SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

“Appell – Rikors għad-danni – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE – Tul eċċessiv tal-proċedura fil-kuntest ta’ żewġ kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Kumpens għad-dannu allegatament subit mill-appellanti – Dannu materjali – Spejjeż ta’ garanzija bankarja – Rabta kawżali – Interessi moratorji – Dannu immaterjali”

Fil-Kawżi magħquda C‑138/17 P u C‑146/17 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati, rispettivament, fis-17 u fit-22 ta’ Marzu 2017,

L‑Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Inghelram u Á.M. Almendros Manzano, bħala aġenti (C‑138/17 P),

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Gascogne Sack Deutschland GmbH, li kienet Sachsa Verpackung GmbH, stabbilita f’Wieda (il-Ġermanja),

Gascogne SA, stabbilita f’Saint-Paul-lès-Dax (Franza),

irrappreżentati minn F. Puel u E. Durand, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Urraca Caviedes, S. Noë u F. Erlbacher, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

u

Gascogne Sack Deutschland GmbH, stabbilita f’Wieda,

Gascogne SA, stabbilita f’Saint-Paul-lès-Dax,

irrappreżentati minn F. Puel u E. Durand, avukati (C‑146/17 P),

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Inghelram u Á.M. Almendros Manzano, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Il‑Kummissjoni Ewropea,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.-C. Bonichot, E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, minn naħa, l-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, Gascogne Sack Deutschland GmbH kif ukoll Gascogne SA jitolbu l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Jannar 2017, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L‑Unjoni Ewropea (T‑577/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:1), li permezz tagħha kkundannat lill-Unjoni Ewropea sabiex tħallas lil Gascogne kumpens għal ammont ta’ EUR 47 064.33 bħala dannu materjali subit minn din il-kumpannija minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il‑Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Kawżi T‑72/06 u T‑79/06”), kif uoll kumpens ta’ EUR 5000 lil Gascogne Sack Deutschland u kumpens ta’ EUR 5000 lil Gascogne bħala dannu immaterjali li dawn il-kumpanniji rispettivament issubixxew minħabba dan il-ksur, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Frar 2006, minn naħa, Sachsa Verpackung GmbH, li saret Gascogne Sack Deutschland, u, min-naħa l-oħra, Groupe Gascogne SA, li saret Gascogne, ippreżentaw, kull waħda, rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4634 tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni C(2005) 4634”). Fir-rikorsi tagħhom, huma talbu, essenzjalment, sabiex il-Qorti Ġenerali tannulla din id-deċiżjoni sa fejn kienet tikkonċernahom, jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom.

3

Permezz tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il‑Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn ir-rikorsi.

4

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fis-27 ta’ Jannar 2012, Gascogne Sack Deutschland u Groupe Gascogne ppreżentaw appelli mis-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il‑Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674).

5

Permezz tas-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768), u tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dawn l-appelli.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

6

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Awwissu 2014, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne ppreżentaw rikors ibbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE kontra l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li dawn il-kumpanniji jqisu li ssubixxew minħabba tul eċċessiv tal-proċedura, quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06.

7

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qatgħet u ddeċidiet:

“1)

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tħallas indennizz ta’ EUR 47064.33 lil Gascogne bħala dannu materjali soffert minn dik il-kumpannija minħabba ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-kawżi [T‑72/06 u T‑79/06]. Dan l-indennizz għandu jiġi rrivalutat b’interessi kumpensatorji, dekorribbli mill-4 ta’ Awwissu 2014 u sa meta tingħata din is-sentenza, bir-rata ta’ inflazzjoni annwali kkonstatata, għall-perijodu kkonċernat, mill-Eurostat (uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea) fl-Istat Membru fejn hija stabbilità din il-kumpannija.

2)

[L-Unjoni Ewropea], irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tħallas indennizz ta’ EUR 5000 lil Gascogne Sack Deutschland GmbH u indennizz ta’ EUR 5000 lil Gascogne għad-dannu immaterjali li dawn il-kumpanniji rispettivament sofrew minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T-72/06 u T-79/06.

3)

Kull indennizz imsemmi fil-punti 1) u 2) iktar ’il fuq għandu jiżdied b’interessi moratorji, li jibdew jiddekorru mill-għoti ta’ din is-sentenza u sakemm isir il-ħlas sħiħ, bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti ta’ perċentwali.

