SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla)

12 ta’ April 2018 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-kapital – Artikolu 63 TFUE – Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE – Taxxa fuq id-dħul tar-residenti Belġjani – Determinazzjoni tad-dħul minn immobbli – Applikazzjoni ta’ żewġ metodi ta’ kalkolu differenti skont il-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli – Kalkolu skont il-valur katastali għall-immobbli li jinsabu fil-Belġju – Kalkolu bbażat fuq il-valur lokattiv reali għall-immobbli li jinsabu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Differenza fit-trattament – Restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital”

Fil-Kawża C‑110/17,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2017,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn W. Roels kif ukoll minn N. Gossement, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn P. Cottin kif ukoll minn M. Jacobs u L. Cornelis, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla),

komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi żamm fis-seħħ dispożizzjonijiet li, fil-qasam ta’ valutazzjoni tad-dħul relatat mal-immobbli mhux mikrija, jew mikrija, kemm lil persuni fiżiċi li ma jagħmlux użu professjonali minnhom, jew lil persuni ġuridiċi li jqegħduhom għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet privati, il-bażi taxxabbli hija kkalkolata fuq il-valur katastali għal dak li jirrigwarda l-beni li jinsabu fit-territorju nazzjonali u fuq il-valur lokattiv reali fir-rigward tal-immobbli li jinsabu barra mill-pajjiż, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 63 TFUE u taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Skont it-termini tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ma għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti fuq il-moviment ta’ kapital li jappartjeni lil persuni li huma residenti fi Stati Membri tal-KE jew fi Stati ta’ l-EFTA u ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni msejsa fuq iċ-ċittadinanza jew fuq il-post ta’ residenza tal-partijiet jew fuq il-post fejn dak il-kapital hu investit. L-Anness XII fih id-dispożizzjonijiet neċessarji biex jigi implimentat dan l-Artikolu.”

Id-dritt Belġjan

3

L-Artikolu 7 tal-Wetboek van de inkomstenbelastingen 1992 (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-1992, iktar ’il quddiem il-“KTD 92”) jipprovdi:

“§ 1.   Id-dħul minn proprjetajiet immobbli huwa:

għall-proprjetajiet immobbli li ma jinkrewx:

a)

għall-beni li jinsabu fil-Belġju:

id-dħul katastali meta dawn ikunu proprjetajiet immobbli mhux mibnija, il-materjal u t-tagħmir li għandhom il-karatteristika ta’ immobbli min-natura jew mill-użu jew l-abitazzjoni prevista fl-Artikolu 12 § 3;

id-dħul katastali miżjud b’40 [perċentwali (%)] meta dawn ikunu beni oħra;

b)

għall-proprjetajiet li jinsabu barra mill-pajjiż: il-valur lokattiv;

għall-proprjetajiet immobbli li huma mikrija:

a)

għall-beni li jinsabu fil-Belġju mikrija lil persuna fiżika li la tassenjahom totalment u lanqas parzjalment għall-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha:

id-dħul katastali meta dawn ikunu proprjetajiet immobbli mhux mibnija, jew materjal u t-tagħmir li għandhom il-karatteristika ta’ immobbli min-natura jew mill-użu;

id-dħul katastali miżjud b’40 [%] meta dawn ikunu beni oħra;

[...]

b

bis) id-dħul katastali miżjud b’40 [%] meta dawn ikunu proprjetajiet immobbli mibnija, mikrija lil persuna ġuridika li ma tkunx kumpannija, sabiex tqegħidhom għad-dispożizzjoni:

ta’ persuna fiżika għal okkupazzjoni esklużivament għal skopijiet ta’ abitazzjoni;

[...]

d)

l-ammont totali tal-kera u tal-vantaġġi lokattivi, meta dawn ikunu proprjetajiet immobbli li jinsabu barra mill-pajjiż;

[...]”

4

L-Artikolu 12(3) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Bla ħsara għall-ġbir tal-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fuq l-immobbli, huwa eżentat id-dħul katastali tal-abitazzjoni li l-persuna taxxabbli tokkupa u li hija proprjetarja tagħha [...]

[...]

Meta l-persuna taxxabbli tokkupa abitazzjoni li tinsab fi Stat Membru taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] u hija l-proprjetarja tagħha, [...] l-eżenzjoni prevista f’dan il-paragrafu tapplika għall-valur lokattiv ta’ din l-abitazzjoni [...]”

5

L-Artikolu 13 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Għal dak li jikkonċerna l-valur lokattiv, il-kera u l-vantaġġi lokattivi tal-proprjetajiet immobbli, id-dħul nett ifisser l-ammont gross tad-dħul imnaqqas, għal spejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija, b’:

40 [%] għall-proprjetajiet immobbli mibnija kif ukoll għall-materjal u għat-tagħmir, li għandhom il-karatteristika ta’ immobbli min-natura jew mill-użu, [...];

10 [%] għall-proprjetajiet immobbli mhux mibnija.”

