Kawża C-117/17
Comune di Castelbellino
vs
Regione Marche et
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per le Marche)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Artikolu 4(2) u (3) u Annessi I sa III – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Awtorizzazzjoni għat-twettiq ta’ xogħlijiet f’impjant għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn bijogass mingħajr eżami preliminari tan-neċessità li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Annullament – Regolarizzazzjoni a posteriori tal-awtorizzazzjoni abbażi ta’ dispożizzjonijiet ġodda tad-dritt nazzjonali mingħajr eżami preliminari tan-neċessità li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-28 ta’ Frar 2018
Ambjent–Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent–Direttiva 2011/92–Sottomissjoni għal evalwazzjoni ta’ proġetti fil-klassijiet imsemmija fl-Anness II–Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri–Limiti–Teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji ta’ għażla msemmija fl-Anness III
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Artikoli 2(1), 4(2) u(3), punt 2 tal-Anness I u Anness III)
Ambjent–Evalwazzjoni tal-effetti ta' ċerti proġetti fuq l-ambjent–Direttiva 2011/92–Obbligu li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-evalwazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni–Ommissjoni tal-eżami minn qabel tan-neċessità li titwettaq evalwazzjoni–Obbligu li l-awtoritajiet jirrimedjaw għal dan–Portata–Regolarizzazzjoni a posteriori tal-awtorizzazzjoni abbażi ta’ dispożizzjonijiet ġodda tad-dritt nazzjonali–Ammissibbiltà–Kundizzjonijiet
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/92, Artikoli 2(1), 4(2) u(3) u Annessi II u III)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 37, 38, 40-42)
Meta proġett għal żieda fil-qawwa ta’ impjant għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma ġiex suġġett għal eżami preliminari tan-neċessità li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent b’applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li sussegwentement ġew iddikjarati inkompatibbli fuq dan il-punt mad-Direttiva 2011/92 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-Istati Membri jneħħu l-konsegwenzi illegali ta’ dan il-ksur u ma jipprekludix li dan l-impjant ikun is-suġġett, wara r-realizzazzjoni ta’ dan il-proġett, ta’ proċedura ġdida ta’ eżami mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-verifika tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva u, eventwalment, li jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, bil-kundizzjoni li r-regoli nazzjonali li jippermettu din ir-regolarizzazzjoni ma joffrux lill-persuni kkonċernati l-possibbiltà li jevitaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni jew li jonqsu milli japplikawhom. Hemm ukoll lok li l-effetti ambjentali li seħħew wara r-realizzazzjoni tal-proġett jittieħdu inkunsiderazzjoni. Dawn l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jqisu, abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fid-data ta’ meta huma jintalbu jiddeċiedu, li tali evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma hijiex meħtieġa, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli ma din id-direttiva.
(ara l-punt 42 u d-dispożittiv)