4)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)

[L-Unjoni Ewropea], irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne u li jirrigwardaw l-eċċezzjoni ta’ inammisibbiltà li tat lok għad-digriet tat-2 ta’ Frar 2015, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea (T-577/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:80).

6)

Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, minn naħa, u [L‑Unjoni Ewropea], irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess relatati mar-rikors li ta lok għal din is-sentenza.

7)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjes tagħha stess.”

It-talbiet tal-partijiet

8

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑138/17 P, l-Unjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tiċħad bħala infondata t-talba ta’ Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, ifformulata fl-ewwel istanza, intiża sabiex tinkiseb is-somma ta’ EUR 187571 bħala telf allegatament subit mill-fatt tal-ħlas addizzjonali tal-garanzija bankarja lil hinn minn terminu raġonevoli, u

tikkundanna lil Gascogne Sack Deutschland u lil Gascogne għall-ispejjeż.

9

Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

10

Il‑Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell għal dawn l-elementi kollha.

11

Fl-appell tagħhom fil-Kawża C‑146/17 P, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment is-sentenza appellata;

tiddeċiedi definittivament dwar il-kumpensi finanzjarji għad-danni materjali u immaterjali subiti mill-appellanti abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, konformement mat-talbiet tal-appellanti, u

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

12

L‑Unjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

13

Permezz tad-deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tas-17 ta’ April 2018, il-Kawżi C‑138/17 P u C‑146/17 P ingħaqdu għall-finijiet tal-konklużjonijiet u tas-sentenza.

Fuq l-appelli

14

Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑138/17 P, l-Unjoni Ewropea tqajjem tliet aggravji.

15

L-appell fil-Kawża C‑146/17 P huwa fondat fuq seba’ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑138/17 P

L-argumenti tal-partijiet

16

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-Unjoni Ewropea, appellanti fil-Kawża C‑138/17 P, issostni li, peress li qieset li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 u t-telf subit minn Gascogne minħabba l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”.

17

B’mod partikolari, l-Unjoni Ewropea tqis li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-premessa żbaljata li l-għażla li tiġi kkostitwita garanzija bankarja ssir biss f’mument partikolari, jiġifieri fil-mument tal-“għażla inizjali” li tiġi kkostitwita din il-garanzija. Issa, peress li l-obbligu li titħallas il-multa kien jeżisti matul il-proċedura kollha quddiem il-qrati tal-Unjoni, u anki lil hinn minn dan il-perijodu, peress li l-multa ma ġietx annullata, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kellhom il-possibbiltà li jħallsu l-multa u b’hekk jeżegwixxu l-obbligu tagħhom f’dan ir-rigward. Billi kellhom il-possibbiltà li f’kull mument iħallsu l-multa, l-għażla stess imwettqa minn dawn ir-rikorrenti li jissostitwixxu dan il-ħlas permezz ta’ garanzija bankarja hija għażla kontinwa, li huma jwettqu matul il-proċedura kollha. Għaldaqstant, ir-raġuni determinanti tal-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja hija l-għażla tagħom stess li ma jħallsux il-multa u li jissostitwixxu dan il-ħlas permezz ta’ garanzija bankarja u mhux il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza.

18

Il-Kummissjoni taderixxi mal-argumenti invokati mill-Unjoni Ewropea.

19

Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, appellati fil-Kawża C‑138/17 P isostnu, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali korrettament ma applikatx għal dan il-każ il-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni (T‑28/03, EU:T:2005:139, punti 121 sa 123), kif ukoll mid-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni (T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punti 39 u 40), peress li l-fatti tal-kawża huma sostanzjalment differenti minn dawk tal-kawżi msemmija f’din il-ġurisprudenza, hekk kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 121 tas-sentenza appellata, u, min-naħa l-oħra, li din is-sentenza kkaratterizzat, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn in-nuqqas imwettaq mill-Qorti Ġenerali u d-dannu subit minn Gascogne.

