑Kummissjoni, C‑34/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:552, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, Kendrion ma invokatx, u wisq inqas, ma stabbilixxietx tali żnaturament, b’tali mod li dan l-argument huwa inammissibbli.

80

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑202/07 P, EU:C:2009:214, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni Kendrion, il-Qorti Ġenerali esponiet suffiċjentement, fil-punti 50 sa 57 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li tul ta’ 26 xahar, jiġifieri 15-il xahar kif ukoll 11-il xahar, bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, kien xieraq sabiex tiġi ttrattata l-Kawża T‑54/06.

82

Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala li huwa, parzjalment, innammissibli u, parzjalment, infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

83

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Kendrion tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni, meta ċaħdet it-talba għal kumpens tagħha bħala dannu materjali subit minħabba l-ħlas ta’ interessi moratorji, minħabba li l-appellanti fl-appell inċidentali ma kienet ipproduċiet ebda prova li tippermetti li jintwera li, matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, l-ammont ta’ interessi moratorji kien ogħla mill-vantaġġ li hija setgħet tibbenefika minnu minħabba t-tgawdija, matul dan il-perijodu, tal-ammont tal-multa miżjuda bl-interessi moratorji. Barra minn hekk, Kendrion issostni li, billi injorat it-talba sussidjarja tagħha li tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ammont li l-Qorti Ġenerali kienet tqis raġonevoli, filwaqt li din kellha informazzjoni suffiċjenti sabiex tiddeċiedi f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

84

Insostenn tal-argument tagħha li jikkonċerna l-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni, Kendrion tirreferi, minn naħa, għall-punti 42 u 43 tar-rikors fl-ewwel istanza tagħha, fejn skont dawn hija kienet uriet li kellha tħallas lill-Kummissjoni interessi bir-rata ta’ 3.56 % u li bbenefikat hija stess minn vantaġġ ugwali għall-interessi ffissati fil-ftuħ ta’ kreditu li kienet tibbenefika minnu matul l-istess perijodu, kif ukoll, min-naħa l-oħra, fl-Anness V.3 ta’ dan ir-rikors li fih l-ammonti ta’ dawn l-interessi kien ġie speċifikat. Bl-istess mod, l-appellanti fl-appell inċidentali tirreferi għall-punti 6 u 45 ta’ dan ir-rikors fejn skont dawn hija kienet speċifkament offriet li tipproduċi provi u dokumenti ta’ sostenn. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, id-dannu ġie ukoll evokat.

85

L-Unjoni Ewropea tikkunsidra li l-argumenti mressqa kontra l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dannu materjali allegat bħala ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-ammont tal-multa għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondati. Fir-rigward tal-argument dwar it-talba sussidjarja, l-Unjoni Ewropea ssostni, prinċipalment, li tali talba hija inammissibbli u, sussidjarjament, li, fi kwalunkwe każ, billi ċaħdet it-talba għal kumpens għad-dannu materjali marbut mal-ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-ammont tal-multa minħabba li l-appellanti fl-appell inċidentali ma wrietx id-dannu invokat filwaqt li hija kienet marbuta tagħmel dan, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll, b’mod fondat u suffiċjentement motivat, din it-talba sussidjarja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

86

L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, kull dannu li għalih jintalab kumpens fil-kuntest ta’ rikors għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340TFUE għandu jkun reali u ċert (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, peress li att jew ommissjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jistgħu jwasslu għal ċerti spejjeż għal impriża iżda, fl-istess ħin, jistgħu jġibu xi qligħ għaliha, ma jistax jiġi kkunsidrat li jeżisti dannu, fis-sens tal-Artikolu 340 TFUE, ħlief meta d-differenza netta bejn l-ispejjeż u l-qligħ li tirriżulta mill-aġir li bih hija kkritikata din l-istituzzjoni hija negattiva.

