SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

28 ta’ Frar 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Artikolu 4(2) u (3) u Annessi I sa III – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Awtorizzazzjoni għat-twettiq ta’ xogħlijiet f’impjant għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn bijogass mingħajr eżami preliminari tan-neċessità li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Annullament – Regolarizzazzjoni a posteriori tal-awtorizzazzjoni abbażi ta’ dispożizzjonijiet ġodda tad-dritt nazzjonali mingħajr eżami preliminari tan-neċessità li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent”

Fil-Kawża C‑117/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Le Marche, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

Comune di Castelbellino

vs

Regione Marche,

Ministero per i beni e le attività culturali,

Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

Regione Marche Servizio Infrastrutture Trasporti Energia - P. F. Rete Elettrica Regionale,

Provincia di Ancona,

fil-preżenza ta’:

Società Agricola 4 C S.S.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Comune di Castelbellino, minn A. Lucchetti, avvocato,

għar-Regione Marche, minn P. De Bellis, avvocato,

għas-Società Agricola 4 C S.S., minn M. Misiti, avvocato,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u C. Zadra, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Comune di Castelbellino (il-Komun ta’ Castelbellino, l-Italja) u r-Regione Marche (ir-Reġjun ta’ Le Marche, l-Italja), il-Ministero per i beni e le attività culturali (il-Ministeru għall-Oġġetti u għall-Attivitajiet Kulturali, l-Italja), il-Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare (il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar, l-Italja), ir-Regione Marche Servizio Infrastrutture Trasporti Energia – P. F. Rete Elettrica Regionale u il-Provincia di Ancona (il-Provinċja ta’ Ancona, l-Italja) dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha r-reġjun ta’ Le Marche qies li ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata n-neċessità li l-proġett ta’ Società Agricola 4 C S. S. (iktar ’il quddiem “4 C”), intiż għal żieda fil-qawwa ta’ impjant għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn bijogass, jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem “EEA”).

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”

4

L-Artikolu 4(2) u (3) ta’ din id-direttiva jispeċifika:

“2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:

a)

eżami każ b’każ,

jew

b)

livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).

3.   Meta jitwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-livelli jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti stabbiliti fl-Anness III.”

5

L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proġetti Msemmija fl-Artikolu 4(1)”, tal-imsemmija direttiva jipprevedi, fil-punt 2(a) tiegħu, li jiffurmaw parti minn dawn il-proġetti “[p]ower stations termali u stallazzjonijiet oħra ta’ kombustjoni bi ħruġ ta’ sħana ta’ 300 [megawatt (MW)] jew iktar”.

6

L-Anness II tal-istess direttiva, intitolat “Proġetti Msemmija fl-Artikolu 4(2)”, min-naħa tiegħu jipprevedi, fil-punt 3 tiegħu, li, fost dawn il-proġetti hemm “[s]tallazzjonijiet industrijali għall-produzzjoni tal-elettriku, il-fwar u l-misħun (proġetti mhux inklużi fl-Anness I)”.

7

L-Anness III tad-Direttiva 2011/92, intitolat “Il-kriterji tal-Għażla Msemmija fl-Artikolu 4(3)”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Karatteristiċi tal-Proġetti

Il-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati billi jitqiesu, b’mod partikolari:

a)

id-daqs tal-proġett;

b)

il-kumulazzjoni ma’ proġetti oħra;

c)

l-użu tar-riżorsi naturali;

d)

il-produzzjoni tal-iskart;

e)

it-tniġġis u l-irritazzjonijiet;

f)

ir-riskju ta’ inċidenti, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari s-sustanzi u t-teknoloġiji użati.

2.   Il-Lokazzjoni tal-Proġetti

Trid tiġi kkunsidrata s-sensittività ambjentali ta’ żoni ġeografiċi li x’aktarx jiġu affettwati mill-proġetti, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari:

a)

l-użu eżistenti tal-art;

b)

l-abbundanza relattiva, il-kwalità u l-ħila tar-riġenerazzjoni tar-riżorsi naturali fiż-żona;

c)

il-kapaċità ta’ assorbiment tal-ambjent naturali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil żoni li ġejjin::

i)

l-artijiet mistgħadra;

ii)

iż-żoni kostali;

iii)

il-firxiet ta’ art muntanjuża u miksija bil-foresti;

iv)

ir-riservi naturali u ġonna kbar;

v)

iż-żoni kklassifikati jew protetti skont il-leġislazzjoni tal-Istati Membri; żoni ta’ protezzjoni speċjali ddisinjati mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi [ĠU 2010, L 20, p. 7),] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa [(ĠU 1992, L 206, p. 7)];

vi)

iż-żoni li fihom il-livelli stabbiliti ta’ kwalità ambjentali preskritti mil-liġijiet tal-Unjoni jkunu diġà ġew maqbuża;

vii)

iż-żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni;

viii)

il-pajsaġġi ta’ sinifikat storiku, kulturali jew arkeoloġiku.