6

Skont l-Artikolu 155 tal-istess kodiċi:

“Id-dħul eżentat skont ftehimiet internazzjonali għall-ħelsien mit-taxxa doppja jittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tat-taxxa, iżda din titnaqqas proporzjonalment mal-parti mid-dħul eżentat fit-total tad-dħul.

[...]”

7

L-Artikolu 156 tal-KTD 92 jipprovdi:

“Titnaqqas bin-nofs, il-parti mit-taxxa li tikkorrispondi proporzjonalment:

mad-dħul ta’ proprjetajiet immobbli li jinsabu barra mill-pajjiż;

[...]”

8

L-Artikolu 251 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“Il-ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq l-immobbli huwa dovut, skont il-modalitajiet stabbiliti mir-Re, mill-proprjetarju, possessur, ċenswalist, superfiċjarju jew użufruttwarju ta’ beni taxxabbli.”

9

L-Artikolu 471 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“§ 1.   Huwa stabbilit dħul katastali għall-proprjetajiet immobbli mibnija jew mhux mibnija kollha, kif ukoll għall-materjal u għat-tagħmir li għandhom il-karatteristika ta’ immobbli min-natura jew mill-użu.

§2.   Permezz ta’ dħul katastali, ifisser id-dħul medju normali nett ta’ sena.

[...]”

10

Il-kummentarju amministrattiv tal-KTD 92 jipprovdi:

“13/7

Qabel ma jitnaqqsu għal 60 % jew għal 90 % tal-ammont tagħhom, il-valur lokattiv li jinsab fis-sub 13/06, 1°, l-istess bħall-kiri u l-vantaġġi lokattivi previsti fis-sub 3/6, 2°, għandhom madankollu jitnaqqsu bit-taxxi barranin li effettivament kienu imposti fuq id-dħul minn proprjetajiet immobbli inkwistjoni (bl-esklużjoni tat-taxxi barranin stabbiliti fuq id-dħul globali stabbilit bħala rata fissa skont id-dħul preżunt ta’ dawn il-proprjetajiet).

13/8

Il-valur lokattiv jirrappreżenta l-kera grossa medja annwali li, f’każ ta’ kirja, setgħet tinġabar matul il-perijodu taxxabbli, kemm fil-forma ta’ kera hekk imsejħa kif ukoll bħala oneri mħallsa mill-kerrej [...], dan kollu skont l-użanzi tal-pajjiż fejn jinsabu l-beni.

Insostenn tal-valur lokattiv li jiddikjara, il-proprjetarju għandu, fuq talba tal-uffiċjal tat-taxxa, jipproduċi d-dokumenti neċessarji kollha bħal atti ta’ akkwist tal-beni, dikjarazzjonijiet ta’ suċċessjoni, dokumenti relatati ma’ taxxi fuq l-art u personali. Għall-kontroll ta’ dan l-ammont, ir-riċerki jistgħu, skont il-każ, iseħħu minn persuni kompetenti li jiġbru t-taxxa tas-suċċessjoni.

[...]”

11

In-numru 13/8 tal-kummentarju amministrattiv tal-KTD ġie kkompletat permezz taċ-ċirkolari AGFisc Nru 22/2016 (Nru Ci.704.681), tad-29 ta’ Ġunju 2016, kif ġej:

“Id-dħul fittizju espressament approvat jew stabbilit minn awtorità barranija għal din il-proprjetà immobbli jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni bħala valur lokattiv. L-użu ta’ dan il-valur ma huwiex obbligu iżda possibbiltà li l-persuna taxxabbli tista’ tuża għall-iffissar ta’ dan id-dħul minn immobbli. F’dan il-każ, id-dokument li minnu jirriżulta dan il-valur japplika bħala dokument ta’ sostenn (avviż ta’ taxxa, taxxa fuq l-art, eċċ).

Dan il-valur jista’ b’mod partikolari jkun:

kera grossa stmata għal din il-proprjetà li tittieħed inkunsiderazzjoni f’pajjiż għall-istabbiliment ta’ taxxa;

kera grossa stabbilita b’rata fissa li tittieħed inkunsiderazzjoni f’pajjiż għall-istabbiliment ta’ taxxa (pereżempju valur lokattiv gross li ġie stabbilit abbażi ta’ roqoq ta’ referenza);

id-dħul taxxabbli għal din il-proprjetà immobbli li jittieħed inkunsiderazzjoni f’pajjiż għall-kalkolu ta’ taxxa fuq id-dħul.

Huwa possibbli li l-ammont imsemmi fid-dokument ta’ sostenn jitnaqqas (spejjeż, eżenzjonijiet jew tnaqqis, li, abbażi tal-leġiżlazzjoni applikabbi barra mill-pajjiż, pereżempju ġew imnaqqsa). Skont il-każ, l-ammont imsemmi fid-dokument ta’ sostenn għandu jiżdied bi spejjeż, eżenzjonijiet jew tnaqqis b’tali mod li għall-iffissar tal-valur lokattiv, l-ammont gross jittieħed inkunsiderazzjoni.”