20

Barra minn hekk, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne isostnu li l-fatt li l-Unjoni Ewropea tqajjem dubju dwar il-prinċipju stess ta’ kumpens billi tiċħad kull kap ta’ dannu subit minnhom, filwaqt li, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tagħha tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768), u tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770), hija stess irrikonoxxiet kemm in-natura eċċessiva tat-tul tal-proċedura u l-prinċipju tal-eżistenza ta’ dannu li jirriżulta minn dan it-tul, jikkostitwixxi “abbuż ta’ proċedura”.

21

Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jitolbu għalhekk, li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22

Għandu jitfakkar li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali magħmula mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u d-dannu, rabta li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tagħha, b’tali mod li l-aġir ikkritikat għandu jkun ir-raġuni determinanti tad-dannu (digriet tal-31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il‑Kummissjoni, C‑433/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:204, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 huwiex ir-raġuni determinanti tad-dannu li jirriżulta mill-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir ikkritikat lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u d-dannu allegat.

24

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni ppreżentat kontra l-Kummissjoni, għall-finijiet, b’mod partikolari, ta’ rimbors tal-ispejjeż ta’ garanzija magħmula mir-rikorrenti sabiex tinkiseb is-sospensjoni tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru tal-ħlasijiet lura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, deċiżjonijiet li sussegwentement ġew irtirati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta deċiżjoni li timponi l-ħlas ta’ multa tinkludi l-fakultà li jsir depożitu ddestinat li jiggarantixxi dan il-ħlas u l-interessi moratorji, sakemm ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni jasal fi tmiem, id-dannu li jikkonsisti fl-ispejjeż ta’ garanzija ma jirriżultax minn din id-deċiżjoni, iżda mill-għażla stess tal-persuna kkonċernata li tikkostitwixxi garanzija pjuttost milli teżegwixxi immedjatament l-obbligu ta’ rimbors. F’dawn ir-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li ma kienet teżisti ebda rabta kawżali diretta bejn l-aġir li l-Kummissjoni ġiet ikkritikata bih u d-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il‑KummissjoniC‑460/09 P, EU:C:2013:111, punti 118 u 120).

25

Issa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, li r-rabta bejn l-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 u l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li kien jikkorrispondi ma’ din l-iskadenza ma setgħetx ġiet miksura minħabba l-għażla inizjali ta’ Gascogne li ma tħallasx immedjatament il-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2005) 4634 u li tikkostitwixxi garanzija bankarja.

26

B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-punti 119 u 120 tas-sentenza appellata, iż-żewġ ċirkustanzi li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sabiex tasal għall-konklużjoni stabbilita fil-punt 121 ta’ din is-sentenza, huma, minn naħa, li, fil-mument meta Gascogne kkostitwixxiet garanzija bankarja, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza kien imprevedibbli u li din il-kumpannija setgħet leġittimament tistenna li dawn ir-rikorsi jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli u, min-naħa l-oħra, li l-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza seħħet wara l-għażla inizjali ta’ Gascogne li tikkostitwixxi din il-garanzija.

27

Issa, iż-żewġ ċirkustanzi evokati mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 119 u 120 tas-sentenza appellata, ma jistgħux ikunu rilevanti sabiex jiġi kkunsidrat li r-rabta kawżali bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, fil-kuntest tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, u d-dannu subit minn Kendrion, minħabba l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu korrispondenti mal-iskadenza ta’ dan it-terminu ma setgħetx ġiet miksura minħabba l-għażla ta’ din l-impriża li tikkostitwixxi din il-garanzija.

28

Fil-fatt, dan ikun il-każ biss jekk iż-żamma tal-garanzija bankarja jkollha natura obbligatorja, b’tali mod li l-impriża li tkun ippreżentat rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa, u li tkun għażlet li tikkostitwixxi garanzija bankarja sabiex ma teżegwixxix immedjatament din id-deċiżjoni, ma kellhiex id-dritt, qabel id-data meta ngħatat is-sentenza fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li tħallas din il-multa u li twaqqaf il-garanzija bankarja li hija kienet ikkostitwixxiet.