88

Għalhekk, fir-rigward tad-dannu allegat li jirriżulta mill-ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-ammont tal-multa matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, huwa biss, effettivament, jekk l-interessi li ddekorrew matul dan il-perjodu huma ogħla mill-vantaġġ li l-appellanti fl-appell inċidentali setgħet tieħu mit-tgawdija, matul dan il-perijodu, tas-somma ugwali għall-ammont tal-multa miżjuda bl-interessi moratorji, li jista’ jiġi kkunsidrat li jeżisti dannu reali u ċert.

89

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hija l-parti li tikkontesta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li għandha tipproduċi provi konklużivi kemm tal-eżistenza kif ukoll tal-portata tad-dannu li hija tinvoka (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Issa, f’dan il-każ, wara li kkonstatat, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li, matul il-proċedura fil-Kawża T‑54/06, Kendrion ma ħallsitx l-ammont tal-multa u lanqas l-interessi moratorji, b’tali mod li, matul il-proċedura f’din il-kawża, Kendrion kienet gawdiet mis-somma li kienet tikkorrispondi mal-ammont ta’ din il-multa miżjuda bl-interessi moratorji, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-appellanti fl-appell inċidentali ma kinitx ipproduċiet provi li jippermettu li jintwera li, matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06, l-ammont tal-interessi moratorji, li tħallsu sussegwentement lill-Kummissjoni, kien ogħla mill-vantaġġ li hija setgħet tibbenefika minnu minħabba t-tgawdija tas-somma, ugwali għall-ammont tal-multa miżjuda bl-interessi moratorji.

91

Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li tali evalwazzjoni ma ġietx ikkontestata mill-metodu ta’ kalkolu propost mill-appellanti fl-appell inċidentali, li kien jikkonsisti li jitnaqqsu mill-ammont tad-dannu allegat l-ispejjeż ta’ finanzjament li din l-appellanti kellha ssostni, bħala finanzjament minn bank, kieku hija kienet obbligata tħallas il-multa fis-26 ta’ Awwissu 2010. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, li Kendrion ma kinitx sostniet, fl-ebda mument u lanqas, a fortiori, ma uriet li hija kienet obbligata tirrikorri għal finanzjament minn terzi sabiex tħallas l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni.

92

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif jirriżulta mill-punti 86 sa 89 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ġustament iddeċidiet, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li ma kienx ġie stabbilit li, matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑54/06, l-appellanti fl-appell inċidentali kienet sofriet dannu reali u ċert marbut mal-ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-ammont tal-multa mhux imħallsa, u, min-naħa l-oħra, ikkonkludiet għalhekk, għaċ-ċaħda tat-talba għal kumpens ta’ dannu allegat subit f’dan il-kap.

93

Madankollu, Kendrion issostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-punti 77 u 79 tas-sentenza appellata, li jirriżulta mill-punti 42 u 43 tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, kif ukoll, b’mod partikolari, mill-Anness V.3 anness ma’ dan ir-rikors.

94

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

95

Issa, kuntrarjament għal dak li Kendrion issostni, la, minn naħa, it-tabella li tinsab fl-Anness V.3 tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, li turi l-ispejjeż li hija allegatament kellha ssofri, bħala finanzjament minn bank tal-multa u tal-interessi kieku kienet ġiet obbligata tħallas il-multa fis-26 ta’ Awwissu 2010 u, lanqas, min-naħa l-oħra, l-offerta, li tinsab fil-punt 45 tar-rikors fl-ewwel istanza tagħha, li tipproduċi d-dokumenti li jikkonċernaw dan l-Anness V.3, ma juru li l-punti 77 u 79 tas-sentenza appellata huma vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ċertament, minn tali elementi jirriżulta li Kendrion kienet effettivament ikkalkolat id-dannu tagħha billi ħadet inkunsiderazzjoni il-vantaġġ li hija setgħet tieħu mill-assenza ta’ ħlas tal-multa, ħaġa li l-Qorti Ġenerali barra minn hekk fl-ebda ħin ma ċaħdet. Madankollu, din tal-aħħar setgħet tikkonstata, mingħajr ma twettaq żnaturament, fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, li Kendrion ma wrietx li kienet obbligata tirrikorri għal finanzjament minn terzi sabiex tħallas il-multa li ġiet imposta fuqha.