Il-proċedura prekontenzjuża

12

Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni, tas-7 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni rrilevat l-inkompatibbiltà possibbli tad-dispożizzjonijiet fiskali Belġjani relatati mad-dħul minn proprjetajiet immobbli li jinsabu barra mill-pajjiż (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni kontenzjuża”) mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 63 TFUE u mill-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE. Din l-inkompatibbiltà tirriżulta minn modalitajiet differenti ta’ determinazzjoni tad-dħul taxxabbli skont jekk il-proprjetà immobbli tinsabx fil-Belġju jew fi Stat ieħor. F’dan l-aħħar każ, skont it-taxxa fuq id-dħul tar-residenti Belġjani, id-dħul fuq l-immobbli huwa ttrattat b’mod żvantaġġat meta pparagunat mad-dħul relatat mal-immobbli li jinsabu fil-Belġju. Din id-differenza fit-trattament tista’ tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital. B’ittra tas-17 ta’ Marzu 2008, ir-Renju tal-Belġju kkonfuta dawn l-allegazzjonijiet.

13

Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tas-26 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni affermat li l-ilmenti mqajma kienu jikkonċernaw kemm id-dħul minn proprjetajiet immobbli mibnija kif ukoll dak minn proprjetajiet immobbli mhux mibnija. Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Novembru 2009, ir-Renju tal-Belġju kkonferma l-pożizzjoni inizjali tiegħu.

14

Fis-26 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni ppreżentat opinjoni motivata. Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ottubru 2012, ir-Renju tal-Belġju indika li jaċċetta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni u impenja ruħu li jfassal abbozz ta’ liġi li kien jippermetti li l-ksur jiġi rrimedjat.

15

Il-Kummissjoni ssospendiet il-proċedura ta’ ksur sabiex ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fit-3 ta’ Settembru 2013, talba għal deċiżjoni preliminari rigward it-trattament fiskali fil-Belġju ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Franza, li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Verest u Gerards (C‑489/13, EU:C:2014:2210).

16

Fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 63 TFUE kellu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar it-taxxa fuq id-dħul tar-residenti ta’ dan l-Istat, sa fejn tista’ twassal, waqt l-applikazzjoni ta’ klawżola ta’ progressività li tinsab fi ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja, għal rata ta’ taxxa fuq id-dħul ogħla mill-fatt biss li l-metodu ta’ determinazzjoni tad-dħul minn proprjetajiet immobbli jwassal sabiex dak ġej minn proprjetajiet immobbli mhux mikrija li jinsabu fi Stat Membru ieħor jiġi vvalutat għal ammont ogħla minn dak li jirriżulta minn tali beni li jinsabu fl-ewwel Stat Membru. Minbarra dan, hija rreferiet għall-qorti nazzjonali l-kompitu li tivverifika jekk dan kienx l-effett tal-leġiżlazzjoni kkonċernata.

17

Fid-dawl ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ddeċidiet li ssegwi l-proċedura ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-preżentata ta’ dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

18

Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tal-Belġju kiser l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE billi applika, għad-determinazzjoni tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7 u 13 tal-KTD 92, moqrija flimkien man-numri 13/7 u 13/8 tal-kummentarju amministrattiv tal-istess kodiċi, fejn skont dan id-dħul relatat mal-immobbli mhux mikrija, jew mikrija, kemm lil persuni fiżiċi li jagħmlu użu professjonali minnhom, kemm lil persuni ġuridiċi li jqegħduhom għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet privati, huwa stabbilit fuq bażi ta’ rata fissa għall-beni li jinsabu fil-Belġju u fuq il-bażi tal-valur lokattiv reali jew tal-kera effettiva għal dawk li jinsabu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew taż-ŻEE.

19

F’dak li jikkonċerna l-bażi ta’ rata fissa, din hija kkostitwita mill-valur katastali tal-proprjetajiet immobbli, imnaqqsa bl-ispejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija vvalutati b’rata fissa. Din tapplika biss għall-proprjetajiet immobbli, kemm jekk ikunu mikrija jew mhux mikrija, li jinsabu fil-Belġju.

20

Fir-rigward tal-proprjetajiet immobbli li jinsabu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE, għandha ssir distinzjoni bejn il-proprjetajiet immobbli mikrija minn dawk li ma humiex. Filwaqt li, fl-ewwel każ, l-ammont taxxabbli huwa kkalkolat skont kera miġbura, fit-tieni każ, il-kalkolu jseħħ skont l-ammont tal-valur lokattiv reali tal-proprjetà immobbli. Fiż-żewġ każijiet, il-valur hekk miksub ser jitnaqqas, minn naħa, mit-taxxi mħallsa lill-Istat li fit-territorju tieħu tinsab il-proprjetà immobbli, u, min-naħa l-oħra, minn spejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija vvalutati b’rata fissa.