3.   Il-Karatteristiċi tal-Impatt Potenzjali

L-effetti sinifikanti potenzjali tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati f’relazzjoni mal-kriterji stabbiliti fil-punti 1 u 2, u billi jitqiesu b’mod partikolari:

a)

il-firxa tal-impatt (iż-żona ġeografika u d-daqs tal-popolazzjoni affettwata);

b)

in-natura transkonfinali tal-impatt;

c)

il-kobor u l-kumplessità tal-impatt;

d)

il-probabbilità tal-impatt;

e)

it-tul taż-żmien, il-frekwenza u r-riversibbilità tal-impatt.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

4 C topera impjant għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn bijogass fil-Komun ta’ Castelbellino, fir-Reġjun ta’ Le Marche (iktar ’il quddiem l-“impjant inkwistjoni”), li d-dħul fis-servizz tiegħu ġie awtorizzat minn dan il-komun abbażi tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-pajsaġġ.

9

Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2012, ir-Reġjun ta’ Le Marche awtorizza lil 4 C tibda x-xogħlijiet neċessarji sabiex iżżid il-qawwa tal-impjant inkwistjoni minn 249 kilowatts (kW) għal 999 kW.

10

Abbażi tal-legge Regione Marche n. 3 (il-Liġi Reġjonali ta’ Le Marche Nru 3), tas-26 ta’ Marzu 2012 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 3/2012”), din l-awtorizzazzjoni ngħatat mingħajr l-issuġġettar tal-proġett għal EEA u saħansitra mingħajr l-eżami minn qabel tan-neċessità ta’ tali evalwazzjoni, peress li l-qawwa nominali tal-impjant inkwistjoni kienet inqas mil-limitu ta’ 1 MW previst minn din il-liġi.

11

Il-Komun ta’ Castelbellino ressaq quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunale amministrativo regionale per le Marche (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Le Marche, l-Italja), talba għall-annullament ta’ din l-awtorizzazzjoni, billi invoka l-ksur tad-Direttiva 2011/92.

12

Fit-22 ta’ Frar 2013, l-imsemmija qorti ċaħdet t-talba għal miżuri provviżorji tal-Komun ta’ Castelbellino għas-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni kkontestata.

13

Permezz tas-sentenza tagħha Nru 93/2013, tat-22 ta’ Mejju 2013, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) iddikjarat li l-Liġi Nru 3/2012 tmur parzjalment kontra l-kostituzzjoni minħabba li ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, għar-raġuni li din il-liġi ma kinitx timponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji kollha previsti fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92 għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-proġetti suġġetti għal EEA, konformement mal-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva.

14

Fis-16 ta’ April 2015, 4 C ressqet quddiem ir-Reġjun ta’ Le Marche talba intiża sabiex jiġi żgurat li l-impjant inkwistjoni huwa konformi mar-rekwiżiti previsti fid-Direttiva 2011/92.

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 3/2012 li preċedentement kienu jippermettu li r-reġjuni jiddeċiedu l-limiti differenzjati ta’ eżenzjoni mill-EEA, u li fuqhom kienu bbażaw ruħhom l-awtoritajiet reġjonali biex jadottaw id-deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2012, ġew imħassra wara s-sentenza Nru 93/2013 tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), tat-22 ta’ Mejju 2013. Ġew adottati dispożizzjonijiet ġodda li ddefinixxew, fuq il-livell nazzjonali, il-kundizzjonijiet li jippermettu li l-proġetti ta’ interess ġenerali jiġu eżentati minn EEA. Il-livell sabiex l-impjanti bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ġie miżjud għal 50 MW minflok 1 MW, u dan il-limitu jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitnaqqas b’50 %.

16

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, b’applikazzjoni ta’ din is-sistema ġuridika l-ġdida, ir-Reġjun ta’ Le Marche, permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2015, minn naħa, qies li l-impjant inkwistjoni kien eżentat mill-eżami preliminari tan-neċessità ta’ EEA u, min-naħa l-oħra, “ikkonferma” l-awtorizzazzjoni mogħtija preċedentement, tal-20 ta’ Ġunju 2012.