29

Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 37, 49 u 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħal fil-każ tal-kostituzzjoni tal-garanzija bankarja, iż-żamma tagħha taqa’ taħt l-evalwazzjoni libera tal-impriża kkonċernata fir-rigward tal-interessi finanzjarji tagħha. Fil-fatt, ma hemm xejn fid-dritt tal-Unjoni li jipprekludi din l-impriża li, fi kwalunkwe mument, twaqqaf il-garanzija bankarja li hija kkostitwixxiet u li tħallas il-multa imposta, meta, b’kunsiderazzjoni tal-iżvilupp taċ-ċirkustanzi meta mqabbla ma’ dawk eżistenti fid-data tal-kostituzzjoni ta’ din il-garanzija, din l-impriża tqis li din l-għażla hija iktar vantaġġuża għaliha. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jwassal lill-impriża inkwistjoni sabiex tikkunsidra li s-sentenza ser tingħata f’data sussegwenti għal dik li kienet inizjalment ipprevediet u li, konsegwentement, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja ser ikunu ogħla minn dawk li hija kienet inizjalment ipprevediet, waqt il-kostituzzjoni ta’ din il-garanzija.

30

F’dan il-każ, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li, minn naħa, fix-xahar ta’ Settembru 2009, jiġifieri 43 xahar wara l-preżentata tar-rikorsi fil-kuntest tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, il-ftuħ tal-proċedura orali f’dawn il-kawżi ma kienx għadu seħħ, hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 63 tas-sentenza appellata, u li, min-naħa l-oħra, it-terminu li Gascogne ikkunsidrat hija stess, fir-rikors fl-ewwel istanza tagħha, bħala t-terminu normali għat-trattament tar-rikorsi għal annullament fil-qasam tal-kompetizzjoni, huwa preċiżament ta’ 43 xahar, għandu jiġi kkonstatat li, mhux iktar tard mix-xahar ta’ Settembru 2009, Gascogne ma setgħetx tinjora li t-tul tal-proċeduri f’dawn il-kawżi kien ser jaqbeż sew dak li hija kienet inizjalment ipprevediet, u li hija setgħet tikkunsidra mill-ġdid l-opportunità li żżomm il-garanzija bankarja, fir-rigward tal-ispejjeż supplimentari li ż-żamma ta’ din il-garanzija tista’ timplika.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 ma jistax ikun ir-raġuni determinanti tad-dannu subit minn Gascogne minħabba l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali dannu jirriżulta mill-għażla stess ta’ Gascogne li żżomm il-garanzija bankarja matul il-proċedura kollha f’dawn il-kawżi, minkejja konsegwenzi finanzjarji li dan jimplika.

32

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li qieset li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 u t-telf subit minn Gascogne minħabba l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”.

33

Fl-aħħar nett, l-argument tal-appellati li, fil-kuntest tal-Kawża C‑138/17 P, l-azzjoni tal-appellanti tista’ tiġi kklassifikata bħala “abbuż ta’ proċedura” ma jistax iqajjem dubju dwar din l-evalwazzjoni.

34

Fil-fatt, għalkemm, fis-sentenzi tagħha tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punt 102), u tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 96), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat il-ksur mill-Qorti Ġenerali tar-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kuntest tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif l-Avukat Ġenerali enfasizza fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, u kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellati, f’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ma rrikonoxxietx l-eżistenza ta’ dannu li jirriżulta minn tali ksur.

35

Bil-kontra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza kellha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali stess, u li kienet din tal-aħħar li kellha tevalwa kemm il-materjalità tad-dannu invokat kif ukoll ir-rabta kawżali tiegħu mat-tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja kontenzjuża billi jsir eżami tal-provi prodotti għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punti 90 u 94, kif ukoll tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punti 84 u 88).

36

Konsegwentement, billi dan l-aggravju għandu jintlaqa’, hemm lok għalhekk li jiġi annullat il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni u t-tielet aggravju invokati mill-Unjoni Ewropea insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑138/17 P.

Fuq l-ewwel tliet aggravji fil-Kawża C‑146/17 P

37

Permezz tal-ewwel sat-tielet aggravju fil-Kawża C‑146/17 P, huwa sostnut li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita, motivazzjoni kontradittorja doppja f’dak li jikkonċerna l-kumpens għad-dannu materjali subit, kif ukoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

38

Peress li dawn l-aggravji ttrattaw l-ammont tal-kumpens mogħti mill-Qorti Ġenerali bħala dannu materjali subit mill-fatt tal-ħlas minn Gascogne ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, u li, hekk kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata ġie annullat, ma hemmx iktar lok li dawn l-aggravji jiġu eżaminati.