21

Fl-assenza ta’ ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja konkluż bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Istat li fit-territorju tiegħu tinsab il-proprjetà immobbli, id-dħul relatat ma’ din il-proprjetà huwa suġġett għat-taxxa fil-Belġju filwaqt li jibbenefika minn tnaqqis ta’ 50 %. Min-naħa l-oħra, fil-preżenza ta’ tali ftehim, dan id-dħul, filwaqt li huwa eżentat mit-taxxa fil-Belġju, jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita r-rata ta’ taxxa applikabbli għad-dħul mhux eżentat.

22

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-valur katastali ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Belġju, minkejja l-indiċjar tagħha kif ukoll xi żiedet u aġġustamenti applikabbli mis-sena 1997, jibqa’ inqas mill-valur lokattiv reali ta’ dik il-proprjetà u mill-kera effettiva.

23

Minn dan tirriżulta differenza fit-trattament għad-dannu tar-residenti Belġjani li huma proprjetarji ta’ proprjetajiet immobbli li jinsabu fi Stati Membri tal-Unjoni jew taż-ŻEE oħra għajr il-Belġju, li tkun ta’ natura li tiddisswadi lil dawn il-persuni milli jinvestu l-kapital tagħhom f’tali proprjetajiet immobbli u li tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital.

24

Il-Kummissjoni tqis, barra minn hekk, li s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Verest u Gerards (C‑489/13, EU:C:2014:2210), tikkonferma li, skont ftehimiet dwar ħelsien mit-taxxa doppja, it-teħid inkunsiderazzjoni, skont klawżola ta’ progressività, tad-dħul eżentat għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rata ta’ taxxa fuq id-dħul applikabbli għad-dħul mhux eżentat minnu stess jista’ jikkostitwixxi żvantaġġ għall-persuna taxxabbli sa fejn dan iwassal għal rata ta’ taxxa ogħla minn dik li tkun applikabbli kieku l-immobbli kienet tinsab fil-Belġju.

25

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrileva li, bħala tweġiba għall-ittri ta’ intimazzjoni, l-awtoritajiet Belġjani jsostnu li, biċ-ċirkolari AGFisc Nru 22/2016, huma kienu applikaw flessibbiltà tad-duttrina fiskali meta ppermettew li jiġi adottat valur stabbilit mill-awtoritajiet ta’ Stat ieħor li fit-territorju tiegħu tinsab il-proprjetà immobbli li resident Belġjan huwa proprjetarju tagħha, minflok il-valur lokattiv reali. Madankollu, din il-flessibbiltà tikkonċerna biss il-beni mhux mikrija, ma hijiex legalment vinkolanti għall-amministrazzjoni fiskali Belġjana u hija prevista minn ċirkolari li l-valur legali tagħha huwa inferjuri għad-dispożizzjonijiet tal-KTD 92. Minbarra dan, il-valuri lokattivi kkalkolati mill-awtoritajiet barranin, għall-istabbiliment tat-taxxi tagħhom, ma humiex dejjem inferjuri għall-kirjiet reali pprattikati fis-suq immobbli.

26

Ir-Renju tal-Belġju ma jikkontestax id-differenza tal-metodi ta’ valutazzjoni tad-dħul minn proprjetajiet immobbli skont jekk dawn il-beni jinsabux jew le fit-territorju Belġjan. Madankollu, dan isostni li mis-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Verest u Gerards (C‑489/13, EU:C:2014:2210, punt 20), jirriżulta li huwa possibbli li jsir riferiment għal metodi ta’ valutazzjoni ta’ dħul minn proprjetajiet immobbli differenti sa fejn il-libertajiet ta’ moviment huma ggarantiti. Dan huwa l-każ tal-leġiżlazzjoni Belġjana li ma jwassalx neċessarjament għal taxxa superjuri fir-rigward ta’ persuna taxxabbli Belġjana li għandha proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ Stat ieħor.

27

Ir-Renju tal-Belġju jsostni, f’dan ir-rigward, li l-valur katastali ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Belġju huwa stabbilit, bħal fil-każ tal-valur lokattiv ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat ieħor, abbażi ta’ stima tal-kirjiet li jistgħu jinġabru, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi varjabbli, bħal kemm għandha żmien il-proprjetà u l-ammont tal-kera fis-suq lokattiv lokali. Id-differenza bejn il-valur katastali u l-valur lokattiv reali hija ikbar jew iżgħar skont dawn l-elementi.

28

Ċertament, l-istima fil-bażi tal-valur katastali hija antika u, minħabba dan il-fatt, ġeneralment, nettament inqas mill-valur lokattiv reali. Madankollu, il-valur katastali huwa indiċjat kull sena skont l-iżvilupp tal-indiċi tal-prezzijiet fuq il-konsum u miżjud b’40 %.