96

Fit-tieni lok, Kendrion issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet nuqqas ta’ motivazzjoni meta kkonkludiet, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, biċ-ċaħda tat-talba tagħha għal kumpens għad-dannu marbut mal-ħlas ta’ interessi moratorji matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti tas-sentenza.

97

Issa, il-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 76 sa 79 tas-sentenza appellata, hija suffiċjenti sabiex tippermetti lil Kendrion li tagħraf ir-raġunijiet li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sabiex tiċħad it-talba għal kumpens tagħha bħala interessi moratorji u għall-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha provi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell.

98

Għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza evokata fil-punt 80 ta’ din is-sentenza jirriżulta li s-sentenza appellata ma hijiex ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

99

Fit-tielet lok, Kendrion tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi billi injorat it-talba sussidjarja tagħha li tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ammont li l-Qorti Ġenerali tqis raġonevoli, filwaqt li kellha informazzjoni suffiċjenti sabiex tiddeċiedi f’dan ir-rigward.

100

Issa, fid-dawl, minn naħa, tal-punt 80 tas-sentenza appellata, u, b’mod partikolari, tal-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-ineżistenza ta’ dannu reali u ċert bħala ħlas ta’ interessi moratorji, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-ġurisprudenza evokata fil-punti 35 u 36 tas-sentenza appellata, li skont din, peress li waħda mill-kundizzjonijiet tal-impenn tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma huwa neċessajru li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il‑Komunità Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 65), jirriżulta mis-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali ċaħdet kull talba għal kumpens marbuta mal-ħlas ta’ dawn l-interessi.

101

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument imressaq minn Kendrion, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, huwa infondat.

102

Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

103

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Kendrion issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-kumpens bħala dannu immaterjali li jirriżulta mill-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza. B’mod partikolari, billi tagħtha kumpens simboliku ta’ EUR 6000 f’dan ir-rigward, minflok kumpens ekwivalenti għal 5 % tal-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt ta’ Kendrion għal sodisfazzjon ekwu, fis-sens tal-Artikolu 41 tal-KEDB, u, għalhekk, id-dritt tagħha għal rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 41 tal-KEDB, flimkien mas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608), issostni dan l-argument.

104

Sussidjarjament, Kendrion titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiffissa hija stess, b’ekwità sħiħa, l-ammont li hija tqis li tista’ tagħtiha bħala kumpens xieraq għal ksur minn istituzzjoni tal-Unjoni tal-prinċipju fundamentali tat-terminu raġonevoli, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

105

L-Unjoni Ewropea tikkunsidra, prinċipalment, li dan l-aggravju huwa inammissibbli, u, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

106

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat, bħal fil-każ tal-Avukat Ġenerali fil-punt 127 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608), li fuqha Kendrion tibbaża sabiex issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tad-dannu immaterjali u tibbaża t-talba għad-danni tagħha fuq somma li tikkorrispondi għal 5 % tal-ammont tal-multa, ġiet mibdula mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punti 77 sa 108 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u għalhekk ma għadhiex iktar rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ kumpens intiż sabiex jikkumpensa, skont l-Artikolu 340 TFUE, id-dannu immaterjali kkawżat mill-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza.

107

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ta’ Kendrion, sa fejn huwa intiż sabiex jikkontesta r-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tagħtiha somma għal ammont li jikkorrispondi għal 5 % tal-multa imposta u sabiex tikseb mill-Qorti tal-Ġustizja l-għoti ta’ tali ammont, għandu jiġi miċħud.

108

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li l-appellanti fl-appell inċidentali ssostni, fid-dawl tan-natura tad-danni mhux materjali jew immaterjali, kumpens, bħal dak inkwistjoni, jista’ jikkostitwixxi kumpens adegwat, fis-sens tal-Artikolu 340 TFUE, sabiex jikkumpensa tali danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 1979, V. vs Il‑Kummissjoni, 18/78, EU:C:1979:154, punt 19), b’tali mod li din l-appellanti ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dritt tagħha għal rimedju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta.