Fuq ir-raba’ u l-ħames aggravju fil-Kawża C‑146/17 P

L-argumenti tal-partijiet

39

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, appellanti fil-Kawża C‑146/17 P, isostnu li, billi qieset li ma kienx hemm lok li tilqa’ t-talba għal kumpens tagħhom, bħala dannu immaterjali subit, minħabba li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768), u tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770), il-qorti tal-Unjoni, adita b’rikors għad-danni, ma tistax tqajjem dubju dwar l-ammont tal-multa mill-fatt tal-ksur ta’ terminu raġoneveoli għall-għoti ta’ sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’liġi manifest fl-interpretazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza.

40

Skont l-appellanti, mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja evokati fil-punt 39 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma huwiex ta’ natura li jippermetti annullament jew tnaqqis tal-multa fil-kuntest ta’ eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, billi l-kumpens għad-dannu marbut ma’ dan it-tul għandu jkun suġġett għal proċedura ad hoc, sa fejn it-tul eċċessiv huwa indipendenti minn dak li kien il-bażi tas-sanzjoni. Għalhekk dawn is-sentenzi ma jagħmlu ebda rabta bejn l-ammont tal-kumpens li jista’ jingħata mill-fatt tad-danni subiti minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tar-rikors għad-danni, u l-ammont tal-multa imposta mill-fatt tal-prattiki antikompetittivi. Bil-kontra, il-bażi stess tal-pożizzjoni adottata f’dawn is-sentenzi mill-Qorti tal-Ġustizzja tinsab fid-“distinzjoni assoluta” bejn dawn iż-żewġ elementi.

41

Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jqisu li, billi rrifjutat li tilqa’ t-talba għal kumpens tagħhom għad-dannu immaterjali subit, minħabba li, fid-dawl tal-livell tiegħu, l-għoti ta’ tali kumpens iwassal, b’mod konkret, sabiex iqajjem dubju dwar l-ammont tal-multa imposta fuq dawn tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali ċaħdet mnn effett utli u kisret l-Artikolu 256(1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li huma intiżi preċiżament sabiex jistabbilixxu rimedju ġudizzjarju effettiv għall-vittmi ta’ danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, b’mod partikolari, dawk li jirriżultaw mill-fatt tat-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem qorti tal-Unjoni, kif ukoll jippermettulhom li jiksbu kumpens adegwat u integrali għad-danni subiti, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv.

42

L-Unjoni Ewropea, appellata fil-Kawża C‑146/17 P, issostni li dawn l-aggravji huma ineffettivi u, fi kwalunkwe każ, infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Permezz tar-raba’ u tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 163 tas-sentenza appellata.

44

Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 155 sa 165 tas-sentenza appellata, tali evalwazzjoni tikkostitwixxi motiv superfluwu ta’ din is-sentenza, billi d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma tilqax it-talba għal kumpens għal ammont ta’ EUR 500000 bħala dannu immaterjali subit kienet suffiċjentement iġġustifikata permezz tal-punt 160 ta’ din is-sentenza, li l-kontenut tiegħu ma huwiex ikkontestat mill-appellanti.

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilmenti mressqa kontra motivi superfluwi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk huma ineffettivi (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2016, SV Capital vs ABE, C‑577/15 P, EU:C:2016:947, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Konsegwentement, ir-raba’ u l-ħames aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

Fuq is-sitt aggravju fil-Kawża C‑146/17 P

L-argumenti tal-partijiet

47

Permez tas-sitt aggravju tagħhom, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne isostnu li, billi tat lil kull waħda minnhom kumpens għal ammont ta’ EUR 5000 bħala dannu immaterjali subit, filwaqt li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, ikkunsidrat li l-kumpens għad-dannu immaterjali ma setax iqajjem dubju, anki parzjalment, dwar l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, espressament irrikonoxxiet l-eżistenża ta’ dannu immaterjali subit mir-rikorrenti li, hekk kif ġie indikat fil-punti 165 tas-sentenza appellata, kellu jiġi kkumpensat fir-rigward tal-“portata tal-ksur tat-terminu raġonevoli” u “tal-effikaċja ta’ dan ir-rikors”, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nnifisha.