29

Barra minn hekk, differenza bejn il-valur katastali u l-valur lokattiv reali ta’ immobbli li tinsab fil-Belġju ma timplikax għaldaqstant l-eżistenza ta’ differenza bejn il-valur katastali tal-immobbli li tinsab fil-Belġju u l-valur lokattiv reali ta’ proprjetà immobbli paragunabbli li tinsab fi Stat ieħor. F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Belġju jsostni li n-nefqa tal-immobbli fl-Istati Membri tal-Unjoni u taż-ŻEE tista’ tvarja kunsiderevolment. F’uħud minn dawn l-Istati, il-kirjiet jistgħu jkunu inqas minn dawk imħallsa fil-Belġju.

30

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-beni li huma eżentati mit-taxxa fil-Belġju skont ftehim dwar ħelsien mit-taxxa doppja, ir-Renju tal-Belġju jsostni li, sa fejn ir-rata ta’ taxxa li tapplika għad-dħul taxxabbli fil-Belġju hija progressiva skont il-kategorija, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul minn immobbli barrani, skont klawżola ta’ progressività mhux neċessarjament jaffettwa r-rata ta’ taxxa applikabbli għad-dħul ieħor taxxabbli fil-Belġju. Dan huwa l-każ unikament fl-ipoteżi fejn sovravalutazzjoni eventwali jkollha bħala effett li tgħaddi d-dħul marġinali tal-persuna taxxabbli għal kategorija superjuri tal-iskala ta’ taxxa. Hekk kif jirriżulta mis-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Verest u Gerards (C‑489/13, EU:C:2014:2210, punt 23), il-qorti nazzjonali, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ eventwali taxxa superjuri, għandha tipproċedi permezz ta’ evalwazzjoni għal kull każ.

31

Għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul minn immobbli barrani għad-determinazzjoni tar-rata ta’ taxxa li tapplika għad-dħul taxxabbli fil-Belġju, minbarra dan għandha ssir distinzjoni bejn il-proprjetajiet immobbli mikrija u dawk li ma humiex.

32

Fil-każ tal-beni li ma jinkrewx, il-persuni taxxabbli Belġjani għandhom il-fakultà, prevista miċ-ċirkolari AGFisc Nru 22/2016, li jsemmu fid-dikjarazzjoni ta’ taxxa tagħhom il-“valur lokattiv gross” stabbilit mill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat li fit-territorju tiegħu tinsab il-proprjetà immobbli tagħhom. Għaldaqstant, din iċ-ċirkolari tagħti lok, fir-rigward tal-persuni taxxabbli, għal aspettattivi leġittimi, li l-cour d’appel d’Anvers (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il‑Belġju) kienet irrikonoxxiet, fit-2 ta’ Ġunju 2015, fil-kawża Verest & Gerards kontra l-Istat Belġjan.

33

Sa fejn ċerti Stati Membri tal-Unjoni jew taż-ŻEE ma jwettqux l-evalwazzjoni tad-dħul minn beni immobbli li ma jinkrewx, l-istima tal-valur lokattiv ta’ dawn il-beni taqa’ fuq il-persuna taxxabbli. Madankollu, skont il-livell ta’ għajxien u tal-kirjiet li ġeneralment jitħallsu f’dawn l-Istati, din l-istima mhux neċesarjament tkun għal ammont ogħla minn dak tal-valur katastali ta’ immobbli paragunabbli li tinsab fil-Belġju.

34

Fir-rigward tal-immobbli mikrija, taxxa ogħla minn dawk li jinsabu fi Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE għajr ir-Renju tal-Belġju tista’ tapplika biss jekk it-tliet kundizzjonijiet huma ssodisfatti, jiġifieri, l-ewwel nett, jekk il-kera u l-vantaġġi lokattivi huma ogħla mill-valur katastali ta’ immobbli paragunabbli li tinsab fil-Belġju, it-tieni nett, jekk il-persuna taxxabbli Belġjana jkollha dħul taxxabbli ieħor fil-Belġju u, it-tielet nett, jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul minn immobbli jwassal għal moviment lejn kategorija superjuri tal-iskala ta’ taxxa.

35

Minbarra dan, il-valur katastali ta’ proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Belġju joqrob lejn l-ammont tad-dħul minn proprjetajiet immobbli li jinsabu fi Stat għajr ir-Renju tal-Belġju permezz tat-tnaqqis minn dan id-dħul, tat-taxxi barranin u tal-ispejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija għal 40 %. F’dak li jikkonċerna dawn l-ispejjeż, ir-Renju tal-Belġju madankollu jammetti li l-valur katastali ta’ proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Belġju jitnaqqas ukoll bi spejjeż identiċi fil-forma ta’ somma f’daqqa.