17

Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2015, il-qorti tar-rinviju, it-Tribunale amministrativo regionale per le Marche (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Le Marche) annullat l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-20 ta’ Ġunju 2012 mir-Reġjun ta’ Le Marche, minħabba li din kienet ġiet adottata abbażi ta’ liġijiet li ġew sussegwentement iddikjarati mhux kostituzzjonali.

18

4 C ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja).

19

Il-Komun ta’ Castelbellino, min-naħa tiegħu, ressaq talba għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Reġjun ta’ Le Marche tat-3 ta’ Ġunju 2015 quddiem il-qorti tar-rinviju.

20

Huwa f’dan il-kuntest li t-Tribunale amministrativo regionale per le Marche (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Le Marche) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

[Id-dritt tal-Unjoni] (b’mod partikolari d-Direttiva [2011/92], fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-datata tal-adozzjoni tal-miżuri [inkwistjoni fil-kawża prinċipali]) jipprekludi, bħala prinċipju, liġi nazzjonali jew prassi amministrattiva nazzjonali li tippermetti li jiġu sottoposti għal verifika tas-suġġettibbiltà għal [EEA], jew li jiġu ssuġġettati għal [EEA], proġetti marbuta ma’ impjanti li jkunu diġà tlestew fil-mument li titwettaq il-verifika, jew, għall-kuntrarju, [id-dritt tal-Unjoni] jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw li ssir deroga mill-prinċipju ġenerali li [l-EEA] hija, min-natura tagħha, evalwazzjoni preventiva?

2)

B’mod iktar partikolari, tali deroga tkun iġġustifikata f’każ li liġi ġdida tkun teżonora minn [EEA], proġett partikolari li kellu jiġi ssuġġettat għal [verifika tan-neċessità ta’ suġġettibbiltà għal EEA] skont deċiżjoni tal-qorti nazzjonali li ddikjarat antikostituzzjonali u/jew inapplikabbli regola li kienet fis-seħħ qabel u li kienet tipprovdi għall-eżenzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

21

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda proġett għal żieda fil-qawwa ta’ impjant eżistenti għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika li jaħdem bil-bijogass, li fir-rigward tiegħu l-awtoritajiet reġjonali kienu ddeċidew li ma hemmx lok li jitwettaq eżami preliminari tan-neċessità ta’ EEA, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ awtorità reġjonali li sussegwentement ġiet iddikjarata mhux kostituzzjonali minħabba li din ma kinitx timponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji kollha rilevanti, previsti fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-proġetti suġġetti għal EEA, konformement mal-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva.

22

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, wara t-talba ta’ 4 C, tas-16 ta’ April 2015, imsemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, intiża sabiex terġa’ tiġi eżaminata n-neċessità li titwettaq EEA, peress li x-xogħlijiet inkwistjoni kienu twettqu, l-awtoritajiet reġjonali kompetenti qiesu, abbażi tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi l-ġodda, li ma kienx hemm lok li tali evalwazzjoni titwettaq.

23

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju għalhekk tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta proġett għal żieda fil-qawwa ta’ impjant għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma ġiex suġġett għal eżami preliminari tan-neċessità li titwettaq EEA b’applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li sussegwentement ġew iddikjarati inkompatibbli fuq dan il-punt mad-Direttiva 2011/92, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li dan l-impjant ikun, wara r-realizzazzjoni ta’ dan il-proġett, is-suġġett ta’ proċedura ġdida ta’ eżami mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-verifika tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva u, eventwalment, ta’ EEA. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk dawn l-awtoritajiet jistgħux iqisu, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fis-seħħ fid-data ta’ meta huma jintalbu jiddeċiedu, li tali EEA ma hijiex meħtieġa.

24

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92 jeżiġi li l-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 4 tagħha, moqri flimkien mal-Anness I jew II ta’ din l-istess direttiva, ikunu suġġetti għal din l-evalwazzjoni qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 42, kif ukoll tas-26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16, EU:C:2017:589, punt 32).

25

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-fatt li tali evalwazzjoni għandha ssir minn qabel huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li, fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni, l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni kemm jista’ jkun kmieni l-effetti fuq l-ambjent tal-proċessi tekniċi ta’ ppjanar u ta’ teħid ta’ deċiżjoni kollha sabiex jiġi evitat, sa mill-bidu nett, il-ħolqien ta’ tniġġis jew ta’ inkonvenjenzi iktar milli sabiex sussegwentement jiġu miġġielda l-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 58, kif ukoll tas-26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16, EU:C:2017:589, punt 33).