48

L‑Unjoni Ewropea tqis li dan l-aggravju huwa ineffettiv, u fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49

Permezz tas-sitt aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija darbtejn kontradittorja.

50

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument li teżisti kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-punti 161 sa 164 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, il-punt 165 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-dispożittiv tagħha, f’dak li jikkonċerna l-għoti lir-rikorrenti ta’ kumpens għal ammont inqas minn EUR 500000 huwa, hekk kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, suffiċjentement iġġustifikat permezz tal-punt 160 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, dan l-argument, li huwa intiż li jikkontesta l-punti 161 sa 165 tas-sentenza appellata, huwa ineffettiv u għandu, għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza evokata fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, jiġi miċħud.

51

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument li teżisti kontradizzjoni fil-punt 165 tas-sentenza appellata, hemm lok li jiġi rrilevat li l-fatt li l-kumpens mogħti mill-Qorti Ġenerali, bħala dannu immaterjali subit mir-rikorrenti minħabba l-inċertezza fil-pjanifikazzjoni tad-deċiżjonjiet li kellhom jittieħdu u fil-ġestjoni tal-kumpanniji, jasal biss għal EUR 5000 ma jeskludix li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-portata tal-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza u l-effettività ta’ dan ir-rikors.

52

Għalhekk il-punt 165 tas-sentenza appellata ma jinkludi ebda kontradizzjoni.

53

Konsegwentement, hemm lok li s-sitt aggravju jiġi miċħud, bħala parzjalment ineffettiv u, parzjalment, infondat.

Fuq is-seba’ aggravju fil-Kawża C‑146/17 P

L-argumenti tal-partijiet

54

Permezz tas-seba’ aggravju tagħhom, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne jsostnu li, billi sempliċement affermat, mingħajr ebda element ġustifikattiv ta’ sostenn, fl-ewwel lok, fil-punt 154 tas-sentenza appellata, li “il-konstatazzjoni tal-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza [...], hija biżżejjed, fid-dawl tal-għan u l-gravità ta’ dak il-ksur, sabiex tissewwa l-ħsara għar-reputazzjoni allegata” u, fit-tieni lok, fil-punt 165 tas-sentenza appellata, li “indennizz ta’ EUR 5000, mogħti lil kull rikorrent, jikkostitwixxi kumpens adegwat għad-dannu li huma sofrew minħabba l-istat ta’ inċertezza fit-tul li huma, rispettivament, sabu ruħhom fih matul il-proċedura”, il-Qorti Ġenerali inkontestabbilment naqset milli twettaq id-dmir ta’ motivazzjoni tagħha.

55

L‑Unjoni Ewropea titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56

Permezz tas-seba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma mmotivatx is-sentenza appellata b’mod suffiċjenti.

57

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment intiż sabiex jiġi kkontestat il-punt 154 tas-sentenza appellata, mill-punti 151 sa 154 ta’ din is-sentenza, dwar allegata ħsara għar-reputazzjoni invokata mir-rikorrenti, u b’mod partikolari mit-termini “[f]i kwalunkwe każ” li jinsabu fil-punt 154 tal-istess sentenza, jirriżulta li l-evalwazzjoni li tinsab f’dan l-aħħar punt tikkostitwixxi motiv superfluwu, billi l-motiv espost fil-punt 153 tas-sentenza appellata kien suffiċjenti sabiex it-talba għal kumpens tiġi miċħuda f’dak li jikkonċerna allegata ħsara għar-reputazzjoni.

58

Konformement mal-ġurisprudenza evokata fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, dan l-ilment huwa għalhekk ineffettiv, u għalhekk għandu jiġi miċħud.