36

Minbarra dan, ir-Renju tal-Belġju jsostni li d-dħul minn proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Belġju jagħmel parti minn dħul globalment suġġett għat-taxxa tal-persuni fiżiċi u huwa suġġett minn qabel għal ħlas bil-quddiem ta’ taxxa fuq l-immobbli, li hija taxxa fuq l-art distinta. Għaldaqstant, filwaqt li fil-każ tal-immobbli li jinsabu fi Stat ieħor, id-dħul minn dawn l-immobbli jittieħed inkunsiderazzjoni unikament sabiex tiġi stabbilita r-rata ta’ taxxa applikabbli għad-dħul taxxabbli fil-Belġju, id-dħul minn immobbli li jinsabu fil-Belġju jiddetermina mhux biss ir-rata ta’ taxxa applikabbli, iżda, minbarra dan, ikun suġġett għal taxxa doppja. Globalment, it-tassazzjoni tar-residenti Belġjani li jżommu proprjetajiet immobbli fil-Belġju hija għalhekk ogħla minn dik tar-residenti Belġjani li jżommu proprjetajiet immobbli li jinsabu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE.

Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Osservazzjonijiet preliminari

37

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju tal-Belġju li jippreġudika l-moviment liberu tal-kapital previst fl-Artikolu 63 TFUE u fl-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, billi jipprevedi trattament fiskali sfavorevoli għar-residenti Belġjani li jżommu proprjetà immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE għajr ir-Renju tal-Belġju.

38

Sa fejn ir-Renju tal-Belġju jirreferi għaċ-ċirkolari AGFisc Nru 22/2016 li, skont dan l-Istat Membru, għandha bħala għan li tagħmel il-leġiżlazzjoni kontenzjuża konformi mal-Artikolu 63 TFUE u mal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, huwa suffiċjenti li jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni kontenzjuża hekk kif ippreżentat ruħha fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li seħħew sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑589/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:736, punt 49).

39

Għalhekk, hekk kif jirriżulta mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, dan it-terminu skada fis-26 ta’ Marzu 2012, u għalhekk ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-argument tar-Renju tal-Belġju dwar din iċ-ċirkolari tad-29 ta’ Ġunju 2016.

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, inkwantu restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu dawk kollha li huma ta’ natura li jiddisswadu lir-residenti ta’ Stat Membru milli jinvestu fil-proprjetajiet immobbli fi Stati Membri oħra (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Verest u Gerards, C‑489/13, EU:C:2014:2210, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-każ, l-Artikoli 7 u 13 tal-KTD 92, moqrija flimkien man-numri 13/7 u 13/8 tal-kummentarju amministrattiv tal-istess kodiċi, jipprevedu li d-dħul relatat mal-immobbli mhux mikrija, jew mikrija, kemm lil persuni fiżiċi li ma jagħmlux użu professjonali minnhom, kemm lil persuni ġuridiċi li jqegħduhom għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet privati huma stabbiliti fuq bażi ta’ rata fissa għall-beni li jinsabu fil-Belġju u fuq il-bażi tal-valur lokattiv reali jew tal-kirja effettiva għal dawk li jinsabu fi Stat ieħor.

42

Il-bażi ta’ rata fissa li tapplika għall-proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Belġju hija kkostitwita mill-valur katastali tagħhom, li ġie stabbilit, fl-1 ta’ Jannar 1975, minn stima tal-valur lokattiv normali nett stabbilit fuq il-bażi ta’ kirjiet li, f’każ ta’ kiri ta’ dawn il-beni, setgħu ġew miġbura f’dik id-data.

43

Minbarra dan, huwa paċifiku li, mis-sena 1991, il-valur katastali ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Belġju huwa assenjat ma’ koeffiċjent ta’ żieda li r-rata tiegħu tevolvi kull sena skont l-indiċi tal-prezzijiet fuq il-konsum. Minbarra dan, żieda tapplika mis-sena 1994 għall-valur katastali tal-immobbli mibnija, li r-rata tagħhom ġiet stabbilita għal 25 % għas-sena 1995 u miġjuba għal 40 % mis-sena 1997.

44

Fir-rigward tal-valur lokattiv reali ta’ proprjetà immobbli, dan jirrappreżenta kera grossa medja annwali li, f’każ ta’ kirja ta’ din il-proprjetà, setgħet tinġabar. Dan jintuża sabiex jiġi stabbilit id-dħul relatat mal-proprjetajiet immobbli mhux mikrija li jinsabu fi Stat għajr ir-Renju tal-Belġju.

45

Ir-Renju tal-Belġju ma jikkontestax li l-valur katastali ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Belġju huwa inqas mill-kera effettiva ta’ din il-proprjetà jew il-valur lokattiv reali tagħha. F’dan ir-rigward, mir-rikors tal-Kummissjoni jirriżulta li l-evoluzzjoni ġenerali tal-prezzijiet tal-immobbli mis-sena 1975 kienet segwiet tendenza għal żieda fir-reġjuni Belġjani kollha, li wassal għal żieda korrispondenti tal-kirjiet, u li l-indiċjar u ż-żieda tal-valur katastali tal-proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Belġju ma kinux suffiċjenti għall-approssimazzjoni ta’ dan il-valur mal-ammont tal-kirjiet li jistgħu jinkisbu fis-suq lokattiv Belġjan.