26

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/92 jispeċifika li, bla ħsara għall-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva, il-proġetti elenkati fl-Anness I tagħha huma suġġetti għal evalwazzjoni, konformement mal-Artikoli 5 sa 10 tagħha.

27

Għall-proġetti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2011/92, l-Artikolu 4(2) tagħha jipprevedi li l-Istati Membri jiddeterminaw jekk il-proġett għandux jiġi suġġett għal EEA abbażi ta’ eżami każ b’każ jew abbażi tal-livelli jew tal-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat.

28

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/92, ikompli jipprevedi li, fil-kuntest tal-eżami każ b’każ jew tal-istabbiliment tal-livelli jew tal-kriterji b’applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji ta’ għażla rilevanti previsti fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

29

Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2011/92 ma tispeċifikax x’għandhom ikunu l-konsegwenzi legali għal ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

30

Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt 43 tas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et (C‑196/16, EU:C:2017:589), li, fil-każ ta’ ommissjoni ta’ EEA meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom iħassru l-konsegwenzi illegali ta’ din l-ommissjoni, u li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li tali evalwazzjoni ssir bħala regolarizzazzjoni, wara l-kostruzzjoni u t-tpoġġija fis-servizz tal-impjant ikkonċernat bil-kundizzjoni doppja li r-regoli nazzjonali li jippermettu din ir-regolarizzazzjoni ma joffrux lill-persuni kkonċernati l-possibbiltà li jevitaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni jew li jonqsu milli japplikawhom, u li l-evalwazzjoni magħmula bħala regolarizzazzjoni ma tirrigwardax biss l-effetti futuri ta’ dan l-impjant fuq l-ambjent, iżda tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-effetti ambjentali li seħħew wara r-realizzazzjoni tiegħu.

31

Fil-punt 42 tas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et (C‑196/16, EU:C:2017:589), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-fatt, l-ewwel nett, li l-kumpanniji kkonċernati fil-kawża li tat lok għal imsemmija sentenza kienu għamlu l-preparamenti meħtieġa sabiex, jekk ikun il-każ, jagħmlu EEA, it-tieni nett, li r-rifjut tal-awtoritajiet kompetenti li jilqgħu dawn it-talbiet kien ġie ġġustifikat fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li ġew iddikjarati kontra d-dritt tal-Unjoni biss sussegwentement u, it-tielet nett, li l-attività tal-impjanti inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kienet ġiet sospiża, kien pjuttost ta’ natura li juri li r-regolarizzazzjonijiet imwettqa fil-kuntest ta’ dik il-kawża ma kinux permessi bid-dritt nazzjonali f’kundizzjonijiet simili għal dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 61), u ma kellhomx l-intenzjoni li jevitaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

32

Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, taħt dawn il-kundizzjonijiet, li proġett, meta ma jkunx ġie suġġett għal eżami preliminari tan-neċessità ta’ EEA b’applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet inkompatibbli mad-Direttiva 2011/92, ikun is-suġġett, anki wara r-realizzazzjoni tiegħu, ta’ eżami mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan għandux jew le jkun is-suġġett ta’ EEA, jekk ikun il-każ abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida, bil-kundizzjoni li din tkun kompatibbli mal-imsemmija direttiva.

33

L-awtoritajiet nazzjonali li jintalbu jiddeċiedu f’dan il-kuntest għandhom jieħdu wkoll inkunsiderazzjoni l-effetti fuq l-ambjent iġġenerati mill-impjant wara r-realizzazzjoni tax-xogħlijiet u xejn ma jipprekludihom milli jerġgħu jiddeċiedu, wara dan l-eżami, li ma huwiex meħtieġ li ssir EEA.

34

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dawn ir-rekwiżiti humiex issodisfatti fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tal-informazzjoni li hija għandha, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis madankollu li jkun utli li tatiha l-indikazzjonijiet li ġejjin.

35

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li proġett ta’ impjant għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn bijogass b’qawwa nominali ta’ inqas minn 1 MW ma jaqax taħt il-punt 2(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92, li jikkonċerna l-power stations termali u impjanti oħra ta’ kombustjoni bi ħruġ ta’ sħana ta’ 300 megawatt jew iktar, iżda taħt il-punt 3(a) tal-Anness II ta’ din id-direttiva li jikkonċerna proġetti ta’ impjanti industrijali intiżi għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika mhux imsemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva.