109

Peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 6 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 41 tal-KEDB ma jikkorrispondix mal-Artikolu 47 tal-Karta, l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 135 tas-sentenza appellata, ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi kkontestata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 41 tal-KEDB.

110

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, fil-kuntest partikolari tar-rikorsi għad-danni, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat l-eżistenza ta’ dannu, hija biss għandha kompetenza sabiex tevalwa, fil-limiti tat-talba, il-metodu u l-portata tal-kumpens għad-dannu. Madankollu, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, dawn għandhom ikunu suffiċjentement immotivati u, fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dannu, jindikaw il-kriterji li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont stabbilit (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 50 u 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

111

Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 124 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, esponiet suffiċjentement, fil-punti 117 sa 128 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tikkunsidra li ċerti elementi tad-dannu immaterjali allegati mill-appellanti fl-appell inċidentali kienu ġew stabbiliti b’mod suffiċjenti minn din tal-aħħar filwaqt li elementi oħra ma kinux ġew stabbiliti. Sussegwentement, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi ineżami, id-dannu immaterjali kkonstatat, jiġifieri d-dannu subit minħabba l-istat ta’ inċertezza fit-tul li fih din l-appellanti tqiegħdet matul il-proċedura fil-Kawża T‑54/06 ma kienx kompletament irrimedjat mill-konstatazzjoni ta’ ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza. Fl-aħħar nett, fil-punti 130 sa 134 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat il-kriterji li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens.

112

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li kumpens ta’ EUR 6000, mogħti lill-appellanti fl-appell inċidentali jikkostitwixxi kumpens adegwat għad-dannu li hija sofriet minħabba l-istat ta’ inċertezza fit-tul li hija sabet ruħha fih matul il-proċedura fil-Kawża T‑54/06.

113

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

114

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

115

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament it-tilwima, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

116

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li tiddeċiedi definittivament dwar ir-rikors għad-danni ppreżentat minn Kendrion sa fejn huwa intiż li jinkiseb kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja lil hinn mit-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kuntest tal-Kawża T‑54/06.

117

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, jeħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni, in-natura reali tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din l-istituzzjoni u d-dannu invokat (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

118

Hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 36 tas-sentenza appellata, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il‑Komunità Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata li teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni determinata (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

119

Għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 52 sa 62 ta’ din is-sentenza, ir-rikors għad-danni ppreżentat minn Kendrion quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn huwa intiż li jinkiseb kumpens għad-dannu materjali li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja lil hinn mit-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kuntest tal-Kawża T‑54/06, għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

120

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

121

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

122

Peress li Kendrion tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż kollha sostnuti mill-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ dan l-appell, kif mitlub minn din tal-aħħar.

123

Konformement mal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Unjoni Ewropea u Kendrion għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

124

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta, fil-każ li ma tkunx hija stess ippreżentat l-appell, intervenjenti fl-ewwel istanza tipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ tiddeċiedi li din l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

125

Il-Kummissjoni, li kellha l-kwalità ta’ intervenjenti fl-ewwel istanza u li pparteċipat fil-fażi bil-miktub tal-proċedura tal-appell prinċipali, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Frar 2017, Kendrion vs L‑Unjoni Ewropea (T‑479/14, EU:T:2017:48), huwa annullat.

 

2)

L-appell inċidentali ppreżentat minn Kendrion NV huwa miċħud.

 

3)

Ir-rikors għad-danni ppreżentat minn Kendrion NV, sa fejn huwa intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu materjali li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja lil hinn mit-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il‑Kummissjoni (T‑54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667), huwa miċħud.

 

4)

Kendrion NV għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk kollha sostnuti mill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-kuntest ta’ dan l-appell, kif ukoll l-ispejjeż rispettivi tagħha fl-ewwel istanza.

 

5)

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fl-ewwel istanza.

 

6)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kemm fil-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.