46

Ċertament, kif josserva ġustament ir-Renju tal-Belġju, din id-differenza bejn il-valur katastali u l-valur lokattiv reali ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Belġju ma tfissirx neċessarjament li d-dħul minn proprjetà immobbli li tinsab fi Stat għajr ir-Renju tal-Belġju jkun ogħla mill-valur katastali ta’ immobbli paragunabbli li tinsab fit-territorju Belġjan. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li l-kirjiet miġbura fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE jkunu ferm inqas minn dawk miġbura fil-Belġju.

47

Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 42 sa 44 ta’ din is-sentenza, id-dħul minn proprjetà immobbli, li tinsab fil-Belġju jew xi mkien ieħor, adottat mill-awtoritajiet fiskali Belġjani huwa kkalkolat, in fine, skont kirjiet li immobbli tista’ tiġġenera, hekk kif jikkonferma r-Renju tal-Belġju fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja.

48

Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit jekk l-evalwazzjoni differenzjata tad-dħul minn immobbli – skont jekk il-proprjetà tinsabx fil-Belġju jew fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE – hijiex ikkostitwita minn differenza fit-trattament, għandhom jiġu pparagunati l-valur katastali, il-valur lokattiv u l-kirjiet li effettivament jistgħu jinkisbu fis-suq lokattiv.

49

F’dan ir-rigward, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 41 sa 45 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, minn naħa, il-valur katastali ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Belġju huwa inqas mill-kirjiet li jistgħu jinkisbu fis-suq lokattiv Belġjan u li, min-naħa l-oħra, il-valur lokattiv reali ta’ proprjetà immobbli, bħala prinċipju, jikkorrispondi mal-kera grossa medja annwali li, f’każ ta’ kiri ta’ din il-proprjetà, tista’ tinġabar. Minn dan jirriżulta li, permezz tal-evalwazzjoni differenzjata tad-dħul minn proprjetajiet immobbli skont l-Istat li fit-territorju tiegħu jinsabu dawn il-beni, id-dħul minn proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE għajr ir-Renju tal-Belġju huwa vvalutat iżżejjed meta pparagunat mad-dħul minn proprjetà immobbli li tinsab fil-Belġju.

50

Barra minn hekk, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni, fid-dawl tal-importanza ta’ din is-sovravalutazzjoni, il-fatt li l-valur lokattiv reali ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE għajr ir-Renju tal-Belġju jitnaqqas b’ammont korrispondenti għat-taxxi imposti fuq id-dħul minn immobbli ta’ din il-proprjetà f’dan l-ewwel Stat ma jwassalx għal approssimazzjoni determinanti tal-valur lokattiv u tal-valur katastali.

51

Sa fejn ir-Renju tal-Belġju jeżerċita s-setgħa ta’ impożizzjoni tiegħu fuq id-dħul minn immobbli tal-beni mikrija u mhux mikrija li jinsabu fi Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE għajr ir-Renju tal-Belġju, minn sovravalutazzjoni tad-dħul ta’ tali beni jirriżulta li l-bażi taxxabbli adottata hija ogħla milli tkun kieku valur analogu għall-valur katastali bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni kontenzjuża għall-beni li jinsabu fil-Belġju kien intuża sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ dan id-dħul.

52

Fil-preżenza ta’ ftehimiet dwar ħelsien mit-taxxa doppja, li jipprevedu riżerva ta’ progressività, id-dħul minn immobbli li tinsab fi Stat ieħor ma huwiex intaxxat fil-Belġju. Madankollu, dan jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi applikata r-regola ta’ progressività fil-kalkolu tal-ammont tat-taxxa fuq il-bqija tad-dħul tal-persuna taxxabbli li jiġi intaxxat fil-Belġju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Verest u Gerards, C‑489/13, EU:C:2014:2210, punti 29 u 30). F’din l-ipoteżi, is-sovravalutazzjoni tad-dħul tal-beni li jinsabu fi Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE għajr ir-Renju tal-Belġju tista’ twassal għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ taxxa ogħla, ħaġa li r-Renju tal-Belġju jammetti fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja.

53

Fid-dawl ta’ dan kollu, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża li tipprevedi li d-dħul relatat mal-immobbli mhux mikrija, jew mikrija, kemm lil persuni fiżiċi li ma jagħmlux użu professjonali minnhom, kemm lil persuni ġuridiċi li jqegħduhom għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet privati, huwa stabbilit fuq bażi ta’ rata fissa għall-beni li jinsabu fil-Belġju u fuq il-bażi tal-valur lokattiv reali jew tal-kera effettiva għal dawk li jinsabu fi Stat ieħor twassal għal differenza fit-trattament li tista’ tiddisswadi lir-residenti Belġjani milli jagħmlu investimenti fil-proprjetajiet immobbli fi Stati Membri tal-Unjoni jew taż-ŻEE għajr ir-Renju tal-Belġju.

54

Konsegwentement, din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, li bħala prinċipju hija pprojbita mill-Artikolu 63 TFUE.

Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital skont l-Artikolu 65 TFUE.

55

Skont ġurisprudenza stabbilita, għandha ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mill-Artikolu 65(3) TFUE. Sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal-leġiżlazzjoni kontenzjuża, tista’ titqies bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital, huwa neċessarju li din id-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑127/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2130, punt 73; tal-11 ta’ Settembru 2014, Verest u Gerards, C‑489/13, EU:C:2014:2210, punt 28, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 64).

56

F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Belġju jsostni li, skont ftehimiet dwar ħelsien mit-taxxa doppja li kkonkluda mal-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni jew taż-ŻEE, id-dħul minn immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ dawn l-Istati ma huwiex intaxxat fil-Belġju skont it-taxxa tal-persuni fiżiċi filwaqt li d-dħul relatat mal-proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Belġju jagħmel parti mill-bażi taxxabbli għall-kalkolu tat-taxxa fil-Belġju. Minħabba dan il-fatt, ksur tal-Artikolu 63 TFUE jista’ jiġi kkonstatat biss jekk l-ammont effettivament dovut fil-Belġju skont it-tassazzjoni globali tad-dħul ta’ persuni fiżiċi li jirrisjedu hemmhekk kien ogħla għall-proprjetarju ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE.

57

Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

58

Hekk kif josserva r-Renju tal-Belġju fir-risposta tiegħu, id-dħul eżentat skont ftehim dwar ħelsien mit-taxxa doppja huwa, skont l-Artikolu 155 tal-KTD 92, meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rata ta’ taxxa applikabbli għad-dħul taxxabbli fil-Belġju.

59

L-għan ta’ tali eżenzjoni bi “riżerva ta’ progressività” huwa li jiġi evitat li, fil-Belġju, id-dħul taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, proprjetarja ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat ieħor, jiġi ntaxxat b’rata ta’ taxxa inqas minn dik applikabbli għad-dħul tal-persuni taxxabbli, proprjetarji ta’ beni paragunabbli fil-Belġju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-11 ta’ Settembru 2014, Verest u Gerards, C‑489/13, EU:C:2014:2210, punt 31).

60

Fid-dawl ta’ dan il-għan, is-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli li jkunu akkwistaw proprjetà immobbli fil-Belġju hija paragunabbli ma’ dik tal-persuni taxxabbli li jkunu akkwistaw tali proprjetà fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Verest u Gerards, C‑489/13, EU:C:2014:2210, punt 32).

61

L-istess konklużjoni tapplika fl-assenza ta’ ftehim dwar ħelsien mit-taxxa doppja. F’din l-ipoteżi, l-għan tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża li jiġi ntaxxat id-dħul relatat mal-proprjetajiet immobbli li r-residenti Belġjani huma proprjetarji tagħhom japplika bl-istess mod għad-dħul minn proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Belġju jew fi Stat ieħor. F’dawn iż-żewġ każijiet, dan id-dħul huwa inkluż fil-bażi taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa tad-dħul.

62

Fir-rigward, minbarra dan, tal-kwistjoni jekk id-differenza fit-trattament tal-persuni taxxabbli Belġjani skont jekk għandhomx pussess ta’ proprjetà immobbli fil-Belġju jew fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew taż-ŻEE tistax tiġi ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma invoka ebda raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika, f’dan il-każ, ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE

63

Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE għandhom l-istess portata legali bħad-dispożizzjonijiet, essenzjalment identiċi, tal-Artikolu 63 TFUE, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, huma, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan ir-rikors, trasponibbli mutatis mutandis għal dan l-Artikolu 40 (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑98/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:346, punt 49).

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni huwa fondat.

65

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi żamm dispożizzjonijiet li jipprovdu, fil-qasam ta’ stima tad-dħul relatat mal-immobbli mhux mikrija, jew mikrija, kemm lil persuni fiżiċi li ma jagħmlux użu professjonali minnhom, kemm lil persuni ġuridiċi li jqegħduhom għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet privati, il-bażi taxxabbli hija kkalkolata skont il-valur katastali f’dak li jikkonċerna l-beni li jinsabu fit-territorju nazzjonali u fuq il-valur lokattiv reali fir-rigward tal-immobbli li jinsabu barra mill-pajjiż, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 63 TFUE u taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

Fuq l-ispejjeż

66

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi żamm dispożizzjonijiet li jipprovdu, fil-qasam ta’ stima tad-dħul relatat mal-immobbli mhux mikrija, jew mikrija, kemm lil persuni fiżiċi li ma jagħmlux użu professjonali minnhom, kemm lil persuni ġuridiċi li jqegħduhom għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet privati, il-bażi taxxabbli hija kkalkolata skont il-valur katastali f’dak li jikkonċerna l-beni li jinsabu fit-territorju nazzjonali u fuq il-valur lokattiv reali fir-rigward tal-immobbli li jinsabu barra mill-pajjiż, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 63 TFUE u taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992.

 

2)

Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.