59

Fir-rigward fit-tieni lok, tal-ilment intiż sabiex jiġi kkontestat il-punt 165 tas-sentenza appellata, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑202/07 P, EU:C:2009:214, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kuntest partikolari tar-rikorsi għad-danni, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat l-eżistenza ta’ dannu, hija biss għandha kompetenza sabiex tevalwa, fil-limiti tat-talba, il-metodu u l-portata tal-kumpens għad-dannu. Madankollu, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, dawn għandhom ikunu suffiċjentement immotivati u, fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dannu, jindikaw il-kriterji li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont stabbilit (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 50 u 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, esponiet suffiċjentement, fil-punti 147 sa 157 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tikkunsidra li ċerti elementi tad-dannu immaterjali allegati mir-rikorrenti kienu ġew stabbiliti b’mod suffiċjenti minn dawn tal-aħħar filwaqt li elementi oħra ma kinux ġew stabbiliti. Sussegwentement, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi ineżami, id-dannu immaterjali kkonstatat, jiġifieri d-dannu subit minħabba l-istat ta’ inċertezza fit-tul li fih ir-rikorrenti sabu ruħhom rispettivament matul il-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 ma setax jiġi kompletament irrimedjat mill-konstatazzjoni ta’ ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza. Fl-aħħar nett, fil-punti 159 sa 164 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat il-kriterji li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti ma jistgħux jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta ddeċidiet, fil-punt 165 tas-sentenza appellata, li kumpens għal ammont ta’ EUR 5000, mogħti lil kull waħda mir-rikorrenti, jikkostitwixxi, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-portata tal-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, tal-aġir tagħhom, tan-neċessità li jiġu osservati r-regoli tal-kompetizzjoni u tal-effettività tar-rikors fl-ewwel istanza, kumpens adegwat għad-dannu li huma ssubixxew minħabba l-istat ta’ inċertezza fit-tul li rispettivament sabu ruħhom fih matul il-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06.

63

Konsegwentement, is-seba’ aggravju għandu jiġi miħċud bħala, parzjalment ineffettiv u, parzjalment, infondat.

64

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell fil-Kawża C‑146/17 P għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

65

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament it-tilwima, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

66

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li tiddeċiedi definittivament dwar ir-rikors għad-danni ppreżentat minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne quddiem il-Qorti Ġenerali sa fejn huwa intiż li jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit mill-fatt tal-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja lil hinn mit-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kuntest tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06.

67

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, jeħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni, in-natura reali tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu invokat (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68

Hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 53 tas-sentenza appellata, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il‑Komunità Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata li teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni determinata (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69

Għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 22 sa 32 ta’ din is-sentenza, ir-rikors għad-danni ppreżentat minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn huwa intiż li jinkiseb kumpens għad-dannu għal ammont ta’ EUR 187571 bħala dannu materjali allegat li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja lil hinn mit-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kuntest tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

70

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

71

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

72

Peress li Gascogne Sack Deutschland u Gascogne tilfu, kemm fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑138/17 P kif ukoll f’dak tal-Kawża C‑146/17 P, hemm lok li dawn il-kumpanniji jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, l-ispejjeż kollha sostnuti mill-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ appelli, kif mitlub minn din tal-aħħar.

73

Konformement mal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, minn naħa, l-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, Gascogne Sack Deutschland kif ukoll Gascogne għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

74

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta, fil-każ li ma tkunx hija stess ippreżentat l-appell, intervenjenti tipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ tiddeċiedi li din l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

75

Il-Kummissjoni, li kellha l-kwalità ta’ intervenjenti fl-ewwel istanza u li pparteċipat fil-fażi bil-miktub tal-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑138/17 P, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑138/17 P.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Jannar 2017, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L‑Unjoni Ewropea (T‑577/14, EU:T:2017:1), huwa annullat.

 

2)

L-appell fil-Kawża C‑146/17 P ippreżentat minn Gascogne Sack Deutschland GmbH u Gascogne SA huwa miċħud.

 

3)

Ir-rikors għad-danni ppreżentat minn Gascogne Sack Deutschland GmbH u Gascogne SA sa fejn huma intiż li jinkiseb kumpens għad-dannu għal ammont ta’ EUR 187571 bħala dannu materjali allegat li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja lil hinn mit-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il‑Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674), huwa miċħud.

 

4)

Gascogne Sack Deutschland GmbH u Gascogne SA għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk kollha sostnuti mill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, kif ukoll l-ispejjeż rispettivi tagħhom fl-ewwel istanza.

 

5)

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fl-ewwel istanza.

 

6)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kemm fil-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑138/17 P.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.