36

Xogħlijiet intiżi li jżidu l-qawwa ta’ impjant bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu, għalhekk, proġett li fir-rigward tiegħu l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk għandux jiġi suġġett għal EEA b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92.

37

Barra minn dan, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-Istati Membri jkunu ddeċidew li jagħżlu l-iffissar ta’ livelli jew ta’ kriterji, b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilhom b’dan il-mod huwa limitat mill-obbligu, previst fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, li, qabel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, jissuġġettaw għal studju tal-effetti l-proġetti li jista’ jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑66/06, mhux ippubblikata, EU:C:2008:637, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

B’applikazzjoni tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/92, l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni, għall-iffissar ta’ dawn il-livelli jew kriterji, il-kriterji ta’ għażla rilevanti msemmija fl-Anness III tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑66/06, mhux ippubblikata, EU:C:2008:637, punt 62).

39

Barra minn hekk, Stat Membru li jiffissa dawn il-livelli jew kriterji fuq tali livell li, fil-prattika, il-proġetti kollha ta’ ċertu tip ikunu minn qabel esklużi mill-evalwazzjoni jmur lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, ħlief jekk it-totalità tal-proġetti esklużi tista’ titqies, abbażi ta’ evalwazzjoni globali, bħala li x’aktarx ma jkollhiex effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑66/06, mhux ippubblikata, EU:C:2008:637, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Minn dan jirriżulta li l-fatt li dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk li fuqhom ibbaża ruħu r-Reġjun ta’ Le Marche biex jadotta d-deċiżjoni tiegħu tat-3 ta’ Ġunju 2015, allegatament għollew il-livell ta’ ssuġġettar għal EEA ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġi deċiż li dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrispettawx id-Direttiva 2011/92.

41

Tali konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni lanqas ma tista’ tiġi dedotta miċ-ċirkustanza, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li, li kieku dawn l-istess dispożizzjonijiet ma ġewx adottati, il-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ikollu jiġi suġġett għal eżami preliminari tan-neċessità li titwettaq EEA wara s-sentenza Nru 93/2013 tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), tat-22 ta’ Mejju 2013.

42

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li, meta proġett għal żieda fil-qawwa ta’ impjant għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma ġiex suġġett għal eżami preliminari tan-neċessità li titwettaq EEA b’applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li sussegwentement ġew iddikjarati inkompatibbli fuq dan il-punt mad-Direttiva 2011/92, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-Istati Membri jneħħu l-konsegwenzi illegali ta’ dan il-ksur u ma jipprekludix li dan l-impjant ikun is-suġġett, wara r-realizzazzjoni ta’ dan il-proġett, ta’ proċedura ġdida ta’ eżami mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-verifika tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva u, eventwalment, li jiġi suġġett għal EEA, bil-kundizzjoni li r-regoli nazzjonali li jippermettu din ir-regolarizzazzjoni ma joffrux lill-persuni kkonċernati l-possibbiltà li jevitaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni jew li jonqsu milli japplikawhom. Hemm ukoll lok li l-effetti ambjentali li seħħew wara r-realizzazzjoni tal-proġett jittieħdu inkunsiderazzjoni. Dawn l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jqisu, abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fid-data ta’ meta huma jintalbu jiddeċiedu, li tali EEA ma hijiex meħtieġa, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli ma din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Meta proġett għal żieda fil-qawwa ta’ impjant għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma ġiex suġġett għal eżami preliminari tan-neċessità li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent b’applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li sussegwentement ġew iddikjarati inkompatibbli fuq dan il-punt mad-Direttiva 2011/92 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-Istati Membri jneħħu l-konsegwenzi illegali ta’ dan il-ksur u ma jipprekludix li dan l-impjant ikun is-suġġett, wara r-realizzazzjoni ta’ dan il-proġett, ta’ proċedura ġdida ta’ eżami mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-verifika tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva u, eventwalment, li jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, bil-kundizzjoni li r-regoli nazzjonali li jippermettu din ir-regolarizzazzjoni ma joffrux lill-persuni kkonċernati l-possibbiltà li jevitaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni jew li jonqsu milli japplikawhom. Hemm ukoll lok li l-effetti ambjentali li seħħew wara r-realizzazzjoni tal-proġett jittieħdu inkunsiderazzjoni. Dawn l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jqisu, abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fid-data ta’ meta huma jintalbu jiddeċiedu, li tali evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma hijiex meħtieġa, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli ma din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.